13.3.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 63/14
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-28 ta’ Jannar 2010 (talba għal deċiżjoni preliminari tas-Sächsisches Finanzgericht — il-Ġermanja) — Ingenieurbüro Eulitz GbR Thomas und Marion Eulitz vs Finanzamt Dresden I
(Kawża C-473/08) (1)
(Sitt Direttiva tal-VAT - Artikolu 13 A(1)(j) - Eżenzjoni - Lezzjonijiet mogħtija minn għalliema privatament, li jirrigwardaw tagħlim tal-iskola jew tal-università - Servizzi pprovduti minn għalliem indipendenti fil-kuntest ta’ kors ta’ taħriġ vokazzjonali kontinwu organizzat minn istitut terz)
2010/C 63/22
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Sächsisches Finanzgericht
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Ingenieurbüro Eulitz GbR Thomas und Marion Eulitz
Konvenut: Finanzamt Dresden I
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Sächsisches Finanzgericht — Interpretazzjoni tal-Artikolu 13A(1)(j) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 09, Vol. 01, p. 23) — Eżenzjoni ta’ “tagħlim [lezzjonijiet] mogħti privatament minn għalliema u jkopri edukazzjoni ta’ l-iskola jew ta’ l-università” — Tagħlim mogħti minn inġinier iggradwat fi ħdan korsijiet ta’ perfezzjonament offruti minn skola privata, u intiż li jagħti kwalifiki speċjalizzati postuniversitarji fil-qasam tal-protezzjoni min-nirien lil inġiniera u periti — Għoti ta’ servizzi ta’ tagħlim fuq bażi kontinwa u fl-istess ħin qadi ta’ dmirijiet fuq livell amministarattiv fir-rigward ta’ ċerti korsijiet — Għoti ta’ remunerazzjoni anki fil-każ ta’ annullament tal-korsijiet minħabba nuqqas ta’ reġistrazzjoni ta’ parteċipanti.
Dispożittiv
(1)
L-Artikolu 13A(1)(j) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, għandu jiġi interpretat fis-sens li s-servizzi ta’ tagħlim ipprovduti minn inġinier iggradwat fi ħdan istitut ta’ taħriġ bħala assoċjazzjoni rregolata mid-dritt privat, fi ħdan korsijiet li jintemmu b’eżami u li l-parteċipanti fihom diġà jkollhom, għall-inqas, kwalifiki ta’ perit jew inġinier miksubin minn stabbiliment ta’ tagħlim superjuri jew stabbiliment ekwivalenti, jikkostitwixxu “tagħlim [lezzjonijiet][…] [li] jkopri edukazzjoni [tagħlim] ta’ l-iskola jew ta’ l-università” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Jistgħu wkoll jikkostitwixxu tali lezzjonijiet l-attivitajiet barra dak tat-tagħlim fil-veru sens tal-kelma, sakemm dawn l-attivitajiet jitwettqu, essenzjalment, fil-kuntest tat-trasferiment ta’ għarfien u ta’ kompetenzi bejn l-għalliem u l-istudenti, fir-rigward tal-edukazzjoni [tagħlim] tal-iskola jew tal-università. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha, sa fejn huwa neċessarju, tivverifika jekk l-attivitajiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxux “tagħlim [lezzjonijiet]” li jirrigwarda l-“edukazzjoni [tagħlim] ta’ l-iskola jew ta’ l-università” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.
(2)
L-Artikolu 13A(1)(j) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, persuna bħal T. Eulitz, li hija assoċjata mar-rikorrenti fil-kawża prinċiapli, li tipprovdi servizzi ta’ għalliem fil-kuntest ta’ korsijiet proposti minn organizzazjzoni terza, ma tistax titqies li tagħti tagħlim “privatament”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.
(1) ĠU C 44, 21.02.2009.
Full & Egal Universal Law Academy