20.11.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 317/7
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-30 ta’ Settembru 2010 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-VAT and Duties Tribunal, London Tribunal centre — Ir-Renju Unit) — EMI Group Ltd vs The Commissioners for Her Majesty’s Revenue & Customs
(Kawża C-581/08) (1)
(Sitt Direttiva tal-VAT - It-tieni sentenza tal-Artikolu 5(6) - Kunċett ta’‘kampjuni’ - Kunċett ta’ ‘rigali ta’ valur żgħir’ - Mużika reġistrata - Distribuzzjoni bla ħlas għal skopijiet promozzjonali)
2010/C 317/13
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Qorti tar-rinviju
VAT and Duties Tribunal, London Tribunal Centre
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: EMI Group Ltd
Konvenut: The Commissioners for Her Majesty’s Revenue Customs
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — VAT and Duties Tribunal, London — Interpretazzjoni tal-Artikolu 5(6) tad-Direttiva 77/388/KE: Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1 p. 23) — Applikazzjoni ta’ oġġetti għall-bżonnijiet tal-impriża sabiex jingħataw rigali ta’ valur baxx u kampjuni — Kunċett ta’ “kampjun” — Karatteristiċi essenzjali — Reġistrazzjonijiet mużikali taħt il-forma ta’ CD mogħtija mingħajr ħlas għal finijiet promozzjonali
Dispożittiv
(1)
“Kampjun” fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 5(6), tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, huwa eżemplari ta’ prodott li għandu l-għan li jippromwovi l-bejgħ ta’ dak il-prodott u li jippermetti li jiġu evalwati l-karatteristiċi u l-kwalitajiet ta’ dan il-prodott mingħajr ma jwasslu għal konsum finali minbarra dak li huwa inerenti għal tali tranżazzjonijiet ta’ promozzjoni. Dan il-kunċett ma jkunx limitat b’mod ġenerali minn leġiżlazzjoni nazzjonali għall-kampjuni mogħtija f’forma mhux disponibbli għall-bejgħ jew għal kull wieħed minn serje ta’ kampjuni identiċi mogħtija minn persuna taxxabbli lill-istess destinatarju mingħajr ma din il-leġiżlazzjoni tippermetti li tiġi kkunsidrata n-natura tal-prodott rappreżentat u tal-kuntest kummerċjali speċifiku għal kull tranżazzjoni li fiha dawn il-kampjuni huma ddistribwiti.
(2)
Il-kunċett ta’ “rigali ta’ valur żgħir” fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 5(6), tas-Sitt Direttiva 77/388 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jipprekludix li leġiżlazzjoni nazzjonali tiffissa limitu monetarju hekk kif stabbilit mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri GBP 50, għar-rigali li saru lill-istess persuna fil-perijodu ta’ tnax-il xahar jew inkella li jiffurmaw parti minn serje jew sensiela ta’ rigali.
(3)
It-tieni sentenza tal-Artikolu 5(6), tas-Sitt Direttiva 77/388 tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi preżunzjoni li oġġetti li jammontaw għal “rigali ta’ valur żgħir” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni ddistribwiti minn persuna taxxabbli lil persuni differenti li huma mħaddma minn l-istess persuna huma kkunsidrati li saru lill-istess persuna.
(4)
L-istatus fiskali tad-destinatarju ta’ kampjuni ma għandux effett fuq ir-risposti mogħtija għad domandi l-oħra.
(1) ĠU C 55, 07.03.2009.
Full & Egal Universal Law Academy