22.5.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 134/3
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-25 ta’ Marzu 2010 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Oberster Gerichtshof — l-Awstrija) — Die BergSpechte Outdoor Reisen und Alpinschule Edi Koblmüller GmbH vs Günter Guni, Reisen GmbH
(Kawża C-278/08) (1)
(Trade marks - Internet - Reklami fuq il-bażi ta’ kliem prinċipali (“keyword advertising”) - Wiri, fuq il-bażi ta’ kliem prinċipali identiċi għal jew li jixbhu lil trade marks, ta’ links għal siti ta’ kompetituri tal-proprjetarji tal-imsemmija trade marks - Direttiva 89/104/KEE - Artikolu 5(1))
2010/C 134/03
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Oberster Gerichtshof
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Die BergSpechte Outdoor Reisen und Alpinschule Edi Koblmüller GmbH
Konvenuta: Günter Guni, Reisen GmbH
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Oberster Gerichtshof — Interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1) tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92) — Riżerva ta’ sinjal simili jew identiku għal trade mark minn provditur ta’ servizzi li uża mutur ta’ riċerka tal-internet sabiex, wara li tittajpja l-imsemmi sinjal bħala kelma ta’ riċerka, fuq l-iskrin jidher awtomatikament riklam għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixbhu lil dawk li għalihom it-trade mark inkwistjoni hija rreġistrata (“keyword advertising”) — Klassifikazzjoni ta’ dan l-użu tat-trade mark bħala użu li l-proprjetarju tagħha għandu dritt jipprojbixxi
Dispożittiv
L-Artikolu (5)(1) tal-ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-proprjetarju ta’ trade mark huwa intitolat jipprojbixxi lil min jirreklama milli jagħmel, fuq il-bażi ta’ kelma prinċipali identika għal jew li tixbah lill-imsemmija trade mark, li min jirreklama jkun għażel mingħajr il-kunsens tal-imsemmi proprjetarju fil-kuntest ta’ servizz ta’ referenzar fuq l-internet, riklam għal prodotti jew servizzi identiċi għal dawk li għalihom l-imsemmija trade mark hija rreġistrata, meta l-imsemmi reklam ma jħallix, jew iħalli b’mod diffiċli biss, lill-utent tal-internet medju li jsir jaf jekk il-prodotti jew is-servizzi msemmija mir-riklam joriġinawx mill-proprjetarju tat-trade mark jew minn impriża li għandha rabta ekonomika miegħu jew, għall-kuntrarju, minn terzi.
(1) ĠU C 223, 30.08.2008
Full & Egal Universal Law Academy