KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
JÄÄSKINEN
ippreżentati fil-11 ta’ Marzu 2010 1(1)
Kawża C‑393/08
Emanuela Sbarigia
vs
Azienda USL RM/A
fil-preżenza ta’:
Comune di Roma
Assiprofar (Associazione Sindacale Proprietari Farmacia)
Ordine dei Farmacisti della Provincia di Roma
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio [l-Italja])
“Leġiżlazzjoni reġjonali li tirregola l-ħinijiet u l-perijodi ta’ ftuħ u għeluq tal-ispiżeriji – Projbizzjoni tal-possibbiltà ta’ rinunzja għall-perijodu ta’ għeluq annwali u tal-possibbiltà li jinqabeż il-limitu massimu ta’ sigħat ta’ ftuħ previst – Awtorizzazzjoni eċċezzjonali”
I – Introduzzjoni
1. Ġiet imressqa kawża quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (l-Italja) (iktar ’il-quddiem it-“Tribunal”) kontra E. Sbarigia, spiżjara, u l-amministrazzjoni tal-Komun ta’ Ruma dwar il-leġiżlazzjoni reġjonali li tirregola l-ħinijiet ta’ ftuħ tal-ispiżeriji u b’mod partikolari l-esklużjoni ta’ kull possibbiltà ta’ rinunzja għall-perijodu ta’ għeluq annwali. Huwa f’dan il-kuntest li l-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja żewġ domandi preliminari, l-ewwel waħda dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 49 KE, 81 KE, 82 KE, 83 KE, 84 KE, 85 KE, u 86 KE, u t-tieni waħda dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 152 KE u 153 KE (2).
2. Jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari li l-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni reġjonali mal-prinċipji fundamentali li fuqhom hija bbażata l-politika tal-kompetizzjoni ħielsa. Issa, ir-rabta bejn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ċċitati fir-rinviju għal deċiżjoni preliminari u d-dibattitu miżmum fuq livell nazzjonali, jekk mhux ukoll reġjonali, dwar il-kompetizzjoni ma hijiex stabbilita b’mod ċar. Dan jagħti lok għal mistoqsijiet dwar l-ammissibbiltà tad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, u dwar il-ħtieġa eventwali li jiġu fformulati mill-ġdid.
II – Il-kuntest ġuridiku
3. Fl-Italja, is-servizzi farmaċewtiċi huma essenzjalment organizzati bħala servizz pubbliku, suġġetti għall-għoti ta’ liċenzja.
4. Sabiex tiġi ggarantita l-kontinwità tas-servizz farmaċewtiku, element importanti tal-ħarsien tas-saħħa pubblika, il-ħinijiet, ir-reġistru tal-għassa u l-vaganzi tal-ispiżeriji huma kollha rregolati mil-liġijiet reġjonali. Fir-rigward tal-Lazio, din hija l-Liġi Reġjonali Nru 26, tat-30 ta’ Lulju 2002 (iktar ’il-quddiem il-“liġi reġjonali Nru 26/2002”) (3).
5. L-Artikoli 2 sa 8 tal-liġi reġjonali Nru 26/2002 jiffissaw il-ħiniijiet tal-ftuħ, is-servizz volontarju tal-għassa, l-għeluq ta’ kull ġimgħa u l-vaganzi annwali tal-ispiżeriji. Dawn id-dispożizzjonijiet jimponu b’mod partikolari ħinijiet massimi ta’ ftuħ, l-obbligu tal-għeluq il-Ħadd u ta’ nofs ta’ nhar kull ġimgħa kif ukoll matul il-festi pubbliċi, u l-vaganzi annwali ta’ tul ta’ żmien minimu. L-applikazzjoni ta’ diversi artikoli tal-liġi reġjonali Nru 26/2002 hija suġġetta għal kundizzjonijiet relatati mal-karatteristiċi ġeografiċi tal-komuni kkonċernati jew mal-post ta’ stabbiliment.
6. L-Artikolu 10 tal-liġi reġjonali Nru 26/2002 huwa fformulat kif ġej:
“1. Għall-Komun ta’ Ruma, kull Unità Sanitarja Lokali (USL) għandha taddotta l-miżuri previsti minn din il-liġi u li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħha, bi ftehim mal-USL oħra kkonċernati.
2. Għall-ispiżeriji li jinsabu f’żoni muniċipali speċifiċi, il-ħinijiet tal-ftuħ għall-pubbliku ta’ kull ġimgħa, il-vaganzi tal-ispiżeriji fl-ibliet u n-nofs ġurnata ta’ mistrieħ fil-ġimgħa […] jistgħu jinbidlu b’deċiżjoni tal-USL kompetenti għaż-żona kkonċernata, bi ftehim mas-Sindku tal-Komun ikkonċernat, l-Ordni provinċjali tal-Ispiżjara u l-organizzazzjonijiet professjonali provinċjali l-iktar rappreżentattivi tal-ispiżeriji pubbliċi u privati.”
III – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
7. E. Sbarigia hija s-sid ta’ spiżerija antika, li tinsab ġo żona speċifika, magħrufa bħala “del Tridente”, ġewwa ċ-ċentru storiku ta’ Ruma. Dan il-kwartier fejn ma jistgħux jidħlu vetturi jinsab fil-qalba taż-żona turistika tal-kapitali.
8. Minħabba l-pożizzjoni tagħha u ż-żieda sinjifikattiva tan-numru ta’ utenti fil-kwartier matul il-perijodu sajfi ta’ Lulju u Awwissu, E. Sbarigia talbet, fil-31 ta’ Mejju 2006, lill-Azienda USL RM/A, kompetenti għaż-żona kkonċernata (iktar ’il-quddiem l-“Awtorità kompetenti”), il-permess biex tirrinunzja għall-perijodu ta’ għeluq matul il-vaganzi tas-sajf tal-2006.
9. Din it-talba, imressqa abbażi tal-Artikolu 10(2), tal-liġi reġjonali Nru 26/2002, ġiet imbagħad estiża biex tinkludi t-talba għall-eżenzjoni mill-obbligu ta’ għeluq matul il-vaganzi annwali kollha, għal permess sabiex jiġu estiżi l-ħinijiet ta’ ftuħ tagħha ta’ kull ġimgħa s-sena kollha u biex ma tagħlaqx fil-ġranet tal-festi. F’dan ir-rigward, E. Sbarigia ssostni li awtorizzazzjoni simili kienet ingħatat fit-8 ta’ Settembru 2006 lil spiżerija oħra, li tinsab fil-viċinanzi tal-istazzjon tal-ferrovija Termini, u li għandha l-istess klijenti speċifiċi bħal tal-ispiżerija tagħha.
10. It-talbiet ta’ E. Sbarigia ġew miċħuda diversi drabi mill-Azienda USL RM/A, b’applikazzjoni tal-Artikolu 10(2) tal-liġi reġjonali Nru 26/2002, abbażi tal-opinjonijiet sfavorevoli tal-Komun ta’ Ruma, tal-Ordine dei Farmacisti della Provincia di Roma (Ordni tal-Ispiżjara tal-Provinċja ta’ Ruma) kif ukoll tal-assoċjazzjonijiet professjonali Assiprofar (Associazione Sindacale Proprietari Farmacia) u Confservizi.
11. It-Tribunale josserva li l-ħinijiet ta’ ftuħ tal-ispiżeriji, l-għassa tal-Ħadd, l-għeluq fil-ġranet tal-festi u l-vaganzi annwali ma humiex suġġetti għar-rieda ħielsa u l-esiġenzi ta’ organizzazzjoni ta’ kull spiżjar. Il-possibbiltajiet ta’ deroga huma limitati u dejjem suġġetti għall-eżercizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni, u d-deċiżjonijet ta’ rifjut huma diffiċli li jiġu kkontestati.
12. Skont it-Tribunale, li s-servizz farmaċewtiku jitqies bħala servizz pubbliku li jiggarantixxi l-protezzjoni tas-saħħa tal-utenti ma huwiex biżżejjed sabiex jiġġustifika d-dispożizzjonijiet restrittivi relatati mal-modalitajiet ta’ ftuħ tal-ispiżeriji. Liberalizzazzjoni tal-ħinijiet u l-perijodi ta’ ftuħ tal-ispiżeriji kollha tippermetti żieda ġenerali fil-provvista, meta jitqies li l-pjanijiet ta’ tqassim jiggarantixxu tqassim ġeografiku ekwilibrat tal-ispiżeriji, għall-benefiċċju tal-utenti. Tali riforma kienet ukoll irrakkomandata f’rapport li ħareġ fl-1 ta’ Frar 2007 mill-Awtorità nazzjonali li tiggarantixxi l-kompetizzjoni u tas-suq.
13. Id-dispożizzjonijiet inkwistjoni jidhru, barra minn hekk, eċċessivi u mhux iġġustifikati. L-interess pubbliku u l-eżiġenzi relatati mas-servizz farmaċewtiku jistgħu jiġu mħarsa aħjar permezz ta’ miżuri kompetittivi ta’ liberalizzazzjoni tal-modalitajiet ta’ ftuħ.
14. Għalhekk, it-Tribunale jiddubita mill-kompatibbiltà tar-restrizzjonijiet ikkontestati ma’ ċerti prinċipji tal-liġi komunitarja.
15. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale ddeċieda li jagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“1. Il-fatt li jiġu imposti fuq l-ispiżeriji r-restrizzjonijiet li jipprovdu li la huma awtorizzati jieħdu vaganza annwali meta jridu u lanqas li jibqgħu miftuħin barra l-limiti ta’ ftuħ massimi awtorizzati skont id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tal-liġi reġjonali ta’ Lazio Nru 26/2002, u li, skont l-Artikoli 10(2) ta’ dik il-liġi reġjonali, jipprovdu rekwiżit addizzjonali neċessarju ta’ evalwazzjoni diskrezzjonarja tal-Amministrazzjoni (li ssir skont il-ftehim mal-korpi u l-organizzazzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu) fir-rigward tan-natura speċjali taż-żona muniċipali fejn jinsabu l-ispiżeriji, sabiex tista’ tinkiseb deroga mill-projbizzjonijiet tal-Komun ta’ Ruma, huwa kompatibbli mal-prinċipji Komunitarji dwar il-libertà tal-kompetizzjoni u l-libertà tas-servizzi, stabbiliti, b’mod partikolari, fl-Artikoli 49 KE, 81 KE, 82 KE, 83 KE, 84 KE, 85 KE u 86 KE?
2. Ir-restrizzjonijiet imposti fuq l-eżerċizzju tas-servizz farmaċewtiku pubbliku, minkejja li għandhom l-għan li jipproteġu s-saħħa tal-konsumaturi, bħal dawk stabbiliti fil-liġi reġjonali Nru 26/2002 li jillimitaw jew jipprekludu l-possibbiltà li jiġu estiżi l-ħinijiet ta’ ftuħ awtorizzati f’jum, f’ġimgħa u f’sena għal spiżeriji individwali, huma kompatibbli mal-Artikoli 152 [KE] u 153 [KE]?” (4)
IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
16. It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Settembru 2008.
17. Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati minn E. Sbarigia, mill-Komun ta’ Ruma, mill-Gvern Elleniku, Taljan, Olandiż u dak Awstrijak, kif ukoll mill-Kummissjoni.
18. F’anness fis-sejħa għas-seduta f’qorti bil-miftuħ, il-partijiet għas-seduta ntalbu, waqt it-trattazzjoni tagħhom, jesprimu ruħhom, fil-kuntest tal-ammissibbiltà, fuq l-element ta’ rabta mal-liġi Komunitarja u fir-rigward tal-mertu, fuq l-interpretazzjoni tal-Artikoli 28 KE, 29 KE, 30 KE, 31 KE u 86(2) KE.
19. E. Sbarigia, l-Assiprofar, l-Ordine dei Farmacisti della Provincia di Roma, il-Gvern Elleniku, Franċiż, Taljan u Awstrijak, kif ukoll il-Kummissjoni kienu kollha rrappreżentati fis-seduta, li nżammet fis-17 ta’ Diċembru 2009.
V – Analiżi
A – Introduzzjoni
20. Għandu jiġi kkonstatat qabel kollox li t-talba għal deċiżjoni preliminari ma tippreċiża bl-ebda mod il-għala d-disa’ artikoli tat-Trattat u ż-żewġ prinċipji tal-Liġi tal-Unjoni ċċitati jeħtieġu interpretazzjoni. Il-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom jidhru li għandhom, huma wkoll, dubji f’dan ir-rigward.
21. B’mod preliminari, nixtieq infakkar li d-deċiżjoni tar-rinviju għandha tindika r-raġunijiet preċiżi li wasslu lill-qorti nazzjonali sabiex titlob l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju u li tqis li huwa neċessarju li tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja (5). F’dan il-kuntest, huwa indispensabbli li l-qorti nazzjonali tagħti spjegazzjonijiet minimi fuq ir-raġunijiet tal-għażla tad-dispożizzjonijiet Komunitarji li tagħhom hija titlob l-interpretazzjoni u dwar ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-kawża prinċipali (6).
22. Nipproponi li nanalizza t-talba għal deċiżjoni preliminari fl-ordni li ġej: wara li nkun eżaminajt l-ammissibbiltà tad-domandi, inkompli biex nittratta t-tieni domanda dwar l-Artikoli 152 KE u 153 KE, qabel nittratta l-ewwel domanda dwar id-dritt tal-kompetizzjoni (Artikoli 81 KE sa 86 KE) u dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi (Artikolu 49 KE).
B – Dwar l-ammissibbiltà
23. Tqajmu żewġ motivi ta’ inammissibbiltà fil-kuntest tal-kawża preżenti.
24. L-ewwel nett, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Taljan isostni li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli, peress li hija nieqsa minn elementi ta’ fatt u ta’ dritt essenzjali sabiex wieħed jifhem għaliex id-dispożizzjonijiet imsemmija huma rilevanti f’dan il-każ.
25. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, skont ġurisprudenza kostanti, ir-rifjut li tingħata deċiżjoni fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rapport mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha (7).
26. Issa, fid-dawl tal-elementi ta’ fatt u ta’ dritt mogħtija mill-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, fil-fehma tiegħi, elementi suffiċjenti sabiex tieħu deċiżjoni dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari.
27. It-tieni nett, il-kwistjoni ta’ ammissibbiltà ġiet ittrattata wkoll waqt is-seduta, fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, mill-aspett ta’ nuqqas ta’ kull element transkonfinali fil-kawża.
28. Huwa ċar għalija li s-sitwazzjoni fattwali fil-kawża prinċpali ma għandhiex element barrani. Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li n-nuqqas ta’ element barrani ma jistax iwassal sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara domanda preliminari inammissibbli f’sitwazzjoni simili. Fil-fatt, fir-rigward b’mod iktar speċifiku tad-domandi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 49 KE, għalkemm huwa paċifiku li l-elementi kollha tal-kawża li qed tidher quddiem il-qorti tar-rinviju huma limitati għal Stat Membru wieħed biss, f’dan il-każ għal reġjun tiegħu, risposta tista’ minkejja kollox tkun utli għall-qorti tar-rinviju, b’mod partikolari fil-każ fejn id-dritt nazzjonali jimponi li ċittadin Taljan irid igawdi mill-istess drittijiet li ċittadin ta’ Stat Membru ieħor li ma hijiex ir-Repubblika Taljana jgwadi mid-dritt tal-Unjoni fl-istess sitwazzjoni (8).
29. Inċidentalment, innotajt li, fil-kawżi għal deċiżjoni preliminari li għandhom portata purament interna, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikorriet għal diversi approċċi.
30. Hemm l-ewwel sensiela ta’ deċiżjonijet li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, permezz ta’ sentenza, li d-dispożizzjonijet tat-Trattat invokati ma jistgħux jiġu applikati għal attivitajiet li l-elementi rilevanti kollha tagħhom jinsabu fi Stat membru wieħed biss (9) u l-kwistjoni dwar jekk huwiex il-każ tiddependi minn konstatazzjoni fattwali li għandha tiġi stabbilita mill-qorti nazzjonali (10).
31. Fit-tieni sensiela ta’ deċiżjonijiet, huwa kkonstatat, permezz ta’ digriet, li d-dritt tal-Unjoni rilevanti ma jipprekludix il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni (11).
32. It-tielet approċċ jirrileva li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma taqax fil-kuntest tad-dritt tal-Unjoni u li s-suġġett tal-kawża ma jippreżenta ebda element ta’ rabta ma’ kwalunkwe sitwazzjoni prevista mid-dispożizzjonijiet tat-Trattati. F’tali każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet permezz ta’ digriet li hija manifestament ma għandhiex ġurisdizzjoni biex tirrispondi d-domanda magħmula lilha (12).
33. Fl-aħħar, fir-raba’ sensiela ta’ deċiżjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja tipproċedi għal eżami tal-mertu tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li ġiet mitluba tinterpreta, sa fejn id-dritt nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa applikat f’sitwazzjoni transkonfinali, anki jekk l-elementi kollha tal-kawża prinċipali huma limitati biss għal Stat Membru wieħed (13).
34. Fid-dawl ta’ dawn l-approċċi, nikkonstata li l-għażla bejn sentenza u digriet hija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja skont il-kriterji ddefiniti mill-Artikolu 92(1), tar-Regoli tal-Proċedura. F’dak li jikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk is-sitwazzjoni hijiex waħda interna jew le, ir-risposta li trid tingħata għal din id-domanda ma għandha tippreġudika bl-ebda mod il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq il-kriterji ta’ applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u, jekk ikun il-każ, fuq l-interpretazzjoni tagħhom.
35. Jidhirli li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ ta’ dubju, għandha essenzjalment tieħu bħala punt tat-tluq l-ipoteżi li huwa opportun li, fil-prinċpju, teżamina d-domandi preliminari fuq il-mertu, minflok tiddikjarahom inammissibbli. Il-fatt li tillimita ruħha sabiex tindika li d-domanda hija inammissibbli jista’ jitqies mill-qrati nazzjonali bħala kuntrarju għall-prinċipju ta’ kooperazzjoni tajba mal-imsemmija qrati, li huwa prinċipju fundamentali li jirregola tali relazzjoni. Barra minn hekk, hemm differenza sinjifikattiva bejn l-eżami tal-inammissibbiltà fil-kuntest ta’ rikors dirett jew ta’ appell, minn naħa, u ta’ domanda preliminari, min-naħa l-oħra. Fil-każ ta’ rikors dirett, l-eżami tal-ammissibbiltà huwa intiż li jipproteġi b’mod partikolari l-interessi tal-konvenut. Fil-każ ta’ appell, applikazzjoni stretta tal-kriterji ta’ ammissibbiltà hija importanti sabiex it-tqassim tal-ġurisdizzjoni bejn il-gradi differenti tal-qrati tiġi rrispettata. Dawn ir-raġunijiet ma jinsabux bl-istess mod f’talba għal deċizjoni preliminari.
36. Fir-rigward tal-kawża prinċipali, ninnota li l-ħtieġa ta’ karattru transkonfinali ma għandhiex l-istess importanza meta mqabbla mad-diversi libertajiet fundamentali (14). Minn dan jirriżulta li l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat tiddependi mill-interpretazzjoni tagħhom. Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tkun adita mill-istess domandi fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mingħajr ma n-nuqqas eventwali ta’ element transkonfinali jkollu l-iċken impatt fuq l-ammissibbiltà tal-azzjoni, trid tiġi, fl-opinjoni tiegħi, riżolta l-problema tal-karattru “purament intern” ta’ sitwazzjoni billi jiġi indirizzat il-mertu, fil-kuntest tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, minflok bħala kwistjoni ta’ ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja eżaminata abbażi tal-ammissibbiltà tad-domandi preliminari.
37. Fl-aħħar nett, il-kriterji li jippermettu l-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà ta’ deċiżjoni preliminari, minn naħa, u dawk użati għall-analiżi tal-mertu tas-suffiċjenza tal-elementi ta’ fatt u ta’ liġi hekk kif ippreżentati mill-qorti tar-rinviju, min-naħa l-oħra, ma humiex neċessarjament identiċi, kif ser naraw iktar ’il quddiem.
38. Nipproponi għalhekk lill-Qorti tal-Ġustizzja li tikkunsidra ammissibbli t-talba għal deċiżjoni preliminari.
C – Osservazzjonijiet preliminari fuq il-leġiżlazzjoni reġjonali
39. Fl-Italja, il-kompetenza sabiex jinħarġu r-regoli li jirregolaw il-ħinijiet u l-perijodi ta’ ftuħ u għeluq tal-ispiżeriji hija kompetenza reġjonali. Waqt is-seduta, il-partijiet esponew li s-soluzzjonijiet adottati jvarjaw minn reġjun għall-ieħor.
40. L-applikazzjoni għall-ispiżeriji tal-prinċipju tal-kompetizzjoni ħielsa tidher kontroversjali fl-Italja. F’kull każ, il-provvista tal-mediċini mingħajr riċetta tat-tabib ġiet liberalizzata fl-Italja. Minkejja l-fatt li l-ispiżeriji huma operaturi ekonomiċi, huma xorta jibqgħu obbligati li jipprovdu servizzi fl-interess pubbliku (15).
41. Madankollu, għandu jingħad li dan l-aspett jirriżulta wkoll mil-liġi reġjonali Nru 26/2002. Din għandha titqies bħala att ta’ awtorità pubblika li tistabbilixxi b’mod ċar il-funzjonijiet partikolari, li jikkorrispondu mal-obbligi ta’ servizz pubbliku, mogħtija lill-ispiżeriji kollha previsti f’din il-liġi. L-Artikoli 2 sa 8 tal-liġi reġjonali Nru 26/2002 jiddefinixxu b’mod dettaljat l-obbligi ta’ servizz pubbliku relatati mal-ħinijiet ta’ ftuħ, l-għassa ta’ filgħodu u ta’ bil-lejl tal-ispiżeriji fil-Ħdud u l-ġranet tal-festi, jiġifieri s-servizz obbligatorju li l-ispiżeriji jridu jagħtu barra l-ħin normali ta’ ftuħ fis-seħħ fil-ġranet tax-xogħol, is-servizzi ta’ għassa volontarja tal-ispiżeriji, il-ġranet ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa, kif ukoll il-vaganzi annwali. L-obbligi intiżi li jiggarantixxu lill-pazjenti provvista ta’ mediċini kontinwa, wiesgħa u regolari, inaqqsu l-libertà kummerċjali tal-ispiżeriji b’mod li jmur lill hinn mill-kundizzjonijiet għal permessi ordinarji biex tiġi eżerċitata attività f’settur partikolari.
42. Il-leġiżlatur reġjonali jidher li kkunsidra li l-kontinwità u l-effettività tal-provvista ta’ mediċini jeħtieġu li l-ispiżeriji jirrispettaw ċerti regoli fejn jidħlu ħinijiet tal-ftuħ u l-impożizzjoni ta’ vaganzi annwali.
43. Barra minn hekk, it-tqassim ġeografiku tal-ispiżeriji, li għandhom għażla ekwivalenti ta’ mediċini u li huma aċċessibbli b’mod regolari fil-ħinijiet ta’ ftuħ iffissati b’mod uniformi fuq livell reġjonali, huwa intiż sabiex jiggarantixxi l-provvista għat-territorji iżolati, raġuni imperattiva ta’ interess pubbliku rrikonoxxuta mill-ġurisprudenza tal-Qorti (16). Ir-regolazzjoni tal-ħinijiet tal-ftuħ tista’ madankollu tippreżenta inkonvenjenzi minn żewġ aspetti. Hekk, spiżerija li tinsab f’post tajjeb tista’ tikkunsidraha bħala xkiel jekk tkun tixtieq ittawwal il-perijodi ta’ ftuħ tal-istabbiliment tagħha fejn l-attività trendi sew, filwaqt li spiżerija li tinsab f’post inqas tajjeb tista’ għall-kuntrarju tikkunsidraha bħala restrizzjoni jekk hija tkun tixtieq tqassar l-imsemmija perijodi biex tnaqqas l-ispejjeż marbuta mal-operat tagħha.
44. Huwa fid-dawl tal-elementi msemmija hawn fuq li ser nipproċedi bl-analiżi tad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.
D – Dwar l-Artikoli 152 KE u 153 KE
45. Ser nibda l-ewwel bl-Artikoli 152 KE (saħħa pubblika) u 153 KE (ħarsien tal-konsumaturi), anke għaliex huma l-oġġett tat-tieni domanda.
46. E. Sbarigia hija tal-opinjoni li dawn l-artikoli jmorru kontra l-applikazzjoni tal-ħtiġiet relatati mal-perijodi ta’ ftuħ ta’ kuljum, ta’ kull ġimgħa jew annwali, hekk kif previsti mil-liġi reġjonali Nru 26/2002. Id-difiża prinċipalment issostni min-naħa l-oħra li d-dispożizzjoniijiet inkwistjoni ma jipprekludux il-liġi reġjonali inkwistjoni.
47. Il-Kummissjoni u l-gvernijiet li ppreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, bl-eċċezzjoni tal-gvern Elleniku, isostnu essenzjalment li l-Artikoli 152 KE u 153 KE huma regoli sempliċi dwar il-kompetenza indirizzati b’mod partikolari lil-leġiżlatur Komunitarju, b’tali mod li dawn għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq l-ispiżeriji limiti fuq il-ħinijiet u l-perijodi ta’ ftuħ tagħhom. Il-gvern Elleniku jqis, min-naħa tiegħu, li l-istabbiliment ta’ ħin ta’ ftuħ tal-ispiżeriji ma tmurx kontra d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 152 KE u 153 KE.
48. L-ewwel nett, nirrikonoxxi li sibt diffikultà biex nara r-rilevanza tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 153 KE għar-riżoluzzjoni tal-kawża mressqa mill-qorti tar-rinviju. Fil-fatt dan l-Artikolu, li tirreferi għalih id-domanda preliminari biss, jirrigwarda l-ħarsien tal-konsumaturi u jipprovdi b’mod partikolari l-kuntest tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni Ewropea għat-twettiq tal-għanijiet f’dan il-qasam. Il-qorti tar-rinviju bl-ebda mod ma tispjega sa fejn il-ħarsien tal-konsumaturi jinsab f’riskju b’tali mod li jien nikkunsidra li d-domanda fir-realtà tirrigwarda biss l-Artikolu 152 KE.
49. F’dak li jikkonċerna l-Artikolu 152 KE, nissieħeb mal-interpretazzjoni proposta mill-Kummissjoni u l-Istati Membri, bl-eċċezzjoni tar-Repubblika Ellenika, li l-Artikolu 152 KE fih essenzjalment regola ta’ kompetenza indirizzata b’mod partikolari lil-leġiżlatur Komunitarju. L-Artikolu 152(1) KE jipprovdi li huwa żgurat livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa umana fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji u l-attivitajiet kollha Komunitarji. Issa, f’dan il-każ, l-implimentazzjoni tal-istrateġiji u l-attivitajiet Komunitarji ma hijiex involuta.
50. L-Artikolu 152(5) KE ukoll ma għandux x’jaqsam direttament. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet fuq dan il-punt li d-dritt tal-Unjoni ma jippreġudikax il-kompetenza tal-Istati Membri li jorganizzaw is-sistemi tas-sigurtà soċjali tagħhom u li jadottaw, b’mod partikolari, dispożizzjonijiet intiżi biex jorganizzaw is-servizzi tas-saħħa bħall-ispiżeriji. Madankollu, fl-eżercizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri għandhom iħarsu d-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertajiet tal-moviment, inkluża l-libertà tal-istabbiliment, li ser tiġi analizzata hawn taħt (17).
51. L-Artikolu 152 KE għalhekk ma huwiex applikabbli f’dan il-każ.
E – Dwar l-Artikoli 81 KE sa 86 KE
52. E. Sbarigia ssostni li l-leġiżlazzjoni reġjonali inkwistjoni ma hijiex kompatibbli mal-Artikoli 81 KE sa 86 KE. Il-konvenuta fil-kawża prinċipali ssostni min-naħa l-oħra li d-dispożizzjonijiet reġjonali huma konformi mad-dritt tal-Unjoni. Il-Gvern Olandiż u dak tal-Awstrija huma tal-fehma, min-naħa tagħhom, li l-artikoli ċċitati ma japplikawx, filwaqt li l-Gvern Elleniku jinnota li r-riferiment għall-Artikoli 81 KE sa 86 KE huwa impreċiż peress li l-qorti ma spjegatx ir-rilevanza ta’ dawn id-dispożizzjonijet differenti. Il-Kummissjoni tistaqsi, min-naħa tagħha, fuq ir-relevanza tad-dispożizzjonijiet kollha ċċitati, iżda xorta tipproponi li l-Artikoli 10 KE u 81 KE jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għall-parteċipazzjoni konsultattiva tal-organizzazzjonijiet sindakali provinċjali l-iktar rappreżentattivi tal-ispiżeriji pubbliċi u privati kif ukoll tal-Ordni Provinċjali tal-Ispiżjara, fil-proċess deċiżjonali dwar l-iffissar ta’ ħinijiet u perijodi ta’ ftuħ tal-ispiżeriji.
53. Bħall-Kummissjoni, jien tal-fehma li din il-parti tal-ewwel domanda preliminari ma hijiex rilevanti ħafna għar-riżoluzzjoni tal-kawża prinċipali.
54. Huwa tajjeb li jingħad qabel kollox li l-Artikoli 83 KE, 8 KE u 85 KE ma għandhom l-ebda rilevanza fil-kuntest tal-kawża li tinsab quddiem il-qorti tar-rinviju, peress li dawn huma kemm dispożizzjonijiet ta’ natura purament proċedurali (li huwa l-każ tal-Artikoli 83 KE u 85 KE), kif ukoll dispożizzjonijiet tranżitorji (li huwa l-każ tal-Artikolu 84 KE).
55. Huwa meħtieġ li tiġi vverifikata l-applikabbiltà tal-Artikolu 81 KE. Jidhirli li d-domanda tal-qorti tar-rinviju hija intiża, fir-realtà, li tistabbilixxi jekk id-dispożizzjonijiet tal-liġi reġjonali Nru 26/2002 humiex kompatibbli mal-Artikolu 81 KE moqri flimkien mal-Artikolu 10 KE.
56. Fil-fatt, skont ġurisprudenza kostanti, jekk huwa minnu li l-Artikolu 81 KE jikkonċerna biss l-imġiba ta’ impriżi u ma jirrigwardax miżuri leġiżlattivi jew regolamentari ta’ Stati Membri, xorta jibqa’ l-fatt li dan l-artikolu, moqri flimkien mal-Artikolu 10 KE, li jistabbilixxi dmir ta’ kooperazzjoni, jimponi fuq l-Istati Membri li ma jeħdux jew ma jżommux fis-seħħ miżuri, anki ta’ natura leġiżlattiva jew regolamentari, li jistgħu jeliminaw l-effett utli tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi (18).
57. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddeċidiet li jkun hemm ksur tal-Artikoli 10 KE u 81 KE kemm meta Stat Membru jimponi jew jiffavorixxi l-konklużjoni ta’ ftehim kuntrarju għall-Artikolu 81 KE jew isaħħaħ l-effetti ta’ ftehim bħal dan, kemm meta jneħħi mil-leġiżlazzjoni tiegħu n-natura pubblika tagħha billi jiddelega lill-operaturi privati r-responabbiltà li jintervjenu biex jieħdu deċiżjonijiet ta’ interess ekonomiku (19).
58. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li liġi bħal-liġi reġjonali Nru 26/2002, sa fejn din tipprevedi l-modalitajiet intiżi sabiex jiffissaw il-perijodi ta’ ftuħ tal-ispiżeriji, u dawk li jippermettu deroga minnha, ma taqa’ taħt l-ebda waħda mill-ipoteżijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 10 KE u 81 KE flimkien.
59. Fil-fehma tiegħi, ma jeżisti ebda element li jista’ jistabbilixxi li l-liġi reġjonali Nru 26/2002 tiffavorixxi, issaħħaħ jew tikkodifika ftehim jew deċiżjoni bejn l-impriżi. Pjuttost jidhirli li l-konsultazzjoni tal-assoċjazzjonijiet tal-ispiżeriji prevista f’din il-liġi reġjonali twieġeb għall-ħtieġa li jiġu organizzati s-servizzi ta’ għassa fost l-ispiżeriji. Lanqas ma jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li d-dispożizzjoni leġiżlattiva inkwistjoni tilfet in-natura pubblika tagħha billi l-Istat Membru ddelega lil operaturi privati ir-responsabbiltà ta’ deċiżjonjiet ta’ importanza ekonomika.
60. Fl-aħħar, ma jirrizultax mid-deċiżjoni tar-rinviju li f’dan il-każ huma involuti xi akkordji bejn impriżi, deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet bejn impriżi jew prattiċi miftiehma li jistgħu jolqtu l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li għandhom bħala għan jew riżultat tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni skont l-Artikolu 81 KE.
61. Fir-rigward tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 82 KE, dan huwa fformulat kif ġej:
“safejn il-kummerċ bejn l-Istati Membri jista jiġi milqut, kull abbuż minn impriża waħda jew iktar ta’ posizzjoni dominanti fi ħdan is-suq komuni, jew fi ħdan parti sostanzjali tiegħu, jkun inkompatibbli mas-suq komuni u jkun projbit”.
62. Ir-riferiment għall-Artikolu 82 KE, li jipprojbixxi l-isfruttament abbużiv ta’ pożizzjoni dominanti, huwa b’hekk irrilevanti peress li ma jirriżultax mill-proċess tal-kawża li l-ispiżerija ta’ E. Sbarigia jew ta’ stabbiliment ieħor f’kompetizzjoni ma’ din l-ispiżerija jinsabu f’tali sitwazzjoni.
63. Skont l-Artikolu 86(1) KE “dwar impriżi pubbliċi u impriżi li lilhom jagħtu drittijiet speċjali jew esklusivi, l-Istati Membri ma għandhom la jiddekretaw u lanqas iżommu fis-seħħ miżuri kuntrarji għar-regoli f’dan it-Trattat, b’mod partikolari, għal dawk li hemm fl-Artikoli 12 u 81 sa 89 inklużi”. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Stat Membru jikser il-projbizzjonijiet hekk stabbiliti meta l-impriża inkwistjoni tiġi indotta, bis-sempliċi eżerċizzju tad-drittijiet speċjali jew esklużivi li tkun ingħatat, li tuża l-pożizzjoni dominanti tagħha b’mod abbużiv jew meta dawn id-drittijiet jistgħu joħolqu sitwazzjoni li fiha din l-impriża tiġi indotta twettaq tali abbuż (20).
64. Madankollu, id-deċiżjoni tar-rinviju ma fiha l-ebda indikazzjoni li tikkonċerna, b’mod partikolari, id-definizzjoni ta’ suq rilevanti, il-kalkolu tal-partijiet tas-suq ikkontrollati mill-impriżi differenti li joperaw fis-suq u l-allegat abbuż ta’ pożizzjoni dominanti. It-talba għal deċiżjoni preliminari ma tesponix r-regoli nazzjonali jew anki dawk reġjonali dwar il-post ta’ spiżeriji. Hija ma tagħtix informazzjoni dwar jekk jeżistux waħda jew iktar f’żona speċifika bħal dik imsejħa “del Tridente” jew tal-istazzjon ta’ Termini. Ma tippreċiżax lanqas jekk jeżistux regoli dwar id-distanzi minimi bejn il-bini tal-ispiżeriji.
65. Fejn għandu x’jaqsam l-Artikolu 86(2) KE, huwa tajjeb infakkar qabel kollox li, skont din id-dispożizzjoni, “[k]ull impriża responsabbli biex topera servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali jew li jkollha l-karattru ta’ monopolju fiskali għandha tkun soġġetta għar-regoli ta’ dan it-Trattat, b’mod partikolari dawk li jirreferu għall-kompetizzjoni, safejn l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ma jostakolawx it-twettiq de jure jew de facto tal-funzjonijiet speċifiċi mogħtija lil dik l-impriża. L-iżvilupp tal-kummerċ ma għandux jiżviluppa b’mod kuntrarju għall-interessi tal-Komunità”.
66. L-Artikolu 86(2) KE japplika r-regoli tat-Trattat għall-impriżi responsabbli mill-ġestjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali jew li għandhom karattru ta’ monopolju fiskali (21), li iżda jippermettu ċerti derogi favur dawn l-impriżi (22). Issa, peress li ma ġietx stabbilita l-eżistenza ta’ xi inkompatibbiltà mat-Trattat, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 86(2) KE ma japplikawx. L-istess jista’ jingħad għal dak li jikkonċerna l-applikabbiltà tal-Artikolu 86(1) KE.
67. Skont l-informazzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju, nista’ nikkonkludi, li huwa iktar każ ta’ inapplikabbiltà tal-mertu tad-dispożizzjonijiet iċċitati milli ta’ inammissibbiltà parzjali tal-ewwel domanda preliminari. Kif diġà esponejt iktar ’il fuq, f’tali sitwazzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tiddikjara inammissibbli domanda preliminari, iżda għandha teżaminaha sew biex tiddetermina jekk id-dispożizzjonijiet inkwistjoni japplikawx (23).
68. Nipproponi għalhekk lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tirrispondi li l-Artikoli 10 KE u 81 KE għandhom jiġi interpretati fis-sens li ma jipprekludux liġi reġjonali li tipprovdi għal parteċipazzjoni konsultattiva tal-organizzazzjonijiet sindakali provinċjali l-iktar rappreżentattivi tal-ispiżeriji pubbliċi u privati kif ukoll tal-ordni provinċjali tal-ispiżjara fil-proċess deċiżjonali dwar l-iffissar ta’ ħinijiet u perijodi ta’ ftuħ tal-ispiżeriji. Id-dispożizzjonijiet l-oħra ċċitati mill-qorti tar-rinviju ma humiex applikabbli.
F – Dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi (Artikolu 49 KE)
69. Għal dak li jikkonċerna l-libertajiet fundamentali, il-qorti tar-rinviju talbet biss l-interpretazzjoni tal-Artikolu 49 KE.
70. L-Artikolu 49 KE jipprojbixxi r-restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ġewwa l-Komunità fir-rigward ta’ ċittadini tal-Istati Membri stabbiliti f’pajjiż tal-Komunità li ma huwiex dak tad-destinatarju tas-servizz.
71. E. Sbarigia tqis li l-liġi reġjonali Nru 26/2002 u l-applikazzjoni tagħha ma humiex kompatibbli mal-Artikolu 49 KE. Min-naħa l-oħra, il-Gvern Elleniku u dak Awstrijak isostnu li dan l-artikolu ma huwiex applikabbli fin-nuqqas ta’ kull element transkonfinali.
72. Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, tikkunsidra li r-riferiment għall-Artikolu 49 KE huwa manifestament żbaljat. Hija tirreferi għal ġurisprudenza kostanti li skontha ċittadin ta’ Stat Membru li, b’mod stabbli u kontinwu, jeżerċita attività professjonali fi Stat Membru ieħor, jaqa’ taħt il-Kapitolu tat-Trattat dwar id-dritt ta’ stabbiliment u mhux dak relatat mas-servizzi (24). B’hekk, dan l-aħħar Kapitolu – b’differenza mill-ewwel wieħed – ma jikkonċernax is-sitwazzjoni ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li jipparteċipa b’mod stabbli fil-ħajja ekonomika ta’ Stat Membru ieħor, iżda biss dik tal-fornitur li jeżerċita l-attività tiegħu fit-territorju ta’ Stat membru ieħor temporanjament.
73. Nissieħeb mal-analiżi tal-Kummissjoni. Fil-fatt, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li E. Sbarigia hija s-sid ta’ spiżerija li tinsab f’Ruma, fejn teżerċita attività ta’ bejgħ ta’ prodotti farmaċewtiċi u parafarmaċewtiċi, u dan b’mod stabbli u kontinwu.
74. Għandha wkoll tiġi eżaminata s-sitwazzjoni tad-destinatarji tas-servizzi inkwistjoni. Il-liġi inkwistjoni tirrestrinġi l-possibbiltà għat-turisti li jagħmlu użu mis-servizzi tal-ispiżerija ta’ E. Sbarigia matul il-perijodi ta’ għeluq obbligatorju. Din ir-restrizzjoni ma toħloqx madankollu diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza u kulħadd jista’ juża l-ispiżeriji l-oħra miftuħa jew tal-għassa (25).
75. Nipproponi għalhekk lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tirrispondi li l-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni reġjonali li tirrestrinġi l-modalitajiet ta’ ftuħ ta’ kuljum, ta’ kull ġimgħa u annwali tal-ispiżeriji, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
G – Dwar it-tibdil tal-bażi ġuridika eventwali tad-domandi preliminari
76. Wara li eżaminajt d-domandi preliminari kollha magħmula mill-qorti tar-rinviju, fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex testendi iktar l-analiżi tagħha.
77. Huwa minnu li xi wħud mill-partijiet li ressqu osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja semmew ukoll żewġ artikoli oħra, speċifikament l-Artikolu 43 KE, dwar il-libertà ta’ stabbiliment, u l-Artikolu 28 KE dwar il-moviment liberu tal-prodotti, u li l-applikabbiltà ta’ dawn l-artikoli ssemmiet fis-seduta.
78. Madankollu, fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tiddeċiedi fuq dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, li dwarhom ma staqsietx il-qorti tar-rinviju, u dan għal diversi raġunijiet.
79. L-ewwel nett, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tidentifika d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li l-interpretazzjoni tagħhom tidhrilha neċessarja għall-eżitu tal-kawża prinċipali. Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, hija għamlet dan b’mod eżawrjenti fil-fehma tiegħi, billi irreferiet b’mod espliċitu, għall-prinċipji speċifiċi li fuqhom huma bbażati numru sinjifikattiv ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. F’tali każ, ma huwiex ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja li tfittex id-dispożizzjonijiet l-oħra kollha tad-dritt tal-Unjoni li l-interpretazzjoni tagħhom tista’ tkun utli għall-qorti tar-rinviju. Is-setgħa li l-Qorti tal-Ġustizzja tat lilha nnifisha biex tirriformula d-domandi preliminari tidher, fil-fehma tiegħi, li tippermettilha tgħin lill-qorti tar-rinviju biex issib l-espressjoni eżatta minħabba problema ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni rilevanti għall-finijiet tal-kawża. Minn din il-perspettiva, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tippreċiża, u mhux testendi, il-problema mqajma mir-rinviju għal deċiżjoni preliminari (26).
80. It-tieni nett, dan il-qari restrittiv huwa rinforzat ukoll mill-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, id-deċiżjoni tar-rinviju hekk kif ifformulata mill-qorti a quo hija nnotifikata, skont l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Huwa abbażi ta’ dan id-dokument li dawn tal-aħħar jevalwaw l-utilità li wieħed jippreżenta osservazzjonijiet bil-miktub jew le u jipparteċipa fil-proċeduri quddiem il-Qorti (27). Anki għall-Qorti tal-Ġustizzja, dan id-dokument huwa dokument ta’ referenza. Riformulazzjoni ovvjament teħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha l-elementi neċċesarji u rilevanti kollha, inklużi dawk li jikkonċernaw il-fatti u l-qafas ġuridiku nazzjonali.
81. Sussidjarjament, infakkar f’kull każ li jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, li l-Artikolu 28 KE ma japplikax għal leġiżlazzjoni nazzjonali fuq l-għeluq ta’ ħwienet li tapplika għall-operaturi ekonomiċi kollha li jeżeċitaw attivitajiet fit-territorju nazzjonali, u li taffettwa bl-istess mod, fid-dritt u fil-fatt, il-bejgħ tal-prodotti nazzjonali u tal-prodotti li ġejjin minn Stati Membri oħra (28).
82. F’dak li jikkonċerna l-Artikolu 43 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja ftit ilu kkonstatat il-kompatibbiltà ta’ dispożizzjonijiet Taljani pjuttost restrittivi dwar l-ispiżeriji mat-Trattat, li kellhom rabta ħafna iktar diretta mal-libertà ta’ stabbiliment minn dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali (29).
83. Barra minn hekk, ma nikkunsidrax li leġiżlazzjoni reġjonali bħal-liġi reġjonali Nru 26/2002, li tapplika mingħajr distinzjoni għall-ispiżeriji kollha fir-reġjun ikkonċernat, għandha tiġi assimilata man-numru ta’ miżuri li jipprojbixxu, jostakolaw jew irendu inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment mill-impriżi ta’ Stati Membri oħra. Ma huwiex għalhekk il-każ ta’ restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment kif iddefinita mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (30).
84. Fl-opinjoni tiegħi, konklużjoni diversa tkun possibbli biss kieku l-leġiżlazzjoni dwar il-ħinijiet ta’ ftuħ u ta’ vaganzi ma kinitx trasparenti jew kieku l-applikazzjoni tagħha kienet tiddependi għal kollox mis-setgħat diskrezzjonali tal-amministrazzjoni.
85. E. Sbarigia, kif ukoll il-Gvern Olandiż u l-Kummissjoni, qajmu l-kwistjoni dwar jekk il-modalitajiet tat-teħid ta’ deċiżjoni, għal dak li jikkonċerna d-derogi stabbiliti mill-Artikolu 10(2) tal-liġi reġjonali Nru 26/2002, humiex kompatibbli mal-Artikoli 28 KE u/jew 43 KE, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-konsultazzjonijiet previsti u s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa rrikonoxxuta lill-amministrazzjoni.
86. Is-setgħa diskrezzjonali rrikonoxxuta lill-amministrazzjoni mil-liġi reġjonali Nru 26/2002 jidhirli li teżisti b’mod partikolari fejn tidħol l-applikazzjoni tad-derogi u l-eżenzjonijiet previsti fl-Artikoli 2(6), 6, 7(3), 8(1)(d) u (e), u 10(2) tal-liġi reġjonali Nru 26/2002.
87. Huwa evidenti li l-każijiet fejn l-amministrazzjoni għandha tiddeċiedi fuq deroga jew eżenzjoni jvarjaw. Jista’ jkun hemm qabel kollox, projbizzjoni jew kundizzjoni ta’ applikazzjoni ġenerali li fir-rigward tagħha l-amministrazzjoni tista’ tagħti derogi jew eżenzjonijiet, meta l-kundizzjonijiet previsti mil-liġi jiġu sodisfatti. F’dan il-każ, l-għoti tad-deroga jew tal-eżenzjoni hija kważi awtomatika, mingħajr is-setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni. Każ ieħor possibbli huwa dak fejn, għalkemm jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-benefiċċju ta’ deroga, l-għoti tagħha jitħalla, madankollu, fid-diskrezzjoni tal-amministrazzjoni kompetenti. Din ma hijiex sitwazzjoni eċċezzjonali. L-eżerċizzju ta’ setgħa diskrezzjonali ta’ evalwazzjoni tista’ tirriżulta neċessarja, pereżempju, għaliex ma jkunx possibbli li jintlaqgħu t-talbiet kollha għal deroga. Każ possibbli ieħor huwa fejn il-liġi ma tippreċiżax il-kundizzjonijiet għall-għoti tad-deroga. F’dan l-aħħar każ, is-setgħa ta’ evalwazzjoni tal-amministrazzjoni tista’ tiġi suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju sabiex jiġi deċiż jekk din hijiex konformi mal-prinċipji ġenerali tad-dritt amministrattiv bħal dawk tat-trattament ugwali, tal-imparzjalità, tal-proporzjonalità u tal-projbizzjoni ta’ kull abbuż ta’ poter.
88. Il-possibbiltà ta’ deroga prevista fl-Artikolu 10(2) tal-liġi reġjonali Nru 26/2002 tidher li tinsab fin-nofs bejn l-aħħar żewġ każijiet. Hija suġġetta għal ċerti kundizzjonijiet ġeografiċi u proċedurali. Fil-fatt, kif diġà kkonstatajt, il-proċess tal-kawża ma fihx informazzjoni preċiża dwar ir-regoli eventwali fil-qasam tat-twaqqif ġeografiku tal-bini tal-ispiżeriji fir-reġjun tal-Lazio. L-istess osservazzjoni għandha ssir fir-rigward tal-kwistjoni ta’ kif il-kunċett ta’ “żona muniċipali speċifika” ġiet interpretata fil-prattika amministrattiva reġjonali kif ukoll fil-ġurisprudenza nazzjonali. F’kull każ, jeħtieġ, fil-fehma tiegħi, li din id-dispożizzjoni tiġi eżaminata mhux biss weħedha iżda fid-dawl tad-dispożizzjonijiet kollha tal-liġi reġjonali Nru 26/2002. Minn din il-perspettiva, din hija dispożizzjoni li tidher li tipprevedi modalitajiet partikolari, f’każ partikolari, fost l-oħrajn, li jimplikaw b’mod partikolari l-possibbiltà ta’ tibdil tal-ħinijiet ta’ ftuħ skont iċ-ċirkustanzi.
89. Ikkunsidrat waħdu, l-Artikolu 10(2) tal-liġi reġjonali Nru 26/2002 jista’ jiġi ċertament ikkritikat minħabba nuqqas ta’ kjarezza u preċiżjoni, iżda, ikkunsidrat fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-liġi reġjonali inkwistjoni, jidhirli li din id-dispożizzjoni hija raġjonevoli u li tinftiehem. F’kull każ, noqgħod attent milli nagħmel b’tiegħi kritika li saret tal-eżempju wieħed biss tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni msemmi fil-proċess, jiġifieri l-eżenzjoni mogħtija lil spiżerija viċin l-istazzjoni tal-ferrovija Termini, u li nanalizza din id-deċiżjoni bħala sinjal ta’ trattament diskrezzjonali, mhux oġġettiv jew diskriminatorju. Ir-raġunijiet għall-għoti ta’ status speċifiku lil spiżerija li tinsab f’salib it-toroq tat-traffiku ferrovjarju lokali, nazzjonali u internazzjonali ta’ belt kbira Ewropea ma jistgħux neċessarjament jiġu trasposti għal żona turistika bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali (31).
90. Huwa meħtieġ li wieħed jifhem ir-regolazzjoni tal-ħinijiet ta’ ftuħ u ta’ għeluq fit-totalità tagħha. Fis-seduta, ir-rappreżentant tal-Assiprofar ta eżempju siewi dwar is-servizz volontarju tal-għassa ta’ filgħaxija li jibda mat-tmienja. Issa, il-perijodu bejn it-tmienja u l-għaxra ta’ filgħaxija huwa l-iktar ħin kritiku fl-attività tal-ispiżeriji bil-lejl, għaliex f’dan ir-reġjun, parti sostanzjali tal-popolazzjoni attiva tidħol lura f’darha meta jkunu diġà għalqu l-ispiżeriji l-oħra. Estensjoni eventwali tal-ħin ta’ matul il-jum tispiċċa tisraq mill-perijodu ta’ ftuħ bl-ikbar qliegħ għall-ispiżeriji ta’ bil-lejl. Din tirriskja taqta’ qalb il-kandidati li jagħtu servizz volontarju bil-lejl sa fejn l-obbligi marbuta ma’ dan is-servizz ma jiġux ikkompensati mill-benefiċċju li jirriżulta lilhom mill-privileġġ li jiftħu matul il-ħin imsemmi. It-tnaqqis fl-inizjattivi privati riżultanti jerġa’ jwassal għal sistema ta’ għassa obbligatorja.
91. Fir-rigward, fl-aħħar nett, tal-proċedura prevista mil-liġi reġjonali Nru 26/2002, u, b’mod partikolari, tal-konsultazzjonijiet mitluba, huwa ċar li dawn jaqgħu fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni. Il-parteċipazzjoni tal-partjiet l-oħra ma trendix il-proċedura fiha nnifisha inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Huwa importanti, madankollu, li d-deċiżjoni tista’ tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju, li jidher li huwa hekk f’dan il-każ.
92. Fid-dawl tal-kliem tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għad-domandi magħmula lilha, sa fejn dawn huma rilevanti, u f’kull każ, li ma testendihomx lil hinn mir-rinviju għal deċiżjoni preliminari li tressaq quddiemha.
VI – Konklużjoni
93. Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal qabel, jiena naħseb li r-risposta għad-domandi magħmula mit-Tribunale amministrativo regionale del Lazio għandha tkun hekk:
“1) L-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni reġjonali li tirrestrinġi l-modalitajiet ta’ ftuħ ta’ kuljum, ta’ kull ġimgħa u ta’ kull sena tal-ispiżeriji, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
2) L-Artikoli 10 KE u 81 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux liġi reġjonali li tipprovdi għal parteċipazzjoni konsultattiva tal-organizzazzjonijiet sindakali provinċjali l-iktar rappreżentattivi tal-ispiżeriji pubbliċi u privati kif ukoll tal-ordni provinċjali tal-ispiżjara fil-proċess deċiżjonali dwar l-iffissar ta’ ħinijiet u perijodi ta’ ftuħ tal-ispiżeriji.
3) Id-dispożizzjonijiet l-oħra ċċitati mill-qorti tar-rinviju ma humiex applikabbli f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.”
1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
2 – Peress li t-talba għal deċiżjoni preliminari saret fil-21 ta’ Mejju 2008, ser isir riferiment għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE skont l-enumerazzjoni li kienet tapplika qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
3 – GURI Nru 24, Serie speċiale Nru 3, tal-14 ta’ Ġunju 2003, u Boll. Uff. Lazio Nru 23, Supplemento ordinario Nru 5, tal-20 ta’ Awwissu 2002.
4 – Id-domanda tikkonċerna sew it-Trattat KE, anki jekk it-tieni domanda ssemmi t-Trattat UE. Ma hemmx dubju li dan huwa żball fit-test.
5 – Ara n-nota informattiva dwar l-introduzzjoni ta’ proċeduri preliminari mill-qrati nazzjonali (ĠU C 143, p. 1), fil-verżjoni l-iktar reċenti (ĠU C 297, p. 1).
6 – Ara, b’mod partikolari, id-digriet tas-7 ta’ April 1995, Grau Gomis et (C‑167/94, Ġabra p. I‑1023, punt 9); sentenzi tas-6 ta’ Diċembru 2005, ABNA et (C‑453/03, C‑11/04, C‑12/04 u C‑194/04, Ġabra p. I‑10423, punt 46); tal-31 ta’ Jannar 2008, Centro Europa 7 (C‑380/05, Ġabra p. I‑349, punt 54), kif ukoll tat-22 ta’ Ottubru 2009, Meerts (C‑116/08, Ġabra p. I‑10063, punt 27).
7 – Ara, is-sentenza tad-19 ta’ Novembru 2009, Filipiak (C‑314/08, Ġabra p. I‑11049, punt 42, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
8 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-5 ta’ Diċembru 2000, Guimont (C‑448/98, Ġabra p. I‑10663, punt 23); tat-30 ta’ Marzu 2006, Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti (C‑451/03, Ġabra p. I‑2941, punt 29), u tal-5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et (C‑94/04 u C‑202/04, Ġabra p. I‑11421, punt 30).
9 – Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-19 ta’ Marzu 1992, Batista Morais (C‑60/91, Ġabra p. I‑2085, punt 8), kif ukoll tas-16 ta’ Frar 1995, Aubertin et (C‑29/94 sa C‑35/94, Ġabra p. I‑301, punt 9).
10 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-23 ta’ April 1991, Höfner u Elser (C‑41/90, Ġabra p. I‑1979, punt 37), kif ukoll tat-28 ta’ Jannar 1992, Steen (C‑332/90, Ġabra p. I‑341, punt 9).
11 – Ara, b’mod partikolari, id-digrieti tal-5 ta’ April 2004, Mosconi u Ordine degli Ingegneri di Verona e Provincia (C‑3/02, id-dispożittiv) u tad-19 ta’ Ġunju 2008, Kurt (C‑104/08, Ġabra p. I‑97, punt 24 u d-dispożittiv).
12 – Ara d-digriet tas-6 ta’ Ottubru 2005, Vajnai (C‑328/04, Ġabra p. I‑8577, punt 13); tal-25 ta’ Jannar 2007, Koval’ský (C‑302/06, punti 20 u 22), u tas-16 ta’ Jannar 2008, Polier (C‑361/07, punti 11 et seq).
13 – Ara b’mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2003, Anomar et (C‑6/01, Ġabra p. I‑8621, punt 40 et seq).
14 – Pereżempju, għall-moviment liberu tal-prodotti, l-element transkonfinali mhuwiex daqshekk importanti daqs kemm hu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.
15 – Ara wkoll is-sentenza tad-19 ta’ Mejju 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑531/06, Ġabra p. I‑4103, punt 76).
16 – Ara s-sentenza tat-13 ta’ Jannar 2000, TK‑Heimdienst (C‑254/98, Ġabra p. I‑151, punt 34).
17 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Mejju 2006, Watts (C‑372/04, Ġabra p. I‑4325, punti 92 u 146); tal-10 ta’ Marzu 2009, Hartlauer (C‑169/07, Ġabra p. I‑1721, punt 29), u Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq (punt 35).
18 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Cipolla et iċċitata iktar ’il fuq (punt 46), kif ukoll tat-13 ta’ Marzu 2008, Doulamis (C‑446/05, Ġabra p. I‑1377, punt 19).
19 – Sentenza Cipolla et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 47).
20 – Ara, pereżempju, is-sentenzi tat-12 ta’ Settembru 2000, Pavlov et (C‑180/98 sa C‑184/98, Ġabra p. I‑6451, punt 127); tal-25 ta’ Ottubru 2001, Ambulanz Glöckner (C‑475/99, Ġabra p. I‑8089, punt 39), kif ukoll Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, iċċitata iktar ’il fuq (punt 23).
21 – Għal eżempji ta’ servizzi li ġew ikkunsidrati li huma ta’ interess ekonomiku ġenerali, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz‑Jarabo Colomer ippreżentati fl-20 ta’ Ottubru 2009 fil-kawża Federutility et (C‑265/08, li għadha pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, punt 53).
22 – Ara, b’mod partikolari, il-punti 135 et seq tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-31 ta’ Mejju 2005, Hanner (C‑438/02, Ġabra p. I‑4551).
23 – Huwa possibbli li l-approċċ tiegħi rigward l-eżami tal-mertu tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari f’tali sitwazzjoni jvarja ftit mis-soluzzjonijiet deċiżi mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, is-sentenza Centro Europa 7, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63).
24 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Ġunju 1974, Reyners (C‑2/74, Ġabra p. 631, punt 21), u tat-30 ta’ Novembru 1995, Gebhard (C‑55/94, Ġabra p. I‑4165, punt 28).
25 – Din ir-restrizzjoni għalhekk tapplika mingħajr distinzjoni għad-destinatarji nazzjonali u għal dawk tal-Istati Membri l-oħra, iżda tikkonforma mad-dritt tal-Unjoni sa fejn mhijiex ta’ natura li tipprojbixxi, tostakola jew trendi inqas attraenti l-attivitajiet tal-fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor, fejn jipprovdi servizzi simili b’mod legali. Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-31 ta’ Jannar 1984, Luisi u Carbone (286/82 u 26/83, Ġabra p. 377, punt 16); tal-25 ta’ Lulju 1991, Säger (C‑76/90, Ġabra p. I‑4221, punt 12), kif ukoll tat-3 ta’ Ottubru 2000, Corsten (C‑58/98, Ġabra p. I‑7919, punt 33).
26 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Doulamis iċċitata iktar ’il fuq.
27 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Raccanelli (C‑94/07, Ġabra p. I‑5939, punti 24 u 25).
28 – Ara s-sentenzi tal-20 ta’ Ġunju 1996, Semeraro Casa Uno et (C‑418/93 sa C-421/93, C‑460/93 sa C‑462/93, C‑464/93, C‑9/94 sa C‑11/94, C‑14/94, C‑15/94, C‑23/94, C‑24/94 u C‑332/94, Ġabra p. I‑2975, punt 28), kif ukoll tal-10 ta’ Frar 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑110/05, Ġabra p. I‑519, punt 36).
29 – Ara s-sentenza tad-19 ta’ Mejju 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja iċċitata iktar ’il fuq.
30 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2004, CaixaBank France (C‑442/02, Ġabra p. I‑18961, punt 11 u l-ġurisprudenza ċċitata).
31 – It-turiżmu huwa speċifikament imsemmi fil-liġi reġjonali Nru 26/2002, fl-Artikolu 6(2) li jistabbilixxi s-servizz volontarju tal-għassa tal-ġurnata.
Full & Egal Universal Law Academy