KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
POIARES MADURO
ppreżentati fit-3 ta’ Settembru 2009 1(1)
Kawża C‑194/08
Susanne Gassmayr
vs
Bundesministerin für Wissenschaft und Forschung
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (l‑Awstrija)]
1. Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirrigwarda d-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li reċentement welldu, jew li qed ireddgħu (2). Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk (i) l-Artikolu 11 (1), (2) u (3) tad-Direttiva għandux effett dirett u (ii) jekk jagħtix id-dritt lill-impjegata li tkompli tirċievi allowance għal xogħol ta’ għassa matul perijodi meta tkun nieqsa mix-xogħol minħabba tqala u/jew waqt il-leave tal-maternità.
I – Il-fatti, il-kawża prinċipali u d-domandi rrinvijati lill-Qorti tal-Ġustizzja
2. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, Dr Susanne Gassmayr, hija assistenta tabiba tal-isptar li ilha taħdem fil-klinika tal-anesteżija tal-Università ta’ Graz sa mill-1 ta’ Jannar 1995. Il-Liġi dwar is-Salarji (Gehaltsgesetz) tistabbilixxi li l-impjegati li jkunu meħtieġa jagħmlu xogħol ta’ għassa fuq il-post tax-xogħol barra mill-ħinijiet normali tax-xogħol huma intitolati għal allowance [Artikolu 17a(1)]; b’hekk, hija kienet tirċievi, minbarra d-dħul l-ieħor tagħha, allowance li kienet tiġi kkalkolata individwalment fuq il-bażi tas-servizzi ta’ għassa li kienet tipprovdi fl-isptar.
3. Ir-rikorrenti, meta kienet tqila, waqfet taħdem fl-4 ta’ Diċembru 2002 għal raġunijiet marbuta mat-tqala. Il-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Maternità (Mutterschutzgesetz) tipprovdi, fl-Artikolu 3(3), li impjegata tqila ma tistax taħdem jekk, skont ċertifikat ippreżentat minnha u maħruġ minn tabib tal-ispettorat tal-impjieg jew uffiċjal pubbliku mediku ieħor, il-ħajja jew is-saħħa tal-omm jew tat-tarbija jkunu f’periklu jekk hija tkompli taħdem. L-istess liġi tipprovdi li l-impjegati tqal ma jistgħux jaħdmu matul l-aħħar tmien ġimgħat qabel id-data mistennija tal-ħlas [Artikolu 3(1)] u t-tmien ġimgħat wara l-ħlas [Artikolu 5(1)]. Matul is-seduta quddiem il-qorti, l-konsulent legali tal-Gvern Awstrijak spjega li l-għan tal-leġiżlatur Awstrijak, meta ppromulga l-Artikolu 3(3), kien li jagħti protezzjoni addizzjonali lin-nisa tqal billi jipprovdi forma ta’ leave estiż. Din id-dispożizzjoni ma tapplikax għall-impjegati tqal kollha iżda għal dawk biss li jiffaċċjaw problemi ta’ saħħa li jipperikolaw il-ħajja tagħhom jew tat-tarbija. Għaldaqstant, kull każ jiġi eżaminat individwalment u impjegata tqila tista’ tieħu l-leave estiż jekk tkun tista’ tippreżenta ċ-ċertifikat mediku rilevanti. Għall-ewwel, Dr Gassmayr waqfet taħdem fl-isptar abbażi ta’ ċertifikat mediku skont l-Artikolu 3(3). Sussegwentement, hija ma ressqitx lejn ix-xogħol minħabba l-perijodi ta’ tmien ġimgħat ta’ qabel u wara d-data tal-ħlas. Hija ma pprovdietx servizzi ta’ għassa sas-7 ta’ Ottubru 2003.
4. Fid-9 ta’ Frar 2004, Dr Gassmayr talbet lil min iħaddimha, l-Università ta’ Graz, sabiex iħallasha l-allowances għax-xogħol ta’ għassa li għamlet bħala medja matul il-perijodu meta hija ma ħadmitx. Meta t-talba tagħha nċaħdet mill-Università hija ppreżentat oġġezzjoni, li wkoll ġiet miċħuda mill-Bundesministerin für Bildung, Wissenschaft und Kultur (Ministru Federali għall-Edukazzjoni, Xjenza u Kultura). Il-Ministru kien tal-fehma li għalkemm l-Artikolu 3(2) tal-Liġi dwar is-Salarji jipprovdi li l-impjegati għandhom jirċievu, matul il-perijodu meta jkunu pprojbiti milli jaħdmu, il-ħlas normali tagħhom “mingħajr ebda restrizzjoni”, l-allowances għal xogħol ta’ għassa ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni. L-Artikolu 15(5) tal-Liġi dwar is-Salarji jikklassifika l-allowances għax-xogħol ta’ għassa bħala “ħlasijiet addizzjonali” u mhux bħala allowances regolari, u l-Verwaltungsgerichtshof (Qorti Amministrattiva) iddeċidiet li l-ħlasijiet addizzjonali għandhom jitħallsu biss għal xogħol li effettivament ikun twettaq. B’hekk, l-allowances għal xogħol ta’ għassa ma jitħallsux b’rata fissa iżda jiġu kkalkolati individwalment b’referenza għar-rati ġenerali ta’ ħlas fis-siegħa stabbiliti fir-regolamenti amministrattivi rilevanti u l-ħin li matulu kull impjegat ikun effettivament wettaq xogħol ta’ għassa. Peress li Dr Gassmayr ma wettqitx dmirijiet ta’ dan it-tip, hija ma kinitx intitolata għall-allowance.
5. Ir-rikorrenti, abbażi tad-Direttiva 92/85, ikkontestat id-deċiżjoni tal-Ministru quddiem il-Verwaltungsgerichtshof, li rrinvjat lill-Qorti tal-Ġustizzja dawn id-domandi:
“1) a) L-Artikolu 11(1), (2) u (3) [tad-Direttiva 92/85] għandu effett dirett?
b) Fil-każ ta’ risposta affermattiva, id-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq għandhom jiġu mifhuma bħala li joħolqu, matul il-perijodu li fih in-nisa tqal huma pprojbiti milli jaħdmu u/jew matul il-leave tal-maternità tagħhom, dritt għaż-żamma tal-ħlas ta’ allowance għal perijodi ta’ xogħol ta’ għassa?
c) Dan japplika meta l-Istat Membru ddeċieda li jistabbilixxi sistema ta’ ‘remunerazzjoni’ li tinkludi, fil-prinċipju, id-dħul totali tax-xogħol, bl-eċċezzjoni madankollu ta’ l-hekk imsejħa (skont l-Artikolu 15 tal-Liġi dwar is-salarji (Gehaltsgesetz) ta’ l-1956) ‘ħlasijiet addizzjonali’ dovuti għal servizzi pprovduti (marbuta max-xogħol imwettaq) bħall-‘allowance għal perijodi ta’ xogħol ta’ għassa’ inkwistjoni hawnhekk?
(2) Jekk id-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq m’għandhomx effett dirett, dawn għandhom ikunu trasposti mill-Istati Membri b’tali mod li ħaddiema li, matul il-perijodu li fih in-nisa tqal huma pprojbiti milli jaħdmu u/jew matul il-leave tal-maternità, ma tipprovdix iktar servizzi ta’ xogħol ta’ għassa, għandha tkun intitolata għal dritt għaż-żamma tal-ħlas ta’ l-allowance li tikkorrispondi għal tali servizzi?”
II – Effett dirett
6. L-Artikolu 11 (1), (2) u (3) tad-Direttiva 92/85 jistipula:
“Sabiex jiġi ggarantit għall-ħaddiema, fis-sens ta’ l-Artikolu 2, l-eserċizzju tad-drittijet tal-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tagħhom kif rikonoxxuti f’ dan l-Artikolu, għandu jiġi provdut illi:
1. fil-każijiet imsemmija fl-Artikoli 5, 6 u 7, id-drittijiet ta’ impjieg relatati mal-kuntratt ta’ l-impjieg, inkluż il-ħarsien ta’ ħlas ta’, u/jew l-intitolament għal benefiċċju [allowance] adegwata għal, ħaddiema fis-sens ta’ l-Artikolu 2, għandhom jiġu żgurati skond il-liġi u/jew prattika nazzjonali;
2. fil-każ imsemmi fl-Artikolu 8, dan li ġej għandu jiġi żgurat:
(a) id-drittijiet konnessi mal-kuntratt ta’ l-impjieg tal-ħaddiema fis-sens ta’ l-Artikolu 2, barra minn dawk imsemmija f’punt (b) hawn taħt;
(b) il-manteniment ta’ ħlas ta’, u/jew intitolament, għal allowance xierqa għal, ħaddiema fis-sens ta’ l-Artikolu 2;
3. l-allowance msemmija fil-punt 2(b) għandha titqies bħala xierqa jekk tiggarantixxi dħul mill-inqas ekwivalenti għal dak li l-ħaddiema kkonċernata kienet tirċievi kieku waqfet temporanjament mill-attivitajiet tagħha għal raġunijiet ta’ saħħa, soġġetta għal kull limitu stabbilit taħt il-leġislazzjoni nazzjonali.”
7. Dispożizzjoni ta’ direttiva li għandha effett dirett tista’ tiġi invokata minn individwu kontra l-Istat anki jekk l-Istat ikun naqas milli jittrasponi d-direttiva fis-sistema ġuridika nazzjonali sat-tmiem tal-perijodu preskritt jew jekk it-traspożizzjoni ma tkunx kompluta jew korretta. Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-dispożizzjoni ta’ direttiva jkollha effett dirett meta jkun jidher, fir-rigward tas-suġġett tagħha, li hija inkundizzjonata u suffiċjentement preċiża (3). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddefinixxiet it-terminu “inkundizzjonata” bħala li jfisser li d-dispożizzjoni “tistabbilixxi obbligu li mhuwa kkwalifikat b’ebda kundizzjoni u li mhuwiex suġġett, fl-implementazzjoni jew fl-effetti tiegħu, għall-adozzjoni ta’ xi miżura la mill-istituzzjonijiet tal-Komunità u lanqas mill-Istati Membri” (4). Dispożizzjoni tkun suffiċjentement preċiża jekk “tistabbilixxi obbligu f’termini inekwivoki”(5). [traduzzjoni mhux uffiċjali]
8. Fis-sentenza Jiménez Melgar (6), il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-opportunità li teżamina l-possibbiltà ta’ effett dirett ta’ dispożizzjoni oħra tad-Direttiva 92/85, jiġifieri l-Artikolu 10, li jistipula:
“Il-Projbizzjoni ta’ Tkeċċija
Sabiex jiġi garantit għall-ħaddiema, fis-sens ta’ l-Artikolu 2, l-eżerċizzju tad-drittijet tagħhom tal-protezzjoni tas-saħħa kif rikonoxxuti taħt dan l-Artikolu, għandu jiġi pprovdut illi:
1. l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex tiġi pprojbita t-tkeċċija ta’ ħaddiema, fis-sens ta’ l-Artikolu 2, matul iż-żmien mill-bidu tat-tqala tagħhom sa tmiem il-leave tal-maternità msemmi fl-Artikolu 8(1), barra minn każijiet eċċezzjonali mhux konnessi mal-kundizzjoni tagħhom li huma permessi taħt il-liġi u/jew prattika nazzjonali u, meta applikabbli, sakemm l-awtorità kompetenti tkun tat il-kunsens tagħha;
2. jekk ħaddiema, fis-sens ta’ l-Artikolu 2, tiġi mkeċċa waqt iż-żmien imsemmi fil-punt 1, min iħaddimha jrid jiddikjara motivi ġġustifikati għat-tkeċċija tagħha, bil-miktub;
3. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex jipproteġu l-ħaddiema fis-sens ta’ l-Artikolu 2, minn konsegwenzi ta’ tkeċċija li hija llegali skond il-punt 1.”
9. Il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li “id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85 jimponu fuq l-Istati Membri, b’mod partikolari fil-kapaċità tagħhom bħala persuni li jħaddmu, obbligi preċiżi li ma jħallulhom ebda marġni ta’ diskrezzjoni fit-twettiq tagħhom” (7). [traduzzjoni mhux uffiċjali]
10. Naqbel mal-Kummissjoni li l-istess approċċ għandu jiġi adottat fir-rigward tal-Artikolu 11 tad-Direttiva. L-Artikolu 11(1) jistabbilixxi li fil-każijiet imsemmija fl-Artikoli 5, 6 u 7 tad-Direttiva, id-drittijiet ta’ impjieg relatati mal-kuntratt tal-impjieg għandhom jiġu żgurati skont il-liġi u l-prattika nazzjonali (8). Sussegwentement, l-Artikolu 11(2) jistabbilixxi d-drittijiet li għandhom jiġu żgurati għal każijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 8 (9). Finalment, l-Artikolu 11(3) jispjega meta allowance mħallsa lil impjegat taħt il-paragrafu 2 titqies li hija adegwata. Dawn id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu f’termini inekwivoċi obbligu mingħajr ebda kwalifikazzjoni biex jiżguraw id-drittijiet ta’ impjieg ta’ persuna bl-istess mod bħalma l-Artikolu 10 jistabbilixxi obbligu biex l-impjegati jitħarsu minn tkeċċija. It-test tal-Artikolu 11 mhuwiex iktar vag jew trasparenti minn dak tal-Artikolu 10, li l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li għandu effett dirett.
11. Għaldaqstant, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi l-ewwel domanda rrinvjata mill-Verwaltungsgerichtshof skont kif ġej:
“L-Artikolu 11(1), (2) u (3) tad-Direttiva 92/85 għandu effett dirett u jista’ jiġi invokat minn individwi fi proċeduri nazzjonali”.
III – L-obbligu li jitħallsu allowances għal xogħol ta’ għassa
12. Fit-tieni u t-tielet domandi tagħha l-qorti nazzjonali tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 11 tad-Direttiva jipprekludix Stat Membru milli jistabbilixxi sistema għall-protezzjoni ta’ impjegati tqal li taħtha dawn tal-aħħar ikollhom dritt ikomplu jirċievu d-dħul totali tagħhom waqt li ma jkunux qed jersqu lejn ix-xogħol minħabba raġunijiet relatati mat-tqala ħlief għal allowances speċifiċi li jitħallsu biss jekk l-impjegata tkun effettivament wettqet ix-xogħol rilevanti. Risposta fl-affermattiv tkun tfisser li, bħala prinċipju, ebda parti mir-remunerazzjoni ta’ impjegata ma tkun eskluża mill-obbligu li għandu min iħaddem li jkompli jħallas. Min-naħa l-oħra, jekk is-sistema nazzjonali inkwisjtoni hija kompatibbli mad-Direttiva, l-Istati Membri jżommu s-setgħa li jorbtu ċerti allowances mal-kundizzjoni li l-impjegata tkun effettivament ipprovdiet is-servizz rilevanti lil min iħaddimha, f’liema każ ikun leċitu li dawk l-allowances jitnaqqsu mir-remunerazzjoni ta’ impjegati tqal matul l-assenza tagħhom mix-xogħol.
Leave tal-maternità u leave tal-mard
13. Kif jirriżulta b’mod ċar mid-digriet tar-rinviju, ir-rikorrenti ma resqitx lejn ix-xogħol matul żewġ perijodi distinti: l-ewwel, f’żewġ medded ta’ tmien ġimgħat il-waħda, qabel u wara d-data tal-ħlas (leave tal-maternità); it-tieni, perijodu ta’ żmien li beda fl-4 ta’ Diċembru 2002 u li dam sal-bidu tal-leave tal-maternità meta ma resqitx lejn ix-xogħol skont il-paragrafu 3(3) tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Maternità, li ma jippermettix li impjegata taħdem jekk hija tippreżenta ċertifikat mediku li jiddikjara li jekk tkompli taħdem dan jipperikola l-ħajja jew is-saħħa tal-omm jew tat-tarbija. Dan tal-aħħar jista’ jiġi deskritt għall-finijiet ta’ konvenjenza bħala forma ta’ leave tal-mard. L-ewwel kwistjoni li għandha tiġi kkjarifikata hija jekk il-leave tal-maternità u l-leave tal-mard għandhomx jiġu ttrattati bl-istess mod għall-finijiet tar-remunerazzjoni li hija dovuta lir-rikorrenti.
14. Il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li t-tqala ma tikkostitwixxix marda u, għaldaqstant, ma għandu jsir ebda paragun per se bejn mara tqila u persuna marida (10). Madankollu, dan ma jfissirx li l-mod kif tiġi ttrattata persuna marida huwa dejjem irrilevanti għall-evalwazzjoni tat-trattament ta’ mara li tbati minn marda marbuta mat-tqala. Dan jirriżulta mill-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja stess ta’ spiss għamlet analoġiji bejn kundizzjonijiet mediċi marbuta mat-tqala u kundizzjonijiet mediċi oħra (jiġifieri, mhux marbuta mat-tqala).
15. Il-kawża Hertz (11) kienet tinvolvi impjegata li tkeċċiet minħabba assenzi kontinwi mix-xogħol li kienu jirriżultaw minn marda konnessa mat-tqala tagħha iżda li kienet ħarġet wara t-tmiem tal-leave tal-maternità tagħha. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’dan il-każ li m’għandha ssir ebda distinzjoni bejn marda attribwibbli għal tqala u mard ieħor. Hija qalet: “il-ħaddiema rġiel u nisa huma esposti ugwalment għall-mard. Għalkemm huwa minnu li ċerti problemi huma speċifiċi għal wieħed mis-sessi, l-unika kwistjoni hija jekk mara titkeċċiex abbażi ta’ assenza minħabba mard fl-istess ċirkustanzi bħal raġel; jekk dan huwa l-każ, għaldaqstant ma hemm ebda diskriminazzjoni diretta fuq bażi ta’ sess” (12) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. F’dik il-kawża, mara li kienet qed tbati minn kundizzjoni medika marbuta mat-tqala tqabblet ma’ raġel marid u l-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li, in ceteris paribus, il-fatt li problema tkun speċifika għal wieħed mis-sessi ma jfissirx li l-impjegata kienet vittma ta’ diskriminazzjoni sesswali.
16. Il-kawża Hertz kienet tirrigwarda mard marbut mat-tqala li ħareġ biss wara t-tmiem tal-leave tal-maternità. Min-naħa l-oħra, il-kawża Larsson (13) kienet tinvolvi impjegata li tkeċċiet minħabba assenzi twal li rriżultaw minn marda marbuta mat-tqala li dehret kemm matul it-tqala kif ukoll wara t-tmiem tal-leave tal-maternità. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kien leċitu għal min iħaddem li jkeċċi impjegata għal assenzi kkawżati minn marda marbuta mat-tqala li kienet bdiet waqt it-tqala u li l-assenzi fil-perijodu bejn il-bidu tat-tqala u l-bidu tal-leave tal-maternità setgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-perijodu li jiġġustifika t-tkeċċija tagħha taħt id-dritt nazzjonali. Sussegwentement, fil-kawża Brown vs Rentokil (14), il-Qorti tal-Ġustizzja mmodifikat l-aħħar parti tal-konklużjonijiet tagħha fis-sentenza Larsson, iżda affermat espressament id-deċiżjoni fis-sentenza Hertz li assenzi dovuti għal marda marbuta mat-tqala wara l-leave tal-maternità għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod bħall-assenzi ta’ raġel minħabba mard, u b’hekk qabblet għal darba oħra marda marbuta mat-tqala ma’ marda mhux marbuta mat-tqala (15).
17. Iktar reċentement, l-istess approċċ ġie adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza McKenna (16). Il-kawża kienet tirrigwarda impjegata li, matul it-tqala kollha tagħha, kienet bil-leave tal-mard fuq parir mediku minħabba kundizzjoni patoloġika marbuta mat-tqala tagħha. Wara li l-leave tal-maternità tagħha intemm, hija xorta ma setgħetx taħdem għal raġunijiet mediċi u ħadet iktar leave tal-mard. Hija rċeviet paga sħiħa matul il-leave tal-maternità tagħha iżda nofs paga għal parti mil-leave tal-mard li ħadet. L-iskema tal-leave tal-mard ta’ min iħaddimha ma kinitx tiddistingwi bejn mard marbut mat-tqala u forom oħra ta’ mard; b’hekk, għall-finijiet ta’ renumerazzjoni, hija ġiet ittrattata bl-istess mod bħalma kien jiġi ttrattat raġel marid li kien assenti mix-xogħol għall-istess numru ta’ ġranet. McKenna allegat li hija kienet soffriet diskriminazzjoni sesswali inkwantu l-marda tagħha marbuta mat-tqala kienet ġiet ittrattata bl-istess mod bħal marda mhux marbuta mat-tqala. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma qablitx. Hija qalet li l-fatt li l-mard marbut mat-tqala huwa sui generis (fis-sens li jaffettwa biss lill-impjegati nisa) ma jfissirx li “ħaddiema mara assenti minħabba marda marbuta mat-tqala għandha dritt għaż-żamma integrali tal-paga tagħha, meta ħaddiem li jkun assenti minħabba mard li mhux marbut mat-tqala m’għandux dan id-dritt” (17). Il-Qorti tal-Ġustizzja mbagħad qabblet impjegata li ma tistax taħdem minħabba raġunijiet mediċi marbuta mat-tqala ma’ ħaddiem li ma jistax jaħdem minħabba raġunijiet mediċi oħra u kkonkludiet: “[…]il-liġi Komunitarja [...] ma timponix iż-żamma integrali tal-paga ta’ ħaddiema mara li hi assenti matul it-tqala tagħha minħabba marda marbuta mat-tqala. Matul assenza li tirriżulta minn marda bħal din, ħaddiema mara tista’ għalhekk issofri minn riduzzjoni fil-paga tagħha, sakemm hi tiġi ttrattata bl-istess mod bħal ħaddiem raġel li hu assenti minħabba mard, u sakemm l-ammont tal-ħlas magħmul mhux daqstant baxx li jmur kontra l-oġġettiv li jiġu protetti l-ħaddiema fit-tqala” (18). Għal darba oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tqabbel mard marbut mat-tqala ma’ kundizzjonijiet mediċi oħra, u tistabbilixxi li dawn jistgħu jiġu ttrattati bl-istess mod kemm-il darba dan ma jmurx kontra l-għan li tiġi protetta t-tqala. Il-kwistjoni b’hekk mhijiex dwar diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ sess (għalkemm il-mard marbut mat-tqala jaffettwa biss lin-nisa, hemm ukoll mard li huwa esklużiv għall-irġiel) iżda dwar l-għan prinċipali li jiġu protetti n-nisa tqal.
18. Fil-fehma tiegħi żewġ regoli huma stabbiliti f’din il-ġurisprudenza: fl-ewwel lok, it-tqala mhijiex marda u ma għandhiex titqies bħala ekwivalenti għal marda; fit-tieni lok, in ceteris paribus, huwa aċċettabbli li t-trattament ta’ mara li ssofri minn kundizzjoni medika marbuta mat-tqala jitqabbel ma’ dak ta’ raġel marid. L-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli hija evidenti fir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi ċċitati hawn fuq, fejn, waqt li ma qisitx it-tqala ekwivalenti għal marda, hija tqabbel f’termini ċari ferm il-mard marbut mat-tqala ma’ mard ieħor.
19. Barra minn hekk, fil-fehma tiegħi, huwa importanti ħafna li wieħed jinnota li d-Direttiva 92/85 stess tqabbel, fl-Artikolu 11(3), il-leave tal-maternità mal-leave tal-mard. Dan jipprovdi li matul il-leave tal-maternità l-impjegata għandha tkun żgurata dħul li jkun mill-inqas ekwivalenti għal dak li kienet tirċievi kieku kienet assenti mix-xogħol minħabba mard. L-għan tad-Direttiva huwa li toffri standard minimu ta’ protezzjoni lill-impjegati nisa u tagħmel dan, fir-rigward tar-remunerazzjoni matul il-leave tal-maternità, billi tuża l-paga matul perijodu ta’ mard bħala l-livell li mill-inqas irid jintlaħaq mill-paga matul il-maternità. B’hekk, huwa l-leġiżlatur Komunitarju li jagħmel paralelliżmu bejn tqala u mard fl-att leġiżlattiv li ġie ppromulgat speċifikament biex jipproteġi lin-nisa tqal. Fil-fehma tiegħi spjegazzjoni possibbli hija li peress li kull impjegat, irrispettivament mis-sess jew mix-xogħol speċifiku, jista’ potenzjalment jimrad, jista’ jkun raġonevolment mistenni li l-gvernijiet nazzjonali, meta jiffissaw il-livell tal-paga għall-perijodi ta’ mard, jieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi tal-partijiet kollha involuti u jilħqu deċiżjoni li tiggarantixxi li l-impjegati li ma jistgħux jaħdmu minħabba mard jirċievu dħul adegwat biex ikunu jistgħu jsostnu ruħhom matul il-marda tagħhom. L-estensjoni ta’ din il-garanzija minima għan-nisa li jkunu ħarġu bil-leave tal-maternità tfisser li huma wkoll għandhom dritt għal livell ta’ remunerazzjoni li jippermettilhom isostnu ruħhom waqt li jkunu bil-leave. Dan jispjega wkoll il-formolazzjoni tal-aħħar premessa tal-preambolu tad-Direttiva li tgħid li t-tqala mhijiex analoga għal mard. Hawnhekk, l-awturi tad-Direttiva jagħmluha ċara fl-Artikolu 11(3) li waqt li qabblu l-paga waqt mard mal-paga tal-maternità, dan ma jfissirx li t-tqala fiha nnifisha għandha titqies bħala ekwivalenti għal marda.
20. Bħala konklużjoni, fid-Direttiva l-leġiżlatur Komunitarju għamel paralleliżmi bejn it-tqala u l-mard u l-Qorti tal-Ġustizzja espliċitament qabblet l-assenzi mix-xogħol minħabba mard relatat mat-tqala ma’ assenzi kaġun ta’ mard ieħor. Peress li huwa possibbli li jsir dan il-paragun limitat bejn il-leave tal-maternità u l-leave tal-mard, tal-anqas fir-rigward tar-remunerazzjoni, huwa irrilevanti, għall-finijiet tal-evalwazzjoni dwar jekk Dr Gassmayr hijiex intitolata għall-allowance, jekk hija taqax taħt id-dispożizzjonijiet tal-liġi Awstrijaka dwar il-protezzjoni tal-maternità, skont l-Artikoli 5 u 6 tad-Direttiva dwar kundizzjonijiet ta’ xogħol u protezzjoni minn attivitajiet fejn impjegat ikun espost għal riskju jew inkella taħt l-Artikolu 141 KE dwar paga ugwali. Dawn id-dispożizzjonijiet kollha jeħtieġu l-istess tip ta’ protezzjoni, jiġifieri dħul li jkun mill-inqas ekwivalenti għall-paga f’każ ta’ mard (19). Għal konvenjenza, minn hawn ’il quddiem ser nirreferi għaż-żewġ perijodi li matulhom Dr Gassmayr ma ressqitx lejn ix-xogħol bħala l-“leave tal-maternità” u għall-paga rilevanti bħala l-“paga tal-maternità”.
Ħlas tal-allowance għax-xogħol ta’ għassa
21. Il-kwistjoni li jmiss hija jekk Dr Gassmayr hijiex intitolata għall-allowance għax-xogħol ta’ għassa għall-perijodu li matulu hija ma wettqitx dmirijiet ta’ dan it-tip. Hija targumenta li d-Direttiva tipprojbixxi kwalunkwe tnaqqis mid-dħul li hija kienet taqla’ li kieku setgħet taħdem. Il-Gvern Awstrijak jissottometti li d-dħul iggarantit lin-nisa tqal skont id-Direttiva ma jkoprix l-ammonti kollha li kienu jitħallsulhom f’ċirkustanzi normali, u li l-Istati Membri jistgħu leġittimament jorbtu l-ħlas ta’ ċerti benefiċċji bil-kundizzjoni li x-xogħol ikun effettivament twettaq.
22. Ir-risposta għal din id-domanda tiddependi fuq l-interpretazzjoni tat-terminu “allowance xierqa” fl-Artikolu 11(2)(b) tad-Direttiva. Id-Direttiva timponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li fil-liġijiet nazzjonali tagħhom jipprovdu li l-impjegati tqal għandhom jirċievu allowance xierqa matul il-leave tal-maternità tagħhom. Il-fatt li Dr Gassmayr ma rċevietx l-allowance għax-xogħol ta’ għassa jagħmel id-dħul tagħha inadegwat għall-finijiet tad-Direttiva?
23. Fil-kawża Gillespie, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “la l-Artikolu 119 tat-Trattat KEE u lanqas l-Artikolu 1 tad-Direttiva 75/117 ma jeħtieġu li n-nisa għandhom ikomplu jirċievu paga sħiħa matul il-leave tal-maternità […] L-ammont pagabbli ma jistax, madankollu, ikun tant baxx li jippreġudika l-iskop tal-leave tal-maternità, jiġifieri l-protezzjoni tan-nisa qabel u wara l-ħlas. Sabiex tiġi evalwata l-adegwatezza tal-ammont pagabbli minn din il-perspettiva, il-qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni, mhux biss it-tul tal-leave tal-maternità, iżda wkoll il-forom l-oħra ta’ protezzjoni soċjali mogħtija mid-dritt nazzjonali fil-każ ta’ assenza ġġustifikata mix-xogħol” (20) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Din ir-regola ġiet reċentament ikkonfermata fis-sentenza Alabaster fejn il-Qorti tal-Ġustizzja, waqt li ċċitat is-sentenza Gillespie, iddeċidiet li n-nisa tqal “ma jistgħux jinvokaw utilment id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 119 tat-Trattat biex jargumentaw li għandhom ikomplu jirċievu paga sħiħa waqt li jkunu ħarġu bil-leave tal-maternità daqs li kieku kienu attwalment qed jaħdmu, bħal ħaddiema oħra” (21) [traduzzjoni mhux uffiċjali].
24. Għalhekk, dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tistipula li l-paga li l-impjegati tqal għandhom jirċievu matul il-leave tal-maternità għandha tkun inqas mill-paga regolari li jirċievu meta attwalment ikunu qed jaħdmu mhijiex, bħala prinċipju, prekluża mid-dritt Komunitarju. Madankollu, it-tnaqqis fid-dħul ma jistax ikun tant li jippreġudika l-protezzjoni li l-leġiżlatur Komunitarju ried jiggarantixxi għan-nisa tqal. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li mara li tkun ħarġet bil-leave tal-maternità hija intitolata għal żieda fil-paga mogħtija matul dak il-perijodu jew matul il-perijodu li b’referenza għalih tkun ġiet ikkalkolata l-paga tal-maternità (22). Bl-istess mod, huwa illegali li impjegata tiċċaħħad mid-dritt tagħha li ssirilha evalwazzjoni ta’ ħilitha fuq ix-xogħol sabiex tkun tista’ tikkwalifika għal promozzjoni u żieda fil-paga fuq il-bażi li, minħabba l-leave tal-maternità li tkun ħadet, hija ma ssodisfatx il-prerekwiżit ta’ sitt xhur xogħol fis-sena ta’ qabel (23).
25. Fil-fehma tiegħi r-ratio li fuqu hija bbażata l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa li l-impjegati nisa ma għandhomx jiġu skoraġġuti milli jkollhom it-tfal minħabba biża’ li mhux ser ikollhom dħul biżżejjed biex isostnu ruħhom matul il-leave tal-maternità jew li l-iżvilupp tal-karriera professjonali tagħhom ser jiġi affettwati b’mod negattiv. Id-dritt Komunitarju jħalli xi diskrezzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali biex jieħdu inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet soċjali u ekonomiċi f’pajjiżhom u biex jiddeċiedu xi dħul jista’ jitqies li huwa adegwat għal mara li toħroġ bil-leave tal-maternità u liema kundizzjonijiet huma neċessarji sabiex jiġi żgurat li hija mhix ser tiġi ppreġudikata fil-ħajja professjonali futura tagħha. Il-limitu ta’ din id-diskrezzjoni huwa r-regola li l-paga tal-maternità ma tistax tkun inqas mil-livell tal-ħlas f’każ ta’ mard (24). Kif spjegajt qabel, ir-ratio ta’ din id-dispożizzjoni hija li peress li l-mard huwa kundizzjoni li tista’ taffettwa lil kulħadd, irrispettivament mis-sess jew mix-xogħol, il-leġiżlaturi nazzjonali aktarx li jieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi kollha involuti u jilħqu deċiżjoni ġusta meta jiffissaw il-livell ta’ ħlas f’każ ta’ mard.
26. Huwa f’dan l-isfond li għandha tingħata risposta għad-domanda dwar l-allowances għax-xogħol ta’ għassa. Bħala prinċipju, id-dritt Komunitarju ma jipprekludix lil min iħaddem milli jħallas lill-impjegati tagħhom benefiċċji addizzjonali jew allowances għat-twettiq ta’ dmirijiet speċifiċi u milli jorbot dan il-ħlas mal-kundizzjoni li dawn id-dmirijiet ikunu effettivament twettqu. Fid-digriet tar-rinviju, huwa ddikjarat li skont il-leġiżlazzjoni Awstrijaka rilevanti, allowance għal xogħol ta’ għassa mhijiex ħlas b’rata fissa li jingħata lit-tobba kollha; din tiġi kkalkolata individwalment għal kull tabib li jkun għamel xogħol ta’ għassa abbażi tar-rati ġenerali fis-siegħa stabbiliti bil-liġi. B’hekk jidher li kull tabib li, għal kwalunkwe raġuni, ma jkunx wettaq xogħol ta’ għassa ma jirċevix dan il-benefiċċju addizzjonali. Dan probabbilment jinkludi nies li jkunu ħarġu bil-leave tal-mard. Il-Kummissjoni, madankollu, tidher li qed tadotta interpretazzjoni differenti. Hija ssottomettiet li d-dritt Awstrijak effettivament jagħti lill-impjegati li joħorġu bil-leave tal-mard id-dritt li jitolbu dawk l-allowances addizzjonali għal xogħol ta’ għassa. Jekk dan huwa l-każ, dan id-dritt għandu jiġi estiż għan-nisa li joħorġu bil-leave tal-maternità. Madankollu, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina x’inhi l-interpretazzjoni korretta tad-dritt Awstrijak.
27. Fil-fehma tiegħi, huwa fi ħdan id-diskrezzjoni li d-dritt Komunitarju jagħti lil Stat Membru biex jistabbilixxi regola li tipprovdi li, l-istess bħal xi ħadd bil-leave tal-mard, impjegata tqila li ma tersaqx lejn ix-xogħol għandha tkompli tirċievi s-salarju u l-allowances regolari tagħha iżda ma tirċevix allowances addizzjonali marbuta direttament mat-twettiq ta’ dmir speċifiku jekk hija fil-fatt ma tkunx wettqitu (25). Min-naħa l-oħra, min iħaddem ma jistax jirrifjuta li jħallas allowance li tikkostitwixxi parti regolari mir-remunerazzjoni ta’ impjegat u li mhijiex relatata mat-twettiq ta’ dmirijiet speċifiċi (26). Pereżempju, x’uħud minn min iħaddem jagħtu benefiċċju addizzjonali lill-impjegati kollha li jkollhom kwalifiki akkademiċi għoljin jew għarfien speċjalizzat f’qasam partikolari jew li jkollhom kariga għolja. Dawn huma każijiet tipiċi ta’ benefiċċji mogħtija bħala rikonoxximent tal-istatus, il-kwalifiki u l-kontribut ġenerali li l-impjegati jagħtu fil-kumpannija; il-ħlas tagħhom normalment ma jkunx marbut mal-kundizzjoni li jridu jitwettqu dmirijiet speċifiċi; u l-ammonti mħallsa normalment ikunu allowances b’rata fissa li ma jkunux relatati man-numru ta’ sigħat attwalment maħduma. Ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, ma jkunx kompatibbli mad-dritt Komunitarju jekk dawn l-allowances jitnaqqsu mill-paga tal-maternità. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa n-natura tad-diversi allowances.
28. Naturalment, kif diġà semmejt, it-test aħħari huwa l-livell ta’ paga f’każ ta’ mard stabbilit mid-dritt nazzjonali. It-tnaqqis ta’ benefiċċji mill-paga tal-maternità huwa kompatibbli mad-dritt Komunitarju kemm-il darba d-dħul li jifdal lill-impjegata tqila jkun ta’ mill-inqas ekwivalenti għad-dħul li hija kienet tirċievi li kieku tkun assenti mix-xogħol għal raġunijiet marbuta mal-istat ta’ saħħitha. Hawnhekk ukoll, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina l-paga f’każ ta’ mard li l-impjegata kienet iddaħħal taħt il-liġi nazzjonali u li tivverifika li l-paga tal-maternità ma tinżilx taħt dak il-livell.
29. Nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi t-tieni domanda skont kif ġej:
L-Artikolu 11(1), (2) u (3) tad-Direttiva 92/85/KEE ma jipprekludix dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tistabbilixxi li min iħaddem jista’ jirrifjuta li jħallas lil impjegata tqila allowance speċjali, bħall-allowance għax-xogħol ta’ għassa li hija inkwisjtoni fil-kawża prinċipali, li tkun marbuta direttament mat-twettiq ta’ dmirijiet speċifiċi jekk l-impjegata kkonċernata ma tkunx wettqet dawk id-dmirijiet minħabba li kienet fuq leave tal-maternità jew ma setgħetx taħdem minħabba raġunijiet marbuta ma’ saħħitha jew ma’ saħħet it-tarbija. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa n-natura tal-allowances speċifiċi u tiżgura li d-dħul tal-impjegata tqila jkun ta’ mill-inqas ekwivalenti għad-dħul li d-dritt nazzjonali jiggarantixxi lill-impjegati li ma jmorrux għax-xogħol minħabba raġunijiet relatati mal-istat ta’ saħħithom.
IV – Konklużjoni
30. Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi rrinvjati mill-Verwaltungsgerichtshof skont kif ġej:
(1) L-Artikolu 11(1), (2) u (3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-introduzzjoni ta’ mizuri biex jinkoraġġixxu titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu, għandu effett dirett u jista’ jiġi invokat minn individwi fi proċeduri nazzjonali.
(2) L-Artikolu 11(1), (2) u (3) tad-Direttiva 92/85 ma jipprekludix dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tistabbilixxi li min iħaddem jista’ jirrifjuta li jħallas lil impjegata tqila allowance speċjali, bħall-allowance għax-xogħol ta’ għassa li hija inkwisjtoni fil-kawża prinċipali, li tkun marbuta direttament mat-twettiq ta’ dmirijiet speċifiċi jekk l-impjegata kkonċernata ma tkunx wettqet dawk id-dmirijiet minħabba li kienet fuq leave tal-maternità jew ma setgħetx taħdem minħabba raġunijiet marbuta ma’ saħħitha jew ma’ saħħet it-tarbija. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa n-natura tal-allowances speċifiċi u tiżgura li d-dħul tal-impjegata tqila jkun ta’ mill-inqas ekwivalenti għad-dħul li d-dritt nazzjonali jiggarantixxi lill-impjegati li ma jmorrux għax-xogħol minħabba raġunijiet relatati mal-istat ta’ saħħithom.
1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 110 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 92/85” jew id-“Direttiva”).
3 – Sentenzi tad-19 ta’ Jannar 1982, Becker (8/81, Ġabra p. 53, punt 25); tat-22 ta’ Ġunju 1989, Fratelli Costanzo (103/88, Ġabra p. 1839, punt 29); tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et (Kawżi Magħquda C‑397/01 sa C‑403/01, Ġabra p. I‑8835, punt 103); u tas-7 ta’ Lulju 2008, Arcor et (Kawżi Magħquda C‑152/07 sa C‑154/07, Ġabra p. I‑5959, punt 40).
4 – Sentenza tad-29 ta’ Mejju 1997, Klattner (C‑389/95, Ġabra p. I‑2719, punt 33).
5 – Sentenza tas-26 ta’ Frar 1986, Marshall (152/84, Ġabra p. 723, punt 52); u Klattner, iċċitata iktar ’il fuq.
6 – Sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2001 (C‑438/99, Ġabra p. I‑6915).
7 – Punt 33
8 – Dwar riskji fuq ix-xogħol u xogħol ta’ billejl.
9 – Dwar leave tal-maternità.
10 – Sentenza tal-14 ta’ Lulju 1994, Webb (C‑32/93, Ġabra p. I‑3567, punt 25).
11 – Sentenza tat-8 ta’ Novembru 1990, (C‑179/88, Ġabra p. I‑3979).
12 – Punt 17.
13 – Sentenza tad-29 ta’ Mejju 1997 (C‑400/95, Ġabra p. I‑2757).
14 – Sentenza tat-30 ta’ Ġunju 1998 (C‑394/96, Ġabra p. I‑4185).
15 – Punti 26 u 27: “[…] meta kundizzjonijiet patoloġiċi kkawżati mit-tqala jew mill-ħlas joħorġu wara t-tmiem tal-leave tal-maternità, dawn huma koperti mir-regoli ġenerali applikabbli fil-każ ta’ mard (ara, f’dan is-sens, Hertz […] punti 16 u 17). F’dawk iċ-ċirkustanzi, l-unika kwistjoni hija jekk l-assenzi ta’ ħaddiema mara, wara l-leave tal-maternità, li jkunu kkawżati mill-fatt li hija ma tkunx tista’ taħdem minħabba dawk il-problemi, jiġux ittrattati bl-istess mod bħall-assenzi ta’ ħaddiem raġel, tal-istess tul ta’ żmien, ikkawżati minħabba l-fatt li huwa ma jkunx jista’ jaħdem; jekk ikun hekk, m’hemm ebda diskriminazzjoni fuq bażi ta’ sess. Mill-konsiderazzjonijiet kollha preċedenti huwa wkoll ċar li, għall-kuntrarju tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja […] fil-kawża Larsson […], fejn mara tkun assenti minħabba mard li jirriżulta minn tqala jew ħlas, u dik il-marda tkun ħarġet waqt it-tqala u baqgħet għaddejja matul u wara l-leave tal-maternità, l-assenza tagħha mhux biss matul il-leave tal-maternità iżda wkoll matul il-perijodu bejn il-bidu tat-tqala tagħha u l-bidu tal-leave tal-maternità ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-komputazzjoni tal-perijodu li jiġġustifika t-tkeċċija tagħha taħt id-dritt nazzjonali. Fir-rigward tal-assenza tagħha wara l-leave tal-maternità, din tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni taħt l-istess kundizzjonijiet bħall-assenza ta’ raġel, tal-istess tul, minħabba l-inkapaċità għax-xogħol” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għalkemm il-kawża Brown ġiet deċiża taħt id-Direttiva 76/207, biex waslet għad-deċiżjoni tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja ġiet influwenzata b’mod konsiderevoli mill-protezzjoni speċjali mogħtija lin-nisa tqal mid-Direttiva 92/85 li kienet ġiet adottata ftit qabel mal-Qorti tat is-sentenza tagħha.
16 – Sentenza tat-8 ta’ Settembru 2005 (C‑191/03, Ġabra p. I‑7631).
17 – Punt 57.
18 – Punti 61 u 62.
19 – Interpretazzjoni li tkun teħtieġ, fuq il-bażi tal-Artikolu 141 KE, protezzjoni iktar estiża għan-nisa li jsofru minn kundizzjonijiet mediċi relatati mat-tqala anki barra mill-perijodu tal-leave tal-maternità previst mid-Direttiva, indirettament tkun qed tikkonfuta l-kompatibbiltà tad-Direttiva mal-Artikolu 141 KE. Dan għaliex id-Direttiva stess tistabbilixxi l-paga għall-mard bħala l-mimimu li għandu jiġi ggarantit mill-Istati Membri lin-nisa tqal li joħorġu bil-leave tal-maternità. Ikun assurd ukoll li wieħed jaċċetta li mara tgawdi minn protezzjoni iktar limitata matul il-leave tal-maternità milli tgawdi barra minn dan il-perijodu.
20 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Frar 1996 (C‑342/93, Ġabra p. I‑475, punt 20). Id-Direttiva 92/85 ma kinitx tapplika rationae temporis għall-fatti tal-kawża Gillespie et iżda r-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa ugwalment validu fir-rigward tal-interpretazzjoni tagħha.
21 – Sentenza tat-30 ta’ Marzu 2004, Alabaster (C‑147/02, Ġabra p. I‑3101, punt 46).
22 – Kawża Gillespie et, iċċitata iktar ’il fuq (punti 21 u 22). Ara wkoll il-kawża Alabaster, iċċitata iktar ’il fuq (punt 48).
23 – Sentenza tat-30 ta’ April 1998, Thibault (C‑136/95, Ġabra p. I‑2011, punt 29)
24 – Il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha tas-27 ta’ Ottubru 1998, Boyle et (C‑411/96, Ġabra p. I‑6401, punt 35), iddeċidiet li l-Artikolu 11(2)(b) u (3) jeħtieġ li ħaddiema mara tirċievi paga tal-maternità li tkun ta’ mill-inqas ekwivalenti għall-paga f’każ ta’ mard ipprovduta taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali tas-sigurtà soċjali iżda ma jagħtihiex garanzija ta’ dħul ogħla minn dak li min iħaddem jista’ jkun intrabat li jħallas lil impjegati bil-leave tal-mard.
25 – Nassumi li dawn l-allowances addizzjonali jitħallsu biss bħala suppliment għas-salarju. Is-sitwazzjoni tkun differenti jekk ir-remunerazzjoni kellha tiġi kkalkolata b’tali mod li dawn l-allowances addizzjonali jkunu effettivament jikkostitwixxu parti sostanzjali mir-remunerazzjoni globali.
26 – Is-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 1999, Lewen (C‑333/97, Ġabra p. I‑7243) kienet tirrigwarda l-ħlas volontarju ta’ bonus tal-Milied minn min iħaddem. Il-bonus kien jitħallas kull sena lill-impjegati kollha u ma kienx marbut mat-twettiq ta’ dmirijiet speċifiċi fi ħdan il-kumpannija. Il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li għalkemm min iħaddem seta’ jieħu inkunsiderazzjoni perijodi ta’ leave parentali sabiex inaqqas il-bonus pro rata, ma setax jagħmel l-istess fir-rigward tal-perijodi għall-protezzjoni tal-ommijiet (bħall-leave tal-maternità). Ara l-punti 48-49.
Full & Egal Universal Law Academy