13.3.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 63/13
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-21 ta’ Jannar 2010 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Oberverwaltungsgericht Berlin-Brandenburg — il-Ġermanja) — Ümit Bekleyen vs Land Berlin
(Kawża C-462/08) (1)
(Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija - It-tieni paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni - Dritt tal-wild ta’ ħaddiem Tork li jaċċetta kull offerta ta’ impjieg fl-Istat Membru ospitanti fejn huwa jkun ħa taħriġ professjonali - Bidu tat-taħriġ professjonali wara t-tluq tal-ġenituri minn dan l-Istat Membru)
2010/C 63/19
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Oberverwaltungsgericht Berlin-Brandenburg
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Ümit Bekleyen
Konvenuta: Land Berlin
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Oberverwaltungsgericht Berlin-Brandenburg — Interpretazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KEE/Turkija — Ċittadin Tork li twieled fl-Istat Membru ospitanti u li, wara li mar lura mal-ġenituri tiegħu fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, jerġa’ lura waħdu, wara iktar minn 10 snin, fl-Istat Membru ospitanti fejn il-ġenituri tiegħu kienu, fl-imgħoddi, fis-suq legali tax-xogħol matul perijodu ta’ iktar minn tliet snin, sabiex jibda taħriġ professjonali — Dritt ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol u dritt ta’ residenza korrispondenti fl-Istat Membru ospitanti ta’ dan iċ-ċittadin Tork wara tmiem it-taħriġ professjonali
Dispożittiv
It-tieni paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, tad-19 ta’ Settembru 1980, dwar l-iżvilupp tal-Assoċjazzjoni, adottata mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni mwaqqaf permezz tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta ħaddiem Tork ikun eżerċita legalment impjieg fl-Istat Membru ospitanti għal iktar minn tliet snin, il-wild ta’ dan il-ħaddiem jista’ jinvoka f’dan l-Istat Membru, wara li jkun lesta t-taħriġ professjonali tiegħu f’dan l-Istat, id-dritt ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol u d-dritt ta’ residenza korrispondenti, minkejja l-fatt li wara li kien mar lura mal-ġenituri tiegħu fl-istat ta’ oriġini jkun ġie lura waħdu f’dan l-Istat Membru sabiex jibda dan it-taħriġ.
(1) ĠU C 19, 24.01.2009
Full & Egal Universal Law Academy