12.9.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 220/9
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-16 ta’ Lulju 2009 (talba għal deċiżjoni preliminari tat-Tribunale di Napoli — Sezione Lavoro — l-Italja) — Raffaello Visciano vs Istituto nazionale della previdenza sociale (INPS)
(Kawża C-69/08) (1)
(Politika soċjali - Protezzjoni tal-impjegati - Insolvenza ta’ min iħaddem - Direttiva 80/987/KEE - Obbligu ta’ ħlas tal-intier ta’ krediti mhux imħallsa sa limitu massimu stabbilit minn qabel - Natura tal-krediti tal-impjegat fil-konfront tal-istituzzjoni ta’ garanzija - Terminu ta’ preskrizzjoni)
2009/C 220/13
Lingwa tal-kawża: It-Taljan
Qorti tar-rinviju
Tribunale di Napoli — Sezione Lavoro
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Raffaello Visciano
Konvenut: Istituto nazionale della previdenza sociale (INPS)
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Tribunale di Napoli Sezione Lavoro — Interpretazzjoni tal-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 80/987/KEE tal-20 ta’ Ottubru 1980 dwar it-taqrib tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar il-protezzjoni tal-impjegati f’każ tal-insolvenza ta’ min iħaddimhom (ĠU L 283, p. 23) — Garanzija tal-pagi li jikkorrispondu għall-aħħar tliet xhur tal-kuntratt ta’ impjieg, fil-limitu ta’ livell stabbilit minn qabel — Tnaqqis tal-kumpens imħallas mill-pagi mħallsa bil-quddiem minn min iħaddem — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti differenza fil-klassifikazzjoni tal-istess servizz skont il-persuna marbuta li tipprovdih u li tippermetti bdil fit-terminu ta’ preskrizzjoni sabiex tittieħed azzjoni ġudizzjarja
Dispożittiv
1)
L-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 80/987/KEE tal-20 ta’ Ottubru 1980 dwar it-taqrib tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar il-protezzjoni tal-impjegati f’każ tal-insolvenza ta’ min iħaddimhom, ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li l-krediti mhux imħallsa tal-impjegati jiġu kklassifikati bħala “benefiċċji tas-sigurtà soċjali” meta dawn jitħallsu minn istituzzjoni ta’ garanzija.
2)
Id-Direttiva 80/987 ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tuża bħala sempliċi terminu ta’ paragun il-kreditu inizjali marbut mal-paga tal-impjegat sabiex jiġi ddeterminat il-benefiċċju li għandu jiġi ggarantit permezz tal-intervent minn fond ta’ garanzija.
3)
Fil-kuntest ta’ talba minn impjegat għall-ksib minn fond ta’ garanzija tal-ħlas ta’ krediti ta’ paga mhux imħallsa, id-Direttiva 80/987 ma tipprekludix l-applikazzjoni ta’ terminu ta’ preskrizzjoni ta’ sena (prinċipju ta’ ekwivalenza). Madankollu, huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali li teżamina jekk il-formulazzjoni tiegħu jirrendix prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju ta’ drittijiet rikonoxxuti mill-ordni ġuridiku Komunitarju (prinċipju ta’ effettività).
(1) ĠU C 107, 26.04.2008
Full & Egal Universal Law Academy