27.2.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 51/9
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-17 ta’ Diċembru 2009 (talba għal deċiżjoni preliminari mill-Finanzgericht Baden-Württemberg — Il-Ġermanja) — Swiss Caps AG vs Hauptzollamt Singen
(Kawża magħquda C-410/08 sa C-412/08) (1)
(Tariffa Doganali Komuni - Nomenklatura Magħquda - Klassifikazzjoni tariffarja - Intestaturi 1515, 1517, 2106 u 3004 - Kapsuli tal-ġelatina - Żejt tal-ħuta, taż-żerriegħa tal-qamħ u tan-niġella - Kunċett ta’ “ippakkjar”)
2010/C 51/14
Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Finanzgericht Baden-Württemberg
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Swiss Caps AG
Konvenuti: Hauptzollamt Singen
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Finanzgericht Baden-Württemberg — Interpretazzjoni tal-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382) — Intestaturi 1517 (Marġerina; taħlitiet jew preparazzjonijiet tajbin għall-ikel ta’ xaħmijiet jew żjut minn annimali jew veġetali jew ta’ frazzjonijiet ta’ xaħmijiet u żjut differenti ta’ dan il-kapitlu, minbarra x-xaħmijiet u ż-żjut tajbin għall-ikel jew il-frazzjonijiet tagħhom tal-intestatura 1516) u 2106 (Preparazzjonijiet tal-ikel li mhumiex speċifikati jew inklużi band’oħra) — Punt A(5)(b) tal-ewwel titlu tal-ewwel parti tal-Anness I — Klassifikazzjoni tariffarja ta’ preparazzjoni ta’ żejt tal-ħuta biż-żieda tal-vitamina E, fil-kapsuli magħmula minn ġelatina, gliċerina u ilma — Kunċett ta’ ippakkjar
Dispożittiv
In-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni, kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2388/2000, tat-13 ta’ Ottubru 2000, għandha tiġi interpretata fis-sens li:
—
preparazzjonijiet tal-ikel ippreżentati fil-forma ta’ kapsuli li fihom 600 mg ta’ żejt tal-ħuta konċentrat, ippressat bil-kiesaħ u 22.8 mg Vitamina E konċentrata, f’qoxra li tikkonsisti f’212.8 mg ta’ ġelatina, 77.7 mg ta’ gliċerina u 159.6 mg ta’ ilma msoffi u li jintużaw bħala supplimenti tal-ikel;
—
preparazzjonijiet tal-ikel ippreżentati fil-forma ta’ kapsuli li fihom 580 mg ta’ żejt taż-żerriegħa tal-qamħ f’qoxra li tikkonsisti f’250 mg ta’ trab tal-lamtu u li jintużaw bħala supplimenti tal-ikel;
—
preparazzjonijiet tal-ikel ippreżentati fil-forma ta’ kapsuli li fihom 500 mg żejt tal-kemmun iswed, ippressat bil-kiesaħ, 38.7 mg ta’ żejt tas-sojja, 18.8 mg ta’ Vitamina E, 16 mg ta’ xaħam tal-butir, 10mg ta’ leċitina, 8.2 mg ta’ xama’, 8 mg ta’ pantotenat tal-kalċju, 0.2 mg ta’ aċidu foliku u 0.11 mg ta’ bijotina, f’qoxra li tikkonsisti f’313.97 mg massa ta’ ġelatina (47.3 % ta’ ġelatina, 17.2 % ta’ gliċerina, 35.5 % ta’ ilma), ta’ 4.3 mg ta’ pejst magħmul minn 50 % ta’ diossidu tat-titanju u 50 % ta’ gliċerina u f’1.73 mg ta’ pejst magħmul minn 25 % ta’ laker tal-kinolin isfar u minn 75 % ta’ gliċerina u li jintużaw bħala supplimenti tal-ikel
jaqgħu taħt l-intestatura 2106 tal-imsemmija Nomenklatura Magħquda.
(1) ĠU C 313, 06.12.2008
ĠU C 327, 20.12.2008
Full & Egal Universal Law Academy