16.1.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 11/4
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tat-12 ta’ Novembru 2009 (talba għal deċiżjoni preliminari tan-Naczelny Sąd Administracyjny — Ir-Repubblika tal-Polonja) — Elektrownia Pątnów II sp. z o.o vs Dyrektor Izby Skarbowej w Poznaniu
(Kawża C-441/08) (1)
(Taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital azzjonarju - Self magħmul minn kumpannija b’kapital azzjonarju qabel l-adeżjoni tal-Istat Membru mal-Unjoni Ewropea - Suġġettar għad-dazju fuq il-kapital skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali - Konverżjoni ta’ self f’azzjonijiet wara l-adeżjoni tal-Istat Membru mal-Unjoni Ewropea - Dazju fuq il-kapital fuq din l-operazzjoni ta’ żieda tal-kapital azzjonarju - Applikazzjoni immedjata tal-leġiżlazzjoni ġdida)
2010/C 11/06
Lingwa tal-kawża: Il-Polakk
Qorti tar-rinviju
Naczelny Sąd Administracyjny
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Elektrownia Pątnów II sp. z o.o
Konvenut: Dyrektor Izby Skarbowej w Poznaniu
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Naczelny Sad Administracyjny (il-Polonja) — Interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1)(ċ), tat-tieni inċiż tal-Artikolu 5(3) u tal-Artikolu 10 tad-Direttiva tal-Kunsill 69/335/KEE, tas-17 ta’ Lulju 1969, li tikkonċerna taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital (ĠU L 249, p. 25) — Self meħud minn kumpannija b’kapital azzjonarju u suġġett għad-dazju fuq il-kapital skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali qabel l-adeżjoni tal-Istat Membru mal-Unjoni Ewropea — Issuġġettar għad-dazju fuq il-kapital taż-żieda tal-kapital li tirriżulta mill-konverżjoni ta’ self f’ishma wara l-adeżjoni tal-Istat Membru mal-Unjoni Ewropea
Dispożittiv
It-tieni inċiż tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 69/335/KEE, tas-17 ta’ Lulju 1969, li tikkonċerna taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital, kif emendata bl-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakkja u l-aġġustamenti għat-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea, jimponi li, waqt l-iffissar tal-ammont taxxabbli għall-finijiet tad-dazju fuq il-kapital fuq iż-żieda tal-kapital ta’ kumpannija li seħħ permezz ta’ konverżjoni f’azzjonijiet, wara l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Polonja mal-Unjoni Ewropea, ta’ self meħud minn din l-istess kumpannija qabel din l-adeżjoni, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni t-tassazzjoni ta’ qabel ta’ dan is-self abbażi tal-liġi nazzjonali fis-seħħ f’dak iż-żmien.
(1) ĠU C 327, 20.12.2008.
Full & Egal Universal Law Academy