21.11.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 282/9
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-1 ta’ Ottubru 2009 — Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware Co. Ltd vs Il-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropea, Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, Vale Mill (Rochdale) Ltd, Pirola SpA, Colombo New Scal SpA, Ir-Repubblika Taljana
(Kawża C-141/08 P) (1)
(“Appell - Politika kummerċjali - Dumping - Importazzjonijiet ta’ twavel għall-mogħdija li joriġinaw miċ-Ċina - Regolament (KE) Nru 384/96 - Artikoli 2(7)(ċ) u 20(4) u (5) - Status ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq - Drittijiet tad-difiża - Investigazzjoni antidumping - Termini mogħtija lill-impriżi sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom”)
2009/C 282/16
Lingwa tal-proċedura: Il-Franċiż
Partijiet
Appellanti: Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware Co. Ltd (rappreżentanti: J.-F. Bellis, avukat, G. Vallera, barrister)
Appellati: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (rappreżentanti: J.-P. Hix, aġent, E. McGovern, barrister, B.O’Connor, solicitor), Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: H. van Vliet, T. Scharf u K.Talabér-Ritz, aġenti), Vale Mill (Rochdale) Ltd, Pirola SpA, Colombo New Scal SpA (rappreżentanti: G. Berrische u G. Wolf Rechtsanwälte), Ir-Repubblika Taljana (rappreżentanti: R. Adam, aġent u W. Ferrante, avvocato dello Stato)
Suġġett
Appell mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (Is-Sitt Awla) tad-29 ta’ Jannar 2008, Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware vs Il-Kunsill (T-206/07) li biha l-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ir-rikors ippreżentat mill-appellanti, intiż għall-annullament tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 452/2007, tat-23 ta’ April 2007, li jimponi dazju definittiv anti-dumping u jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tat-twavel għall-mogħdija li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u l-Ukrajna (ĠU L 109, p. 12), safejn huwa jimponi dazju antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ twavel għall-mogħdija prodotti mill-appellanti — Żball ta’ liġi li jirriżulta mill-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza u min-nuqqas ta’ sanzjoni marbuta mal-ksur tad-drittijiet tad-difiża, ikkonstatat mill-Qorti tal-Prim’Istanza — Interpretazzjoni tal-Artikoli 2(7)(ċ) u 20(4) u (5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 1996, L 56, p. 1) — Kunċett ta’ impriża “li topera f’ekonomija tas-suq” u portata tat-terminu minimu ta’ għaxart’ijiem mogħti lil impriża li hija s-suġġett ta’ investigazzjoni antidumping sabiex tippreżenta l-eventwali osservazzjonijiet tagħha
Dispożittiv
(1)
Is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tad-29 ta’ Jannar 2008, Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware vs Il-Kunsill (T-206/07), hija annullata inkwantu l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li d-drittijiet tad-difiża ta’ Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware Co. Ltd ma ġewx affettwati bil-ksur tal-Artikolu 20(5) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea.
(2)
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 452/2007, tat-23 ta’ April 2007, li jimponi dazju definittiv anti-dumping u jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tat-twavel għall-mogħdija mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u mill-Ukrajna, huwa annullat inkwantu jistabbilixxi dazju antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ twavel għall-mogħdija prodotti minn Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware Co. Ltd.
(3)
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa kkundannat għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.
(4)
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, Vale Mill (Rochdale) Ltd, Pirola SpA, u Colombo New Scal SpA u r-Repubblika Taljana għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.
(1) ĠU C 158, 21.06.2008.
Full & Egal Universal Law Academy