27.3.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 80/4
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-11 ta’ Frar 2010 (talba għal deċiżjoni preliminari mill-Oberster Gerichtshof — l-Awstrija) — Fokus Invest AG vs Finanzierungsberatung-Immobilientreuhand und Anlageberatung GmbH (FIAG)
(Kawża C-541/08) (1)
(Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni - Artikolu 25 tal-Anness I tal-Ftehim - Artikoli 63 TFUE u 64(1) TFUE - Moviment liberu tal-kapital - Kumpannija rregolata mid-dritt ta’ Stat Membru, li l-ishma tagħha huma miżmuma minn kumpannija rregolata mid-dritt Svizzeru - Akkwist ta’ beni immobbli li jinsab f’dan l-Istat Membru minn din il-kumpannija)
2010/C 80/06
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Oberster Gerichtshof
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Fokus Invest AG
Konvenuta: Finanzierungsberatung-Immobilientreuhand und Anlageberatung GmbH (FIAG)
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Oberster Gerichtshof (l-Awstrija) — Interpretazzjoni tal-Artikolu 57(1) tat-Trattat KE u tal-Artikolu 25 tal-Anness I tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni, iffirmat fil-Lussemburgu fil-21 ta’ Ġunju 1999 (ĠU L 114, p. 6) — Applikabbiltà tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għal persuni ġuridiċi — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi skema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel fil-każ ta’ akkwist ta’ beni immobbli minn barrani — Akkwist ta’ beni immobbli minn kumpannija nazzjonali li l-ishma tagħha huma miżmumin 100 % minn kumpanniji Svizzeri.
Dispożittiv
(1)
L-Artikolu 25 tal-Anness I tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni, iffirmat fil-Lussemburgu fil-21 ta’ Ġunju 1999, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu ta’ trattament ugwali għal dak mogħti liċ-ċittadini nazzjonali previst fir-rigward tal-akkwist ta’ immobbli japplika biss għall-persuni fiżiċi.
(2)
L-Artikolu 64(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dispożizzjonijiet tal-Liġi tal-Land ta’ Vjenna dwar l-akkwist ta’ beni immobbli minn ċitattini barranin (Wiener Ausländergrunderwerbsgesetz), tat-3 ta’ Marzu 1998, li jimponu fuq iċ-ċittadini barranin, fis-sens ta’ din il-liġi, fil-każ ta’ akkwist ta’ beni immobbli li jinsab fil-Land ta’ Vjenna, l-obbligu li jkollhom awtorizzazzjoni għall-finijet ta’ dan l-akkwist jew li jipproduċu ċertifikazzjoni li tgħid li l-kundizzjonijiet previsti minn din il-liġi sabiex jibbenifikaw minn eżenzjoni minn dan l-obbligu huma sodisfatti, jikkostitwixxu restrizzjoni tal-moviment liberu tal-kapital ammissibbli fir-rigward tal-Konfederazzjoni Svizzera bħala pajjiż terz
(1) ĠU C 55, 07.03.2009.
Full & Egal Universal Law Academy