23.10.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 288/8
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-8 ta’ Settembru 2010 (talba għal deċiżjoni preliminari tas-Schleswig-Holsteinisches Verwaltungsgericht — il-Ġermanja) — Carmen Media Group Ltd vs Land Schleswig-Holstein, Innenminister des Landes Schleswig-Holstein
(Kawża C-46/08) (1)
(Artikolu 49 KE - Libertà li jiġu pprovduti servizzi - Detentur ta’ liċenzja mogħtija f’Ġibiltà li tawtorizza l-ġbir ta’ imħatri fuq il-kompetizzjonijiet sportivi esklużivament barra minn Ġibiltà - Organizzazzjoni ta’ imħatri fuq il-kompetizzjonijiet sportivi suġġetta għal monopolju pubbliku fuq livell ta’ Land - Għan ta’ prevenzjoni mill-inkoraġġiment għal infiq eċċessiv relatat mal-logħob u ta’ ġlieda kontra l-vizzju tal-logħob - Proporzjonalità - Miżura restrittiva li għandha tassew bħala għan li tnaqqas l-okkażjonijiet ta’ logħob u li tillimita l-attivitajiet ta’ logħob tal-ażżard b’mod koerenti u sistematiku - Logħob ieħor tal-ażżard li jista’ jiġi propost minn operaturi privati - Proċedura ta’ awtorizzazzjoni - Setgħa diskrezzjonali tal-awtorità kompetenti - Projbizzjoni ta’ offerta ta’ logħob tal-ażżard bl-internet - Miżuri tranżitorji li jawtorizzaw provviżorjament tali offerta minn ċerti operaturi)
2010/C 288/13
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Schleswig-Holsteinisches Verwaltungsgericht
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Carmen Media Group Ltd
Konvenuti: Land Schleswig-Holstein, Innenminister des Landes Schleswig-Holstein
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Schleswig-Holsteinischen Verwaltungsgericht — Interpretazzjoni tal-Artikolu 49 KE — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi monopolju tal-Istat fuq imħatri dwar l-isports u l-lotteriji b’riskju ta’ vizzju li mhuwiex baxx, li jisssuġġetta l-għoti ta’ liċenzji għall-organizzazzjoni ta’ logħob ieħor tal-ażżard għas-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet pubbliċi u tipprekludi l-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard fuq l-internet.
Dispożittiv
(1)
L-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li operatur li jixtieq jipproponi bl-internet imħatri fuq kompetizzjonijiet sportivi fi Stat Membru li mhuwiex dak li huwa stabbilit fih ma jieqafx li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni għar-raġuni biss li l-imsemmi operatur ma għandux awtorizzazzjoni li tippermettilu jipproponi tali mħatri lil persuni li jinsabu fuq it-territorju tal-Istat Membru li fih huwa stabbilit, iżda għandu biss għad-dispożizzjoni tiegħu awtorizzazzjoni li jipproponi dawn is-servizzi lil persuni li jinsabu barra mill-imsemmi territorju.
(2)
L-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta ġie stabbilit monopolju pubbliku reġjonali fir-rigward ta’ mħatri fuq il-kompetizzjonijiet sportivi u ta’ lotteriji li għandu l-għan ta’ prevenzjoni mill-inkoraġġiment għal infiq eċċessiv relatat mal-logħob u tal-ġlieda kontra l-vizzju tal-logħob, u li qorti nazzjonali tikkonstata, fl-istess ħin
—
li tipi oħra ta’ logħob tal-ażżard jistgħu jiġu sfruttati minn operaturi privati li jibbenefikaw minn awtorizzazzjoni, u
—
li, fid-dawl ta’ tipi oħra ta’ logħob li ma jaqax taħt l-imsemmi monopolju u li jippreżenta barra minn dan potenzjal ta’ riskju ta’ vizzju ogħla mil-logħob suġġett għal dan il-monopolju, l-awtoritajiet kompetenti jħaddnu politika ta’ espansjoni tal-offerta ta’ natura li tiżviluppa u tistimola l-attivitajiet ta’ logħob, b’mod partikolari bl-għan li jiġi massimizzat id-dħul li ġej minn dawn tal-aħħar,
il-qorti nazzjonali tista’ leġittimament tikkunsidra li tali monopolju mhuwiex adattat sabiex jiggarantixxi t-twettiq tal-għan li għalih huwa ġie stabbilit billi jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-okkażjonijiet tal-logħob u għal-limitazzjoni tal-attivitajiet f’dan il-qasam b’mod koerenti u sistematiku.
Il-fatt li l-logħob tal-ażżard li huwa s-suġġett tal-imsemmi monopolju jaqa’ taħt il-kompetenza tal-awtoritajiet reġjonali, filwaqt li dawk it-tipi ta’ logħob ieħor jaqgħu taħt il-kompetenza tal-awtoritajiet federali, huwa irrilevanti f’dan ir-rigward.
(3)
L-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta fi Stat Membru hemm stabbilita sistema ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva preliminari fir-rigward tal-offerta ta’ ċerti tipi ta’ logħob tal-ażżard, tali sistema, li teżenta mil-libertà li jiġu pprovduti servizzi garantita mil-imsemmija dispożizzjoni, tista’ tissodisfa r-rekwiżiti li jirriżultaw minn din tal-aħħar biss meta tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, nondiskriminatorji u magħrufa minn qabel, b’mod li jiġi limitat l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet nazzjonali sabiex din ma tintużax arbitrarjament. Barra minn hekk, kull persuna milquta minn miżura restrittiva bbażata fuq tali deroga għandha jkollha rimedji effettivi ta’ natura ġudizzjarja.
(4)
L-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li regoli nazzjonali li jipprojbixxu l-organizzazzjoni u l-intermedjazzjoni ta’ logħob tal-ażżard pubbliku fuq l-internet għall-finijiet ta’ prevenzjoni minn infiq eċċessiv relatat mal-logħob, ta’ ġlieda kontra l-vizzju tal-logħob u ta’ protezzjoni taż-żgħażagħ jistgħu, bħala regola, jitqiesu bħala adegwati sabiex jintlaħqu tali għanijiet leġittimi, anki jekk l-offerta ta’ tali logħob tibqa’ awtorizzata minn kanali iktar tradizzjonali. Il-fatt li tali projbizzjoni hija akkumpanjata minn miżura tranżitorja bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali mhijiex ta’ natura li ċċaħħad l-imsemmija projbizzjoni minn din l-adegwatezza.
(1) ĠU C 128, 24.05.2008.
Full & Egal Universal Law Academy