KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
Sharpston
ippreżentati fis-17 ta’ Settembru 2009 1(1)
Kawża C‑172/08
Pontina Ambiente Srl
vs
Regione Lazio
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Commissione Tributaria Provinciale di Roma (l-Italja)]
“Rimi ta’ skart – Taxxa speċjali fuq it-tqegħid ta’ skart solidu f’landfill – Ħlas tardiv”
1. Il-leġiżlazzjoni Komunitarja sekondarja li tittratta r-rimi ta’ skart bid-depożitu tiegħu f’landfill (2) hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”. Il-prezz li jinżamm għar-rimi ta’ skart f’landfill huwa maħsub li jkopri l-ispejjeż kollha (kemm fuq perijodu qasir u fuq perijodu twil) tal-operazzjoni ta’ rimi ta’ skart. Dan il-każ jippreżenta lill-Qorti tal-Ġustizzja bil-problema ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li għandha l-għan li timplementa d-direttiva dwar ir-rimi ta’ skart f’landfill; imma li tinkludi lakuni li għandhom l-effett li operatur fil-qasam tar-rimi tal-iskart li huwa obbligat iħallas taxxa kkalkolata skont il-kwantità ta’ skart depożitat jiġi affaċċjat bil-ħlas ta’ penalità għal ħlas tardiv tat-taxxa filwaqt li apparentement m’għandu ebda rimedju kontra l-awtoritajiet muniċipali (“min iniġġes” li f’isimhom huwa jarmi l-iskart tagħhom, li konsistentement naqsu milli jirrimborsawlu t-taxxa u li għaldaqstant huma responsabbli, minn tal-inqas parzjalment, għall-fatt li dan kellu jħallas penalità għal ħlas tardiv.
2. F’din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Commissione Tributaria Provinciale di Roma tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk ċerti dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali Taljana humiex kompatibbli mal-Artikoli 12, 14, 43 u 46 KE, id-direttiva dwar ir-rimi ta’ skart f’landfill u d-Direttiva 2000/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Ġunju 2000 dwar il-ġlieda kontra ħlasijiet tard [ħlas tardiv] fi transazzjonijiet kummerċjali (3).
Id-dritt Komunitarju
Id-dispożizzjonijiet tat-Trattat
3. L-Artikolu 12 KE jipprojbixxi kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat u bla ħsara għad-dispożizzjonijiet speċjali inklużi hemmhekk.
4. L-Artikolu 14 KE jipprovdi, inter alia, li l-Komunità għandha tadotta miżuri li jistabbilixxu progressivament is-suq intern.
5. L-Artikolu 43 KE jipprojbixxi restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment ta’ ċittadini ta’ Stat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.
6. L-Artikolu 46 KE jagħti lill-Istati Membri, b’deroga mill-Artikolu 43, id-dritt li japplikaw dispożizzjonijiet preskritti b’liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi li jipprovdu għal trattament speċjali ta’ ċittadini barranin u li huma ġustifikati għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, sigurtà pubblika u saħħa pubblika.
Id-direttiva dwar ir-rimi ta’ skart f’landfill
7. Id-Direttiva 1999/31 hija parti mill-“istrateġija tal-iskart” taħt id-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE (4). Din tistipula miżuri, proċeduri u gwida bil-għan li jiġu evitati jew kemm jista’ jkun jitnaqqsu l-effetti negattivi fuq l-ambjent ikkawżati mir-rimi ta’ skart f’landfill (5).
8. Il-Premessa 5 tgħid li “skond il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas hija neċessarja, inter alia, li tieħu akkont ta’ kull ħsara lill-ambjent prodott minn terraferma [landfill]”. Il-premessa 6 żżid tgħid li “bħal kull tip ieħor ta’ trattament ta’ skart, terraferma [landfill] trid tkun adegwament sorveljata u kontrollata biex jiġu prevenuti jew jitnaqqsu effetti ħżiena potenzjali għall-ambjent u riskji għas-saħħa tal-bniedem”.
9. Il-Premessa 9 tosserva li “l-Istati Membri jridu jkunu kapaċi li japplikaw il-prinċipji ta’ prossimitá u suffiċjenza tagħhom għall-eliminazzjoni ta’ l-iskart tagħhom fl-livellat [livell] Komunitarju u nazzjonali, bi qbil mad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE tal-15 ta’ Lulju ta’ l-1975 fuq skart […] billi l-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandu jiġi segwit u kjarifikat permezz ta’ twaqqif fuq xbieki [ta’ netwerks] integrati, adegwati ta’ impjanti tar-rimi bażati fuq livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali”.
10. Il-Premessa 29 tgħid li l-prezz mitlub għal rimi ta’ skart f’terraferma [landfill] jrid ikopri l-ispejjeż kollha involuti fil-bidu u fit-tħaddim tal-faċilità.
11. L-Artikolu 10 mbagħad jipprovdi, sa fejn huwa rilevanti għalina, li:
“[L]-Istati Membri jridu jieħdu mżuri biex jiżguraw l-ispejjeż kollha involuti fil-bidu u l-operazzjoni tas-sit ta’ terraferma [landfill], inkluża kemm jista’ jkun possibbli l-ispiża tas-sigurtá finanzjarja jew l-ekwivalenti tagħha riferuta fl-Artikolu 8(a)(iv), u l-ispejjeż stmati ta’ l-għeluq u l-kura ta’ wara tas-sit għal perijodu ta’ għall-inqas 30 sena jridu jkunu koperti mill-prezz li jrid jintalab biex jitħallas mill-operatur għar-rimi ta’ kull tip ta’ skart f’dak is-sit […].”
Id-direttiva dwar ħlas tardiv
12. Id-Direttiva 2000/35 għandha l-għan li tnaqqas ħlas tardiv fi transazzjonijiet kummerċjali (6). Il-Premessa 7 tfakkar fil-piżijiet amministrattivi u finanzjarji kbar imqiegħda fuq in-negozji, b’mod partikolari, dawk żgħar u ta’ daqs medju, bħala riżultat tal-perijodi eċċessivi ta’ ħlas u ħlas tardiv, u li dawn jikkostitwixxu kawża prinċipali għall-fallimenti. Il-Premessa 16 tikkonstata li l-parti l-kbira tal-Istati Membri għamlu l-ħlas tardiv finanzjarjament attraenti għad-debituri billi adottaw rati ta’ interessi baxxi għall-ħlas tardiv u/jew proċeduri bil-mod għar-rimedju. Din tosserva li “ċaqliqa deċiżiva, inkluż il-kumpens għall-kredituri għall-ispejjeż magħmula, huwa meħtieġa biex titreġġa’ lura din ix-xejra u biex jiġi żgurat li l-konsegwenzi ta’ ħlas tardiv ikunu dawk li jiskoraġġixxu l-ħlas tard”.
13. L-Artikolu 1 jipprovdi li “[d]in id-Direttiva għandha tapplika għall-ħlasijiet kollha magħmula bħala remunerazzjoni għal transazzjonijiet kummerċjali”.
14. Skont l-Artikolu 2(1) “transazzjonijiet kummerċjali” tfisser “transazzjonijiet bejn intrapriżi jew bejn intrapriżi u awtoritajiet pubbliċi li twassal għall-ġarr ta’ oġġetti jew il-provvista ta’ servizzi għall-ħlas”; “awtorità pubblika” tfisser “kull awtorità jew entità li tikkuntratta, kif definita bid-Direttivi dwar ta’ Ksib Pubbliku […]” u “intrapriża” tfisser “kull organizzazzjoni li taġixxi fil-kors tal-attività ekonomika tagħha indipendenti jew professjonali, ukoll meta titwettaq minn persuna waħda”. Skont l-Artikolu 2(2) “ħlas tard [tardiv]” tfisser “meta jiġi eċċedut il-perjodu kuntrattwali jew statutorju ta’ ħlas”.
15. L-Artikolu 3 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li f’każijiet ta’ ħlas tardiv jitħallsu l-interessi u jiddefinixxi kemm iż-żmien li fih tali ammonti jsiru dovuta mid-debitur u r-rata ta’ interessi disważiva applikabbli f’każijiet ta’ ħlas tardiv.
Id-dispożizzjonijiet nazzjonali
16. L-Italja adottat il-Liġi Nru 549 tat-28 ta’ Diċembru 1995 (7) li tirregola r-rimi ta’ skart f’landfill. L-Artikolu 3 jinkludi numru ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi f’dan ir-rigward.
17. L-Artikolu 3(24) u (25) jistabbilixxi taxxa speċjali fuq ir-rimi ta’ skart solidu f’landfill, sabiex tippromwovi tnaqqis fl-ammont ta’ skart prodott u l-irkupru ta’ materja prima u enerġija minn dan l-iskart. Skont l-Artikolu 3(26), it-taxxa titħallas mill-operatur tal-landfill għar-rimi tal-iskart, imma trid tingħadda fuq min iforni l-iskart (8). Il-bażi tal-istima, skont l-Artikolu 3(28) hija l-kwantità ta’ skart depożitat.
18. Skont l-Artikolu 3(27), it-taxxa hija pagabbli lir-reġjuni u, skont l-Artikolu 3(30) din trid titħallas kull tliet xhur, fi żmien xahar mill-aħħar ta’ kull tliet xhur, fir-rigward ta’ skart depożitat matul dawk it-tliet xhur.
19. L-Artikolu 3(31) jipprovdi li fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas, ħlas tardiv jew ħlas imnaqqas, għandha tiġi imposta penalità ta’ bejn darbtejn jew erba’ darbiet l-ammont konċernat (9).
Il-fatti u d-domandi preliminari magħmula
20. Pontina Ambiente Srl (iktar ’il quddiem “Pontina Ambiente”) hija operatur ta’ landfill li d-drittijiet u l-obbligi tagħha huma rregolati bil-Liġi Nru 549/95.
21. Skont il-Liġi Nru 549/95, ir-Reġjun ta’ Lazio stabbilixxa debitament il-landfill li għandu jintuża minn kull awtorità muniċipali u stabbilixxa l-prezz għas-servizz ipprovdut mill-operatur ta’ dak is-sit. Fi ħdan dan il-qafas, ir-Reġjun tal-Lazio kkonkluda ftehim ma’ Pontina Ambiente għall-ħażna u l-ipproċessar ta’ skart minn ċerti awtoritajiet muniċipali. Pontina Ambiente saret responsabbli għall-ħlas tat-taxxa lir-reġjun ta’ Lazio mhux iktar tard minn xahar mill-aħħar tat-tliet xhur li matulhom l-iskart rilevanti ġie depożitat. In-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan it-terminu wassal biex Pontina Ambiente tinkorri sanzjoni finanzjarja.
22. Madankollu, it-taxxa kienet pagabbli bil-quddiem qabel ma’ Pontina Ambiente tingħata l-fondi mill-awtoritajiet muniċipali. Mill-fatti addizzjonali li ħarġu matul is-seduta, jidher li huwa paċifiku, l-ewwel nett, li l-awtoritajiet muniċipali ma jħallsux id-djun tagħhom fil-perijodu konswetudinali għal transazzjonijiet kummerċjali. Pjuttost, peress li l-perijodi normali tal-ħlas għall-awtoritajiet muniċipali huma ta’ 120 ġurnata, hemm ċans kbir li operatur tal-landfill ma jkunx għadu ġie rimborsat għal xi “rata” ta’ tliet xhur ta’ taxxa sa meta jkun wasal iż-żmien li titħallas ir-rata li jmiss. It-tieni nett, numru ta’ awtoritajiet muniċipali fil-preżent jinsabu fi proċeduri ta’ insolvenza. Skont il-liġi nazzjonali, operaturi bħal Pontina Ambiente mhumiex kredituri privileġġjati. Fl-aħħar nett, operaturi ta’ landfill, ma jistgħux jinsistu għal depożitu mingħand awtoritajiet muniċipali insolventi bħala kundizzjoni preliminari għat-trattament tal-iskart. Lanqas ma jistgħu, skont il-leġiżlazzjoni dwar is-saħħa pubblika Taljana, jirrifjutaw li jittrattaw l-iskart konsenjat lilhom.
23. Fil-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, Pontina Ambiente talbet l-annullament ta’ żewġ stimi ta’ taxxa mhux imħallsa, flimkien ma’ multi għal ħlas tardiv. Hija u tagħmel dan, hija kkontestat l-Artikolu 3(26) u (31) tal-Liġi Nru 549/95, sa fejn dawn jirrendu operatur ta’ landfill responsabbli għal ħlas tat-taxxa u jippenalizzawh għal ħlas tardiv lir-reġjun, filwaqt li ma jippreskrivu ebda multi li għandhom jiġu imposti fuq l-awtoritajiet muniċipali li kkawżaw id-dewmien fit-twettiq ta’ dawn il-ħlasijiet. B’mod partikolari, il-ħlas tat-taxxa mill-operatur ta’ landfill mhuwiex suġġett għall-kundizzjoni li dan tal-aħħar jirċievi l-ħlas mill-awtoritajiet muniċipali għas-servizzi pprovduti.
24. Il-qorti nazzjonali rrinvjat il-kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja. Hija tixtieq tkun taf jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali humiex kompatibbli mal-Artikoli 12, 14, 43 u 46 KE u mad-direttiva dwar ir-rimi ta’ skart f’landfill u d-direttiva dwar ħlas tardiv.
25. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Pontina Ambiente kif ukoll mill-Gvern Taljan u l-Kummissjoni (it-tnejn li huma attendew għas-seduta tal-4 ta’ Ġunju 2009).
Rimarki preliminari
Ammissibbiltà
26. Matul is-seduta, il-Gvern Taljan impliċitament staqsa jekk l-Artikolu 3(31) tal-Liġi Nru 549/95 kienx japplika għas-sitwazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. Għalkemm qabel li d-deskrizzjoni tas-sitwazzjoni legali fid-digriet tar-rinviju kienet preċiża, il-Gvern Taljan sostna li l-penalità dovuta f’każ ta’ nuqqas ta’ ħlas tat-taxxa kienet ta’ 30 % tat-taxxa (u mhux, kif speċifikat bl-Artikolu 3(31) tal-Liġi Nru 549/95, bejn darbtejn u erba’ darbiet l-ammont dovut bħala taxxa). L-ammonti murija bħala penalità fil-proċess jidhru li jikkonfermaw din l-analiżi (10).
27. Sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tagħti interpretazzjoni utli tad-dritt Kommunitarju, il-qorti tar-rinviju għandha tiddetermina l-kwistjonijiet li huma purament ta’ liġi nazzjonali (11). Imbagħad, il-kwistjoni ta’ jekk il-penalità hijiex speċifikata fl-Artikolu 3(31) tal-Liġi Nru 549/95 inkella f’xi dispożizzjoni legali nazzjonali oħra ma tbiddilx in-natura tal-kwistjoni mressqa quddiem il-qorti nazzjonali.
Ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari
28. Fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju ma fformulatx domanda speċifika. Pjuttost, din illimitat ruħha li tindika li għandha dubji dwar jekk il-liġi nazzjonali hijiex kompatibbli ma’ numru ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju.
29. Il-Kummissjoni tosserva korrettement li meta d-digriet tar-rinviju ma jindikax b’mod preċiż id-domanda li l-qorti nazzjonali qed tagħmel, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirriformula d-domanda (12). Għalkemm kien hemm riformulazzjoni provviżorja li dehret f’komunikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali (13), fil-fehma tiegħi hija meħtieġa riformulazzjoni addizzjonali. Żewġ punti għandhom b’mod partikolari jiġu indirizzati fil-qosor.
30. L-ewwel nett, id-digriet tar-rinviju donnu jistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi jekk liġi domestika hijiex kompatibbli mal-obbligi li l-Italja għandha taħt id-dritt Komunitarju. Madankollu, hija ġurisprudenza stabbilita li l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja taħt l-Artikolu 234 KE hija limitata għal deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni (u, fejn huwa rilevanti, il-validità) ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju (14). Meta tagħmel dan, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ madankollu tagħti deċiżjoni li tippermetti li l-qorti nazzjonali, imbagħad, tevalwa l-kompatibbiltà ta’ liġi nazzjonali mad-dritt Komunitarju.
31. It-tieni nett, l-Artikolu 3 tad-direttiva dwar ħlasijiet tard [ħlas tardiv] (imsemmi mill-qorti tar-rinviju fid-digriet tar-rinviju tagħha) jipprovdi li l-Istati Membri “għandhom jiżguraw” li ħlas tardiv kopert bid-direttiva jkun suġġett għal ħlas ta’ interessi. Din tqajjem il-kwistjoni dwar jekk is-sistema stabbilita (inter alia) bl-Artikolu 3(26) u (31) tal-Liġi Nru 549/95 hijiex prekluża minn din id-dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju.
32. Għalhekk ser nikkunsidra li d-domandi inklużi impliċitament fid-digriet tar-rinviju huma kif ġej:
“1. L-Artikoli 12, 14, 43 u 46 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjonijiet nazzjonali bħall-Artikolu 3(26) u (31) tal-Liġi Nru 549 tat-28 Diċembru 1995, li jintroduċi taxxa speċjali għad-depożitu ta’ skart f’landfill u li jippreskrivi perijodu li matulu għandha tinġabar it-taxxa, mingħajr madankollu ma jeżiġi li t-taxxa tiġi rimborsata fi żmien raġonevoli, jew mingħajr ma jippreskrivi mekkaniżmu effettiv għal rimbors?
2. L-Artikolu 10 tad-direttiva dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma [landfill] għandu jiġi interpretat bħala li jipprekludi dispożizzjonijiet nazzjonali bħall-Artikolu 3(26) u (31) tal-Liġi Nru 549 tat-28 ta’ Diċembru 1995?
3. Operatur ta’ landfill jista’ jirkupra mingħand il-fornitur tal-iskart penalità imposta għal ħlas tardiv ta’ taxxa bħal din?
4. Ir-rimbors ta’ taxxa bħal din huwa kopert bl-Artikoli 1 u 2 tad-direttiva dwar ħlas tardiv, biex b’hekk l-Artikolu 3 tagħha jobbliga lill-Istati Membri li jiżguraw li interessi b’rata disważiva jistgħu jinġabru fil-każ ta’ ħlas tardiv ta’ taxxa bħal din?”
33. Wara l-kwistjonijiet individwali hemm il-kwistjoni ċentrali li tinsab quddiem il-qorti nazzjonali: hemm xi waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju li tipprekludi sistema bħal dik li teżisti fl-Italja (li minnha jifforma parti l-Artikolu 3(26) u (31) tal-Liġi Nru 549/95), fil-każ fejn sistema bħal din ma tippermettix lill-operatur tas-sit li effettivament jirkupra jew l-ammont tat-taxxa pagabbli meta tkun dovuta jew l-ispiża tal-finanzjament tal-ħlas bil-quddiem ta’ dak l-ammont f’każ ta’ rkupru li jsir tard?
L-Artikoli 12, 43 u 46 KE
34. Hija ġurisprudenza stabbilita li l-Artikoli 12 u 43 KE japplikaw biss f’sitwazzjonijiet li jkollhom element transkonfinali (15). Peress li l-Artikolu 46 KE jidderoga mill-Artikolu 43 KE, bl-istess mod dan għandu jittieħed inkunsiderazzjoni biss jekk ikun japplika l-Artikolu 43 KE.
35. Dan il-każ jikkonċerna kumpannija Taljana, stabbilita fl-Italja, li tiddisponi mill-iskart ta’ muniċipalità Taljana. Il-kumpannija qed tikkontesta deċiżjoni meħuda minn awtorità pubblika Taljana, taħt il-liġi Taljana, u qed tagħmel dan fil-qrati Taljani. Is-sitwazzjoni hija waħda purament interna għal Stat Membru partikolari.
36. Madankollu, Pontina Ambiente tipprova tindika effett potenzjalment transkonfinali fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha. Hija targumenta li l-liġi Taljana timponi taxxa fuq operaturi ta’ landfill mingħajr ma tipprovdilhom il-mezzi biex jinfurzaw l-irkupru tas-somom li huma ħallsu mingħand il-fornituri tal-iskart. Dan idgħajjef is-sitwazzjoni finanzjarja tal-operaturi tal-landfill u tqegħedhom fi żvantaġġ kompetittiv meta mqabbla ma’ operaturi oħra ta’ landfill li joperaw fi swieq differenti ġewwa l-Komunità.
37. Dan l-argument huwa inġenjuż imma essenzjalment ipotetiku. Dan jonqos milli jispjega kif l-eżerċizzju attwali tal-libertà ta’ stabbiliment jiġi b’mod plawżibbli affettwat negattivament bid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi kontestati. Għalhekk ma nikkunsidrax li dan jipprova l-eżistenza ta’ element transkonfinali suffiċjenti biex l-Artikolu 43 KE jsir applikabbli, jew, konsegwentement, li l-Artikolu 46 KE jsir applikabbli. Jekk l-Artikoli 43 u 46 KE ma japplikawx għas-sitwazzjoni fattwali li tat lok għar-rinviju, lanqas ma nista’ nara kif l-Artikolu 12 KE jista’ jkun applikabbli.
38. Għalhekk nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi li l-Artikoli 12, 43 u 46 KE mhumiex applikabbli għas-sitwazzjoni quddiem il-qorti nazzjonali.
L-Artikolu 14 KE
39. L-Artikolu 14 KE jobbliga lill-Istati Membri jneħħu l-ostakoli għall-moviment liberu fi ħdan is-suq intern, sabiex tiġi stabbilita “arja bla fruntieri interni, li fiha l-moviment liberu ta’ merkanzija, persuni, servizzi u kapital huwa żgurat skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Trattat”. Din hija dispożizzjoni programmatika. Fil-fehma tiegħi, deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni ta’ dan l-artikolu la hija meħtieġa u lanqas mhi rilevanti biex tingħata tweġiba lill-qorti tar-rinviju.
L-Artikolu 10 tad-direttiva dwar ir-rimi ta’ skart f’landfill
Is-sitwazzjoni quddiem il-qorti nazzjonali
40. Il-fatti kif imfissra fid-digriet tar-rinviju, kif amplifikati bit-tweġibiet mogħtija mill-Gvern Taljan matul is-seduta (16), juru b’mod ċar li, għalkemm l-operatur tal-landfill huwa obbligat li jħallas taxxa lir-reġjun u jista’ jiġi penalizzat għal ħlas tardiv, ħlas mhux korrett jew nuqqas ta’ ħlas, m’hemm ebda mekkaniżmu korrispondenti li jobbliga lill-awtoritajiet muniċipali responsabbli għad-depożitu tal-iskart li jirrimborsaw l-ammont tat-taxxa lill-operatur tal-landfill f’perijodu ta’ żmien stipulat.
41. L-Artikolu 10 tad-direttiva dwar ir-rimi ta’ skart f’landfill huwa mandatarju fit-termini tiegħu. Dan jobbliga lill-Istati Membri li jiżguraw li l-ispejjeż kollha involuti fil-bidu u fl-operazzjoni tal-landfill jkunu koperti mill-prezz li għandu jiġi jitqiegħed fil-kont mill-operatur tal-landfill għar-rimi ta’ kull tip ta’ skart f’dak is-sit.
42. Imma l-frażi “l-ispejjeż kollha involuti fil-bidu u l-operazzjoni tas-sit ta’ terraferma [landfill]” xi tkopri? B’mod partikolari, din tinkludi (a) taxxa fuq l-iskart u (b) l-ispejjeż addizzjonali u l-penalità mħallsa meta operatur ta’ landfill ma jkunx jista’ jħallas taxxa bħal din fil-ħin għaliex l-awtorità muniċipali li tkun forniet l-iskart tkun tard fil-ħlas tagħha?
It-termini tal-Artikolu 10
43. L-Artikolu 10 espressament jirreferi għall-“ispejjeż kollha involuti” fil-bidu u fl-operazzjoni ta’ landfill (17), L-awtoritajiet muniċipali jfornu skart lil Pontina Ambiente sabiex jiġi ttrattat. Pontina Ambiente debitament twettaq il-parti tagħha tal-kuntratt u tiddisponi mill-iskart. It-taxxa ssir imponibbli bħala konsegwenza diretta ta’ din is-sekwenza ta’ avvenimenti. Din hija taxxa speċjali fuq ir-rimi ta’ skart solidu f’landfill (18). Il-bażi tal-istima hija l-kwantità ta’ skart depożitat (19).
44. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa bla ebda dubju ċar li t-taxxa hija spiża li l-operatur tal-landfill neċessarjament ikollu jħallas; u li din l-ispiża hija ħaġa waħda mal-operazzjoni tal-landfill. Biex l-istess punt jitpoġġa fi kliem ieħor: huwa impossibbli li topera landfill fl-Italja mingħajr ma jkollok neċessarjament tħallas it-taxxa.
45. It-termini tal-Artikolu 10 tad-direttiva dwar ir-rimi ta’ skart f’landfill huma mingħajr ekwivoku: l-ispejjeż kollha bħal dawn għandhom jiġu inklużi fil-prezz mitlub mill-operatur għar-rimi ta’ kull tip ta’ skart f’dak is-sit. Minn qari testwali ta’ din id-dispożizzjoni, it-taxxa hija spiża li għandha tiġi inkluża fil-prezz mitlub.
L-għan tal-Artikolu 10
46. L-għanijiet tad-direttiva dwar ir-rimi ta’ skart f’landfill wkoll isostnu din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10. Il-leġiżlatur Komunitarju kellu l-ħsieb li jipproteġi l-ambjent billi, fost affarijiet oħra, jiddiswadi lin-nies milli joħolqu skart li jintrema f’terrafermi. Il-Premessi 6 u 9 jenfasizzaw il-bżonn ta’ mmaniġġjar xieraq ta’ skart f’landfill. Il-formulazzjoni tal-Premessa 29 tantiċipa l-formulazzjoni sostantiva tal-Artikolu 10.
47. Mekkaniżmu biex jintlaħaq dan l-għan huwa li wieħed jipprova jiżgura li l-ispejjeż kollha għal bidu, l-operazzjoni u l-immaniġġjar ta’ landfill jitħallsu minn dawk li joħolqu l-iskart li jiġi depożitat hemmhekk. Dan huwa l-effett tal-Artikolu 10. Fil-qosor, id-direttiva dwar ir-rimi ta’ skart f’landfill hija espressjoni speċifika tal-prinċipju “min iniġġes iħallas” (20), filwaqt li fl-istess ħin jirrifletti l-prinċipju li l-iskart għandu jintrema kemm jista’ jkun qrib is-sors tiegħu. Il-prinċipju “min iniġġes iħallas” jiġi sodisfatt biss jekk l-inċentiv li jitnaqqas l-iskart fl-aħħar mill-aħħar jiġi applikat għall-fornitur tal-iskart: jiġifieri, l-awtoritajiet muniċipali (21). Dan jiġri biss jekk it-taxxa tiġi ttrattata bħala “spiża” li tingħadda fuq il-fornitur tal-iskart bil-prezz imħallas għas-servizz tar-rimi tal-iskart.
L-Artikolu 10 jipprekludi s-sistema stabbilita bil-leġiżlazzjoni Taljana?
48. Pontina Ambiente targumenta li s-sistema stabbilita bil-leġiżlazzjoni Taljana tikser il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” li jinsab fid-direttiva dwar ir-rimi ta’ skart f’landfill. B’kuntrast ma’ dan, il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni jikkunsidraw li d-determinazzjoni ta’ min għandu (għall-bidu) jħallas it-taxxa taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri; u li s-sistema stabbilita bil-leġiżlazzjoni Taljana mhijiex prekluża bl-Artikolu 10.
49. Naqbel mal-ewwel parti tal-pożizzjoni mħaddna mill-Italja u mill-Kummissjoni. Il-kliem użat fl-Artikolu 10 ma jobbligax lil Stat Membru jorganizza l-ħlas tal-ispejjeż tal-operat ta’ landfill b’xi mod partikolari. Bl-istess mod, xejn ma jipprekludi Stat Membru milli jimponi taxxa fuq l-iskart depożitat f’landfill li għall-bidu hija pagabbli mill-operatur ta’ landfill u li mbagħad tingħadda fuq il-fornitur tal-iskart (22); jew milli jippenalizza operatur għal ħlas tardiv ta’ taxxa bħal din.
50. Madankollu, għalkemm il-prinċipju li l-liġi nazzjonali għandha tiġi interpretata b’mod konformi mal-liġi Komunitarja jikkonċerna primarjament dispożizzjonijiet domestiċi promulgati biex tiġi implementata d-direttiva inkwistjoni, dan ma jinvolvix sempliċement interpretazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet imma jeħtieġ li l-qorti nazzjonali tikkunsidra l-liġi nazzjonali fit-totalità tagħha sabiex tevalwa kif tista’ tiġi applikata biex ma tipproduċix riżultat li jmur kontra dak imfittex mid-direttiva (23). Skont ġurisprudenza stabbilita sewwa, l-obbligu impost fuq Stat Membru bit-tielet paragrafu tal-Artikolu 249 KE jeħtieġ l-applikazzjoni u l-infurzar b’mod sħiħ tad-direttiva kkonċernata (24).
51. Fil-każ preżenti, filwaqt li d-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-liġi nazzjonali identifikati mill-qorti nazzjonali tabilħaqq jirregolaw is-suġġett kopert bl-Artikolu 10 tad-direttiva dwar ir-rimi ta’ skart f’landfill, dawn ma jistgħux jiġu kkunsidrati b’mod iżolat mis-sistema li jiffurmaw parti minnha. Fl-aħħar mill-aħħar, il-kwistjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja trid titqabad magħha sabiex tipprovdi risposta utli lill-qorti nazzjonali hija : id-dispożizzjonijiet tad-direttiva dwar ir-rimi ta’ skart f’landfill jipprekludu sistema li prevedibbilment u b’mod evidenti tiġġenera r-riżultat li t-taxxa ma titħallasx mill-fornituri tal-iskart (imma tibqa’, effettivament, piż fuq l-operatur tal-landfill) u li, barra minn hekk, ħafna drabi tirriżulta fl-impożizzjoni ta’ ħlas ta’ penalità fuq dan tal-aħħar?
L-irkupru tat-taxxa mingħand l-awtoritajiet muniċipali
52. Mill-materjal ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (25), huwa evidenti li fil-prattika l-operatur ma jistax effettivament jirkupra t-taxxa mingħand l-awtoritajiet muniċipali. Bħala kreditriċi kuntrattwali, Pontina Ambiente ma tgawdi minn ebda status preferenzjali għall-irkupru ta’ djun dovuti minn awtoritajiet muniċipali involuti fi proċeduri ta’ insolvenza. Anki proċeduri legali biex tiġi rkuprata t-taxxa mingħand awtoritajiet muniċipali li m’għandhomx problemi ta’ insolvenza huma ħafna drabi kumplessi u jieħdu fit-tul (26).
53. Kif tosserva b’mod korrett Pontina Ambiente, is-sistema Taljana tagħti lill-awtoritajiet reġjonali d-dħul mit-taxxa filwaqt li tagħti lill-awtoritajiet muniċipali vantaġġ finanzjarju (indebitu) għaliex l-operatur tal-landfill fil-prattika ma jistax jinforza d-dritt tiegħu għar-rimbors.
54. L-operaturi ta’ landfill għaldaqstant isiru responsabbli għall-ħlas ta’ spiża partikolari tal-operazzjonijiet tagħhom. Dawn ma jistgħux jgħadduha lill-fornituri tal-iskart, kif jeħtieġ l-Artikolu 10. Barra minn hekk, peress li t-taxxa ma tistax fil-prattika tiġi rkuprata mingħand l-awtoritajiet muniċipali, is-sistema Taljana tonqos milli tipprovdi inċentiv lil dawn tal-aħħar biex inaqqsu l-ammont ta’ skart prodott. Ir-riżultat mhuwiex dak li “min iniġġes iħallas” imma, huwa li l-operatur tal-landfill iħallas. Fil-fehma tiegħi kemm interpretazzjoni testwali kif ukoll dik tal-iskop tal-Artikolu 10 tad-direttiva dwar ir-rimi ta’ skart f’landfill għandhom jipprekludu sistema li fil-prattika twassal għal dan ir-riżultat.
Il-penalità għal ħlas tardiv tat-taxxa
55. Il-Kummissjoni tissuġġerixxi li jekk l-awtoritajiet muniċipali b’mod regolari jonqsu li jħallsu lura t-taxxa fil-pront lill-operaturi ta’ landfill, ikun leġittimu għall-impriżi bħal Pontina Ambiente li jinkludu mal-ispejjeż tal-operat tagħhom l-ispejjeż li jkollhom iħallsu biex jiżguraw li huma jkunu jistgħu jħallsu t-taxxa fil-ħin u b’hekk jevitaw il-penalità. Matul is-seduta, ġie ssuġġerit li operatur jista’ jkun f’pożizzjoni li jagħmel dan billi jikkonkludi polza ta’ assigurazzjoni speċifika, jew billi jikseb kreditu minn bank.
56. L-ewwel suġġeriment jista’ jiġi ttrattat fil-qosor. Mhuwiex probabbli wisq li kumpannija tal-assigurazzjoni tkun disposta toħroġ polza tal-assigurazzjoni kontra l-probabbiltà (27) ta’ ħlas tardiv ta’ primjum li l-operatur ta’ landfill faċilment seta’ jikkontempla li jħallas. Madankollu, hija l-qorti nazzjonali li trid tivverifika jekk dan tabilħaqq huwiex il-każ.
57. It-tieni suġġeriment, prima facie, għandu iktar mertu. Bħala prinċipju, operatur ta’ landfill għandu jkun f’pożizzjoni li jikkalkola, mill-esperjenza, il-probabbiltà li waħda jew iktar mill-awtoritajiet muniċipali li magħhom għandu kuntratti dwar rimi ta’ skart ser iħallsu tard. Minn dan, huwa mbagħad ikun jista’ jaħdem l-ispiża tal-kreditu meħtieġ biex jevita li jħallas it-taxxa tard u b’hekk ikollu jħallas penalità. Din l-ispiża hija spiża tal-operat u, bħala tali tista’ tiġi rkuprata mingħand il-fornitur tal-iskart.
58. Madankollu, hemm – fil-fehma tiegħi – żewġ problemi oħra li jistgħu jqumu.
59. L-ewwel nett, huwa possibbli li l-banek kummerċjali ma jkunux disposti jipprovdu kreditu (jew jagħmlu dan biss b’rati ta’ interessi ogħla) jekk serje twila ta’ ħlas tardiv tkun poġġiet lil operatur partikolari f’sitwazzjoni finanzjarja prekarja. Il-Qorti tal-Ġustizzja m’għandhiex quddiemha l-elementi neċessarju biex tara jekk din hijiex (jew le) diffikultà attwali li ġiet iffaċċjata minn Pontina Ambiente. Hija l-qorti nazzjonali li trid tevalwa l-provi u tagħmel il-konstatazzjonijiet neċessarji ta’ fatt.
60. It-tieni nett, huwa tabilħaqq minnu li f’kuntest kummerċjali normali, fornitur ta’ servizz li jkollu jikseb kreditu biex jiżgura li jkun jista’ jħallas spiża tal-operat prevedibbli (28) fil-ħin se jipprova jgħaddi l-ispiża ta’ dak il-kreditu fuq il-klijenti tiegħu. Madankollu, il-prezz li operaturi ta’ landfill jistgħu jitolbu għas-servizzi tagħhom huwa stabbilit mir-reġjun u mhux mill-fornituri tas-servizzi (29). F’ċirkustanzi bħal dawn, għalkemm Pontina Ambiente tista’ ċertament tressaq il-problema għall-attenzjoni tal-interlokuturi tagħha fir-reġjun, din mhijiex f’pożizzjoni li tiżgura li tkun tista’ titlob prezz li jkun ikopri kemm l-ispejjeż normali konnessi mal-provvista tas-servizz tar-rimi ta’ skart u l-ispejjeż addizzjonali dovuti għat-tendenza tal-awtoritajiet muniċipali li jħallsu tard.
61. Eżami taż-żewġ suġġerimenti speċifiċi magħmula mill-Kummissjoni jwassalni biex nindirizza l-kwistjoni fundamentali: jista’ l-ħlas ta’ penalità qatt jiġi inkluż mal-ispejjeż li jistgħu jiġu rkuprati ta’ operazzjoni ekonomika?
62. Fil-każ preżenti, la t-taxxa u lanqas il-penalità għal ħlas tardiv tagħha mhuma previsti fid-direttiva nnifisha (30). Barra minn hekk, it-tnejn li huma jiffurmaw parti minn sistema ta’ liġi nazzjonali li timplementa din id-direttiva. Għalhekk huwa xieraq li wieħed jara x’indikazzjonijiet jistgħu jinsabu fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-penalità.
63. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat ir-rabta bejn l-impożizzjoni ta’ penalità u l-azzjoni (jew nuqqas ta’ azzjoni) tal-operaturi involuti fis-sentenza Käserei Champignon Hofmeister (31). F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għalkemm il-prinċipju ta’ nulla poena sine culpa huwa limitat għal penalitajiet ta’ natura kriminali (32), id-dritt Komunitarju madankollu jikkunsidra l-impożizzjoni ta’ penalità bħala legali meta operatur ekonomiku jkun jista’ jeżamina, jivverifika, jistabbilixxi garanziji kuntrattwali reċiproċi jew inkella jieħu miżuri biex jevita li jsib ruħu f’ċirkustanzi fejn jinkorri l-ħlas ta’ din il-penalità (33).
64. F’dan il-kuntest, ir-raġuni li fuqu hija bbażata l-impożizzjoni ta’ penalità tidher, essenzjalment, li hija li operatur ekonomiku jista’ jorganizza n-negozju tiegħu b’mod li jkun jista’ jevita li jkollu jħallas il-penalità. Huwa m’għandux “neċessarjament” ikollu jħallasha bħala parti mill-attività ekonomika ordinarja tiegħu.
65. X’jiġri meta nittrasponu din l-analiżi għall-każ preżenti?
66. Fil-fehma tiegħi, mill-materjal li jinsab quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jidher li Pontina Ambiente għamlet ċertu sforz biex turi li ma tistax tevita li tħallas tard u b’hekk li tħallas penalità. Ma nafx jekk hijiex f’pożizzjoni li tressaq materjal addizzjonali suffiċjenti biex tipprova dan għas-sodisfazzjon tal-qorti nazzjonali, bħala ġudikant uniku tal-fatti. Madankollu, din mhijiex kwistjoni li għandha tiġi deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja.
67. Meta tiddeċiedi dwar din il-kwistjoni, it-test li l-qorti nazzjonali għandha tapplika huwa dan li ġej: il-penalità hija spiża li, f’termini prattiċi, Pontina Ambiente neċessarjament ikollha tinkorri jew hija spiża li tista’ tiġi evitata? Jekk hija tal-ewwel, din trid tiġi inkluża mat-taxxa bħala spiża li għandha tingħadda fuq l-awtoritajiet muniċipali bħala parti mill-prezz tas-servizz, b’mod konformi mal-Artikolu 10 tad-direttiva dwar ir-rimi ta’ skart f’landfill. Jekk hija tal-aħħar, din hija spiża li Pontina Ambiente għandha ssostni u tħallas.
Konklużjoni rigward id-direttiva dwar ir-rimi ta’ skart f’landfill
68. Għaldaqstant nikkonkludi li l-Artikolu 10 tad-Direttiva 1999/31 tas-26 ta’ April 1999 dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma [landfill] għandu jiġi interpretat bħala li jipprekludi dispożizzjonijiet nazzjonali, bħall-Artikolu 3(26) u (31) tal-Liġi Nru 549 tat-28 ta’ Diċembru 1995, li jintroduċu taxxa speċjali għad-depożitu ta’ skart f’landfill u li jippreskrivu perijodu li matulu l-operatur tal-landfill għandu jiġbor it-taxxa, meta s-sistema ta’ taxxa li jiffurmaw parti minnha, madankollu, tonqos milli tobbliga lill-fornituri ta’ skart li jirrimborsaw l-ammont tat-taxxa lill-operatur tal-landfill fi żmien raġonevoli, jew milli tippreskrivi mekkaniżmu effettiv għal tali rimbors.
69. Penalità imposta fuq operatur ta’ landfill minħabba ħlas tardiv ta’ din it-taxxa tista’ tiġi rkuprata mingħand il-fornitur tal-iskart taħt l-Artikolu 10 tad-Direttiva 1999/31 biss jekk l-operatur tal-landfill jkun jista’ juri li l-penalità hija spiża li huwa neċessarjament ikollu jinkorri minħabba n-nuqqas tal-fornitur tal-iskart li jirrimborsa t-taxxa fil-ħin. Hija l-Qorti nazzjonali li għandha tiddetermina jekk dan huwiex il-każ.
Id-direttiva dwar ħlas tardiv
70. Il-Gvern Taljan isostni li l-kwistjoni preżenti ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva dwar ħlas tardiv. Huwa jsostni li inkwistjoni hemm taxxa u li l-applikazzjoni u l-metodi għall-irkupru ta’ taxxa ma jistgħux jiġu assimilati għal “transazzjoni kummerċjali”.
71. Filwaqt li huwa ċar li inkwistjoni hemm taxxa, ma naqbilx li dan jipprekludi l-irkupru tagħha taħt id-direttiva dwar ħlas tardiv.
72. Nixtieq infakkar li l-Artikolu 1 tad-direttiva dwar ħlas tardiv jipprovdi li d-direttiva tapplika għall-ħlasijiet kollha magħmula bħala remunerazzjoni għal transazzjonijiet kummerċjali. Skont l-Artikolu 2(1) “transazzjonijiet kummerċjali” tfisser “transazzjonijiet bejn intrapriżi jew bejn intrapriżi u awtoritajiet pubbliċi li twasslu għall-ġarr ta’ oġġetti jew il-provvista ta’ servizzi għall-ħlas”.
73. L-operatur tal-landfill jipprovdi servizz taħt kuntratt bejn “intrapriża” u “awtorità pubblika”. Huwa jagħmel dan “għall-ħlas” peress li huwa għandu jirċievi, taħt dan il-kuntratt, il-prezz għal dak is-servizz stabbilit mir-reġjun (34). Ir-remunerazzjoni tinkludi l-irkupru tal-ispejjeż li l-operatur jinkorri għar-rimi tal-iskart flimkien mal-profitt tal-operatur.
74. Ir-responsabbiltà tal-operatur ta’ landfill li jħallas it-taxxa tirriżulta direttament mill-kuntratt, u għandu jħallasha fil-mument meta l-awtorità muniċipali tiddepożita l-iskart għall-ipproċessar (35). Għaldaqstant, l-element tar-remunerazzjoni intiż għall-“irkupru tal-ispejjeż” jinkludi t-taxxa li l-operatur tal-landfill ħallas bil-quddiem fuq l-iskart depożitat u li huwa obbligat li jgħaddi lill-awtorità muniċipali (36). L-operatur tal-landfill jista’ jikseb rimbors, mingħand l-awtorità muniċipali, tat-taxxa li huwa debitament ħallas lir-reġjun biss billi jinvoka l-kuntratt li t-twettiq tiegħu jikkostitwixxi t-“transazzjoni kummerċjali” bejnu u bejn l-imsemmija awtorità (37).
75. F’dawn iċ-ċirkustanzi, nikkunsidra li l-irkupru tat-taxxa (flimkien ma kull spiża neċessarjament inkorsa għall-iffinanzjar tal-ħlas bil-quddiem tagħha sabiex ma tiġix imposta penalità) jifforma parti mir-remunerazzjoni li l-operatur tal-landfill għandu dritt jirkupra mingħand l-awtorità muniċipali bħala korrispettiv għas-servizz ipprovdut (38). Għalhekk dan huwa kopert bid-dispożizzjonijiet tad-direttiva dwar ħlas tardiv, b’mod partikolari mill-Artikolu 3.
76. Għalhekk operatur ta’ landfill bħal Pontina Ambiente għandu dritt għall-interessi b’mod konformi mar-regoli nazzjonali li jimplementaw l-Artikolu 3 tad-direttiva dwar ħlas tardiv jekk awtorità muniċipali tonqos milli tħallsu r-remunerazzjoni miftiehma fil-“perijodu kuntrattwali jew statutorju tal-ħlas” (39).
Konklużjoni
77. Għalhekk nipproponi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi magħmula mill-Commissione Tributaria Provinciale di Roma għandha tkun kif ġej:
(1) L-Artikoli 12, 14, 43 u 46 KE huma inapplikabbli għas-sitwazzjoni li tat lok għad-digriet tar-rinviju.
(2) L-Artikolu 10 tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE tas-26 ta’ April 1999 dwar ir-rimi ta’ skart f’landfill għandu jiġi interpretat bħala li jipprekludi dispożizzjonijiet nazzjonali bħall-Artikolu 3(26) u (31) tal-Liġi Nru 549 tat-28 ta’ Diċembru 1995, li jintroduċu taxxa speċjali għad-depożitu ta’ skart f’landfill u li jippreskrivu perijodu li matulu l-operatur tal-landfill għandu jiġbor it-taxxa, meta s-sistema ta’ taxxa li jiffurmaw parti minnha, madankollu, tonqos milli tobbliga lil fornituri ta’ skart li jirrimborsaw l-ammont tat-taxxa lill-operatur tal-landfill fi żmien raġonevoli, jew milli tippreskrivi mekkaniżmu effettiv għal tali rimbors
(3) Penalità imposta fuq operatur ta’ landfill minħabba ħlas tardiv ta’ din it-taxxa tista’ tiġi rkuprata mingħand il-fornitur tal-iskart taħt l-Artikolu 10 tad-Direttiva 1999/31 biss jekk l-operatur tal-landfill jkun jista’ juri li l-penalità hija spiża li huwa neċessarjament ikollu jinkorri minħabba n-nuqqas tal-fornitur tal-iskart li jirrimborsa t-taxxa fil-ħin. Hija l-Qorti nazzjonali li għandha tiddetermina jekk dan huwiex il-każ.
(4) Ir-rimbors ta’ taxxa bħal din jifforma parti mir-remunerazzjoni għal transazzjoni kummerċjali bejn impriża u awtorità pubblika kif iddefinita fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Ġunju 2000 dwar il-ġlieda kontra ħlasijiet tard [ħlas tardiv] fi transazzjonijiet kummerċjali u konsegwentement jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva kif definit fl-Artikolu 1. Għaldaqstant l-Istati Membri huma obbligati li jiżguraw li jkunu jistgħu jinġabru l-interessi fir-rigward tal-ħlas (lura) tard ta’ taxxa bħal din, flimkien ma’ kull spiża neċessarjament inkorsa għall-iffinanzjar tal-ħlas bil-quddiem tagħha sabiex ma tiġix imposta penalità, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3.
1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
2 – Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE tas-26 ta’ April 1999 dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma [landfill] (ĠU 1999 L 182, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 1999/31” jew id-“direttiva dwar ir-rimi ta’ skart f’landfill”).
3 – ĠU 2000 L 200, p. 35 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2000/35” jew id-“Direttiva dwar Ħlas Tard”).
4 – Direttiva tal-15 ta’ Lulju 1975 dwar l-iskart (ĠU 1975 L 194, p. 39), kif ġiet emendata l-aħħar (qabel l-adozzjoni tad-Direttiva 1999/31) bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/350/KE (ĠU 1996 L 135, p. 32).
5 – Din id-direttiva tidher li ġiet trasposta fil-liġi nazzjonali bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 36 tat-13 ta’ Jannar 2003 (Suppliment Ordinarju għal GURI Nru 59 tat-12 ta’ Marzu 2003). Dan ma jagħmilx kontroreferenza għal-Liġi Nru 549/95 (ara iktar ’il quddiem, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 7) u mhuwiex imsemmi mill-qorti nazzjonali fid-digriet tar-rinviju tagħha. Għaldaqstant, ir-relazzjoni bejn it-tnejn (a) f’termini ta’ liġi nazzjonali u (b) bħala metodu għall-implementazzjoni tad-direttiva tibqa’ mhijiex ċara.
6 – Din id-direttiva ġiet trasposta fil-liġi nazzjonali bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 231 tad-9 ta’ Ottubru 2002 (GURI Nru 249 tat-23 ta’ Ottubru 2002).
7 – Suppliment Ordinarju għall-GURI Nru 302 tad-29 ta’ Diċembru 1995 (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 549/95”).
8 – B’mod ġenerali, kull awtorità muniċipali, ma tipproduċix il-biċċa l-kbira tal-iskart li hija “tforni”. Pjuttost, hija tiġbor l-iskart minn djar u negozji fil-muniċipalità tagħha. Kull dar u negozju mbagħad jikkontribwixxu l-proporzjon tat-taxxa li hija attribwibbli għall-iskart tagħhom lill-awtoritajiet muniċipali permezz tat-taxxi tagħhom. Matul is-seduta l-Gvern Taljan indika li dawk it-taxxi jiġu miġbura indipendentement minn jekk it-taxxa tiġix rimborsata lill-operatur tal-landfill.
9 – Il-qorti tar-rinviju tindika li l-arranġamenti rigward multi issa huma rregolati bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 471 tat-18 ta’ Diċembru 1997 (Suppliment ordinarju għall-GURI Nru 5 tat-8 ta’ Jannar 1998).
10 – L-ammonti inkwistjoni ma jistgħux jitqiesu li huma insinjifikanti. Iż-żewġ avviżi kontestati imponew penalità ta’ EUR 26 588.21 u EUR 11 901.79 rispettivament.
11 – Sentenza tat-8 ta’ Mejju 2003, Gantner Electronic (C-111/01, Ġabra p. I‑4207, punt 37 u l-ġurisprudenza iċċitata).
12 – Sentenza tat-23 ta’ Marzu 2006, FCE Bank (C-210/04, Ġabra p. I‑2803, punt 21 u l-ġurisprudenza iċċitata). Din tinkludi istanzi fejn ma jkun hemm ebda domanda speċifika li tkun apparenti mid-digriet tar-rinviju: sentenza tat-18 ta’ Novembru 1999, Teckal (C-107/98, Ġabra p. I-8121, punt 34).
13 – ĠU 2008 C 183, p. 12.
14 – Sentenza tat-19 ta’ Frar 2009, Schwarz (C‑321/07, Ġabra, 2009 p. I‑1113punt 48).
15 – Sentenzi magħquda tal-11 ta’ April 2000, Deliège (C-51/96 u C-191/97, Ġabra p. I‑2549, punt 58).
16 – Ara l-punt 22 iktar ’il fuq.
17 – Il-fatt li l-Artikolu 10 mbagħad jidentifika żewġ elementi ta’ spiża li għandhom jiġu inklużi “sa fejn huwa possibbli” ma jistax jeskludi l-inklużjoni ta’ elementi ta’ spiża oħra li jiffurmaw parti “mill-ispejjeż involuti” tal-bidu u fl-operazzjoni tas-sit.
18 – Ara l-Artikolu 3(24) u (25) tal-Liġi Nru 549/95.
19 – Ara l-Artikolu 3(28).
20 – Ara l-Premessa 5 tad-direttiva dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma [landfill], u l-Artikolu 15 tad-Direttiva 75/442, iċċitat hawn fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4. Ara wkoll is-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2004, Van de Walle (C‑1/03, Ġabra p. I‑7613, punti 57 u 58) dwar l-interpretazzjoni ta’ din id-direttiva.
21 – U li tingħadda mbagħad, permezz ta’ taxxi lokali, fuq id-djar u n-negozji li fil-verità jipproduċu l-iskart.
22 – Il-Kummissjoni ddikjarat matul is-seduta li dan it-tip ta’ mekkaniżu ġie użat min-numru ta’ Stati Membri; u li, jekk jiġi operat kif suppost, dan ma jkunx la l-aħjar u lanqas l-agħar għażla minn dawk disponibbli għall-implementazzjoni tad-direttiva dwar ir-rimi ta’ skart f’landfill.
23 – Sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer (C‑397/01, Ġabra p. I‑8835, punt 115 u, b’mod iktar ġenerali, ara l-punti 110 sa 118) iċċitata reċentement fis-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Mono Car Styling (C-12/08, Ġabra 2009 p. I‑6653), punti 60 sa 64). Ara wkoll is-sentenza tal-25 ta’ Frar 1999, Carbonari et, (C‑131/97, Ġabra I‑1103, punti 48 sa 50).
24 – Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-10 ta’ April 1984, Von Colson u Kamann (14/83, Ġabra p. I‑1891, punt 15), u tal-11 ta’ Lulju 2002, Marks & Spencer (C-62/00, Ġabra p. I‑6325 punti 22 sa 28 u l-ġurisprudenza ċċitata. Għal sunt utli tal-prinċipju tal-effett sħiħ, ara wkoll S. Prechal, Directives in EC Law, OUP 2005, p. 51 sa 54 u 87 sa 91.
25 – Ara b’mod partikolari l-punt 22 iktar ’il fuq.
26 – Matul is-seduta, il-Kummissjoni ssuġġeriet li l-awtoritajiet muniċipali kienu jgawdu kważi-immunità minn tali proċeduri għall-irkupru. Il-Gvern Taljan, filwaqt li kkontesta din l-asserżjoni, indika li operatur ta’ landfill għandu l-ewwel jikseb ordni mill-qorti li tordna l-awtorità muniċipali tħallas u mbagħad jibda proċeduri ulterjuri jekk (u meta) l-awtorità inkwistjoni tonqos milli tikkonforma ruħha mal-ordni.
27 – Il-Gvern Taljan, la fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu u lanqas matul is-seduta, ma ssuġġerixxa li Pontina Ambiente kienet qed tesaġera l-frekwenza li biha l-awtoritajiet muniċipali kienu qed ikunu tardivi fil-ħlas lil operaturi ta’ landfill.
28 – Pontina Ambiente ssuġġeriet li, sakemm il-landfill ma kienx qed jaħdem bil-kapaċità sħiħa tiegħu, din ma kinitx f’pożizzjoni li tikkalkula kemm ġie depożitat skart (u b’hekk l-ammont ta’ taxxa li għalih kienet responsabbli); imma kellha tistenna biex issir taf il-kwantitajiet mill-awtoritajiet muniċipali li ddepożitaw l-iskart. M’iniex dispost wisq li naċċetta din l-osservazzjoni. Fil-fehma tiegħi operatur kummerċjali jista’ b’mod raġonevoli jkun mistenni li jistabbilixxi mekkaniżmu biex jiġi vverifikat x’qed jiġi kkonsenjat lilu. Tabilħaqq, wieħed jista’ jissoponi li huwa kemm fl-interessi kummerċjali ta’ Pontina Ambiente u fl-interess li jintlaħqu l-għanijiet segwiti bid-direttiva dwar ir-rimi ta’ skart f’landfill li jkollu xi mezzi biex jivverifika l-kwantitajiet ta’ skart li jkunu qed jiġu ddikjarati mill-awtoritajiet muniċipali lill-operatur ta’ landfill.
29 – Ara l-punt 21 iktar ’il fuq.
30 – Ara l-punt 49 iktar ’il fuq.
31 – Sentenza tal-11 ta’ Lulju 2002 (C-210/00. Ġabra I‑6453).
32 – Punti 35 sa 52.
33 – Punti 60 sa 68.
34 – Ara l-punt 21 iktar ’il fuq.
35 – Ara l-Artikolu 3(28) tal-Liġi Nru 549/95 u l-punti 17 u 18 iktar ’il fuq.
36 – Ara l-Artikolu 3(26) tal-Liġi Nru 549/95 u l-punt 17 iktar ’il fuq.
37 – Tabilħaqq, il-Gvern Taljan enfasizza matul is-seduta li Pontina Ambiente kienet fil-pożizzjoni ta’ kreditur kuntrattwali ordninarju meta fittxet li tirkupra ammonti mhux imħallsa mingħand l-awtoritajiet muniċipali solvibbli jew insolventi.
38 – Għall-kompletezza nixtieq ngħid ukoll li din tagħmel hekk kemm jekk ir-rimbors tal-fattura jiġi fatturat separatament mill-ħlas tal-awtoritajiet muniċipali għas-servizzi pprovduti u anki jekk le.
39 – Ara t-tifsira ta’ “ħlas tard [tardiv]” fl-Artikolu 2(2) tad-direttiva dwar ħlas tardiv. Peress li t-terminu ta’ ħlas normali tal-awtoritajiet muniċipali jidher li huwa ta’ 120 ġurnata (ara l-punt 22 iktar ’il fuq), nammetti li għandi ċerti dubji dwar kemm jista’ jkun effettiv li tiġi invokata d-direttiva dwar ħlas tardiv biex jiġu solvuti d-diffikultajiet prattiċi li wasslu għall-proċeduri quddiem il-qorti nazzjonali.
Full & Egal Universal Law Academy