7.11.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 267/19
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-10 ta’ Settembru 2009 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Hessisches Finanzgericht, Kassel — il-Ġermanja) — Plantanol GmbH & Co.KG vs Hauptzollamt Darmstadt
(Kawża C-201/08) (1)
(Direttiva 2003/30/KE - Promozzjoni tal-użu tal-bijokarburanti jew karburanti oħra rinnovabbli fit-trasport - Direttiva 2003/96/KE - Qafas Komunitarju dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku - Taħlita ta’ żejt veġetali, ta’ additiv u ta’ karburant - Bijokarburanti - Leġiżlazzjoni nazzjonali - Eżenzjoni fiskali - Sostituzzjoni tal-eżenzjoni b’obbligu ta’ osservanza ta’ parti minima ta’ bijokarburant fil-karburanti - Konformità mad-Direttivi 2003/30/KE u 2003/96/KE - Prinċipji ġenerali ta’ ċertezza legali u tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi)
2009/C 267/33
Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Hessisches Finanzgericht, Kassel
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Plantanol GmbH & Co.KG
Konvenut: Hauptzollamt Darmstadt
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Hessisches Finanzgericht (il-Ġermanja) — Interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Mejju 2003 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-bijokarburanti jew karburanti oħra rinnovabbli għat-trasport (ĠU L 123, p. 42), kif ukoll tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u tal-aspettattivi leġittimi — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissostitwixxi, qabel l-iskadenza tal-limitu previst mil-leġiżlazzjoni preċedenti, sistema ta’ eżenzjonijiet fiskali tal-bijokarburanti li jinsabu fil-kompożizzjoni ta’ karburanti mħallta, b’obbligu li jiżdiedu bijokarburanti għall-karburanti konvenzjonali, b’effett li jiżvantaġġa ekonomikament il-produtturi li jkunu bbenefikaw minn dawn l-eżenzjonijiet.
Dispożittiv
1)
L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Mejju 2003 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-bijokarburanti jew karburanti oħra rinnovabbli għat-trasport, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, milli teskludi mis-sistema ta’ eżenzjoni fiskali prevista minn din favur il-bijokarburanti, prodott, bħal dak fil-kawża prinċipali, li jirriżulta minn taħlita ta’ żejt veġetali, nafta fossili u addittivi speċifiċi.
2)
Il-prinċipji ġenerali ta’ ċertezza legali u tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jipprekludux bħala regola li Stat Membru, fir-rigward ta’ prodott bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jħassar, qabel id-data tal-iskadenza prevista inizjalment mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, is-sistema ta’ eżenzjoni fiskali li kienet applikabbli għalih. Fi kwalunkwe każ, tali tħassir ma jeżiġix l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali. Madankollu hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina, fil-kuntest ta’ evalwazzjoni globali li għandha ssir in concreto, jekk l-imsemmija prinċipji ġewx irrispettati fil-kawża prinċipali filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti għal din.
(1) ĠU C 183, 19.07.2008
Full & Egal Universal Law Academy