KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
TRSTENJAK
ippreżentati fit-28 ta’ April 2010 1(1)
Kawża C‑185/08
Latchways plc
Eurosafe Solutions BV
vs
Kedge Safety Systems BV
Consolidated Nederland BV
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank’s-Gravenhage (il-Pajjiżi l-Baxxi)]
“Direttiva 89/106/KEE – Prodotti għall-kostruzzjoni – Direttiva 89/686/KEE – Apparat personali protettiv – Deċiżjoni 93/465/KEE – Marka CE – Apparat ta’ rbit kontra l-waqgħat mill-għoli waqt xogħol imwettaq fuq bjut ċatti – Standard Ewropew EN 795”
Werrej
I –Introduzzjoni3
II –Il-kuntest ġuridiku3
A –Id-Direttiva 89/1063
B –Id-Direttiva 89/6865
C –Id-Deċiżjoni 93/465/KEE6
III –L-Istandard Ewropew 7957
IV –Il-fatti u t-talba għal deċiżjoni preliminari9
V –Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja11
VI –L-argumenti tal-partijiet12
A –L-ewwel domanda preliminari12
B –It-tieni domanda preliminari13
C –It-tielet domanda preliminari14
D –Ir-raba’ domanda preliminari14
E –Il-ħames domanda preliminari15
F –Is-sitt domanda preliminari15
G –Is -seba’ u t-tmien domandi preliminari16
VII –Kunsiderazzjonijiet legali17
A –Osservazzjonijiet ġenerali17
B –L-ewwel domanda preliminari18
C –It-tieni domanda preliminari22
D –It-tielet domanda preliminari24
E –Ir-raba’ domanda preliminari25
F –Il-ħames domanda preliminari28
G –Is-sitt domanda preliminari28
H –Is-seba’ u t-tmien domandi preliminari30
VIII –Konklużjoni30
I – Introduzzjoni
1. Fil-kuntest ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE (2), ir-Rechtbank ’s-Gravenhage (il-Pajjiżi l-Baxxi, iktar ’il quddiem il-“qorti tar-rinviju”) qed tagħmel tmien domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, dwar l-approssimazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar il-prodotti għall-bini [kostruzzjoni] (3), kif ukoll id-Direttiva tal-Kunsill 89/686/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1989 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward l-apparat personali protettiv (4).
2. Permezz ta’ dawn id-domandi, il-qorti tar-rinviju essenzjalment trid tkun taf jekk l-apparat ta’ rbit kontra l-waqgħat mill-għoli waqt xogħol imwettaq fuq bjut ċatti li fihom ankra fissa fil-bejt jistax jaqa’ fil-kamp ta’ applikazjoni tad-Direttiva 89/106 u/jew tad-Direttiva 89/686. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tixtieq ukoll tkun taf jekk, u taħt liema kundizzjonijiet, huwa possibbli li titwaħħal il-marka CE fuq tali apparat ta’ rbit.
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-Direttiva 89/106
3. L-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/106 huwa fformulat kif ġej:
“1. Din id-Direttiva għandha tapplika għal prodotti għal bini [għall-kostruzzjoni] fejn hemm marbuta magħhom il-ħtiġijiet essenzjali fil-każ ta’ xogħlijiet ta’ bini skond Artikolu 3(1).
2. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, ‘prodott ta’ bini’ [prodott għall-kostruzzjoni] ifisser kull prodott li hu magħmul biex jiddaħħal b’mod permanenti fix-xogħlijiet ta’ bini, inkluż kemm fix-xogħlijiet tal-bini u kemm tal-periti [tal-inġinerija ċivili].
‘Prodotti għal bini’ [għall-kostruzzjoni] huma minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘prodotti’; xogħlijiet ta’ bini, inklużi kemm ix-xogħlijiet tal-bini u kemm tal-periti [tal-inġinerija ċivili], huma minn hawn ’il quddiem magħrufa bħala ‘xogħlijiet’”.
4. L-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/106 jipprovdi hekk:
“1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-prodotti li għalihom jirreferi Artikolu 1, li huma maħsuba biex jintużaw f’xogħlijiet, jistgħu jitqiegħdu fis-suq biss jekk ikunu tajbin għall-użu maħsub, li jfisser li jkollhom dawk il-karatteristiċi li x-xogħlijiet li ser jiddaħħlu fihom, magħquda, imħaddma jew stallati, jistgħu, jekk iddisinjati u mibnija sew, jissodisfaw il-ħtiġijiet essenzjali li għalihom jirreferi Artikolu 3 meta u fejn dawk ix-xogħlijiet huma esposti għar-regolamenti li fihom dawk il-ħtiġijiet.
2. Meta l-prodotti jkunu s-suġġett ta’ direttivi Komunitarji oħra li jadattaw aspetti oħra, il-marka CE tal-konformità, iktar ’il quddiem imsejħa ‘marka CE’, ikkunsidrata f’Artikolu 4(2), tindika, f’dan il-każ, li l-prodotti jirrispondu wkoll għall-eżiġenzi ta’ dawn id-direttivi l-oħra.
[…]”
5. L-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/106 huwa fformulat kif ġej:
“Il-ħtiġijiet essenzjali li jgħoddu għal dawk ix-xogħlijiet li jistgħu jaffetwaw il-karatteristiċi tekniċi ta’ prodott huma stabbiliti skond l-għanijiet f’Anness I.
[…]
3. L-eżiġenzi essenzjali huma ppreċiżati fid-dokumenti (dokumenti interpretattivi) destinati biex jistabbilixxu r-rabtiet neċessarji bejn l-eżiġenzi essenzjali indikati f’paragrafu 1 u l-mandati ta’ standardizzazzjoni, il-mandati li jikkonċernaw linji gwida għall-approvazzjoni teknika Ewropea jew ir-rikonoxximent ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi oħra fis-sens ta’ Artikoli 4 u 5.”
6. L-Artikolu 4 tad-Direttiva 89/106 jipprovdi:
“Normi [Standards] u approvazzjonijiet tekniċi, għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom ikunu meqjusa bħala ‘speċifikazzjonijiet tekniċi’.
Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, in-normi [l-istandards] armonizzati għandhom ikunu l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi adottati mis-CEN, Cenelec jew mit-tnejn, b’mandat maħruġ mill-Kummissjoni b’konformità mad-Direttiva 83/189/KEE skond l-opinjoni mogħtija mill-Kumitat li għalih jirreferi Artikolu 19 u bi konformità mad-dispożizzjonijiet ġenerali li jolqtu l-koperazzjoni bejn il-Kummissjoni u dawn iż-żewġ korpi ffirmata fit-13 ta’ Novembru, 1984.
2. L-Istati Membri għandhom jassumu li l-prodotti huma tajba għall-użu intenzjonat tagħhom jekk ikunu jistgħu jsiru x-xogħlijiet li fihom huma wżati, dejjem jekk dawn ta’ l-aħħar huma ddisinjati sew u mibnija, skond il-ħtiġijiet essenzjali li għalihom jirreferi Artikolu 3, u dawk il-prodotti jkollhom fuqhom il-marka KE [CE]. Il-marka KE [CE] għandha tindika: meta dawn il-prodotti jkollhom il-marka ‘CE’ li tindika li jissodisfaw id-dispożizzjonijiet kollha tad-direttiva preżenti, inklużi l-proċeduri ta’ evalwazzjoni tal-konformità stabbiliti f’Kapitlu V u l-proċedura stabbilita f’Kapitlu III….”
7. L-Artikolu 7 tad-Direttiva 89/106 huwa fformulat kif ġej:
“1. Biex tkun żgurata l-kwalità tan-normi [tal-istandards] armonizzati għal prodotti, in-normi [l-istandards] għandhom ikunu stabbiliti minn organizzazzjonijiet ta’ normi [standardizzazzjoni] Ewropej skond il-mandati maħruġa mill-Kummissjoni bi konformità mal-proċedura stabbilita fid-Direttiva 83/189/KEE u, wara konsultazzjoni mal-kumitat li għalih jirreferi Artikolu 19, bi konformità mad-dispożizzjonijiet ġenerali li jolqtu l-koperazzjoni bejn il-Kummissjoni u dawn il-korpi ffirmata fit-13 ta’ Novembru, 1984.
2. In-normi [l-istandards] li joħorġu għandhom ikunu mfissra kemm jista’ jkun b’mod prattiku fejn tidħol il-ħidma ta’ prodott, billi jitqiesu d-dokumenti interpretattivi.
3. Ladarba n-normi [l-istandards] jkunu stabbiliti mill-organizzazzjonijiet ta’ normi [standards] Ewropej, il-Kummissjoni għandha tippubblika r-riferenzi tan-normi [tal-istandards] fis-serje ‘Ċ’ tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.”
B – Id-Direttiva 89/686
8. L-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/686 huwa fformulat kif ġej:
“1. Din id-Direttiva tgħodd għall-apparat personali protettiv, hawn aktar ‘l isfel magħruf bħala ‘PPE’.
Hija tistabbilixxi l-kondizzjonijiet li jirregolaw it-tqegħid fis-suq u l-moviment liberu fil-Komunità u l-ħtiġiet bażiċi ta’sigurtà li l-PPE għandu jissodisfa sabiex jiżgura l-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà ta’ min jużah.
2. Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, PPE għandha tfisser kwalunkwe tagħmir jew apparat maħsub biex jintlibes jew ikun miżmum minn individwu għall-protezzjoni kontra wieħed jew aktar mill-perikli ta’ sigurtà.
PPE għandu jkopri wkoll:
a) unita magħmula minn ħafna tagħmir jew apparat li ġew mqiegħda flimkien b’mod integrat mill-manifattur għall-protezzjoni ta’ l-individwu minn wieħed jew aktar mir-riskji kbar simultanji;
b) tagħmir jew apparat protettiv magħqud, separat jew ma huwiex separat, ma’ apparat personali ma huwiex protettiv milbus jew miżmum minn individwu biex jagħmel biċċa xogħol speċifika;
(ċ) komponenti PPE li jistgħu jinbidlu ma’ xulxin li huma essenzjali biex isir it-tħaddim sodisfaċenti u jkun intużat esklussivament għal dak l-apparat.
3. Kwalunkwe sistema introdotta fis-suq flimkien mal-PPE biex titwaħħal ma’ apparat ieħor estern, addizzjonali, għandha titqies bħala parti integrali minn dak l-apparat anki jekk is-sistema mhijiex maħsuba biex tintlibes jew tinżamm b’mod permanenti minn min jużaha għall-perjodu sħiħ li jkun espost għar-riskju.
3. Din id-Direttiva ma tgħoddx għal: Kwalunkwe sistema ta’ rabta mqiegħda fis-suq mal-PPE biex titwaħħal ma’ apparat ieħor estern kumplimentari, għandha titqies bħala parti integrali minn dak l-apparat anki jekk is-sistema ta’ rabta ma hijiex destinata biex tintlibes jew biex tinżamm b’mod permanenti minn min jużaha għall-perijodu li jkun espost għar-riskju(i).
[…]”
9. Skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/686, il-PPE msemmija fl-Artikolu 1 għandhom jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi tas-saħħa u tas-sigurtà stabbiliti fl-Anness II.
10. L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 89/686 jipprevedi li l-Istati Membri ma jistgħux jipprojbixxu, jirrestrinġu jew jostakolaw l-introduzzjoni fis-suq tal-PPE jew il-komponenti tal-PPE skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva u li għandhom il-marka CE, li tindika l-konformità tagħhom mad-dispożizzjonijiet kollha tad-direttiva preżenti, inklużi l-proċeduri ta’ ċertifikazzjoni kkunsidrati f’Kapitolu II.
C – Id-Deċiżjoni 93/465/KEE
11. L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Lulju 1993 dwar il-moduli għall-fażijiet diversi tal-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità u r-regoli għat-twaħħil u għall-użu tal-marka ta’ konformità CE li huma maħsubin sabiex jintużaw fid-direttivi ta’ armonizzazzjoni teknika (5), huwa fformulat kif ġej:
“1. Il-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità li għandhom jintużaw fid-direttivi ta’ armonizzazzjoni teknika marbutin mat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti industrijali għandhom jintagħżlu mill-moduli elenkati fl-Anness u skond il-kriterji stabbiliti b’din id-Deċiżjoni u skond il-linji-gwida ġenerali fl-Anness.
[…]
2. Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi regoli għat-twaħħil tal-marka ta’ konformità CE li għaliha hemm provdut fil-leġislazzjoni tal-Komunità li tikkonċerna d-disinn, il-fabbrikazzjoni [manifattura], it-tqegħid fis-suq, id-dħul fis-servizz u l-użu ta’ prodotti industrijali.
[…]”
III – L-Istandard Ewropew 795
12. L-Istandard EN 795 (iktar ’il quddiem l-“Istandard EN 795”) kien adottat miċ-Ċentru Ewropew tal-Istandardizzazzjoni (ĊEI) fid-29 ta’ Marzu 1996 u ppubblikat mill-Kummissjoni fit-12 ta’ Frar 2000 fil-kuntest tal-implementazzjoni tad-Direttiva 89/686 skont l-istandard ta’ armonizzazzjoni skont l-imsemmija direttiva (6).
13. L-Istandard EN 795 huwa fformulat kif ġej:
“Qasam ta’ applikazzjoni
L-istandard preżenti jispeċifika l-eżiġenzi, il-metodi ta’ testijiet, l-istruzzjonijiet u l-immarkar ta’ apparat ta’ rbit destinat esklużivament sabiex ikun użat ma’ apparat personali protettiv kontra l-waqgħat mill-għoli.
L-istandard preżenti ma japplikax la għall-ganċijiet maħsub skont EN 517, la għall-gateways skont EN 516 u lanqas għal punti ta’ rbit stabbiliti li jagħmlu parti integrali mill-istruttura ta’ oriġini.
[…]
3. Definizzjonijiet
Għall-ħtiġijiet tal-istandard preżenti, id-definizzjonijiet sussegwenti japplikaw:
3.1 apparat ta’ rbit: element jew serje ta’ elementi jew ta’ komponenti li jinkludu punt ta’ rbit jew punti ta’ rbit.
3.2 element: parti minn komponent jew minn sottosistema. Il-ħbula, ċineg, elementi ta’ ganċijiet, bokkli u rfid ta’ siġurtà huma eżempji ta’ elementi.
[…]
3.4 punt ta’ rbit: element li miegħu tagħmir ta’ protezzjoni personali jista’ jitwaħħal wara l-istallazzjoni ta’ apparat ta’ rbit.
3.5 ankra strutturali: element wieħed jew iktar imwaħħal (imwaħħlin) b’mod permanenti ma’ struttura, li magħha (magħhom) huwa possibbli li jitwaħħal apparat ta’ rbit jew apparat personali protettiv.
[…]
3.13 Klassijiet
3.13.1 Klassi A
3.13.1.1 Klassi A1
Il-klassi A1 hija magħmula minn ankri strutturali maħsuba biex jitwaħħlu fuq uċuħ vertikali, orizzontali u inklinati, bħal ħitan, kolonni, blajjet) (ara l-Figura 1).
[…]
3.13.1.2 Klassi A.2
Klassi A2 hija magħmula minn ankri strutturali maħsuba biex ikunu mwaħħlin mal-bjut inklinati (ara l-Figura 2).
[…]
4.3 Eżiġenzi partikolari rikjesti għall-apparat ta’ rbit
4.3.1 Klassi A
4.3.1.1 Klassi A1 – Ittestjar tat-tip ta’ apparat ta’ rbit maħsub biex jitwaħħal ma’ wċuħ vertikali, orizzontali u inklinati
Test statiku għandu jsir skont 5.2.1 u jeżerċita forza ta’ 10kN fid-direzzjoni li fiha l-forza tista’ tiġi applikata meta titħaddem. Din il-forza għandha tinżamm għal 3 minuti. L-apparat ta’ rbit għandu jirfed il-forza.
Test ta’ reżistenza dinamika għandu jitwettaq skont 5.3.2. Il-piż li jaqa’ għandu jitwaqqaf.
[…]
5.2 Modi operattivi ta’ ttestjar ta’ reżistenza statika
5.2.1 Apparat ta’ rbit tal-klassi 1
Immonta l-apparat ta’ rbit fuq kampjun tat-tip ta’ bini li fuqu huwa ddestinat li jintuża filwaqt li jiġu osservati l-istruzzjonijiet ta’ istallazzjoni […]
Immonta t-tagħmir ta’ ttestjar ta’ reżistenza statika deskritt f’4.1.1 sabiex il-forza ta’ ttestjar tkun applikata fid-direzzjoni jew fid-direzzjonijiet ta’ użu tat-tħaddim u ssuġġetta l-punt ta’ rbit għall-forza ta’ ttestjar statiku ta’ forza speċifikat f’4.3.1.1. Ivverifika li l-apparat ta’ rbit jirfed il-forza.
[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
IV – Il-fatti u t-talba għal deċiżjoni preliminari
14. Il-proċedura prinċipali topponi żewġ manifatturi tal-apparat ta’ rbit kontra l-waqgħat mill-għoli waqt xogħlijiet imwettqa fuq bjut ċatti. Il-kawża tirrigwarda essenzjalment il-kwistjoni ta’ jekk l-apparat ta’ rbit tal-manifattur l-ieħor huwiex sigur u jekk il-marka CE tistax jew għandhiex titwaħħal miegħu.
15. L-ewwel rikorrenti fil-kawża prinċipali, Latchways PLS, jimmanifattura l-apparat ta’ rbit “Mansafe Constant Force Post”. It-tieni rikorrenti fil-kawża prinċipali, Eurosafe Solutions BV, huwa d-distributur tagħhom fil-Pajjiżi l-Baxxi. L-ewwel konvenuta fil-kawża prinċipali, Kedge Safety Systems BV, hija l-manifattur tas-sistema ta’ rbit “Kedge Safety” li tinbiegħ mit-tieni konvenuta fil-kawża prinċipali, Consolidated Nederland BV.
16. L-element prinċipali ta’ apparat ta’ rbit inkwistjoni huwa ankra li għandha titwaħħal ma’ bejt. Huwa possibbli li ma’ dan il-bejt titwaħħal ċinga ta’ rbit, hija stess imwaħħla ma’ xedd kontra l-waqgħat li jintlibes mill-ħaddiem li jaħdem fuq il-bejt.
17. Mill-perspettiva teknika, l-apparat ta’ rbit “Mansafe Constant Force Post” huwa kkaratterizzat minn twaħħil tal-ankra mal-bejt bl-għajnuna ta’ boltijiet. Min-naħa l-oħra, l-ankra tal-apparat ta’ rbit “Kedge Safety” titwaħħal mal-kopertura asfaltata tal-bejt. Konsegwentement, il-“Mansafe Constant Force Post” u l-“Kedge Safety” għandhom it-tnejn li huma jkollhom apparat ta’ rbit tal-klassi A1 skont l-Istandard EN 795.
18. Fl-2004, korp Ġermaniż ta’ ttestjar u ta’ ċertifikazzjoni ttestja l-“Kedge Safety” fuq talba tal-konvenuti fil-kawża prinċipali bħala apparat ta’ rbit tal-klassi A1 skont l-Istandard EN 795 (verżjoni tal-1996) punti 5.2.1. u 5.3.2. Fis-6 ta’ Ottubru 2004, wara dan it-test, il-korp ħareġ ċertifikazzjoni u rapport ta’ test li jindika li l-“Kedge Safety” tissodisfa l-istandard fuq il-punti ttestjati.
19. Fl-2005, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ttestjaw il-“Kedge Safety” darbtejn permezz ta’ korp ta’ ttestjar ieħor. Dan tal-aħħar wasal għall-konklużjoni li, f’ċerti kundizzjonijiet klimatiċi, il-“Kedge Safety” ma kinitx reżistenti biżżejjed u li, għalhekk, hija ma tissodisfax l-Istandard EN 795.
20. Filwaqt li jinvokaw ir-riżultati ta’ dawn it-testijiet, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbu lill-konvenuti fil-kawża prinċipali jwaqqfu l-kummerċjalizzazzjoni tal-“Kedge Safety”, minħabba li din ma hijiex sigura biżżejjed, u tiġbor lura l-apparat ta’ rbit ta’ dan it-tip li digà nbiegħ. Il-konvenuti fil-kawża prinċipali rrifjutaw li jagħmlu dan.
21. Minħabba din il-kontroversja dwar is-sigurtà tal-“Kedge Safety”, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbu, b’mod partikolari, li jiġi kkonstatat li l-“Kedge Safety” għandha tiġi ikkummerċjalizzata biss bil-marka CE. Sussidjarjament, huma jitolbu, b’mod partikolari, li jiġi kkonstatat li l-konvenuti fil-kawża prinċipali għandhom jastjenu minn kull avviż li jindika li l-“Kedge Safety” tissodisfa l-Istandard EN 795.
22. Il-konvenuti fil-kawża prinċipali introduċew kontrotalba u talbu, b’mod partikolari, li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali waħħlu mingħajr raġun il-marka CE fuq il-“Mansafe Constant Force Post”.
23. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-apparat ta’ rbit inkwistjoni jistax jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 89/106 u/jew tad-Direttiva 89/686. Hija trid ukoll tiddeċiedi jekk, u f’liema kundizzjonijiet, il-marka CE tistax jew għandhiex titwaħħal ma’ tali apparat ta’ rbit.
24. Minħabba li l-qorti tar-rinviju għandha dubji fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti pertinenti tad-Direttivi 89/106 u 89/686, hija għamlet id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“1. L-ankraġġi [L-apparat ta’ irbit] tal-klassi A1 imsemmi fl-Istandard Ewropew EN 795 (intiż li jibqa’ fil-post b’mod permanenti) jaqa’ esklużivament taħt id-Direttiva 89/106?
2. Jekk l-ewwel domanda tagħti risposta negattiva, dawn l-aankraġġi – jekk ikun il-każ iktar ’il quddiem bħala apparat ta’ protezzjoni – jaqgħu taħt id-Direttiva 89/686?
3. Jekk l-ewwel u t-tieni domandi jagħtu risposta negattiva: fid-dawl b’mod partikolari tal-Anness II tad-Direttiva 89/686, b’mod partikolari tal-punt 3.1.2.2. tagħha, għandu wieħed – fid-dawl ta’ apparat personali protettiv suġġett għal din id-direttiva – jevalwa jekk dan l-apparat personali protettiv jissoddisfax fih innifsu l-eżiġenzi essenzjali ta’ din id-direttiva jew għandux jiġi eżaminat f’dan l-istess kuntest jekk l-apparat ta’ rbit – li miegħu jitwaħħal l-apparat personali protettiv – jipprovdix protezzjoni fil-kundizzjonijiet ta’ użu prevedibbli fis-sens ta’ dan l-Anness II?
4. Il-leġiżlazzjoni Komunitarja u b’mod partikolari d-Deċiżjoni 93/465/KEE (7) tippermetti li wieħed iqiegħed b’mod fakultattiv il-marka ta’ konformità “CE” fuq ankraġġ bħal dak imsemmi fl-ewwel domanda, bħala sempliċi prova tal-konformità ta’ dan l-apparat ta’ rbit mad-Direttiva 89/686 u/jew id-Direttiva 89/106?
5. Jekk tingħata risposta affermattiva, kemm kollha jew parzjalment, għar-raba’ domanda: liema hi l-proċedura li għandha tiġi osservata jew liema huma l-proċeduri li għandhom jiġu osservati sabiex tiġi ddeterminata l-konformità fid-dawl tad-Direttiva 89/686 u/jew tad-Direttiva 89/106?
6. Fid-dawl tal-ankraġġi msemmija fl-ewwel domanda, l-Istandard Ewropew EN 795 għandu jiġi kkwalifikat bħala dritt Komunitarju – suġġett għall-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej?
7. Jekk tingħata risposta affermattiva għas-sitt domanda, l-Istandard Ewropew EN 795 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-apparat ta’ rbit bħal dak imsemmi fl-ewwel domanda għandu jiġi ttestjat (minn organu nnotifikat) skont il-kundizzjonijiet tal-użu pprovduti (temperatura esterna, ċirkustanzi atmosferiċi, reżistenza tal-apparat ta’ irbit innifsu u/jew tal-elementi għat-twaħħil tiegħu kif ukoll tas-saqaf [tal-bejt]?
8. Jekk tingħata risposta affermattiva għas-seba’ domanda, it-test għandu jsir billi jiġu osservati r-restrizzjonijiet tal-użu (li jinsabu fil-kundizzjonijiet tal-użu)?”
V – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
25. Id-digriet tal-qorti tar-rinviju tat-23 ta’ April 2008 wasal fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ April 2008. Ir-rikorrenti u l-konvenuti fil-kawża prinċipali, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Gvern Belġjan, kif ukoll il-Kummissjoni, ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Ir-rappreżentanti tar-rikorrenti u tal-konvenuti, kif ukoll tal-Kummissjoni, ipparteċipaw fis-seduta tal-25 ta’ Frar 2010.
VI – L-argumenti tal-partijiet
A – L-ewwel domanda preliminari
26. Il-konvenuti fil-kawża prinċipali rrispondew fl-affermattiv għall-ewwel domanda preliminari, li tistaqsi jekk l-apparat ta’ rbit tal-klassi A1 skont l-Istandard EN 795 jaqax esklużivament taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 89/106. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, kif ukoll il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Gvern Belġjan u l-Kummissjoni, irrispondew għal din id-domanda fin-negattiv.
27. Il-konvenuti fil-kawża prinċipali bbażaw ruħhom fuq l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 89/106, li jgħid li bi “prodott ta’ bini [għall-kostruzzjoni]” nifhmu kull prodott li huwa magħmul biex jiddaħħal b’mod permanenti fix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni, li jkopru kemm il-bini kif ukoll ix-xogħlijiet ta’ inġinerija ċivili. Billi l-apparat ta’ rbit inkwistjoni huwa destinat li jitwaħħal għal żmien twil ma’ bejt, huwa għandu jikkwalifika bħala prodott għall-kostruzzjoni li għalih tapplika d-Direttiva 89/106, skont l-Artikolu 1(1) tagħha. Il-konvenuti fil-kawża prinċipali għandhom il-persepettiva tagħhom ikkonfermata bil-fatt li d-Direttorat Ġenerali għall-Intrapriżi u l-Industriija tal-Kummissjoni Ewropea diġà jeżamina, sa’ mill-2007, il-ħruġ ta’ approvazzjoni teknika Ewropea għall-“Kedge Safety” skont l-Artikoli 8 et seq tad-Direttiva 89/106 (8).
28. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jqisu li l-apparat tat-twaħħil inkwistjoni ma jiġix immanifatturat bil-ħsieb li jiġi inkorporat b’mod permanenti fix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni skont id-Direttiva 89/106. Id-Direttiva 89/106 tapplika biss għal prodotti neċessarji għall-kostruzzjoni ta’ bini, bħal pereżempju, il-ħitan, is-soqfa, it-tisħin eċċ. L-apparat ta’ rbit inkwistjoni jaqa’ taħt elementi aċċessorji ddestinati għall-bini, imwaħħlin wara l-kostruzzjoni ta’ bini u li wara jkunu jistgħu jiġu żmuntati mingħajr ma ssir ħsara lis-sustanza ta’ dan tal-aħħar.
29. Il-Kummissjoni tenfasizza li d-Direttiva 89/106 ma tifformulax eżiġenzi sostanzjali fir-rigward tal-prodotti għall-kostruzzjoni iżda tikkonċerna qabel kollox is-sigurtà tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni. Fil-fehma tagħha, minħabba li l-apparat ta’ rbit inkwistjoni ma huwiex relatat mal-eżiġenzi essenzjali fformulati fir-rigward tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni tal-Anness I tad-direttiva, fil-prinċipju, huwa ma jaqax taħt din tal-aħħar.
30. Fis-seduta, il-Kummissjoni evokat il-kontradizzjoni bejn din il-pożizzjoni u l-attitudni tad-Direttorat Ġenerali għall-Intrapriżi u l-Industrija, li jeżamina mill-2007 l-ħruġ ta’ approvazzjoni teknika għall-“Kedge Safety” skont l-Artikoli 8 et seq tad-Direttiva 89/106. Permezz ta’ dan, hija esponiet essenzjalment li d-dipartimenti kompetenti tagħha setgħu issa jadottaw pożizzjoni komuni li biha l-apparat ta’ rbit tal-klassi A1 skont l-Istandard EN 795 ma jaqax taħt id-Direttiva 89/106. L-ammissjoni tal-“Kedge Safety” għall-proċedura ta’ ammissjoni bil-ħsieb tal-ħruġ ta’ approvazzjoni teknika Ewropea skont l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 89/106 mid-Direttorat Ġenerali tal-intrapriżi u l-industriji għandha, għalhekk, titqies li hija żball.
31. Filwaqt li jibbaża ruħu fuq l-eżiġenzi essenzjali fformulati fir-rigward tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni fl-Anness I tad-Direttiva 89/106, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li biss il-prodotti li, fid-dawl ta’ dawn l-eżiġenzi, jikkontribwixxu sabiex il-bini jaqdi l-funzjoni tiegħu, jistgħu jikkwalifikaw bħala prodotti għall-kostruzzjoni skont id-Direttiva 89/106. Huwa jqis li dan ma huwiex il-każ tal-apparat tat-twaħħil inkwistjoni.
B – It-tieni domanda preliminari
32. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-Gvern Belġjan jirrispondu fl-affermattiv għat-tieni domanda preliminari, li tistaqsi jekk l-apparat ta’ rbit tal-klassi A1 skont l-Istandard EN 795 jistax jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 89/686. Il-konvenuti fil-kawża prinċipali, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni jirrispondu fin-negattiv.
33. Ir-rikorrenti fil-kawza prinċipali jqisu essenzjalment li l-apparat ta’ rbit inkwistjoni għandu jkollu sistema ta’ rbit skont l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 89/686, u konsegwentement jaqa’ taħt din tal-aħħar. Dan l-apparat ta’ rbit jista’ jippermetti b’mod partikolari li tintrabat ċinga ta’ rbit, li għandha tinkludi tagħmir ta’ protezzjoni personali (iktar ’il quddiem il-“PPE”), ma’ xogħol ta’ kostruzzjoni.
34. Il-Gvern Belġjan iqis wkoll li l-apparat ta’ rbit tal-klassi A1 għandu jikkwalifika bħala PPE li jaqa’ taħt id-Direttiva 89/686. Huwa jenfasizza b’mod partikolari li, skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 89/656/KEE tal-Kunsill, tat-30 ta’ Novembru 1989, dwar il-ħtiġijiet minimi ta’ sigurtà u ta’ saħħa għall-użu ta’ tagħmir ta’ protezzjoni personali mill-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol (9), kwalunkwe tagħmir komplementari ta’ PPE għandu jitqies li huwa PPE skont din id-direttiva. Bl-istess mod ta’ kif l-apparat ta’ rbit tal-klassi A1 għandu jitqies li huwa tagħmir komplementari ta’ PPE, huwa għandu wkoll, b’analoġija, jikkwalifika bħala PPE fil-kuntest tad-Direttiva 89/686.
35. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tqis li l-apparat ta’ rbit tal-klassi A1 ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 89/686. F’dak li jikkonċerna l-apparat ta’ protezzjoni kontra l-waqgħat mill-għoli inkwistjoni, għandu jkun hemm distinzjoni bejn ix-xedd kontra l-waqgħat, iċ-ċinga ta’ rbit u l-ankra. Ix-xedd kontra l-waqgħat ikun PPE skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 89/686, filwaqt li ċ-ċinga ta’ rbit għandha tiġi kkwalifikata bħala sistema ta’ rbit skont l-Artikolu 1(3) ta’ din id-direttiva. Konsegwentement, dawn iż-żewġ elementi jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 89/686. Min-naħa l-oħra, l-ankra hija apparat estern skont l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 89/686 u għalhekk ma taqax taħtha. Il-konvenuti fil-kawża prinċipali u l-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi esprimew opinjoni simili.
C – It-tielet domanda preliminari
36. Il-qorti tar-rinviju tagħmel it-tielet domanda preliminari fil-każ li l-apparat ta’ rbit tal-klassi A1 skont l-Istandard EN 795 ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi 89/106 u 89/686. F’dan il-kuntest, hija b’mod partikolari trid tkun taf jekk, meta jiġi eżaminat PPE, li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 89/686, li għandu jkun marbut ma’ apparat ta’ rbit tal-klassi A1 jissodisfax l-eżiġenzi f’dak li jikkonċerna s-sigurtà fformulati fl-imsemmija direttiva, għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll id-domanda dwar jekk l-imsemmi apparat ta’ rbit huwiex sigur fil-kundizzjonijiet ta’ użu prevedibbli fis-sens tal-Anness II tad-Direttiva.
37. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jirrispondu fl-affermattiv għal din it-tielet domanda preliminari. Il-konvenuti fil-kawża prinċipali, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni jirrispondu fin-negattiv.
38. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li l-punti ta’ rbit fis-sens tal-punt 3.1.2.2 tal-Anness II tad-Direttiva 89/686 ikunu siguri biss meta jissodisfaw l-eżiġenzi fformulati permezz tal-Istandard EN 795.
39. Skont il-Kummissjoni, huwa evidenti li s-sigurtà ta’ PPE, li hija intiża li tipprevjeni l-waqgħat mill-għoli jew l-effetti tagħhom, tiddependi wkoll mis-sigurtà tal-punt ta’ rbit li miegħu jitwaħħal l-apparat ta’ rbit tal-ġisem bl-għajnuna tas-sistema ta’ rbit. Madankollu, l-eżiġenzi fundamentali f’dak li jikkonċerna s-siġurtà fformulati permezz tad-Direttiva 89/868 japplikaw biss għall-PPE u mhux għall-apparat ta’ rbit li ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva. Il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-konvenuti fil-kawża prinċipali esprimew opinjoni simili.
D – Ir-raba’ domanda preliminari
40. Ir-raba’ domanda preliminari tal-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk huwiex possibbli li titwaħħal b’mod fakultattiv marka CE fuq apparat ta’ rbit tal-klassi A1 fis-sens tal-Istandard EN 795 bħala prova tal-konformità tiegħu mad-Direttiva 89/686 u/jew mad-Direttiva 89/106.
41. Il-konvenuti fil-kawża prinċipali, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Gvern Belġjan, kif ukoll il-Kummisjoni jirrispondu fin-negattiv għal din ir-raba’ domanda preliminari.
42. Il-Kummissjoni tqis li la d-Direttivi 89/106 u 89/686, u lanqas id-Deċiżjoni 93/465 ma jipprevedu użu fakultattiv tal-marka CE. Minħabba li hija tqis li l-apparat ta’ rbit inkwistjoni ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi 89/106 u 89/686, ikun impossibbli li titwaħħal marka CE bħala prova tal-konformità tiegħu magħhom.
43. Il-konvenuti fil-kawża prinċipali jitilqu wkoll mill-prinċipju li użu fakultattiv tal-marka CE huwa eskluż. Madankollu, minħabba li fil-fehma tagħhom, l-apparat ta’ rbit inkwistjoni jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 89/106, ikun possibbli li titwaħħal miegħu marka CE skont l-imsemmija direttiva meta huwa jkun kiseb approvazzjoni teknika Ewropea skont il-Kapitolu III ta’ din id-direttiva.
E – Il-ħames domanda preliminari
44. Il-qorti tar-rinviju tagħmel il-ħames domanda preliminari fil-każ li jkun possibbli li titwaħħal b’mod fakultattiv marka CE fuq l-apparat ta’ rbit tal-klassi A1 skont l-Istandard EN 795 bħala prova tal-konformità tiegħu mad-Direttiva 89/686 u/jew tad-Direttiva 89/106. F’dan il-kuntest, hija tixtieq, b’mod partikolari, tkun taf skont liema proċedura(i) jkun xieraq, għalhekk, li tiġi ddeterminata l-konformità mad-Direttiva 89/686 u/jew mad-Direttiva 89/106.
45. Minħabba r-risposti li l-partijiet fil-proċeduri taw għar-raba’ domanda preliminari, il-konvenuti fil-kawża prinċipali jirrispondu biss għall-ħames domanda. Permezz ta’ dan, huma rrepetew essenzjalment il-pożizzjoni tagħhom li d-Direttiva 89/106 tippermetti li titwaħħal marka CE mal-apparat ta’ rbit inkwistjoni meta jikseb approvazzjoni teknika Ewropea skont il-Kapitolu III tagħha.
F – Is-sitt domanda preliminari
46. Is-sitt domanda preliminari tal-qorti tar-rinviju hija intiża li jsir magħruf jekk, f’dak li jikkonċerna l-apparat ta’ rbit tal-klassi A1 imsemmi fl-Istandard EN 795, dan tal-aħħar għandux jikkwalifika bħala dritt Komunitarju li huwa suġġett għall-interpetazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.
47. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-Gvern Belġjan irrispondew din id-domanda fl-affermattiv. Il-konvenuti fil-kawża prinċipali, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni rrispondew fin-negattiv.
48. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li l-Istandard EN 795 ġie elaborat fuq mandat tal-Kummissjoni u għandu għalhekk jitqies li huwa att adottat minn din tal-aħħar skont l-Artikolu 234 KE, li jista’ jkun suġġett għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja.
49. Il-Gvern Belġjan jenfasizza li l-istandards armonizzati huma elaborati minn korpi tad-dritt privat fuq mandat tal-Kummissjoni, li tippubblika r-referenzi tagħhom fil-Ġurnal Uffiċjali, skont l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 89/686. Minħabba li d-direttiva b’hekk tagħmel riferiment għal dan, l-istandards għandhom jitqiesu li huma parti mid-dritt Komunitarju.
50. Skont il-konvenuti fil-kawża prinċipali, l-Istandard EN 795 ma jikkostitwixxix standard armonizzat f’dak li jikkonċerna l-apparat ta’ rbit inkwistjoni. Konsegwentement, huwa ma jistax jikkwalifika bħala dritt Komunitarju f’dak li jikkonċerna dan l-apparat.
51. Il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jqis ukoll li huwa eskluż li l-Istandard EN 795 jikkwalifika bħala dritt Komunitarju f’dak li jikkonċerna l-apparat ta’ rbit tal-klassi A1, għas-sempliċi raġuni li dan ma jitqiesx li huwa standard armonizzat fir-rigward ta’ tali apparat.
52. Il-Kummissjoni tenfasizza, qabelxejn, li l-Istandard EN 795 ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali bħala standard armonizzat filwaqt li tindika li huwa ma kienx jikkonċerna t-tagħmir deskritt fil-klassijiet A, Ċ u D, u li għalhekk ma jistax jiġi preżunt li dawn tal-aħħar ma kinux jissodisfaw l-eżiġenzi tad-Direttiva 89/686 (10). Konsegwentement, f’dak li jikkonċerna l-apparat ta’ rbit tal-klassi A1 intiżi fl-Istandard EN 795, dan għandu jikkwalifika bħala speċifikazzjoni teknika fakultattiva mingħajr rabta partikolari mad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju. Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti tal-Ġustizzja ħadet, skont l-Artikolu 234 KE, deċiżjoni preliminari li tikkonċerna l-validità u l-interpretazzjoni tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Komunità u mill-BĊE. L-interpretazzjoni tal-istandards Ewropej ma taqax taħt il-ġurisidizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għaliex tali standard ma jistax jikkwalifika bħala att ta’ istituzzjoni Komunitarja skont l-Artikolu 234 KE.
G – Is-seba’ u t-tmien domandi preliminari
53. Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara ruħha li għandha ġurisidzzjoni sabiex tinterpreta l-Istandard EN 795 f’dak li jikkonċerna l-apparat ta’ rbit tal-klassi A1 skont l-istandard imsemmi, il-qorti tar-rinviju tagħmel is-seba’ u t-tmien domandi preliminari sabiex tkun taf kif twettaq it-testijiet ta’ reżistenza statika u dinamika previsti minn dan l-istandard. Hija tistaqsi, b’mod partikolari, jekk dawn it-testijiet għandhomx jitwettqu fil-kundizzjonijiet ta’ użu prevedibbli (is-seba’ domanda preliminari) u bit-teħid inkunsiderazzjoni tar-restrizzjonijiet ta’ użu indikati mill-manifattur (it-tmien domanda preliminari).
54. Fid-dawl tar-risposta tas-sitt domanda preliminari li huma jipproponu, il-konvenuti fil-kawża prinċipali, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni jqisu li s-seba’ u t-tmien domandi preliminari ma għandhomx skop. Madankollu, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondihom, il-konvenuti fil-kawża prinċipali jsostnu sussidjarjament li għandha tingħata risposta fin-negattiv għas-seba’ domanda u fl-affermattiv għat-tmien domanda.
55. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, kif ukoll il-Gvern Belġjan jirrispondu fl-affermattiv kemm għas-seba’ domanda preliminari kif ukoll għat-tmien waħda. Madankollu, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jenfasizzaw li jkun possibbli li jitwettaq test bit-teħid inkunsiderazzjoni tar-restrizzjonijiet ta’ użu biss jekk il-korp ta’ ttestjar innominat jaċċetta li jagħmlu.
VII – Kunsiderazzjonijiet legali
A – Osservazzjonijiet ġenerali
56. Id-Direttivi 89/106 u 89/686 huma intiżi li jarmonizzaw il-leġiżlazzjonijiet tekniċi u l-istandards fil-qasam tal-prodotti għall-kostruzzjoni jew tal-PPE. Dawn huma direttivi adottati skont l-“approċċ il-ġdid”, li introduċa metodu ġdid ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni u tal-istandards tekniċi fil-qasam tad-dritt Komunitarju tal-prodotti (11).
57. Dan il-metodu l-ġdid ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni u tal-istandards tekniċi kellu bħala għan, minn naħa, li jadotta leġiżlazzjonijet u standards tekniċi uniformi permezz ta’ armonizzazzjoni kompluta, sabiex jiggarantixxi l-moviment liberu tal-merkanzija għall-prodotti kkonċernati. Huwa intiż, min-naħa l-oħra, li jiġi evitat li jkollu jadatta b’mod permanenti l-miżuri ta’ armonizzazzjoni fil-progress tekniku jew li jimpedixxi t-tqegħid fis-suq ta’ soluzzjonijiet tekniċi innovattivi.
58. Sabiex jiġu rrikonċiljati dawn iż-żewġ għanijiet, l-approċċ il-ġdid ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni teknika huwa bbażat fuq il-prinċipji li ġejjin:
1. Il-leġiżlatur Komunitarju jifformula l-eżiġenzi fundamentali li l-prodotti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva għandhom jissodisfaw.
2. Il-Kummissjoni tagħti r-responsabbiltà lill-korpi privati ta’ standardizzazzjoni biex jirrediġu l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li jippreċiżaw l-eżiġenzi ġenerali fformulati mid-direttivi.
3. Il-Kummissjoni tippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi redatti minn dawn il-korpi ta’ standardizzazzjoni bħala standards armonizzati.
4. L-osservanza u l-applikazzjoni tal-istandards armonizzati mill-manifatturi huma fakultattivi. Dawn l-istandards ma humiex ta’ natura obbligatorja.
5. Teżisti preżunzjoni sempliċi li l-prodotti konformi mal-istandards armonizzati jissodisfaw ukoll l-eżiġenzi essenzjali fformulati permezz tad-direttiva korrispondenti.
59. L-eżiġenzi essenzjali fir-rigward tal-prodotti stabbiliti mid-direttivi adottati skont l-approċċ il-ġdid jikkonċernaw, b’mod ġenerali, is-sigurtà kif ukoll il-protezzjoni tas-saħħa, tal-ambjent u tal-konsumaturi. Fid-Direttiva 89/686, dawn l-eżiġenzi jidhru fl-Anness II.
60. Id-Direttiva 89/106 titbiegħed minn dan l-“approċċ il-ġdid” sa fejn ma tistabbilixxix eżiġenzi diretti fir-rigward ta’ prodotti għall-kostruzzjoni, iżda fejn tikkonstata, fl-Anness I, l-eżiġenzi essenzjali applikabbli għax-xogħlijiet (12). Dawn l-eżiġenzi essenzjali jikkonċernaw il-prodotti għall-kostruzzjoni fis-sens li dawn għandhom jippermettu li x-xogħlijiet li huma inkorporati fihom jissodisfaw l-eżiġenzi essenzjali fformulati fl-Anness I tad-Direttiva 89/106.
61. Il-korpi privati ta’ standardizzazzjoni li jistgħu jingħataw ir-responsabbiltà li jirrediġu l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi huma l-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN (13)), il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettronika (CENELEC (14)) u l-Istitut Ewropew għall-Istandards tat-Telekommunikazzjoni (ETSI (15)).
62. Id-direttivi skont l-approċċ il-ġdid jipprovdu wkoll b’mod ġenerali marka CE. Din il-marka tiċċertifika li l-prodott immarkat jissodisfa l-eżiġenzi stabbiliti minn kull direttiva skont l-approċċ il-ġdid li huwa jaqa’ taħtha (16). Meta prodott jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 89/106, il-marka CE tiċċertifika li l-prodott jippermetti li x-xogħlijiet li huwa inkluż fihom josservaw l-eżiġenzi essenzjali fformulati f’din id-direttiva (17).
63. Barra minn hekk, il-biċċa l-kbira tad-direttivi skont l-approċċ il-ġdid jimponu wkoll fuq il-manifatturi li jagħmlu dikjarazzjoni CE ta’ konformità meta jitqiegħed il-prodott fis-suq. Dan huwa essenzjalment dokument ta’ akkumpanjament li jiċċertifika fir-rigward tal-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq li l-prodott jissodisfa l-eżiġenzi essenzjali stabbiliti permezz tad-direttivi applikabbli. Id-direttiva applikabbli tistabbilixxi l-kontenut preċiż ta’ din id-dikjarazzjoni.
B – L-ewwel domanda preliminari
64. L-ewwel domanda preliminari tal-qorti tar-rinviju tirrigwarda l-kwistjoni ta’ jekk l-apparat ta’ rbit kontra l-waqgħat mill-għoli matul xogħlijiet imwettqa fuq bjut ċatti fil-klassi A1 skont l-Istandard EN 795 jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 89/106.
65. Din id-domanda fiha żewġ partijiet. Minn naħa, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-apparat ta’ rbit tal-klassi A1 skont l-Istandard EN 795 jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 89/106. Fil-każ li jkun meħtieġ li din l-ewwel parti tad-domanda jkollha risposta fin-negattiv, hija tistaqsi jekk dan ineħħix neċessarjament tali apparat ta’ rbit mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ direttivi oħra skont l-approċċ il-ġdid.
66. Huwa xieraq li nirrispondi għat-tieni parti tad-domanda direttament fin-negattiv, dwar jekk dan ineħħix neċessarjament tali apparat ta’ rbit mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ direttivi oħra skont l-approċċ il-ġdid. Fil-fatt, l-approċċ globali ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet u tal-istandards tekniċi fil-qasam tad-dritt tal-prodotti, maħsub mil-leġiżlatur Komunitarju, jibbaża ruħr preċiżament fuq il-preżunzjoni li prodott jista’ jaqa’ taħt diversi direttivi skont l-approċċ il-ġdid, li jikkonċernaw aspetti differenti tal-istess prodott (18).
67. Għandha tingħata risposta għall-ewwel parti tad-domanda, dwar jekk l-apparat ta’ rbit tal-klassi A1 skont l-Istandard EN 795 jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 89/106, fid-dawl tal-metodu u tal-istruttura normattiva tad-Direttiva 89/106.
68. Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/106, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar il-prodotti ddestinati li jiġu inkorporati b’mod permanenti f’bini jew f’xogħol ta’ inġinerija ċivili u li huma importanti fir-rigward tal-eżiġenzi essenzjali li għandhom josservaw dawn ix-xogħlijiet. Dawn l-eżiġenzi essenzjali huma stabbiliti fl-Anness I tad-direttiva u jirrigwardaw l-aspetti segwenti: 1) ir-reżistenza mekkanika u l-istabbiltà tax-xogħlijiet, 2) is-sigurtà fil-każ ta’ ħruq, 3) l-iġjene, is-saħħa u l-ambjent, 4) is-siġurtà fl-użu, 5) il-ħarsien kontra l-istorbju, 6) l-ekonomija fl-enerġija u ż-żamma tas-sħana.
69. Konsegwentement, il-metodu normattiv tad-Direttiva 89/106 huwa kkaratterizzat minn definizzjoni funzjonali tal-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Fil-fatt, skont l-Artikolu 1, dan il-kamp ta’ applikazzjoni jinkludi l-prodotti ddestinati li jkunu inkorporati b’mod permanenti f’bini li huwa utli jew neċessarju sabiex dan tal-aħħar jissodisfa waħda mill-eżiġenzi essenzjali jew diversi minnhom, deskritti fl-Anness I.
70. Sabiex jingħaraf jekk l-apparat ta’ rbit kontra l-waqgħat mill-għoli inkwistjoni jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 89/106, jeħtieġ li jiġi ddeterminat jekk, b’regola ġenerali, l-apparat jitwaħħalx b’mod permanenti max-xogħlijiet ikkonċernati u jekk, bil-funzjoni tiegħu, għandux jikkontribwixxi biex jiġu ssodisfatti l-eżiġenzi stabbiliti fl-Anness I.
71. Biex jiġi kkonstatat jekk l-apparat inkwistjoni kienx immanifatturat sabiex jitwaħħal b’mod permanenti ma’ bini, jeħtieġ li ssir evalwazzjoni fattwali li għandha ssir mill-qorti tar-rinviju.
72. B’hekk, il-qorti tar-rinviju għandha teżamina b’mod partikolari jekk iż-żarmar jew is-sostituzzjoni tal-apparat ta’ rbit tal-klassi A1 skont l-Istandard EN 795 inkwistjoni jeħtieġx xogħlijiet ta’ kostruzzjoni (19). Meta dan l-apparat ta’ rbit jintrabat mal-bini fil-kuntest tal-installazzjoni normali tiegħu b’tali mod li t-tneħħija tiegħu tkun teħtieġ li jsiru xogħlijiet ta’ kostruzzjoni, għandu jitqies li dan kien immanifatturat sabiex jitwaħħal b’mod permanenti ma’ bini.
73. Anki jekk fl-aħħar mill-aħħar hija l-qorti tar-rinviju li għandha tikkonstata jekk ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni humiex neċessarji biex jiġi żmuntat jew issostitwit l-apparat ta’ rbit tal-klassi A1 skont l-Istandard EN 795, id-deskrizzjoni ta’ dan l-apparat fl-Istandard EN 795 tindika b’mod ċar li, fil-prinċipju, dan huwa l-każ. Fil-fatt, minn dan l-istandard jirriżulta li apparat ta’ rbit tal-klassi A1 jinkludi “ankri strutturali” maħsuba biex jitwaħħlu ma’ wċuħ vertikali, orizzontali u inklinati (20). L-“ankri strutturali” skont l-istandard huma elementi mwaħħlin b’mod permanenti ma’ xogħol ta’ kostruzzjoni li miegħu jista’ faċilment jeħel apparat ta’ rbit jew tagħmir personali protettiv (21). Minħabba li, min-natura tagħhom, tali ankri jeħtieġu normalment xogħlijiet ta’ kostruzzjoni biex jiġu żmuntati, fil-prinċipju, l-apparat ta’ rbit li huma magħmulin minnu għandu jiġi kkwalifikat bħala apparat iddestinat li jiddaħħal b’mod permanenti f’bini fis-sens tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/106.
74. Il-formulazzjoni tal-Anness I tad-Direttiva 89/106 toffri biss ftit indikazzjonijiet fir-rigward ta’ jekk l-apparat ta’ rbit tal-klassi A1 skont l-Istandard EN 795 għandux jikkontribwixxi skont il-funzjoni tiegħu sabiex jissodisfa l-eżiġenzi fformulati fl-imsemmi anness. Madankollu, jidher immedjatament li wieħed jista’ jitlaq mill-eżiġenzi fformulati fil-punt 4 tal-Anness I, dwar is-“sigurtà fl-użu” ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni biex janalizza jekk l-apparat ta’ rbit inkwistjoni jistax jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 89/106.
75. Il-punt 4 tal-Anness I tad-Direttiva 89/106, intitolat “sigurtà fl-użu”, jistabbilixxi li x-xogħol ta’ kostruzzjoni għandu jiġi ddisinjat u mibni b’tali mod li ma joħloqx riskji inaċċettabbli ta’ inċidenti fis-servizz jew fil-ħidma bħal żliq, ħbit, ħruq, xokkijiet fosthom bl-elettriku, korrimenti minn splużjonijiet.
76. F’dan ir-rigward, mill-proċess jirriżulta li l-apparat ta’ rbit inkwistjoni għandu jiżgura protezzjoni għall-ħaddiema li għandhom iwettqu tiswijiet fuq il-bejt jew fuq tagħmir imqiegħed fuq il-bejt, pereżempju fuq l-element estern ta’ sistema ta’ kkundizzjonar tal-arja. F’dan il-każ għalhekk għandu jkun magħruf jekk l-eżiġenzi fil-qasam tas-sigurtà fl-użu ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni previsti fl-Anness I tad-Direttiva 89/106 jinkludux ukoll is-sigurtà fl-aċċess għall-bjut.
77. Mhemm xejn fil-formulazzjoni tal-Anness I tad-Direttiva 89/106 li jindika jekk l-eżiġenzi fil-qasam tas-“sigurtà fl-użu” li huma fformulati fih għandhomx jikkonċernaw ukoll is-sigurtà tal-ħaddiema waqt ix-xogħlijiet imwettqa fuq in-naħa ta’ barra ta’ bini.
78. Madankollu, mid-dokument interpretattiv Nru 4 “Sigurtà fl-użu”, li jikkonċerna d-Direttiva 89/106 (22), jirriżulta li l-kunċett ta’ “sigurtà fl-użu” fis-sens tal-Anness I tal-imsemmija direttiva huwa ta’ interpretazzjoni wiesgħa. Fil-punt 2 ta’ dan id-dokument interpretattiv, intitolat “Spjegazzjoni tal-eżiġenza essenzjali ‘sigurtà fl-użu’”, huwa spjegat b’mod partikolari li s-sigurtà fl-użu fis-sens tal-Anness I tad-Direttiva 89/106 tikkonċerna r-riskju ta’ effetti serji u immedjati fuq il-ġisem magħmula minn persuni ġewwa jew qrib ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni.
79. Għalkemm, skont l-ispjegazzjonijiet l-oħra pprovduti minn dan id-dokument interpretattiv, ir-riskji ta’ inċident li l-eżiġenzi essenzjali fil-qasam tas-sigurtà fl-użu ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni huma intiżi li jipprevjenu fuq kollox l-użu “normali” (23), il-lista mhux eżawrjenti ta’ riskji rilevanti tinkludi wkoll it-tipi ta’ riskji li ma humiex direttament marbuta ma’ użu tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni mill-persuni esposti u li jistgħu wkoll jeżistu fuq in-naħa ta’ barra tal-imsemmija bini. Dawn it-tipi ta’ riskji jinkludu pereżempju r-riskju ta’ korriment jew ta’ mewt li jirriżultaw minn waqgħat ta’ oġġetti li jappartjenu għax-xogħol ta’ kostruzzjoni, deskritt fil-punt 3.3.2.1.
80. Fid-dawl tal-eteroġeneità tal-lista ta’ tipi ta’ riskji u ta’ riskji kkonċernati mis-“sigurtà fl-użu” skont l-Anness I tad-Direttiva 89/106, dan il-kunċett huwa ta’ interpetazzjoni wiesgħa. Konsegwentement, fil-fehma tiegħi, huwa jista’ jinkludi wkoll is-sigurtà tal-ħaddiema li jwettqu xogħlijiet fuq in-naħa ta’ barra ta’ xogħol ta’ kostruzzjoni (24).
81. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nasal għall-konklużjoni li, minħabba l-funzjoni tiegħu, l-apparat ta’ rbit tal-klassi A1 skont l-Istandard EN 795 jista’ jikkontribwixxi biex jiġu ssodisfatti l-eżiġenzi essenzjali fformulati fl-Anness I tad-Direttiva 89/106.
82. Konsegwentement, għandha tingħata risposta għall-ewwel domanda preliminari fis-sens li l-apparat ta’ rbit tal-klassi A1 skont l-Istandard EN 795 jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 89/106 meta huwa ddestinat li jitwaħħal b’mod permanenti ma’ xogħol ta’ kostruzzjoni. Dan ma jeskludix li direttivi oħra li jikkonċernaw is-sigurtà tal-prodotti jkunu applikabbli għalih.
C – It-tieni domanda preliminari
83. Permezz tat-tieni domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-apparat ta’ rbit tal-klassi A1 skont l-Istandard EN 795 jistax jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 89/686.
84. Skont il-punt 3.13.1.1 tal-Istandard EN 795, l-apparat ta’ rbit tal-klassi A1 fih ankra strutturali maħsuba biex titwaħħal ma’ wċuħ vertikali, orizzontali u inklinati. L-“ankri strutturali” skont din in-norma huma elementi mwaħħlin b’mod permanenti ma’ struttura, li magħhom huwa possibbli li jitwaħħal apparat ta’ rbit jew tagħmir ta’ protezzjoni personali (25). L-element prinċipali tal-apparat ta’ rbit tal-klassi A1 huwa għalhekk ankra li titwaħħal ma’ bini.
85. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 89/686, il-PPE skont l-imsemmija direttiva huwa l-apparat iddestinat li jintlibes jew jinżamm minn persuna. Minħabba li, min-natura tiegħu, l-apparat ta’ rbit tal-klassi A1 ma huwiex iddestinat li jintlibes jew jinżamm minn persuna, huwa a priori eskluż milli jikkwalifika bħala PPE skont l-imsemmija dispożizzjoni.
86. Fil-fehma tiegħi, huwa wkoll impossibbli li jissejħu PPE skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(2) minn (a) sa (c), u għal din l-istess raġuni.
87. Dan japplika wkoll għal kwalifika ta’ PPE skont l-Artikolu 1(3) tad-direttiva.
88. Skont l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 89/686, kwalunkwe sistema introdotta fis-suq flimkien mal-PPE biex titwaħħal ma’ apparat ieħor estern, addizzjonali, anki jekk is-sistema ma hijiex maħsuba sabiex tintlibes jew tinżamm b’mod permanenti minn min jużaha għall-perijodu sħiħ li jkun espost għar-riskju, titqies li hija parti integrali ta’ PPE.
89. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu b’mod partikolari li l-ankri, li jikkostitwixxu element prinċipali mill-apparat ta’ rbit tal-klassi A1 skont l-Istandard EN 795, għandhom jitqiesu li huma sistemi ta’ rbit skont din id-dispożizzjoni, li jippermetti li jitwaħħlu l-PPE ma’ xogħol ta’ kostruzzjoni.
90. Dan l-argument ma huwiex konvinċenti.
91. Fil-fatt, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ġenerali fformulati fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 89/686, il-kategorija tas-“sistemi ta’ rbit” skont l-Artikolu 1 tista tinkludi biss oġġetti mobbli li jistgħu jintlibsu jew jinżammu minn persuna. Din l-analiżi hija kkonfermata mill-formulazzjoni tal-Artikolu 1(3), li jipprovdi li ma huwiex neċessarju li s-sistema biex titwaħħal tkun iddestinata li tintlibes jew tinżamm b’mod permanenti minn min jużaha għall-perijodu sħiħ li jkun espost għar-riskju. Dan jikkonferma, għall-inqas b’mod impliċitu, li bħala regola ġenerali tali sistemi biex jitwaħħlu jistgħu wkoll jintlibsu jew jinġarru minn min jużahom, għalkemm fil-prinċipju, dawn għandhom ikunu oġġetti mobbli.
92. F’dan ir-rigward, huwa xieraq ukoll li jiġi ċċitat il-punt 3.1.2.2 tal-Anness II tad-Direttiva 89/686, li jifformula eżiġenzi essenzjali fir-rigward tal-PPE ddestinati li jipprevjenu l-waqgħat mill-għoli. Skont din id-dispożizzjoni, il-PPE ddestinati li jipprevjenu l-waqgħat mill-għoli jew l-effetti tagħhom għandhom ikun fihom ċinga li torbot il-ġisem u sistema ta’ rbit li tista’ titqabbad u li tista’ tintrabat ma’ punt ta’ rbit b’saħħtu.
93. Billi l-apparat ta’ rbit tal-klassi A1 għandu jitqies li huwa f’dan ir-rigward “punti ta’ rbit b’saħħithom”, filwaqt li skont il-punt 3.1.2.2 tal-Anness II, il-“punti ta’ rbit b’saħħithom” ma jagħmlux parti mill-PPE, din id-dispożizzjoni tikkonferma wkoll l-eżattezza tal-konstatazzjoni li l-apparat ta’ rbit tal-klassi A1 skont l-Istandard EN 795 ma jaqax taħt id-Direttiva 89/686.
94. Fl-aħħar nett, għandu jiġi ċċitat ukoll l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 89/686, li jipprovdi li huma esklużi, mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva preżenti, il-PPE koperti minn direttiva oħra li tikkunsidra l-istess għanijiet tat-tqegħid fis-suq, tal-moviment liberu u tas-sigurtà tad-direttiva preżenti. Bħalma diġà wrejt bir-risposta għall-ewwel domanda preliminari, l-apparat ta’ rbit tal-klassi A1 skont l-Istandard EN 795 jaqa’ taħt id-Direttiva 89/106 meta jkun iddestinat li jitwaħħal b’mod permanenti ma’ xogħol ta’ kostruzzjoni (26). Jekk il-qorti tar-rinviju għandha tqis li dan japplika wkoll għall-apparat ta’ rbit inkwistjoni, huwa jaqa’ taħt id-Direttiva 89/106. B’hekk, huwa ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 89/686, skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 1(4).
95. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha tingħata risposta għat-tieni domanda preliminari fis-sens li l-apparat ta’ rbit tal-klassi A1 skont l-Istandard EN 795 ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 89/686.
D – It-tielet domanda preliminari
96. Permezz tat-tielet domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk apparat ta’ rbit li, bħala tali, ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 89/686 għandux, madankollu, jiġi integrat f’dan tal-aħħar meta jkun iddestinat li jitwaħħal ma’ PPE li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva.
97. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirreferi b’mod partikolari għall-punt 3.1.2.2 tal-Anness II tad-Direttiva 89/686 li l-ewwel subparagrafu tiegħu jipprovdi li l-PPE ddestinati li jipprevjenu l-waqgħat mill-għoli jew l-effetti tagħhom għandhom ikollhom apparat ta’ qbid tal-ġisem u sistema ta’ rbit li tintrabat ma’ punt ta’ rbit b’saħħtu. It-tielet subparagrafu tal-punt 3.1.2.2 jipprovdi li l-manifattur għandu jispeċifika, fin-nota ta’ informazzjoni tiegħu, l-informazzjoni kollha rilevanti marbuta mal-karatteristiċi meħtieġa biex jinstab punt ta’ rbit b’saħħtu.
98. Konsegwentement, interpretata b’dixxerniment, it-tielet domanda preliminari tistaqsi jekk l-użu tal-kunċett ta’ “punt ta’ rbit b’saħħtu”, fil-punt 3.1.2.2 tal-Anness II tad-Direttiva 89/686 ifissirx li jeħtieġ ukoll li tkun ittestjata s-sigurtà ta’ tali punti ta’ rbit fil-kuntest tad-Direttiva 89/686.
99. Għandha tingħata risposta għal din id-domanda fin-negattiv.
100. Qabelxejn, għandu jiġi nnotat li ma hemm xejn fil-formulazzjoni tal-punt 3.1.2.2 tal-Anness II tad-Direttiva 89/686 li jindika b’mod ċar li l-punti ta’ rbit li magħhom huwa possibbli li jitwaħħlu l-PPE għandhom ikunu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 89/686. L-ewwel subparagrafu tal-punt 3.1.2.2 sempliċement jikkonstata li l-PPE ddestinati li jipprevjenu l-waqgħat mill-għoli u l-effetti tagħhom għandu jkollhom apparat ta’ qbid tal-ġisem u sistema ta’ rbit li tintrabat ma’ punt ta’ rbit b’saħħtu. F’dan ir-rigward, l-aħħar subparagrafu fih preskrizzjonijiet dwar il-kontenut tan-noti ta’ informazzjoni li, jekk ikun meħtieġ, għandhom jagħtu wkoll informazzjoni fuq il-karatteristiċi rikjesti għall-punt ta’ rbit b’saħħtu.
101. Konsegwentement, fil-fehma tiegħi, il-formulazzjoni tal-punt 3.1.2.2 tal-Anness II tad-Direttiva 89/686 lanqas ma fiha indikazzjoni konvinċenti li tippermetti li jkun preżunt li s-sigurtà tal-punti ta’ rbit iddestinati li jitwaħħlu ma’ PPE li jaqa’ taħt id-Direttiva 89/686 għandha issa tkun ugwalment mistħarrġa fil-kuntest tal-imsemmija direttiva.
102. Interpretazzjoni sistematika tad-Direttiva 89/686 tikkonferma din il-konklużjoni. F’dan ir-rigward, għandu b’mod partikolari jiġi enfasizzat li l-Anness II tad-Direttiva 89/686 sempliċement jifformula l-eżiġenzi essenzjali fil-qasam tas-sigurtà li l-PPE għandhom jissodisfaw skont l-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva sabiex jipproteġu s-saħħa tal-utenti u sabiex jiżguraw is-sigurtà tagħhom. Konsegwentement, l-Anness II ma jittrattax il-prodotti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 89/686 iżda pjuttost l-eżiġenzi li dawn il-prodotti għandhom jissodisfaw. Konsegwentement, a priori, l-Anness II ma jikkonċernax il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 89/686.
103. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha tingħata risposta għat-tielet domanda preliminari fis-sens li fil-kuntest tal-verifika jekk apparat personali protettiv li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 89/686 jissodisfax l-eżiġenzi essenzjali fformulati fl-imsemmija direttiva, id-domanda jekk l-apparat ta’ rbit li miegħu dan it-tagħmir ta’ protezzjoni jistax jintrabat huwiex sigur fil-kundizzjonijiet ta’ użu normalment previdibbli, mhijiex rilevanti.
E – Ir-raba’ domanda preliminari
104. Permezz tat-tielet domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk huwiex possibbli li titwaħħal b’mod fakultattiv marka CE fuq apparat ta’ rbit tal-klassi A1 skont l-Istandard EN 795 bħala prova tal-konformità tiegħu mad-Direttiva 89/686 u/jew mad-Direttiva 89/106 fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tasal għall-konklużjoni li tali apparat ta’ rbit ma jaqa bl-ebda mod taħt dawn id-direttivi.
105. Qabelxejn, għandu jitfakkar li, fil-fehma tiegħi, jeħtieġ tingħata risposta għall-ewwel domanda preliminari fis-sens li l-apparat ta’ rbit tal-klassi A1 fis-sens tal-Istandard EN 795 jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 89/106 meta huwa ddestinat li jitwaħħal b’mod permanenti ma’ xogħol ta’ kostruzzjoni (27).
106. Bħala risposta għar-raba’ domanda preliminari, għandu jiġi enfasizzat li minn interpretazzjoni, sistematika daqs kemm hi teleoloġika, tad-dispożizzjonijiet rilevanti jirriżulta li huwa impossibbli li titwaħħal magħhom marka CE skont id-Direttivi 89/686 u 89/106 fuq prodotti li ma jaqgħux taħt l-imsemmija direttivi.
107. F’dan ir-rigward, qabelxejn għandu jsir riferiment għad-Deċiżjoni 93/465 li l-punt I.B tagħha tal-anness jistabbilixxi l-orjentamenti prinċipali għat-twaħħil u l-użu tal-marka “CE” (28). Skont dawn l-orjentamenti:
– il-marka CE timmaterjalizza l-konformità tal-obbligi kollha li għandhom il-manifatturi għall-prodott skont id-direttivi Komunitarji li jipprevedu t-twaħħil tagħha [punt I.B.(a)];
– il-marka CE mwaħħla fuq il-prodotti industrijali timmaterjalizza l-fatt li persuna fiżika jew ġuridika li waħħlet jew li hija responsabbli għat-twaħħil tal-marka, tiżgura ruħha li l-prodott huwa konformi ma’ kull direttiva Komunitarja ta’ armonizzazzjoni kompluta applikabbli jew li kienet sottomessa għall-proċeduri xierqa ta’ evalwazzjoni tal-konformità [punt I.B. (b)];
– kwalunkwe prodott industrijali kopert mid-direttiva ta’ armonizzazzjoni teknika bbażata fuq il-prinċipji tal-approċċ globali għandu jkollu l-marka CE, ħlief għall-eċċezzjoni prevista mid-direttivi speċifiċi [punt I.B(1)];
– l-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha ta’ dritt intern sabiex jostakolaw kwalunkwe possibbiltà ta’ konfużjoni u jevitaw kwalunkwe abbuż fl-użu tal-marka CE [punt I.B(1)].
108. Fl-opinjoni tiegħi, mill-assoċjazzjoni sistematika ta’ dawn l-orjentamenti jirriżulta li ma huwiex possibbli li titwaħħal marka CE fuq il-prodotti ħlief meta dawn tal-aħħar jaqgħu taħt direttiva skont l-approċċ il-ġdid u meta jissodisfaw l-eżiġenzi stabbiliti minn din id-direttiva (29).
109. Interpretazzjoni teleoloġika tad-dispożizzjonijiet rilevanti twassal għall-istess konklużjoni.
110. L-għan u l-finalità tal-marka CE hija li tiggarantixxi l-moviment liberu tal-merkanzija għall-prodotti kkonċernati (30). Huwa għalhekk li, kemm id-Direttiva 89/106 kif ukoll id-Direttiva 89/686 jippreskrivu b’mod ċar li, fil-prinċipju, l-Istati Membri ma jistgħux jipprojbixxu, jirrestrinġu jew jimpedixxu t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li jissodisfaw id-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttivi u li għandhom il-marka CE (31).
111. F’dan ir-rigward, il-marka CE tindika lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li l-persuna li tqiegħed il-prodott fis-suq tqis li dan jissodisfa l-eżiġenzi stabbiliti mid-direttivi skont l-approċċ il-ġdid li jaqa’ taħtha. B’hekk, bil-funzjoni tagħha, il-marka CE hija intiża fuq kollox għall-amministrazzjonijiet nazzjonali (32).
112. Fid-dawl ta’ dan il-għan ġenerali tal-marka CE, ikun assurd li jiġi permess li din titwaħħal fuq prodotti li ma jaqgħux taħt id-direttiva skont l-approċċ il-ġdid. Evidentement, it-twaħħil tal-marka CE fuq prodotti li ma jaqgħux taħt direttiva skont l-approċċ il-ġdid ma jobbligax lill-Istati Membri jirrikonoxxu l-konformità ta’ dawn il-prodotti f’livell ta’ protezzjoni kompletament armonizzat. Għaldaqstant, hija ma tista’ tikkontribwixxi xejn għall-garanzija tal-moviment liberu tal-merkanzija għal tali prodotti.
113. Barra minn hekk, it-twaħħil tal-marka CE fuq il-prodotti li ma jaqgħux taħt direttiva skont l-approċċ il-ġdid jipprovoka konfużjoni kbira minħabba li ma jkunx magħruf iktar x’tiċċertifika eżatt il-marka CE mwaħħla fuq prodott partikolari. Fl-aħħar nett, dan ikun ta’ ħsara wkoll għall-protezzjoni tal-konsumaturi (33).
114. Għaldaqstant, l-Artikolu 30(2) tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u s-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti, u li jirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93 (34), li ilu fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2010, jippreċiża ċarament li l-marka CE titwaħħal biss fuq il-prodotti li għalihom it-twaħħil huwa previst speċifikament mil-leġiżlazzjoni Komunitarja ta’ armonizzazzjoni, u ma għandhiex titwaħħal ma’ prodotti oħrajn (35).
115. Konsegwentement, għandha tingħata risposta għar-raba’ domanda preliminari fis-sens li huwa impossibbli li titwaħħal marka CE fuq apparat ta’ rbit tal-klassi A1 skont l-Istandard EN 795 bħala prova tal-konformità tiegħu ma’ direttiva li ma jaqax taħtha.
F – Il-ħames domanda preliminari
116. Il-qorti tar-rinviju għamlet il-ħames domanda preliminari fil-każ li, waqt li tirrspondi d-domandi preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja tasal għall-konklużjoni li, anki jekk l-apparat ta’ rbit inkwistjoni ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi 89/686 u 89/106, ikun possibbli li titwaħħal miegħu b’mod fakultattiv marka CE skont l-imsemmija direttivi.
117. F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju trid tkun taf b’liema manjiera huwa xieraq li jkunu evalwati, għall-finijiet tat-twaħħil fakultattiv ta’ marka CE, jekk apparat ta’ rbit li ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi 89/686 u 89/106 jissodisfax il-kundizzjonijiet imposti minn dawn tal-aħħar.
118. Bħalma diġà spjegajt, użu fakultattiv tal-marka CE huwa eskluż. Konsegwentement, il-ħames domanda preliminari ma hijiex rilevanti. Għalhekk, ma hemmx lok li jitkompla l-eżami.
G – Is-sitt domanda preliminari
119. Permezz tas-sitt domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet u l-preskrizzjonijiet li hemm fl-Istandard EN 795 li jikkonċernaw l-apparat ta’ rbit tal-klassi A1 għandhomx jikkwalifikaw bħala dritt Komunitarju u humiex suġġetti għall-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.
120. Biex tinftiehem b’mod korrett din id-domanda, għandu jiġi enfasizzat li l-Istandard EN 795 jistabbilixxi l-eżiġenzi u l-proċeduri ta’ verfika li jikkonċernaw ħames klassijiet differenti ta’ apparat ta’ rbit. Huwa jikklassifika l-irbit strutturali fil-klassi A, l-apparat ta’ rbit mobbli fil-klassi B, l-apparat ta’ rbit mgħammar bi rfid ta’ sigurtà orizzontali flessibbli fil-klassi Ċ, l-apparat ta’ rbit mgħammar b’ħadid orizzontali riġidu ta’ sigurtà fil-klassi D u l-irbit miżmum mill-piż tiegħu fil-klassi E.
121. L-Istandard EN 795 ġie adottat mis-CEN fid-29 ta’ Marzu 1996 u ppubblikat mill-Kummissjoni fit-12 ta’ Frar 2000 bħala standard armonizzat skont id-Direttiva 89/686 fil-kuntest tal-implementazzjoni ta’ din tal-aħħar (36). Madankollu, din il-pubblikazzjoni kienet akkumpanjata minn riżerva espliċita li tindika li hija ma tikkonċernax it-tagħmir deskritt fi klassijiet A (rbit strutturali), Ċ (apparat ta’ rbit mgħammar bi rfid flessibbli orizzontali ta’ sigurtà) u D (apparat ta’ rbit mgħammar b’ħadid riġidu orizzontali ta’ sigurtà) u li għaldaqstant ma nistgħux nikkunsidraw li dan it-tagħmir kien jissodisfa l-eżiġenzi stabbiliti permezz tad-Direttiva 89/686.
122. Fid-dawl tal-fatt partikolari li l-Kummissjoni ma taċċettax u ma ppubblikatx fil-Ġurnal Uffiċjali bħala standard li jarmonizza l-eżiġenzi fformulati fir-rigward tal-apparat ta’ rbit fi klassi A u l-proċeduri ta’ verifika ta’ dawk previsti fl-Istandard EN 795, dan tal-aħħar ma setax jitqies li huwa standard armonizzat f’dak li jikkonċerna l-apparat ta’ rbit tal-klassi A1 (37).
123. Dan ifisser li l-Istandard EN 795 jista’ jitqies li huwa standard armonizzat fis-sens tad-Direttiva 89/686 fir-rigward tal-apparat ta’ rbit tal-klassijiet B u E biss. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-apparat ta’ rbit tal-klassijiet A, Ċ u D, huwa għandu jitqies li huwa standard mhux armonizzat ta’ natura teknika stabbilit minn korp privat ta’ standardizzazzjoni (38). Għal din ir-raġuni biss, għandha tingħata risposta fin-negattiv għad-domanda tal-qorti tar-rinviju li tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet u l-preskrizzjonijiet tal-Istandard EN 795 li jikkonċernaw l-apparat ta’ rbit tal-klassi A1 għandhomx jitqiesu li huma parti integrali mid-dritt Komunitarju.
124. Konsegwentement, għandha tingħata riposta għas-sitt domanda preliminari fis-sens li, fir-rigward tal-apparat ta’ rbit tal-klassi A1 skont l-Istandard EN 795, dan tal-aħħar ma għandux jikkwalifika bħala dritt Komunitarju li huwa suġġett għall-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.
H – Is-seba’ u t-tmien domandi preliminari
125. Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta l-Istandard EN 795 fir-rigward tal-apparat ta’ rbit tal-klassi A1 fis-sens tal-imsemmi standard, billi tagħmel is-seba’ u t-tmien domandi preliminari, il-qorti tar-rinviju trid tkun taf kif għandhom jitwettqu t-testijiet ta’ reżistenza statika u dinamika ta’ dan l-apparat ipprovduti mill-imsemmi standard. Hija tistaqsi b’mod partikolari jekk dawn it-testijiet għandhomx jitwettqu fil-kundizzjonijiet prevedibbli ta’ użu (is-seba’ domanda preliminari) u billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-restrizzjonijiet fl-użu indikat mill-manifattur (it-tmien domanda preliminari).
126. Peress li, fil-fehma tiegħi, fir-rigward tal-apparat ta’ rbit tal-klassi A1, l-Istandard EN 795 ma jistax jiġi kkwalifikat bħala dritt Komunitarju li huwa suġġett għall-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-seba’ u t-tmien domandi preliminari ma humiex rilevanti. Għaldaqstant, ma hemmx lok li jitkompla l-eżami tagħhom.
VIII – Konklużjoni
127. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari tar-Rechtbank ’s‑Gravenhage kif ġej:
1) L-apparat ta’ rbit tal-klassi A1 skont l-Istandard EN 795 jaqa’ taħt id-Direttiva 89/106/KEE tal-Kunsill, tal-21 ta’ Diċembru 1998, dwar l-approssimazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li jikkonċernaw il-prodotti għall-bini, meta jkunu ddestinati li jitwaħħlu b’mod permanenti ma’ xogħol ta’ kostruzzjoni. Dan ma jeskludix li direttivi oħra li jikkonċernaw is-sigurtà tal-prodotti jkunu japplikaw għalih.
2) L-apparat ta’ rbit tal-klassi A1 fis-sens tal-Istandard EN 795 ma jaqax taħt id-Direttiva 89/686/KEE tal-Kunsill, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar l-apparat personali protettiv.
3) Biex jiġi evalwat jekk apparat personali protettiv li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 89/686 jissodisfax l-eżiġenzi essenzjali fformulati fl-imsemmija direttiva, id-domanda ta’ jekk l-apparat ta’ rbit li miegħu dan it-tagħmir ta’ protezzjoni jista’ jitwaħħal huwiex sigur fil-kundizzjonijiet ta’ użu normalment previdibbli ma hijiex rilevanti.
4) Huwa impossibbli li titwaħħal marka CE fuq apparat ta’ rbit tal-klassi A1 skont l-Istandard EN 795 bħala prova tal-konformità tiegħu ma’ direttiva li ma jaqax taħtha.
5) Fir-rigward ta’ apparat ta’ rbit tal-klassi A1 fis-sens tal-Istandard EN 795, dan tal-aħħar ma għandux jiġi kkwalifikat bħala dritt Komunitarju li jaqa’ taħt l-intepretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.
1 _ Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż
2 – Skont it-Trattat ta’ Lisbona li jemenda t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, iffirmat f’Lisbona fit-13 ta’ Diċembru 2007 (ĠU C 306, p.1), li issa huwa rregolat mill-Artikolu 267 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
3 3 _ ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 9, p. 296, fil-verżjoni emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ Settembru 2003 li jadatta għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE d-dispożizzjonijiet dwar kumitati li jassistu lill-Kummissjoni fl-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implementazzjoni tagħha stabbiliti fi strumenti suġġetti għall-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 447).
4– ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 10, p. 98, fil-verżjoni emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ Settembru 2003 li jadatta għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE d-dispożizzjonijiet dwar kumitati li jassistu lill-Kummissjoni fl-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implementazzjoni tagħha stabbiliti fi strumenti suġġetti għall-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 447).
5 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 12, p. 195.
6 – Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-implementazzjoni tad-Direttiva 89/686/KEE tal-Kunsill tal-21 ta’ Diċembru 1989 rigward l-apparat personali protettiv, emendata bid-Direttivi 93/68/KEE, 93/95/KEE u 96/58/KE (ĠU 2000, C 40, p. 7). Madankollu, din il-pubblikazzjoni indikat li hija ma tikkonċernax speċifikament l-apparat deskritt fi klassijiet A (rbit strutturali), C (apparat ta’ rbit mgħammar bi rfid flessibbli orizzontali) u D (apparat ta’ rbit mgħammar b’ħadid riġidu orizzontali ta’ sigurtà); ara l-punt 121 tal-konklużjonijiet preżenti.
7– _ Id-digriet tal-qorti tar-inviju jevoka bi żball id-Direttiva 93/465.
8 – Dwar dan is-suġġett, il-konvenuti fil-kawża prinċipali annettew, fl-Anness 12, ittra tad-Direttorat Ġenerali għall-Impriżi u għall-Industrija tal-Kummissjoni Ewropea, tal-15 ta’ Marzu 2007, mal-osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub tal-11 ta’ Awissu 2008. Din l-ittra tikkostitwixxi essenzjalment konferma min-naħa tal-Kummissjoni li l-“Kedge Safety” kienet ammessa għal proċedura ta’ eżami għall-għoti ta’ approvazzjoni teknika Ewropea skont l-Artikolu 2(9) tad‑Direttiva 89/106.
9 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 375.
10 – Kommunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Frar 2000, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6.
11 – Il-Kunsill adotta dan il-metodu l-ġdid ta’ armonizzazzjoni fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ Mejju 1985 dwar l-approċċ il-ġdid fil-qasam ta’ armonizzazzjoni teknika u ta’ standardizzazzjoni (ĠU C 136, p. 1).
12 – Artikolu 3(1) tad-Direttiva 89/106.
13 – Dan l-akronimu jirreferi għall-Comité Européen de Normalisation.
14 – Dan l-akronimu jirreferi għall-Comité Européen de Normalisation Electrotechnique.
15 – Dan l-akronimu jirreferi għall-European Telecommunications Standards Institute.
16 – Ara l-Kapitolu I(B)(a) tal-anness tad-Deċiżjoni 93/465.
17 – Konsegwentement, skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 89/106, is-sinjifikat tal-marka CE jikkonsisti f’ċertifikazzjoni ta’ konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi. Ara f’dan ir-rigward: D. Langner, f’M. Dauses, Handbuch des EU-Wirtschaftsrechts, C. VI. Technische Vorschriften und Normen, punt 72 (l-24 riedizzjoni, 2009).
18 – Ara biss f’dan ir-rigward dak li hemm miktub fl-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 89/106, li jistabbilixxi s-sinjifikat tal-marka CE meta l-prodotti jkunu suġġetti għal direttivi oħrajn fuq aspetti oħrajn. Meta ż-żewġ direttivi skont l-approċċ il-ġdid jistabbilixxu l-istess aspetti tal-istess prodott, huwa, madankollu, pjuttost possibbli li l-applikabbiltà ta’ direttiva teskludi dik tal-oħra. Tali dispożizzjoni tinsab pereżempju fl-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 89/686. Ara f’dan ir-rigward il-punt 94 tal-konklużjonijiet preżenti.
19 – Ara l-punt 1.3.2 tad-dokument interpretattiv Nru 4: Sigurtà fl-użu, ippubblikat mal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni li tikkonċerna d-dokumenti interpretattivi tad-Direttiva 89/106 KE (ĠU 1994 C 62, p. 106 et seq). Huwa b’mod partikolari ppreċiżat li l-inkorporazzjoni permanenti ta’ prodott tfisser li t-tneħħija tiegħu tirriduċi l-prestazzjonijiet tal-operazzjonijiet ta’ kostruzzjoni. Madankollu, f’dan ir-rigward, ir-riferiment għar-riduzzjoni ta’ prestazzjonijiet tax-xogħol fil-każ tat-tneħħija ta’ prodott ma għandhiex importanza kbira għaliex din iċ-ċirkustanza ma tikkonċernax it-twaħħil permanenti ta’ prodott għall-kostruzzjoni iżda pjuttost il-kapaċità tiegħu li jissodisfa l-eżiġenzi fir-rigward tal-kostruzzjoni fformulati fl-Anness I tad-Direttiva 89/106.
20 – Punt 3.13.1.1 tal-Istandard EN 795.
21 – Punt 3.5 tal-Istandard EN 795.
22 – Dokument interpretattiv Nru 4: Sigurtà fl-użu (iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, p, 106 et seq). Skont l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 89/106, l-eżiġenzi essenzjali huma ppreċiżati fid-“dokumenti intepretattivi” iddestinati li jistabbilixxu r-rabtiet neċessarji bejnhom u l-mandati ta’ standardizzazzjoni, il-mandati għal-linji gwida għall-approvazzjoni teknika Ewropea jew ir-rikonoxximent ta’ xi speċifikazzjonijiet tekniċi oħra fis-sens tal-Artikoli 4 u 5. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 12 tad-Direttiva 89/106 jindika b’mod partikolari li d-dokumenti interpretattivi jippreċiżaw l-eżiġenzi essenzjali kkunsidrati fl-Artikolu 3 u ddefiniti fl-Anness I, billi jarmonizza l-armonizzazzjoni tat-terminoloġija u l-kunċetti tekniċi bażiċi u bl-indikazzjoni tal-klassijiet jew livelli għal kull eżiġenza, meta dan huwa neċessarju u jekk l-istat ta’ konoxxenza xjentifika u teknika jippermettih.
23 – Nistgħu niċċitaw biex nagħtu eżempji ta’ dan it-tip ta’ riskji ta’ “waqgħa wara żelqa”, ta’ “waqgħa wara tgerbib” u “waqgħat minħabba differenzi fil-livell jew minħabba inklinazzjoni qawwija”, deskritti fil-punti 3.3.1.2 tad-dokument interpretattiv Nru 4 (iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19).
24 – F’dan ir-rigward, għandu jissemma li mill-pubblikazzjoni tat-titoli u tad-data ta’ riferiment tal-istandards armonizzati skont id-Direttiva 89/106 li, mill-1 ta’ Novembru 2006, l-istandard armonizzat EN 516/2006 japplika b’mod partikolari għall-“installazzjonijiet tal-aċċess għas-saqaf - Portali, bankini u skalapiżi”; ara l-kommunikazzjoni tal-Kummisjoni fil-kuntest tat-twettiq tad-Direttiva 89/106 KE tal-Kunsill tal-21 ta’ Diċembru 1988 rigward l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li jikkonċernaw il-prodotti ta’ bini [kostruzzjoni] (ĠU 2009, C 309, p. 1 et seq).
25 – Punt 3.5 tal-istandard.
26 – Ara l-punt 82 tal-konklużjonijiet preżenti.
27 – Ara l-punt 82 tal-konklużjonijiet preżenti.
28 – Id-Deċiżjoni 93/465 fiha essenzjalment id-dispożizzjonijiet magħmula mil-leġiżlatur Komunitarju għar-redazzjoni tad-direttivi skont l-approċċ il-ġdid. Konsegwentement, l-orjentamenti prinċipali għat-twaħħil u l-użu tal-marka CE, stabbiliti fil-punt IB tal-anness ġew ikkunsidrati fid-direttivi skont l-approċċ il-ġdid adottati wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-deċiżjoni. Barra minn hekk, id-Direttiva 93/68/KEE tal-Kunsill, tat-22 ta’ Lulju 1993, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 12, p. 173) emendat id-direttivi skont l-approċċ il-ġdid, adottati sa dakinhar u emendathom biex tieħu inkunsiderazzjoni d-Deċiżjoni 93/465.
29 – Ara G. Wagner, “Das neue Produktsicherheitsgesetz: öffentlich-rechtliche Produktverantwortung und zivilrechtliche Folgen (l-ewwel parti)”, BB 1997, p. 2489, 2497.
30 – Ara l-punt 57 tal-konklużjonijiet preżenti.
31 – Artikolu 4(1) tad-Direttiva 89/686, Artikolu 4(2) flimkien ma’ Artikolu 6 tad-Direttiva 89/106.
32 – T. Klindt, “Das Recht der Produktsicherheit: ein Überblick”, VersR. 2004, p. 296 u 298. Ara wkoll W. van Rienen/U.Wasser, EG-Recht der Gas- und Wasserversorgungstechnik, Bonn, 1999, punt 139, li jenfasizzaw li l-uniku sinjifikat tal-marka CE huwa li din tindika lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza tas-suq li l-prodott kien suġġett għall-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-konformità mal-eżiġenzi prinċipali imposti mid-direttiva pertinenti u li, konsegwentement, sakemm ma jkunx ippruvat il-kuntrarju, skont id-dritt Komunitarju, il-prodott jista’ jkun ikkumerċjalizzat mingħajr impediment u jkun disponibbli fl-Istati Membri kollha. Ara wkoll K. Strübbe Die Neuordnung des deutschen Konformitätsbewertungssystems, Regensburg, 2006, p. 120 et seq, A. Kapoor/T. Klindt, “‘New Legislative Framework’ im EU-Produktsicherheitsrecht – Neue Marktüberwachung in Europa?”, EuZW 2008, p. 649 u 651.
33 – Għandha tiġi ikkunsidrata l-protezzjoni tal-konsumaturi f’dan il-qasam tad-dritt li tirriżulta b’mod partikolari mill-Premessa 30 tad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar qafas komuni għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti u li tħassar id-Deċiżjoni 93/465/KEE (ĠU L 218, p. 82). Huwa indikat b’mod partikolari li, jekk il-marka CE għandha tkun l-unika marka ta’ konformità li tindika li prodott huwa konformi mal-leġiżlazzjoni Komunitarja ta’ armonizzazzjoni, marki oħra jistgħu jintużaw sakemm jikkontribwixxu għat-titjib tal-protezzjoni tal-konsumaturi u ma jaqgħux taħt il-leġiżlazzjoni Komunitarja ta’ armonizzazzjoni. Ara wkoll C. Lenz/J. Scherer, “Ist die Anbringung von Qualitätszeichen nationaler Prüfungsorganisationen neben CE-Kennzeichnung zulässig?”, EWS, 2001, mit-tielet suppliment sal-ħdax-il wieħed, p. 4 et seq, li, diġà, meta tiġi applikata d-Deċiżjoni 93/465, il-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-utenti kontra inganni, tiġi kkwalifikata bħala għan sekondarju tal-marka CE.
34 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 12, p. 3.
35 – F’dan ir-rigward, l-Artikolu R11 tal-Anness I tad-Deċiżjoni Nru 768/2008 jikkonstata speċifikament li l-prinċipji ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 765/2008 japplikaw.
36 – Kommunikazzjoni tal-Kummissjoni tat 12 ta’ Frar 2000, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6.
37 – Ara F. Gambelli, , Aspects juridiques de la normalisation et de la réglementation technique européenne, Pariġi, 1994, p. 17 et seq, li josserva li standard armonizzat huwa standard Ewropew redatt mis-CEN li jippreżenta ċerti karatteristiċi. Waħda minn dawn il-karatteristiċi hija l-approvazzjoni tiegħu mill-Kummissjoni, segwita mill-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali.
38 – Ara H. Jarass, “Probleme des Europäischen Bauproduktenrechts”, NZBau, 2008, p. 145 u 146, li jikkwalifika l-istandards stabbiliti mill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni mingħajr mandat jew approvazzjoni tal-Kummissjoni bħala standards Ewropej li ma humiex armonizzati, li sempliċement jesponu konoxxenzi tekniċi.
Full & Egal Universal Law Academy