3.7.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 179/6
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-20 ta’ Mejju 2010 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Bundesfinanzhof) — Data I/O GmbH vs Hauptzollamt Hannover, li qabel kienet Bundesfinanzdirektion Südost
(Kawża C-370/08) (1)
(Tariffa Doganali Komuni - Klassifika tat-tariffi - Nomenklatura magħquda - Kapitolu 84, Nota 5B - Adapter li fih memory chip intiż għal konnessjoni elettrika bejn magna awtomatika ta’ programmazzjoni u l-komponenti elettriċi intiżi għal programmar - Intestaturi 8471, 8473 u 8536)
2010/C 179/08
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Bundesfinanzhof
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Data I/O GmbH
Konvenut: Hauptzollamt Hannover, li qabel kienet Bundesfinanzdirektion Südost
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Bundesfinanzhof — Interpretazzjoni tan-Nota 5(B) tal-Kapitolu 84 tan-nomenklatura magħquda tat-tariffa doganali komuni, li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382) kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1810/2004 tas-7 ta’ Settembru 2004 (ĠU L 327, p. 1) — Adaptor elettriku li jiżgura t-trażmissjoni tad-data minn apparat tal-programmazzjoni għal komponenti elettroniċi intiżi għal programmazzjoni u li jinkludi “Memory-Chip” li jiżgura l-ħażna tal-proċess tal-programmazzjoni — Klassifikazzjoni taħt l-intestatura 8471 tan-nomenklatura magħquda?
Dispożittiv
Adapter, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jiżgura l-funzjonament ta’ konnessjoni elettrika bejn il-programmatur u l-komponenti intiżi għall-programmar kif ukoll dik ta’ reġistrazzjoni tal-proċess ta’ programmazzjoni, li jista’ jiġi estratt sussegwentement, jissodisfa l-kundizzjoni stabbilita fin-Nota 5B(ċ) tal-Kapitolu 84 tan-Nomenklatura Magħquda, li tidher fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1810/2004 tas-7 ta’ Settembru 2004 u għandu jiġi kklassifikat taħt l-intestatura 8471 ta’ din in-nomenklatura bħala “unità” ta’ magna awtomatika tal-ipproċessar tad-data, sa fejn il-funzjoni prinċipali tiegħu tikkonsisti fit-twettiq ta’ proċessar tad-data. Fil-każ fejn din il-funzjoni hija nieqsa, tali adapter għandu jiġi kklassifikat taħt l-intestatura 8473 tal-imsemmija nomenklatura bħala “biċċa” jew “aċċessorju” ta’ magna jekk, rispettivament, huwa indispensabbli għall-funzjonament tagħha jew jikkostitwixxi tagħmir li jippermetti l-adattament ta’ din il-magna għal xogħol partikolari jew dispożittiv ta’ natura li jiżgura servizz partikolari flimkien mal-funzjoni prinċipali tal-imsemmija magna, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. Fil-każ fejn dan l-adapter ma jistax jiġi kklassifikat taħt l-ebda miż-żewġ intestaturi msemmija hawn fuq, ikollu għaldaqstant jiġi kklassifikat bħala “apparat għall-konnessjoni taċ-ċirkuwiti elettriċi” li minħabba dan il-fatt jaqa’ taħt l-intestatura 8356 tal-imsemmija Nomenklatura Magħquda.
(1) ĠU C 285, 08.11.2008.
Full & Egal Universal Law Academy