19.6.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 161/4
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tad-29 ta’ April 2010 (talba għal deċiżjoni preliminari ta’ Østre Landsret — id-Danimarka) — Dansk Transport og Logistik vs Skatteministeriet
(Kawża C-230/08) (1)
(Kodiċi Doganali tal-Komunità - Artikoli 202, 215(1) u (3), 217(1) u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 233(d) - Kunċett ta’ oġġetti li “jinqabdu u fl-istess ħin jew sussegwentement jiġu konfiskati” - Regolament għall-implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali - Artikolu 867a - Direttiva 92/12/KEE - Artikoli 5(1) u (2), 6, 7(1), 8 u 9 - Sitt Direttiva tal-VAT - Artikoli 7, 10(3) u 16(1) - Introduzzjoni kontra l-liġi ta’ merkanzija - Trasport ta’ merkanzija taħt il-carnet TIR - Qbid u qerda - Determinazzjoni tal-Istat Membru li fih jinħolqu d-dejn doganali u d-djun tad-dazju tas-sisa u tal-VAT - Estinzjoni tad-djun doganali u fiskali)
2010/C 161/06
Lingwa tal-kawża: id-Daniż
Qorti tar-rinviju
Østre Landsret
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Dansk Transport og Logistik
Konvenuta: Skatteministeriet
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Østre Landsret — Interpretazzjoni tal-Artikoli 215 u 233 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307), tal-Artikolu 454 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2 Vol. 6, p. 3), tal-Artikoli 5 u 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE, tal-25 ta’ Frar 1992, dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 179) kif ukoll l-Artikoli 7 u 10 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23) — Estinzjoni tad-djun doganali u fiskali marbuta mal-konfiska u l-qerda mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru waqt l-introduzzjoni kontra l-liġi ta’ merkanzija fit-territorju doganali tal-Komunità
Dispożittiv
(1)
Iċ-ċirkustanzi li fihom merkanzija, li hija miżmuma, waqt l-introduzzjoni tagħha fit-territorju doganali tal-Komunità, mill-awtoritajiet doganali u fiskali lokali fiż-żona li fiha jinsab l-ewwel uffiċċju doganali li jinsab mal-fruntiera esterna tal-Komunità, u li hija fl-istess waqt jew sussegwentement meqruda mill-imsemmija awtoritajiet, filwaqt li baqgħet fil-pussess tagħhom, jaqgħu taħt il-kunċett ta’ merkanzija “maqbuda u fl-istess waqt jew sussegwentement konfiskata” li jinsab fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 233(d) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità hekk kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 955/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ April 1990, b’mod li d-dejn doganali jiġi estint taħt din id-dispożizzjoni.
(2)
It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE tal-25 ta’ Frar 1992 dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti, hekk kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 96/99/KE tat-30 ta’ Diċembru 1996, għandhom jiġu interpretatati fis-sens li merkanzija maqbuda mill-awtoritajiet doganali u fiskali waqt l-introduzzjoni tagħha fit-territorju tal-Komunità u fl-istess waqt jew sussegwentement meqruda minn dawn l-awtoritajiet, mingħajr qatt ma waqfet milli tkun fil-pussess tagħhom, għandha tiġi kkunsidrata bħala li ma ġietx importata fil-Komunità, b’mod li l-fatt li jwassal għall-impożizzjoni tas-sisa fir-rigward tagħha ma jseħħx. Il-merkanzija maqbuda wara l-introduzzjoni kontra l-liġi tagħha f’dan it-territorju, jiġifieri mill-mument li fih hija telqet miż-żona li fiha jinsab l-ewwel uffiċċju doganali li jinsab ġewwa l-imsemmi territorju, u fl-istess waqt jew sussegwentement meqruda mill-imsemmija awtoritajiet mingħajr qatt ma waqfet milli tkun fil-pussess tagħhom mhijiex meqjusa li “id-dazju tas-sisa […] jkun sospis” fuqha, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(2), tal-Artikolu 6(1)(c) tal-imsemmija direttiva meħuda flimien mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 84(1)(a) u 98 tar-Regolament 2913/92, hekk kif emendat bir-Regolament Nru 955/99, u tal-Artikolu 867a tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 2913/92, hekk kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1662/1999 tat-28 ta’ Lulju 1999, b’mod li l-fatt li jwassal għall-impożizzjoni tas-sisa fuq din il-merkanzija seħħ u għaldaqstant, is-sisa fir-rigward tagħha ssir eżiġibbli.
(3)
L-Artikoli 2(2), 7 u 10(3) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima hekk kif emendata mid-Direttva tal-Kunsill 1999/85/KE tat-22 ta’ Ottubru 1999 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-merkanzija maqbuda mill-awtoritajiet doganali u fiskali lokali waqt l-introduzzjoni fit-territorju doganali tal-Komunità, u fl-istess waqt jew sussegwentement meqruda minnhom mingħajr qatt ma waqfet li tkun fil-pussess tagħhom, għandha tiġi kkunsidrata li ma ġietx importata fil-Komunità, b’mod li l-fatt li jwassal għall-impożizzjoni tal-VAT ma seħħx fir-rigward tagħha u li, għaldaqstant, din it-taxxa ma ssirx eżiġibbli. Mandankollu, id-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(3) u tal-Artikolu 16(1)(B)(c) tal-imsemmija direttiva moqrija flimkien mal-Artikolu 867a tar-Regolament Nru 2454/93, hekk kif emendat mir-Regolament Nru 1662/1999 għandhom jiġu interpretati fis-sens li għall-merkanzija maqbuda minn dawn l-awtoritajiet wara l-introduzzjoni kontra l-liġi f’dan it-territorju, jiġifieri mill-mument li fih hija għaddiet miż-żona li fiha jinsab l-ewwel uffiċċju doganali li jinsab ġewwa l-imsemmi territorju u fl-istess waqt jew sussegwentement meqruda mill-imsemmija awtoritajiet, mingħajr ma waqfet milli tkun fil-pussess tagħhom, il-fatt li jwassal għall-impożizzjoni tal-VAT seħħ u din it-taxxa hija eżiġibbli, anki jekk din il-merkanzija titqiegħed sussegwentement taħt proċedura doganali.
(4)
L-Artikoli 202, 215(1) u 217 tar-Regolament Nru 2913/92 hekk kif emendat mir-Regolament Nru 955/1999 kif ukoll l-Artikolu 7(2) u 10(3) tas-Sitt Direttiva 77/388, hekk kif emendata bid-Direttiva 1999/85, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma l-awtoritajiet tal-Istat Membru li jinsab mal-fruntiera esterna tal-Komunità, li minnu ġiet introdotta kontra l-liġi l-merkanzija fit-territorju doganali tal-Komunità, li huma kompetenti sabiex jirkupraw id-dejn doganali u l-VAT, u dan anki jekk din il-merkanzija twasslet sussegwentement fi Stat Membru ieħor li fih din ġiet skoperta u mbagħad maqbuda. L-Artikoli 6(1) u 7(1) tad-Direttiva 92/12, hekk kif emendata bid-Direttiva 96/99, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtoritajiet ta’ dan l-aħħar Stat Membru huma kompetenti biex jirkupraw id-dazju tas-sisa, sakemm din il-merkanzija tinżamm għal finijiet kummerċjali. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk din il-kundizzjoni ġietx sodisfatta fil-kawża mressqa quddiemha.
(1) ĠU C 197, 02.08.2008.
Full & Egal Universal Law Academy