19.6.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 161/6
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Awla Manja) tal-20 ta’ April 2010 (talba għal deċiżjoni preliminari tat-Tribunale Amministrativo Regionale per la Lombardia — l-Italja.) — Federutility, Assogas, Libarna Gas spa, Collino Commercio spa, Sadori gas spa, Egea Commerciale, E.On Vendita srl, Sorgenia spa vs Autorità per l’energia elettrica e il gas
(Kawża C-265/08) (1)
(“Direttiva 2003/55/KE - Suq intern tal-gass naturali - Intervent tal-Istat fuq il-prezz ta’ provvista tal-gass naturali wara l-1 ta’ Lulju 2007 - Obbligi ta’ servizz pubbliku tal-impriżi li joperaw fis-settur tal-gass”)
2010/C 161/07
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Qorti tar-rinviju
Tribunale Amministrativo Regionale per la Lombardia
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Federutility, Assogas, Libarna Gas spa, Collino Commercio spa, Sadori gas spa, Egea Commerciale, E.On Vendita srl, Sorgenia spa
Konvenuta: Autorità per l’energia elettrica e il gas
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Tribunale Amministrativo Regionale per la Lombardia — Interpretazzjoni tal-Artikoli 3(2) u 23 tad-Direttiva 2003/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2003, rigward regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 98/30/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 230) — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għall-iffissar tal-prezzijiet tal-provvista ta’ ġass naturali lil klijenti tad-dar
Dispożittiv
L-Artikoli 3(2) u 23(1) tad-Direttiva 2003/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2003, rigward regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 98/30/KE ma jipprekludux liġi nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti d-determinazzjoni tal-livell tal-prezz ta’ provvista tal-gass naturali permezz tad-definizzjoni ta’ “prezzijiet ta’ referenza”, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, wara l- 1 ta’ Lulju 2007, bil-kundizzjoni li dan l-intervent:
—
isegwi interess ekonomiku ġenerali li jikkonsisti fiż-żamma tal-prezz ta’ provvista tal-gass naturali lill-klijent finali f’livell raġonevoli fid-dawl tal-konċiljazzjoni li l-Istati Membri għandhom jagħmlu, filwaqt li jikkunsidraw is-sitwazzjoni fis-settur tal-gass naturali, bejn l-għan ta’ liberalizzazzjoni u dak tal-protezzjoni neċessarja tal-konsumatur finali segwita mid-Direttiva 2003/55;
—
jippreġudika l-libertà li jiġi ffissat il-prezz tal-provvista tal-gass naturali wara l- 1 ta’ Lulju 2007 biss sa fejn huwa neċessarju sabiex jintlaħaq tali għan ta’ interess ekonomiku ġenerali u, konsegwentement, għal perijodu neċessarjament limitat fiż-żmien, u
—
ikun iddefinit b’mod ċar, trasparenti, mhux diskriminatorju, verifikabbli, u jiggarantixxi aċċess ugwali għall-impriżi tal-gass tal-Unjoni lill-konsumaturi.
(1) ĠU C 236, 13.09.2008
Full & Egal Universal Law Academy