16.1.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 11/3
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-12 ta’ Novembru 2009 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Korkein hallinto-oikeus — Il-Finlandja) — TeliaSonera Finland Oyj vs iMEZ Ab
(Kawża C-192/08) (1)
(Settur tat-telekomunikazzjonijiet - Komunikazzjonijiet elettroniċi - Direttiva 2002/19/KE - Artikolu 4(1) - Netwerks u servizzi - Ftehim ta’ interkonnessjoni bejn impriżi ta’ telekomunikazzjonijiet - Obbligu ta’ negozjati in bona fede - Kunċett ta’ “operatur ta’ networks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet” - Artikoli 5 u 8 - Kompetenza tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali - Impriża li m’għandhiex saħħa sinjifikattiva fuq is-suq)
2010/C 11/04
Lingwa tal-kawża: Il-Finlandiż
Qorti tar-rinviju
Korkein hallinto-oikeus
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: TeliaSonera Finland Oyj
Konvenut: iMEZ Ab
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Korkein hallinto-oikeus — Interpretazzjoni tal-Artikoli 4(1), 5 u 8 tad-Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva tal-Aċċess) (ĠU L 108, p. 7) — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lil kull impriża tat-telekomunikazzjonijiet tinnegozja interkonnessjoni ma’ impriżi oħra tat-telekomunikazzjonijiet — Estensjoni tal-obbligu ta’ negozjar u rekwiżiti li jistgħu jiġu imposti mill-awtorità regolatorja nazzjonali.
Dispożittiv
(1)
L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva tal-Aċċess), moqri flimkien mal-Premessi 5, 6, 8 u 19 ta’ din id-direttiva kif ukoll l-Artikoli 5 u 8 ta’ din id-direttiva, jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik tal-liġi dwar is-suq tat-telekomunikazzjoni (Viestintämarkkinalaki) tat-23 ta’ Mejju 2003 sakemm ma tillimitax il-possibbiltà li jiġi invokat l-obbligu ta’ negozjati fil-qasam ta’ interkonnessjoni ta’ networks fuq l-operaturi ta’ networks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet biss. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi jekk, fid-dawl tal-istatut u n-natura tal-operaturi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dawn jistgħux jiġu kkwalifikati bħala operaturi ta’ networks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet.
(2)
Awtorità regolatorja nazzjonali tista’ tikkunsidra li kien ippreġudikat l-obbligu li tiġi nnegozzjata interkonnessjoni meta impriża li ma jkollhiex saħħa sinjifikattiva fuq is-suq toffri l-interkonnessjoni lil impriża oħra fuq kundizzjonijiet unilaterali li jostakolaw l-iżvilupp ta’ suq tal-imnut kompetittiv meta dawn il-kundizzjonijiet jimpedixxu lill-klijenti tat-tieni impriża milli jibbenefikaw mis-servizzi tagħha.
(3)
Awtorità regolatorja nazzjonali tista’ tordna lil impriża li m’għandhiex saħħa sinjifikattiva fuq is-suq imma li tikkontrolla l-aċċess għall-utenti finali biex tinnegozja in bona fede ma’ impriża oħra interkonnessjoni taż-żewġ networks inkwistjoni, jekk min jagħmel it-talba għal tali aċċess għandu jkun ikkwalifikat bħala operatur ta’ networks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet, jew interoperabilità tas-servizzi ta’ SMS u ta’ MMS jekk dan l-operatur ma jaqax taħt din il-kwalifika.
(1) ĠU C 197, 02.08.2008
Full & Egal Universal Law Academy