KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
KOKOTT
ippreżentati fit-22 ta’ Jannar 2009 1(1)
Kawża C‑75/08
Christopher Mellor
vs
Secretary of State for Communities and Local Government
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Court of Appeal (ir-Renju Unit))
(Direttiva 85/337 – Evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent – Motivazzjoni ta’ deċiżjoni biex ma titwettaqx evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ta’ proġett)
I – Introduzzjoni
1. F’din il-kawża l-Qorti tal-Ġustizzja tinsab għal darb’oħra kkonċernata bl-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima [evalwazzjoni] tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (2) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva EEA”). Madankollu, din il-kawża tikkonċerna din id-direttiva kif emendata bid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/35/KE tas-26 ta’ Mejju 2003 li tipprovdi għall-parteċipazzjoni pubblika rigward it-tfassil ta’ ċerti pjani u programmi li għandhom x’jaqsmu mal-ambjent u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/337/KEE u 96/61/KE rigward il-parteċipazzjoni pubblika u l-aċċess għall-ġustizzja (3), li l-Qorti tal-Ġustizzja għad ma kellhiex għalfejn tikkunsidra ta’ spiss.
2. Il-kwistjoni speċifika hi jekk għandhomx jingħataw motivi għal deċiżjoni biex ma titwettaqx evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent u, jekk ikun il-każ, x’għandu jiġi inkluż fid-dikjarazzjoni tar-raġunijiet.
II – Il-kuntest ġuridiku
3. L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva EEA jiddefinixxi l-għan tagħha:
“L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw illi, qabel ma jingħata l-kunsens/approvazzjoni, il-proġetti li x’aktarx ikun sejjer ikollhom impatt sinjifikanti fuq l-ambjent bis-saħħa, fost ħwejjeġ oħra, tan-natura, id-daqs u l-lokazzjoni tagħhom jiġu magħmula soġġetti għall-ħtieġa li jkun hemm il-kunsens/approvazzjoni għall-iżvilupp u stima rigward l-effetti tagħhom. Dawn il-proġetti huma ddefiniti fl-Artikolu 4.”
4. L-Artikolu 3 jiddeskrivi s-suġġett tal-istima tal-impatt ambjentali:
“L-istima dwar l-impatt fuq l-ambjent għandha tidentifika, tiddeskrivi u tistma b’manjiera xierqa, fid-dawl ta’ kull każ individwali u b’mod konformi mal-Artikoli 4 sa 11, l-effetti diretti u indiretti ta’ proġett fuq il-fatturi li ġejjin:
– il-bniedem, il-fawna u l-flora;
– il-ħamrija, l-ilma, l-arja, il-klima u l-pajsaġġ;
– il-beni materjali u l-wirt kulturali;
– l-interazzjoni bejn il-fatturi msemmija fl-ewwel, fit-tieni u fit-tielet inċiżi.”
5. L-Artikolu 4 jistabbilixxi essenzjalment liema proġetti għandha ssir stima tagħhom:
“1. Bla ħsara għall-Artikolu 2(3), il-proġetti mniżżla fl-Anness I għandhom jiġu soġġetti għal stima b’mod konformi mal-Artikoli 5 sa 10.
2. Bla ħsara għall-Artikolu 2(3), għall-proġetti mniżżla fil-lista fl-Anness II, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu permezz ta’:
(a) eżami każ b’każ,
jew
(b) l-għetiebi [il-limiti] meħtieġa jew il-kriterji stabbiliti mill-Istat Membru,
jekk il-proġett għandux jiġi sottomess għal stima b’mod konformi mal-Artikoli 5 sa 10.
L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li japplikaw iż-żewġ proċeduri msemmija fil-(a) u fil-(b).
3. Meta jiġi mwettaq eżami każ b’każ jew jiġu stabbiliti l-[limiti] jew il-kriterji għall-għan tal-paragrafu 2, għandhom jitqiesu l-kriterji rilevanti tal-għażla ddikjarati fl-Anness III.
4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dak li jkun ġie stabbilit mill-awtoritajiet kompetenti skont il-paragrafu 2 għandu jkun disponibbli għall-pubbliku.”
6. L-Anness II, punt 10(b), jirreferi għal proġetti ta’ żvilupp urban.
7. L-Anness III jistabbilixxi bħala kriterji għal deċiżjoni dwar jekk tkunx meħtieġa stima tal-effetti ambjentali, diversi karatteristiċi tal-proġett, il-lok tiegħu u l-impatt potenzjali tiegħu.
III – Fatti u rinviju għal deċiżjoni preliminari
8. Il-proċeduri prinċipali jikkonċernaw l-iżvilupp ippjanat ta’ dik li kienet bażi navali li tinsab f’żona ta’ sbuħija naturali liema bħala. Hemmhekk għandu jinbena sptar. L-approvazzjoni tal-iżvilupp mogħtija oriġinarjament ġiet ikkontestata b’suċċess, peress li ma kienx ġie eżaminat il-bżonn ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.
9. Fil-proċeduri amministrattivi sussegwenti l-kunsill tal-awtorità lokali kompetenti ta opinjoni dwar il-bżonn ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. Il-kunsill qal li ma kienx hemm bżonn li ssir din l-istima, peress li ma kienx mistenni li jkun hemm effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent.
10. C. Mellor, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, ma qabilx ma’ dan. Huwa qal li fost affarijiet oħra kien se jiġi meqrud post fejn jistrieħu l-friefet il-lejl. Minħabba f’hekk l-awtorità lokali rrevediet l-opinjoni tagħha.
11. Madankollu, is-Segretarju tal-Istat tar-Renju Unit, permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Diċembru 2006 innotifikat deċiżjoni li tgħid li ma kinitx meħtieġa evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. Ir-raġuni tagħha għal dan kienet li l-proġett x’aktarx ma kienx se jkollu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent minħabba fatturi bħan-natura tiegħu, id-daqs jew il-lok tiegħu. Ma ngħatawx raġunijiet iktar dettaljati.
12. C. Mellor ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni. Il-Court of Appeal qed tisma’ l-kawża bħala qorti tal-appell, u rrinvjat id-domandi li ġejjin għal deċiżjoni preliminari:
1. Skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, kif emendata bid-Direttivi 97/11/KE u 2003/35/KE (iktar ’il quddiem id-“Direttiva”), l-Istati Membri għandhom iqegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku l-motivazzjoni ta’ deċiżjoni li tgħid li proġett elenkat fl-Anness II ma għandux ikun suġġett għal stima skont l-Artikoli 5 sa 10 tad-direttiva?
2. Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, il-kontenut tal-ittra tal-4 ta’ Diċembru 2006 tas-Secretary of State jissodisfa dan ir-rekwiżit?
3. Jekk tingħata risposta negattiva għat-tieni domanda, x’inhi l-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni f’dan il-kuntest?
IV – Evalwazzjoni ġuridika
A – Fuq il-kuntest tat-talba għal deċiżjoni preliminari
13. Il-proċeduri prinċipali jikkonċernaw l-eżami preliminari ta’ jekk proġett partikolari jirrikjedix li ssir evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.
14. Skont l-Artikolu 4(2) u l-punt 10(b) tal-Anness II tad-Direttiva EEA, l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw b’eżami skont il-każ jew abbażi ta’ limiti meħtieġa jew kriterji stabbiliti minnhom jekk għandhiex issir evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ta’ proġetti ta’ żvilupp urban. Hija ġurisprudenza stabbilita li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva EEA jagħti miżura ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri. Din id-diskrezzjoni hija limitata, madankollu, mill-obbligu stabbilit fl-Artikolu 2(1) li jipprovdi li proġetti li x’aktarx ikollhom effett sinjifikattiv fuq l-ambjent għandhom jiġu suġġetti għal evalwazzjoni fir-rigward tal-effett tagħhom (4).
15. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni n-natura, id-daqs u l-lok tal-proġett sabiex jiddeċiedu jekk huwiex probabbli li jkun hemm effett sinjifikattiv fuq l-ambjent (5). F’dan ir-rigward, id-Direttiva EEA tirrikjedi estima globali tal-effetti fuq l-ambjent ta’ proġetti jew tat-tibdil li jsir fihom (6). Huwa meħtieġ li jiġu kkunsidrati fid-dettall, kemm l-effetti diretti tax-xogħlijiet ippjanati nfushom kif ukoll l-effett fuq l-ambjent li x’aktarx jirriżulta mill-użu u mill-esplojtazzjoni tal-prodott finali ta’ dawn ix-xogħlijiet (7).
16. Fil-każ inkwistjoni l-awtoritajiet kompetenti waslu għall-konklużjoni, abbażi ta’ eżami skont il-każ, li ma kienx probabbli li kellhom jirriżultaw effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent minħabba fatturi bħan-natura, id-daqs jew il-lok tal-proġett. Għaldaqstant ma kinitix meħtieġa evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.
17. Skont C. Mellor, din id-deċiżjoni kellha tiġi annullata, peress li ma kinitx motivata, jew għall-inqas ma kinitx biżżejjed motivata.
B – Fuq l-ewwel domanda
18. Permezz tal-ewwel domanda tagħha l-qorti nazzjonali tistaqsi jekk deċiżjoni li ma ssirx evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent għandhiex tkun motivata.
19. Id-Direttiva EEA tipprovdi fl-Artikolu 9 li, meta tingħata l-approvazzjoni għal proġett wara evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, għandha ssir disponibbli għall-pubbliku informazzjoni estensiva. Min-naħa l-oħra, jekk jiġi deċiż li ma hemmx għalfejn issir evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, l-Artikolu 4(4) jirrikjedi biss il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kkonċernata.
20. Kif josserva r-Renju Unit, id-Direttiva EEA għaldaqstant ma tirrikjedix espressament li deċiżjoni li tgħid li ma hemmx għalfejn issir evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent tkun motivata. Fil-fatt, fir-rigward ta’ deċiżjonijiet oħra, id-direttiva tipprovdi espressament għall-obbligu ta’ motivazzjoni.
Is-sentenza fil-Kawża C‑87/02
21. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li deċiżjoni tal-awtorità kompetenti li tgħid li l-karatteristiċi ta’ proġett ma jirrikjedux il-ħtieġa ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent għandha tinkludi jew tiġbor fiha l-informazzjoni kollha li tippermetti li jiġi vverifikat li l-proġett huwa bbażat fuq eżami adegwat magħmul skont kif meħtieġ mid-Direttiva 85/337 (8).
22. Ir-Renju Unit ġustament joġġezzjona li dik il-konstatazzjoni hi sempliċi obiter dictum. In-natura tas-suġġett ta’ dawn il-proċeduri għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma kinitx dik ta’ possibbiltà ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni adegwata ta’ deċiżjoni li ma ssirx evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. L-ilment tal-Kummissjoni fil-fatt kien li ma kienx ġie kkunsidrat il-bżonn ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.
23. B’hekk il-partijiet fil-kawża ma ppreżentaw ebda sottomissjonijiet dwar obbligu possibbli ta’ motivazzjoni, u barra minn hekk ma kienx hemm l-okkażjoni għal Stati Membri oħra – bħar-Renju Unit – biex jieħdu sehem fil-proċeduri sabiex jagħmlu l-argumenti tagħhom kontra dan l-obbligu. Għaldaqstant huwa meħtieġ, minkejja s-sentenza Il-Kummissjoni vs L‑Italja, li jiġi eżaminat jekk hijiex meħtieġa motivazzjoni.
L-obbligu ta’ motivazzjoni fid-dritt primarju
24. L-Artikolu 253 KE jirrikjedi li d-deċiżjonijiet ikunu motivati. Kif isostni b’mod partikolari C. Mellor, skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (9), id-dritt għal amministrazzjoni tajba jinkludi l-obbligu tal-amministrazzjoni li tagħti raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħha. Huwa minnu li, ġaladarba t-Trattat ta’ Lisbona għadu ma ġiex irratifikat, il-Karta bħala tali ma għandhiex saħħa legali li torbot li tista’ tiġi pparagunata mad-dritt primarju. Madankollu, bħala sors ta’ gwida legali, din titfa’ dawl fuq id-drittijiet fundamentali (10) li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fl-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju (11).
25. Mill-kliem stess tal-Artikolu 41(1) tal-Karta jirriżulta, l-istess bħal fil-każ tal-Artikolu 253 KE, li dan l-obbligu ta’ motivazzjoni japplika biss għall- istituzzjonijiet tal-Komunità. Għaldaqstant dan ma jistax tiġi sempliċement estiż fil-konfront tal-korpi ta’ Stati Membri, anki jekk ikunu qed jimplementaw id-dritt Komunitarju (12).
Il-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza
26. Bħala prinċipju l-Istati Membri jirregolaw il-proċedura għall-implementazzjoni tad-dritt Komunitarju, sakemm id-dritt Komunitarju ma jinkludix rekwiżiti speċifiċi. Tabilħaqq jeżistu regoli dwar il-motivazzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ Stati Membri skont ċertu obbligi tad-dritt Komunitarju (13), uħud fil-qasam tal-liġi ambjentali (14), iżda ma hemm ebda regola speċjali dwar il-motivazzjoni ta’ deċiżjonijiet dwar eżami preliminari.
27. Madankollu l-Istati Membri mhumiex għal kollox liberi, meta jadottaw regoli ta’ proċedura għall-implementazzjoni tad-dritt Komunitarju. Ir-regoli proċedurali ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet nazzjonali simili (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma għandhomx jipprekludu fil-prattika jew jagħmlu eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mis-sistema legali Komunitarja (prinċipju ta’ effettività) (15).
28. Xejn ma jindika li jeżisti xi żvantaġġ b’paragun ma’ sitwazzjonijiet purament domestiċi li ma jirrikjedux l-obbligu ta’ motivazzjoni. Madankollu, mhuwiex paċifiku jekk il-limiti tal-prinċipju tal-effettività humiex qed jiġu osservati. Espressjoni speċifika tal-prinċipju tal-effettività huwa l-prinċipju tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Dan il-prinċipju jirrikjedi li drittijiet mogħtija mid-dritt Komunitarju għandhom ikunu eżegwibbli mill-qrati. B’mod partikolari, il-qrati għandhom ikunu f’pożizzjoni li jistħarrġu deċiżjoni tal-awtoritajiet li tiċħad dan id-dritt. L-istħarriġ għandu jestendi wkoll għar-raġunijiet mogħtija għad-deċiżjoni (16).
29. Dan hu l-kuntest li fih wieħed għandu jara l-konstatazzjonijiet fis-sentenza mogħtija fil-Kawża C‑87/02 dwar l-obbligu ta’ motivazzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li, f’dan il-każ, mingħajr l-informazzjoni mitluba ma kienx ikun possibbli li jiġi vverifikat jekk sarx eżami preliminari tal-bżonn ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent (17).
30. Dan l-argument huwa konvinċenti. Jekk deċiżjoni tkun nieqsa mill-informazzjoni kkonċernata, ikun tal-inqas diffiċli ħafna li sussegwentement jiġi kkonstatat jekk il-korp li ħa d-deċiżjoni ħax b’xi mod inkunsiderazzjoni l-effetti ambjentali possibbli ta’ proġett. Ta’ spiss jibqgħu dubji dwar jekk ġustifikazzjoni sussegwenti fil-qorti ngħatatx sempliċement għal deċiżjoni li tkun ittieħdet għal raġunijiet oħra.
31. Barra minn hekk, obbligu ta’ motivazzjoni jqiegħed lill-individwu f’pożizzjoni li fiha jkun jista’ jiddeċiedi b’għarfien sħiħ taċ-ċirkustanzi jekk jaqbillux li jagħmel kawża (18). F’dan il-każ motivazzjoni setgħet turi liema riskji għall-ambjent ittieħdu inkunsiderazzjoni. Rikors ikun jista’ jiġi ppreżentat biex tiġi kkontestata l-evalwazzjoni skorretta ta’ dawk ir-riskji jew in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ riskji rilevanti oħra.
32. L-għoti ta’ motivazzjoni mhuwiex biss fl-interess taċ-ċittadin, barra minn hekk: dan iservi bħala awtoeżami min-naħa tal-amministrazzjoni u jista’ jippaċifika r-relazzjonijiet maċ-ċittadin, peress li jekk il-motivazzjoni tkun konvinċenti dawn itemmu l-konflitti eżistenti u jevitaw tilwim legali superfluwu.
33. F’dan ir-rigward il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet reċentement li awtoritajiet nazzjonali għandhom jimmotivaw deċiżjoni li tiċħad il-benefiċċju ta’ dritt mogħti mid-dritt Komunitarju (19). Għaldaqstant l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ma jinkludix biss regoli dwar amministrazzjoni tajba mill-istituzzjonijiet iżda jiddokumenta prinċipju ġenerali tad-dritt, li anki l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom josservaw meta japplikaw id-dritt Komunitarju (20).
34. Fil-qosor, il-konklużjoni għandha tkun li l-Istati Membri għandhom jipprovdu l-motivazzjoni tagħhom għal deċiżjoni li tiċħad dritt mogħti mid-dritt Komunitarju.
Fuq il-possibbiltà ta’ ksur ta’ dritt
35. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk in-nuqqas ta’ twettiq ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent jistax jitqies bħala ċaħda ta’ dritt mogħti mid-dritt Komunitarju.
36. F’dan il-kuntest, iċ-ċaħda ta’ dritt ma tistax tiġi interpretata fis-sens li tfisser li għandu jeżisti konkretament id-dritt għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. F’dan il-każ l-obbligu ta’ motivazzjoni fil-prattika ma jkun ifisser xejn, peress li hu illegali li jiġi miċħud dritt li attwalment jeżisti, irrispettivament minn kull motivazzjoni li tingħata.
37. L-għoti ta’ motivazzjoni huwa pjuttost maħsub biex tkun tista’ tiġi mistħarrġa kull deċiżjoni li tikkonstata li dritt mogħti bħala prinċipju mid-dritt Komunitarju ma jeżistix fil-każ partikolari. Għaldaqstant l-amministrazzjoni għandha tagħti deċiżjoni motivata jekk id-dritt Komunitarju jkun ta pożizzjonijiet ġuridiċi lil-individwu li jistgħu jinkisru minn din id-deċiżjoni.
38. Fil-kawża prinċipali, ma ġew miksura ebda drittijiet tal-iżviluppatur. Huwa applika biex issir il-proċedura tal-approvazzjoni tal-iżvilupp mingħajr evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. Fir-rigward tiegħu, id-deċiżjoni ma għandhiex tkun waħda motivata.
39. Madankollu, anki d-drittijiet ta’ terzi huma rilevanti għall-obbligu ta’ motivazzjoni. Fir-rigward tal-proċeduri Komunitarji, ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat ukoll b’riferiment għall-interess li persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-miżura jista’ jkollhom biex jingħataw spjegazzjonijiet (21). B’hekk motivazzjoni hija neċessarja jekk f’kawżi ta’ kompetizzjoni l-Kummissjoni ma tressaq ebda oġġezzjoni għal konċentrazzjoni (22) jew għal għajnuna (23).
40. Dawn il-kriterji għandhom japplikaw ukoll għal deċiżjonijiet meħuda minn awtoritajiet tal-Istati Membri fl-implementazzjoni tad-dritt Komunitarju. Deċiżjoni li ma ssirx evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent neċessarjament taffettwa mhux biss lill-iżviluppatur iżda wkoll lil terzi, f’kull każ fejn huma jistgħu bħala prinċipju jitolbu evalwazzjoni.
41. Diġà ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja li terzi jistgħu jkunu intitolati li tiġi mwettqa evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. Jekk l-awtoritajiet leġiżlattivi jew amministrattivi ta’ Stat Membru jkunu eċċedew id-diskrezzjoni mogħtija lilhom mill-Artikoli 4(2) u 2(1) tad-Direttiva EEA, l-individwi jistgħu jibbażaw rwieħhom fuq dawn id-dispożizzjonijiet quddiem qorti ta’ dan l-Istat Membru kontra l-awtoritajiet nazzjonali. F’dan il-każ huma l-awtoritajiet tal-Istat Membru li għandhom jieħdu, skont il-poteri rilevanti tagħhom, il-miżuri ġenerali jew partikolari kollha neċessarji sabiex jiżguraw li l-proġetti jiġu eżaminati sabiex jiġi stabbilit jekk huwiex probabbli li dawn ikollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent u, jekk ikun il-każ, li jiżguraw li dawn ikunu suġġetti għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent (24).
42. Barra minn hekk, l-Artikolu 10a tad-Direttiva EEA issa jipprovdi li membri tal-pubbliku kkonċernati jew organizzazzjonijiet mhux governattivi jistgħu taħt ċerti kundizzjonijiet jitolbu stħarriġ minn qorti tad-deċiżjonijiet li għalihom japplikaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva EEA dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku. Dan id-dritt jiġi pperikolat jekk dawn ir-rikorrenti ma jkunux jistgħu jikkontestaw ukoll deċiżjoni biex ma jiġux implimentati d-dispożizzjonijiet dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku.
43. Għaldaqstant, permezz tal-Artikoli 4(2), 2(1) u 10a tad-Direttiva EEA l-Komunità tat dritt lill-individwi. Peress li d-deċiżjoni li ma ssirx evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent tista’ tostakola dan id-dritt, din għandha tkun motivata.
Konsegwenzi legali ta’ motivazzjoni mhux adegwata
44. Għandu jiġi osservat li l-prinċipju tal-effettività ma jirrikjedix li l-konsegwenzi legali ta’ motivazzjoni mhux adegwata jiġu armonizzati fis-sistemi legali differenti tal-Istati Membri. B’mod partikolari, l-Istati Membri ma għandhomx l-obbligu li jadottaw ir-regoli li japplikaw għall-għoti ta’ motivazzjoni mhux adegwata mill-istituzzjonijiet.
45. Fis-sistema Komunitarja, il-motivazzjoni ta’ att għandha bħala prinċipju tiġi kkomunikata lill-persuna kkonċernata fl-istess mument tal-att li jikkawżalu preġudizzju. In-nuqqas ta’ motivazzjoni, jew motivazzjoni mhux adegwata, ma jistax (bħala prinċipju) jiġi regolarizzat bil-fatt li l-persuna kkonċernata ssir taf bil-motivi tal-att matul il-proċeduri quddiem il-qrati Komunitarji (25). Madankollu, dan jikkorrispondi għad-delimitazzjoni strettament fattwali u legali tas-suġġett tal-kawża bis-sistema tar-rikors u d-difiża. Peress li rikorrent ma jistax b’mod ġenerali jestendi t-talba tiegħu (26), l-egwaljanza tal-armi proċedurali tiġi pperikolata jekk l-istituzzjoni konvenuta tkun tista’ sempliċement (27) tamplifika l-motivazzjoni tagħha matul il-proċedura kontenzjuża.
46. Madankollu, ma jkunx impossibbli li wieħed jadotta pożizzjoni iktar ġeneruża biex jiġu ssanati motivazzjonijiet difettużi fil-kuntest ta’ liġi proċedurali bi struttura differenti. Dan hu konċepibbli partikolarment fejn is-suġġett tar-rikors ikun miftuħ fir-rigward tal-mezzi ta’ kontestazzjoni legali, jiġifieri l-oġġezzjonijiet legali għad-deċiżjoni kkontestata, jew fejn l-estensjonijiet għal talba huma permessi matul il-proċedura ġudizzjarja. Madankollu dawn huma kwistjonijiet ta’ liġi proċedurali nazzjonali.
Risposta għall-ewwel domanda
47. Għaldaqstant l-Istati Membri għandhom, skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva SIA, jagħmlu aċċessibbli għall-pubbliku l-motivazzjoni għal deċiżjoni li, fir-rigward ta’ proġett imsemmi fl-Anness II, mhuwiex neċessarju li l-proġett ikun suġġett għal evalwazzjoni skont l-Artikoli 5 u 10 tad-direttiva.
C – Fuq it-tieni u t-tielet domandi
48. Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax teżamina jekk is-Secretary of State mmotivatx adegwatament id-deċiżjoni tagħha, it-tieni u t-tielet domandi għandhom jinftehmu bħala li jsaqsu x’rekwiżiti għandhom jiġu stabbiliti għall-motivazzjoni ta’ deċiżjoni biex ma ssirx evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, u b’mod partikolari jekk ikunx biżżejjed li jiġu indikati l-kriterji fir-rigward ta’ liema huwa probabbli li ma jkun hemm ebda effetti ambjentali sinjifikattivi.
49. Il-kontenut tal-motivazzjoni għandu jimxi mal-għan tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-Kawża C‑87/02 iċċitata iktar ’il fuq, li deċiżjoni li tgħid li ma għandhiex issir evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent għandha tinkludi jew tiġbor magħha l-informazzjoni kollha li tippermetti li jiġi vverifikat jekk hijiex ibbażata fuq eżami preliminari adegwat magħmul skont ir-rekwiżiti tad-Direttiva EEA (28). Għaldaqstant il-punt deċisiv hu jekk il-motivazzjonijiet mogħtija juru li jkun sar eżami preliminari adegwat.
50. Fir-rigward ta’ kemm kien adegwat l-eżami preliminari, wieħed għandu josserva li d-Direttiva EEA tikkonċerna l-evalwazzjoni totali tal-effetti ta’ proġetti u l-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari n-natura, id-daqs u l-lok tal-proġett sabiex jiddeterminaw jekk huwiex probabbli li jkun hemm effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent (29).
51. Jekk huwa ovvju li ma hemm ebda effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, sentenza waħda għandha sservi biex tiddokumenta l-eżami preliminari inkwistjoni. Jekk, min-naħa l-oħra, diġà ġew indikati ċerti effetti ambjentali possibbli, ikunu meħtieġa dikjarazzjonijiet iktar estensivi li juru li dawn l-effetti ġew debitament ikkunsidrati. Il-ġurisprudenza dwar l-obbligu ta’ motivazzjoni taħt id-dritt primarju hawnhekk isservi bħala gwida. Skont din il-ġurisprudenza, għandu jkun hemm biżżejjed provi tar-raġunijiet għalfejn aspetti legali u fattwali li diġà tqajmu waqt il-proċedura ma jurux li teżisti l-possibbiltà ta’ effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent. Madankollu, ma hemm ebda ħtieġa li tiġi definita pożizzjoni dwar suġġetti li huma evidentement irrilevanti jew li ma huma ta’ ebda importanza jew sempliċement ta’ importanza sekondarja, jew sabiex jiġu antiċipati oġġezzjonijiet potenzjali (30).
52. F’dan ir-rigward il-proċeduri legali prinċipali jqajmu żewġ punti b’mod partikolari, jiġifieri l-lok tal-proġett f’żona ta’ sbuħija naturali liema bħala, rikonoxxuta taħt il-liġi nazzjonali u l-effett possibbli fuq post fejn jistrieħu l-friefet il-lejl li ssir referenza għaliha minn C. Mellor fil-proċedura amministrattiva. Iż-żewġ aspetti jirreferu għal-lok tal-proġett. Is-sensittività ekoloġika ta’ din iż-żona ġeografika għandha tiġi kkunsidrata, taħt l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva EEA u l-punt 2 tal-Anness III. Ċerti punti li għalihom issir referenza speċifika għandhom jiġu kkunsidrati b’mod partikolari.
53. L-isbuħija naturali tal-lok, fi kliem ieħor aspett estetiku, jaqa’ biss marġinalment taħt il-kunċett ta’ sensittività ekoloġika: punt 2(h) tal-Anness III isemmi pajsaġġi ta’ sinjifikat storiku, kulturali jew arkeoloġiku. Meta l-ebda wieħed minn dawn il-karatteristiċi ma jkun rilevanti, l-estetika titqies pjuttost bħala kwistjoni ta’ gosti milli bħala kriterju ekoloġiku. F’dan il-każ l-effett possibbli fuq il-pajsaġġ mhuwiex indikazzjoni importanti tal-effetti sinjifikattivi possibbli fuq l-ambjent. Dan il-fattur imbagħad ikun ta’ importanza sekondarja, u b’hekk ma jkunx hemm għalfejn jiġi indirizzat.
54. Min-naħa l-oħra, l-effett possibbli fuq post fejn jistrieħu l-friefet il-lejl hu kwistjoni ta’ kemm hu kapaċi jassorbi l-ambjent naturali skont it-tifsira tat-tielet inċiż tal-punt 2 tal-Anness III għad-Direttiva EEA. Huwa minnu li dawk il-postijiet fejn jistrieħu l-friefet il-lejl huma speċifikament koperti, taħt punt 2(e), biss fil-każ fejn jaqgħu taħt żoni protetti, f’żoni partikolari indikati mid-Direttiva dwar il-Habitat (31). Madankollu l-Istati Membri, skont l-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva dwar il-Habitat u l-Anness IV għal din id-direttiva, għandhom jiżguraw il-protezzjoni stretta tal-postijiet kollha fejn jistrieħu l-friefet il-lejl, peress li dawn huma siti għat-tgħammir u/jew postijiet għall-mistrieħ ta’ speċi li hi taħt protezzjoni stretta (32). Huwa biss taħt ċerti kundizzjonijiet definiti b’mod strett li jista’ jkun permess li ssir ħsara lill-postijiet fejn jistrieħu l-friefet il-lejl (33). Għaldaqstant il-ħsara fuq postijiet fejn jistrieħu l-friefet il-lejl bħala prinċipju għandha impatt sinjifikattivi fuq l-ambjent, li tirrikjedi evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent (34).
55. Deċiżjoni biex ma ssirx evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent għandha għaldaqstant tinkludi jew tiġbor magħha l-informazzjoni kollha li tippermetti li jiġi vverifikat li hija bbażata fuq eżami preliminari adegwat imwettaq skont ir-rekwiżiti tad-Direttiva SIA. B’mod partikolari, għandu jkun hemm prova suffiċjenti tar-raġunijiet għalfejn aspetti legali u fattwali li diġà ġew imqajma fil-proċedura ma jindikawx li hemm possibbilità ta’ effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent.
V – Konklużjoni
56. Għaldaqstant nipproponi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi tal-qorti nazzjonali għandha tkun:
1. L-Istati Membri għandhom, skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, kif emendata bid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/35/KE tas-26 ta’ Mejju 2003 li tipprovdi għall-parteċipazzjoni pubblika rigward it-tfassil ta’ ċerti pjani u programmi li għandhom x’jaqsmu mal-ambjent u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/337/KEE u 96/61/KE rigward il-parteċipazzjoni pubblika u l-aċċess għall-ġustizzja, jagħmlu aċċessibbli għall-pubbliku l-motivazzjoni għal deċiżjoni li, fir-rigward ta’ proġett imsemmi fl-Anness II, mhuwiex neċessarju li l-proġett ikun suġġett għal evalwazzjoni skont l-Artikoli 5 u 10 tad-direttiva.
2. Din id-deċiżjoni għandha tinkludi jew tiġbor magħha l-informazzjoni kollha li tippermetti li jiġi vverifikat li hija bbażata fuq eżami preliminari adegwat imwettaq skont ir-rekwiżiti tad-Direttiva 85/337. B’mod partikolari, għandu jkun hemm prova suffiċjenti tar-raġunijiet għalfejn aspetti legali u fattwali li diġà ġew imqajma fil-proċedura ma jindikawx li hemm possibbilità ta’ effetti sinjifikanti fuq l-ambjent.
1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.
2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248.
3 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 446.
4 – Ara, fir-rigward tal-verżjonijiet preċedenti tad-direttiva, is-sentenzi tal-24 ta’ Ottubru 1996, Kraaijeveld et (C‑72/95, Ġabra p. I‑5403, punt 50); tal-21 ta’ Settembru 1999, Il-Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑392/96, Ġabra p. I‑5901, punt 64); tad-29 ta’ April 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑117/02, Ġabra p. I‑5517, punt 82); tat-2 ta’ Ġunju 2005, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑83/03, Ġabra p. I‑4747, punt 19); tat-8 ta’ Settembru 2005, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑121/03, Ġabra p. I‑7569, punt 87); tas-16 ta’ Marzu 2005, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑332/04, Ġabra p. I‑40, punt 76); tat-28 ta’ Frar 2008, Abraham et (C‑2/07, Ġabra p. I‑1197, punti 37 u 42); u tal-25 ta’ Lulju 2008, Ecologistas en Acción-CODA, (C‑142/07, Ġabra p. I‑6097, punt 38).
5 – Ara s-sentenzi Il-Kummissjoni vs Spanja (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 77), u Abraham et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 38).
6 – Sentenza Abraham et, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 42).
7 – Sentenza Abraham et, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 43.
8 – Sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2004, Il‑Kumissjoni vs L‑Italja (C‑87/02, Ġabra p. I‑5975, punt 49).
9 – Il-Karta ġiet proklamata solennement għall-ewwel darba f’Nizza fis-7 ta’ Diċembru 2000 (ĠU 2000, C 364, p. 1) u għal darb’oħra fi Stasbourg fit-12 ta’ Diċembru 2007 (ĠU 2007 C 303, p. 1).
10 – Ara wkoll dwar dan il-punt is-sentenzi tas-27 ta’ Ġunju 2006, Il‑Parlament vs I‑-Kunsill (Rijunifikazzjoni tal-familja), (C‑540/03, Ġabra p. I‑5769, punt 38), u tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet (C‑432/05, Ġabra p. I‑2271, punt 37).
11 – Ara s-sentenzi tal-24 ta’ Marzu 1994, Bostock (C‑2/92, Ġabra p. I‑955, punt 16); tat-18 ta’ Mejju 2000, Rombi u Arkopharma (C‑107/97, Ġabra p. I‑3367, punt 65); tas-6 ta’ Novembru 2003, Lindqvist (C‑101/01, Ġabra p. I‑12971, punt 87); u Rijunifikazzjoni tal-familja (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 105). Ara wkoll l-Artikolu 52(5) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.
12 – Ara f’dan is-sens is-sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2003, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑233/00, Ġabra p. I‑6625, punt 109).
13 – Ara pereżempju, fir-rigward tat-tkeċċija ta’ ċittadini tal-Unjoni, l-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 46).
14 – Ara pereżempju, dwar ir-rifjut li tiġi żvelata informazzjoni ambjentali, it-tieni sentenza tal-Artikolu 4(5) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/4/KE tat-28 ta’ Jannar 2003, dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/313/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 375), jew, dwar l-għoti tal-approvazzjoni ta’ proġetti wara stima tal-impatt ambjentali, it-tieni inċiż tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva EEA.
15 – Ara s-sentenzi tat-2 ta’ Ottubru 2003, Weber’s Wine World et (C-147/01, Ġabra p. I-11365, punt 103), tas-7 ta’ Jannar 2004, Wells (C‑201/02, Ġabra p. I‑723, punt 67); tad-19 ta’ Settembru 2006, i-21 Germany u Arcor (C‑392/04 u C‑422/04, Ġabra p. I‑8559, punt 57); tal-15 ta’ Marzu 2007, Reemtsma (C‑35/05, Ġabra p. I‑2425, punt 37).
16 – Ara s-sentenzi tal-15 ta’ Ottubru 1987, Heylens et (222/86, Ġabra p. 4097, punt 15), u tal-15 ta’ Frar 2007, BVBA Management, Training en Consultancy (C‑239/05, Ġabra p. I‑1455, punt 36).
17 – Ara Il-Kummissjoni vs L-Italja (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8).
18 – Ara s-sentenza Heylens (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16), u l-konklużjonijiet tiegħi tas-27 ta’ Jannar 2005 fil-Kawża Housieaux (C‑186/04, Ġabra p. I-3299, punt 32).
19 – Ara s-sentenza BVBA Management, Training en Consultancy (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 36, li tikkonċerna d-dritt tat-trademarks). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro tal-15 ta’ Frar 2007 fil-Kawża Tele2 Telecommunication (sentenza tal-21 ta’ Frar 2009, C‑426/05, Ġabra p. I-685) punt 49); tal-Avukat Ġenerali Sharpston tas-6 ta’ Lulju 2006 fil-Kawża BVBA Management, Training en Consultancy (C‑239/05, Ġabra p. I‑1455, punt 40) u l-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Housieaux (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18).
20 – Ara, fir-rigward ta’ rekwiżiti oħra għal amministrazzjoni tajba fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju mill-Istati Membri, is-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2007, Laub (C‑428/05, Ġabra p. I‑5069, punt 25) u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer tas-27 ta’ Novembru 2007, SECAP (C‑147/06 u C‑148/06, Ġabra p, I‑3565, punt 49 et seq).
21 – Ara s-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala (C‑413/06 P, p. I‑4951, punt 166).
22 – Ara s-sentenza Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 171 et seq).
23 – Ara s-sentenzi tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, (C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 64) u tal-1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et (C‑341/06 P u C‑342/06 P, Ġabra p. I‑4777, punt 89).
24 – Ara s-sentenza tas-16 ta’ Settembru 1999, WWF et (C‑435/97, Ġabra p. I‑5613, punt 71).
25 – Ara s-sentenzi tas-26 ta’ Novembru 1981, Michel vs Il-Parlament (195/80, Ġabra p. 2861, punt 22); tas-26 ta’ Settembru 2002, Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑351/98, Ġabra p. I‑8031, punt 84); tat-22 ta’ Jannar 2004, Mattila vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑353/01 P, Ġabra p. I‑1073, punt 32); tad-29 ta’ April 2004, IPK-München vs Il‑Kummissjoni (C‑199/01 P u C‑200/01 P, Ġabra p. I‑4627, punt 66); u tat-28 ta’ Ġunju, 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni (C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 463); kif ukoll is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2006, Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il‑Kunsill (T‑228/02, Ġabra p. II‑4665, punt 139); u tat-23 ta’ Ottubru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il‑Kunsill (T‑256/07, p. II‑3019, punt 182).
26 – Ara l-Artikolu 42(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, u s-sentenza tat-30 ta’ Settembru 1982, Amylum vs Il‑Kunsill (C‑108/81, Ġabra p. 3107, punt 24 et seq); barra minn hekk, b’referenza għall-proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – ara l-konklużjonijiet tiegħi tad-29 ta’ Jannar 2004 fil-kawża Il‑Kummissjoni vs L-Olanda (C‑350/02, Ġabra p. I‑6213, punt 31 et seq).
27 – Ara s-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑402/05 P u C‑415/05 P, Ġabra p. I-6351, punt 350), madankollu l-possibilitajiet li jiġi ssanat difett f’ċirkustanzi eċċezzjonali tħallew miftuħa.
28 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8.
29 – Ara l-punt 15 iktar ’il fuq.
30 – Ara f’dan is-sens, minbarra Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France u Chronopost vs UFEX et, is-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2005, Il‑Ġermanja u Id‑Danimarka vs Il‑Kummissjoni (C‑465/02 u C‑466/02, Ġabra p. I‑9115, punt 106), u Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 167).
31 – Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU 1992 L 206, p. 7).
32 – Ara s-sentenzi tal-20 ta’ Ottubru 2005, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (C‑6/04, Ġabra p. I-9017, punt 79); tal-10 ta’ Jannar 2006, Il‑Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑98/03, Ġabra p. I-53, punt 55); u tal‑11 ta’ Jannar 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑183/05, Ġabra p. I-137, punt 47).
33 – Ara, dwar l-eċċezzjonijiet għas-sistema ta’ protezzjoni fir-rigward tal-kaċċa tal-lupu, is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Finlandja (C‑342/05, Ġabra p. I-4713, punt 25 et seq).
34 – Ara Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punt 34 et seq).
Full & Egal Universal Law Academy