KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SHARPSTON
ippreżentati fis-7 ta’ Ottubru 2010 (1)
Kawża C‑400/08
Il-Kummissjoni Ewropea
vs
Ir-Renju ta’ Spanja
“Libertà ta’ stabbiliment – Restrizzjonijiet fuq it-twaqqif ta’ stabbilimenti kbar għall-bejgħ bl-imnut”
1. F’din il-kawża, il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddikjara li, bl-impożizzjoni ta’ ċerti restrizzjonijiet fuq l-istabbiliment ta’ żoni għall-bejgħ bl-imnut fil-Komunità Awtonoma ta’ Cataluña, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 43 KE (li sar l-Artikolu 49 TFUE). Hija ssostni li dawn ir-restrizzjonijiet jibbenefikaw minnhom l-istabbilimenti żgħar tradizzjonali f’Cataluña – u għaldaqstant, il-bejjiegħa bl-imnut lokali – iktar milli l-istabbilimenti l-kbar li jippreferu jużaw l-operaturi minn Stati Membri oħra.
2. Spanja tiċħad li r-restrizzjonijiet b’xi mod jiddiskriminaw bejn l-operaturi, u ssostni li, fi kwalunkwe każ, huma ġġustifikati minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali u titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċħad ir-rikors.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dispożizzjonijiet tat-Trattat
3. L-Artikolu 43 KE jipprovdi li:
“Fil-qafas tad-disposizzjonijiet ta’ hawn taħt ir-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ l-istabbiliment ta’ ċittadini ta’ Stat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, għandhom jiġu projbiti. Tali projbizzjoni għandha testendi ruħha wkoll għal restrizzjonijiet fuq l-istabbiliment ta’ aġenziji, fergħat u sussidjarji, minn ċittadini ta’ Stat Membru stabbiliti fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.
Il-libertà ta’ l-istabbiliment tinkludi d-dritt li tibda u teżerċita attivitajiet bħala persuna li taħdem għal rasa, kif ukoll li tikkostitwixxi u tmexxi impriżi u b’mod partikolari kumpanniji li jaqgħu taħt it-tifsira ta’ l-Artikolu 48, paragrafu 2 [li sar l-Artikolu 54 TFUE], taħt il-kondizzjonijiet stipulati fil-liġijiet tal-pajjiż ta’ l-istabbiliment, għaċ-ċittadini tiegħu stess, bla ħsara għad-disposizzjonijiet tal-Kapitolu dwar il-kapital”.
4. L-Artikolu 46(1) KE [li sar l-Artikolu 52(1) TFUE] jistipula li:
“Id-disposizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, u l-miżuri adottati bis-saħħa tagħhom, ma jippreġudikawx l-implementazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u regoli amministrattivi li jipprovdu għal trattament speċjali ta’ ċittadini barranin u li huma ġustifikati għal raġunijiet ta’ ordni pubblika, sigurtà pubblika u saħħa pubblika”.
Id-dispożizzjonijiet nazzjonali
5. Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tiċċita numru ta’ dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali Spanjola u tal-leġiżlazzjoni reġjonali ta’ Cataluña: f’livell nazzjonali tiċċita l-Liġi Nru 7/1996 (2) u, f’livell reġjonali ta’ Cataluña tiċċita l-Liġi Nru 18/2005 (3) u d-Digrieti Nru 378/2006 (4) u Nru 379/2006 (5).
Il-Liġi Nru 7/1996
6. L-Artikolu 2 jiddefinixxi l-istabbilimenti għall-bejgħ bl-imnut bħala bini jew faċilitajiet permanenti li huma intiżi għall-attivitajiet regolari ta’ bejgħ bl-imnut. Id-definizzjoni ta’ “stabbilimenti kbar għall-bejgħ bl-imnut” tħalliet f’idejn kull komunità awtonoma fi Spanja, iżda fi kwalunkwe każ, tinkludi dawk l-istabbilimenti li għandhom spazju għall-wiri pubbliku u bejgħ li jaqbeż l-2 500 m².
7. Skont l-Artikolu 6(1), il-ftuħ ta’ stabbiliment kbir għall-bejgħ bl-imnut jeħtieġ liċenzja mill-komunità awtonoma rilevanti, li tinħareġ mingħajr preġudizzju għal permessi amministrattivi oħra marbutin mal-attività tal-bejgħ bl-imnut. Skont l-Artikolu 6(2), l-għoti jew ir-rifjut tal-liċenzja msemmija għandu jiġi deċiż wara li jittieħed inkunsiderazzjoni (a) jekk hemmx faċilitajiet eżistenti xierqa għall-bejgħ bl-imnut fiż-żona lokali kkonċernata u (b) l-effett li l-istabbiliment il-ġdid ikun ser ikollu fuq l-istruttura ta’ dawn il-faċilitajiet; ikun irid isir rapport mit-Tribunal de Defensa de la Competencia (il-qorti tal-kompetizzjoni), għalkemm il-konklużjonijiet tagħha ma humiex vinkolanti.
8. Għal dak li jirrigwarda l-punt (a), iż-żona titqies li għandha faċilitajiet xierqa jekk il-popolazzjoni eżistenti (jew dik imbassra li ser ikun hemm fiż-żmien mhux daqshekk ’il bogħod) ikollha livell ta’ provvista li, f’termini ta’ kwalità, varjetà, servizz, prezz u ħinijiet tal-ftuħ, tissodisfa l-ħtiġijiet tas-sitwazzjoni preżenti u t-tendenzi li jkunu qegħdin jiżviluppaw fis-suq modern tal-bejgħ bl-imnut [Artikolu 6(3)]. F’dak li jirrigwarda l-punt (b) iridu jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm l-effetti pożittivi fuq il-kompetizzjoni kif ukoll l-effetti negattivi fuq in-negozjanti ż-żgħar [Artikolu 6(4)].
9. L-Artikolu 6(5) jawtorizza lill-komunitajiet awtonomi jwaqqfu kumitati biex jirrappurtaw il-ftuħ ta’ stabbilimenti kbar, u dan skont regoli li jistabbilixxu l-istess komunitajiet.
10. L-aħħar dispożizzjoni tal-Liġi Nru 7/1996 tistabbilixxi l-istatus kostituzzjonali tad-diversi artikoli. Fost l-oħrajn, hija ssemmi l-Artikolu 6(1) u (2) bħala li ġie ppromulgat bis-saħħa tal-kompetenza esklużiva tal-Istat skont il‑punt 13 tal-Artikolu 149(1) tal-Kostituzzjoni, filwaqt li l-bqija tal-artikolu jaqa’ f’kategorija li jifdal li “tista’ tapplika fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni speċifika ppromulgata mill-komunitajiet awtonomi”.
Il-Liġi Nru 18/2005
11. L-Artikolu 3(1) u (2) jiddefinixxi l-istabbilimenti għall-bejgħ bl-imnut bħala “kbar” u “medji” skont il-popolazzjoni tal-muniċipalità li jinsabu fiha. Id-definizzjonijiet jistgħu jinġabru fil-qosor f’din it-tabella:
Popolazzjoni tal-muniċipalità
Stabbilimenti kbar (żona ta’ bejgħ ta’ X m² jew iktar)
Stabbilimenti ta’ daqs medju (żona ta’ bejgħ ta’ X m² jew iktar)
Iktar minn 240 000
2 500
1 000
25 001 sa 240 000
2 000
800
10 001 sa 25 000
1 300
600
Sa 10 000
800
500
12. L-Artikolu 3(3) jispeċifika li l-limitazzjonijiet fuq iż-żoni ta’ bejgħ fil-PTSEC (6) għandhom japplikaw għall-istabbilimenti fis-settur tal-ikel ta’ daqs medju u għall-istabbilimenti kollha bi spazju ta’ iktar minn 1 000 m² li jbiegħu oġġetti tal-elettriku jew elettroniċi għad-dar, tagħmir tal-isports jew personali, oġġetti għall-passatempi jew kulturali, u dan indipendentement mill-kategorija li jaqgħu fiha skont il-kriterji stabbiliti fil-paragrafi (1) u (2).
13. Skont l-Artikolu 4, l-istabbilimenti kbar għall-bejgħ bl-imnut jistgħu jinfetħu biss f’żoni urbani kkonsolidati ta’ muniċipalitajiet li jew huma ċ-ċentru amministrattiv ta’ xi distrett (comarca) jew għandhom popolazzjoni ta’ iktar minn 25 000 (inklużi t-turisti li jiġu biss f’ċerti staġuni) [l-Artikolu 4(1)]. Salv għall-possibbiltà ta’ deroga, l-istess limitazzjoni tapplika għal stabbilimenti li għandhom żona ta’ bejgħ ta’ iktar minn 1 000 m², jekk dawn ikunu ddedikati essenzjalment għall-oġġetti tal-elettriku jew elettroniċi tad-dar, oġġetti u aċċessorji tal-isports, tagħmir personali, oġġetti għall-passatempi jew kulturali [Artikolu 4(2)]. Biex jiġi stabbilit jekk żona partikolari hijiex żona urbana kkonsolidata, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċentri tal-popolazzjoni, iż-żoni kontinwi ta’ residenza f’appartamenti, u l-istabbilimenti għall-bejgħ bl-imnut integrati f’żoni residenzjali [Artikolu 4(3)]. Madankollu, ċerti tipi oħra ta’ negozji, b’mod partikolari dawk li huma ddedikati essenzjalment għall-bejgħ ta’ dgħajjes jew vetturi, makkinarju, materjal għall-bini u sanitarju, għamara u oġġetti ta’ DIY, kif ukoll iċ-ċentri fejn jinbiegħu l-għodod tal-biedja, il-ħwienet tal-fabbrika u ż-żoni ta’ bejgħ fl-istazzjonijiet tal-ferroviji ta’ veloċità qawwija u ċerti portijiet u ajruporti, kif ukoll il-ħwienet f’ċerti muniċipalitajiet mal-fruntiera, ma humiex suġġetti għal din il-limitazzjoni [Artikolu 4(8)].
14. Skont l-Artikolu 6, biex wieħed jiftaħ, ikabbar jew jittrasferixxi stabbiliment ta’ daqs medju, jew biex ibiddel l-attività, hemm bżonn ta’ liċenzja muniċipali għall-bejgħ bl-imnut. Skont l-Artikolu 7, għal dak li jirrigwarda l-istabbilimenti kbar għall-bejgħ bl-imnut, l-istess operazzjonijiet jeħtieġu liċenzja mingħand il-Generalitat (il-Gvern ta’ Cataluña), li tingħata jew tiġi rrifjutata abbażi ta’ rapport li jinħareġ mill-awtoritajiet muniċipali. Il-liċenzja ma tingħatax jekk ir-rapport ikun negattiv, jew ma jinħariġx fi żmien tliet xhur minn meta jintalab. Skont iż-żewġ artikoli, jekk il-liċenzja ma tingħatax f’ċertu żmien (għal-liċenzji mingħand il-Generalitat, iż-żmien huwa ta’ sitt xhur), hija titqies li ġiet irrifjutata (ir-regola tas-“silenzju negattiv”).
15. Fir-rigward tal-istabbilimenti għall-bejgħ bl-imnut medji u kbar, l-Artikolu 8 jeħtieġ ukoll rapport li bih jiġi analizzat is-sehem mis-suq rilevanti li jkollhom l-impriża jew il-grupp inkwistjoni [Artikolu 8(1) u (3)]. F’dan il-każ ukoll, jekk ir-rapport ikun negattiv, ma tingħata ebda liċenzja [Artikolu 8(4)]. Madankollu, l-impriżi żgħar u medji (7) huma eżenti minn dan ir-rekwiżit [Artikolu 8(2)].
16. L-Artikolu 10 jelenka l-aspetti li jridu jiġu evalwati meta l-Generalitat jew l-awtorità muniċipali jieħdu deċiżjoni dwar applikazzjoni għal-liċenzja tal-bejgħ bl-imnut: il-konformità mal-PTSEC; osservanza tar-regoli ta’ ppjanar; “il-kundizzjonijiet li jirrigwardaw is-sigurtà tal-proġett u l-integrazzjoni tal-istabbiliment fl-ambjent urban”; il-“mobbiltà ġġenerata mill-proġett”, b’mod partikolari l-effetti tiegħu fuq in-netwerk tat-toroq u fl-użu tat-trasport pubbliku u privat; in-numru ta’ postijiet ta’ parkeġġ disponibbli, ikkalkolati skont proporzjonijiet stabbiliti b’regolamenti f’kull każ; il-post tal-istabbiliment fiż-“żona urbana kkonsolidata” u l-osservanza tal-pjan muniċipali għas-servizzi tal-bejgħ bl-imnut; id-“dritt tal-konsumaturi li jkollhom provvista wiesgħa u varjata f’termini ta’ kwalità, kwantità, prezz u karatteristiċi tal-prodott”; u s-sehem mis-suq tal-impriżi tal-applikant.
17. L-Artikolu 11 iwaqqaf kumitat konsultattiv [tat-tip imsemmi fl-Artikolu 6(5) tal-Liġi Nru 7/1996], il-“Comisión de Equipamientos Comerciales” (Kumitat tal-Faċilitajiet għall-Bejgħ bl-Imnut) biex jirrapporta, b’mod partikolari, dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw id-deċiżjoni dwar jekk għandhiex tingħata liċenzja mill-Generalitat u kwistjonijiet ta’ ppjanar fir-rigward tal-identifikazzjoni ta’ żoni li fihom jistgħu jiftħu l-istabbilimenti għall-bejgħ bl-imnut, inkluż it-tfassil ta’ proposti biex jiġi emendat il-PTSEC.
18. L-Artikolu 12 jistabbilixxi l-miżati li għandhom jinġabru għall-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għal-liċenzji mill-Generalitat u għar-rapporti dwar is-sehem mis-suq (8). Dan l-artikolu jippermetti wkoll lill-muniċipalitajiet biex jitolbu miżata għall-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għal-liċenzja mill-muniċipju u sabiex jinħarġu r-rapporti muniċipali lill-Generalitat dwar l-applikazzjonijiet għal-liċenzja mingħand l-istess Generalitat.
Id-Digriet Nru 378/2006
19. L-Artikolu 3 jiddefinixxi l-ipermarkits bħala ħwienet fejn il-klijenti jservu lilhom infushom b’żona ta’ bejgħ ta’ mill-inqas 2 500 m² (9) li jbiegħu varjetà wiesgħa ta’ oġġetti ta’ użu ta’ kuljum u anki li ma humiex ta’ użu ta’ kuljum, u bi spazju kbir għall-parkeġġ.
20. L-Artikolu 14 jistabbilixxi l-proċedura biex wieħed japplika għal-liċenzja tal-bejgħ bl-imnut mingħand il-Generalitat. L-artikolu jelenka numru ta’ dokumenti li jkunu jridu jiġu ppreżentati, inkluż [l-Artikolu 14(1)(b), ir-raba’ dokument meħtieġ] ir-riżultati ta’ stħarriġ tas-suq li janalizza l-vijabbiltà tal-proġett fid-dawl tal-provvista eżistenti u d-domanda potenzjali fl-inħawi, is-sehem jiġi attirat mis-suq u l-impatt fuq il-provvista preżenti.
21. L-Artikoli 26 u 27 jikkonċernaw il-kumitat konsultattiv imwaqqaf mill-Artikolu 11 tal-Liġi Nru 18/2005. L-Artikolu 26(1) jirregola l-kompożizzjoni tiegħu: seba’ membri (inkluż il-president u l-viċi president) jirrappreżentaw lil dipartimenti tal-Generalitat; sitt membri jirrappreżentaw lill-muniċipalitajiet; seba’ membri jirrappreżentaw lis-settur kummerċjali (tnejn mill-kmamar tal-kummerċ u tal-industrija, ħamsa mill-organizzazzjonijiet tan-negozjanti l-iktar rappreżentattivi); żewġ membri oħra huma esperti magħżula mid-dipartiment tal-kummerċ tal-Generalitat; u segretarju jintgħażel mill-president. L-Artikolu 27 jeħtieġ li l-kumitat jiġi kkonsultat dwar il-kwistjonijiet imsemmija fl-Artikolu 11 tal-Liġi Nru 18/2005 u wkoll fuq id-delimitazzjoni taż-“żoni urbani kkonsolidati tal-muniċipalitajiet”.
22. L-Artikoli 28 sa 34 jikkonċernaw ir-rapport dwar is-sehem mis-suq maħruġ skont l-Artikolu 8 tal-Liġi Nru 18/2005. L-Artikolu 28(2) jipprovdi li, għall-bejjiegħa kbar bl-imnut, ir-rapport irid ikopri l-ħwienet kollha li jużaw isimhom, kemm jekk fil-kontroll dirett jew indirett tagħhom. Skont l-Artikolu 31(4), kull sena, għal kull settur tal-bejgħ bl-imnut jiġi stabbilit sehem massimu mis-suq, kemm għal Cataluña kollha u kif ukoll għaż-żoni sekondarji (il-Kummissjoni ssostni, mingħajr ma ġiet kontradetta mill-Gvern Spanjol, li sa issa għadhom ma ttieħdux dawn id-deċiżjonijiet annwali, u għaldaqstant is-sehem massimu mis-suq – tal-grupp li għalih jappartjeni l-bejjiegħ bl-imnut – huwa dak stabbilit fil-leġiżlazzjoni preċedenti: 25 % miż-żoni ta’ bejgħ f’Cataluña, jew 35 % fiż-żona milquta tal-istabbiliment propost). Skont l-Artikolu 33(2), ir-rapport fuq is-sehem mis-suq għandu jkun negattiv jekk jinqabeż dak is-sehem massimu. L-Artikolu 33(5) jistabbilixxi perijodu massimu ta’ sitt xhur li matulu jrid jinħareġ ir-rapport (fin-nuqqas, huwa jitqies li huwa favorevoli) u l-Artikolu 33(7) jipprovdi li r-rapport għandu jkun validu għal sitt xhur.
Id-Digriet Nru 379/2006
23. L-Artikolu 7 jipprovdi li stabbilimenti kbar għall-bejgħ bl-imnut, kif ukoll stabbilimenti ta’ daqs medju fis-settur tal-ikel u l-istabbilimenti kollha b’żona ta’ bejgħ ta’ iktar minn 1 000 m² iddedikat essenzjalment għal oġġetti tal-elettriku jew elettroniċi tad-dar, oġġetti u aċċessorji tal-isports, tagħmir personali, u l-oġġetti għall-passatempi jew kulturali huma suġġetti għal-limitazzjonijiet dwar iż-żoni ta’ bejgħ li huma stabbiliti (għal kull distrett u muniċipalità) fil-PTSEC.
24. L-Artikolu 10(2) jipprovdi li r-restrizzjonijiet fuq id-daqs tal-ipermarkits u l-estensjonijiet tal-ipermarkits japplikaw għal kull distrett. Ma għandu jkun hemm ebda żvilupp ta’ ipermarkits meta titbassar provvista eċċessiva għall-2009; f’distretti oħra l-iżvilupp ta’ ipermarkits ma għandux ikun jammonta għal iktar minn 9 % tal-provvisti stmati ta’ prodotti li mxew l-iktar fl-2009 u 7 % tal-provvisti stmati ta’ prodotti li ma mxewx.
25. Il-PTSEC stess huwa anness mal-Anness 1 tad-digriet. Huwa jistabbilixxi, b’mod partikolari, iż-żoni massimi li għalihom setgħat tingħata liċenzja fil-perijodu mill-2006 sal-2009 għal (1) supermarkits, (2) ipermarkits, (3) stabbilimenti speċjalizzati u (4) ċentri kummerċjali u department stores f’kull diviżjoni territorjali.
Il-proċedura
26. Wara lment minn diversi impriżi kbar tal-bejgħ bl-imnut, il-Kummissjoni kellha dubju dwar kemm ir-regoli dwar il-ftuħ ta’ stabbilimenti kbar għall-bejgħ bl-imnut f’Cataluña kienu kompatibbli mal-Artikolu 43 KE. Hija bagħtet ittra ta’ intimazzjoni formali lil Spanja fid-9 ta’ Lulju 2004. Fir-risposta tiegħu tat-13 ta’ Ottubru 2004, il-Gvern Spanjol sostna li l-kummenti tal-Kummissjoni kienu infondati.
27. Fis-27 ta’ Diċembru 2005, il-Liġi Nru 18/2005 ġiet adottata f’Cataluña. Fil-fehma tal-Kummissjoni, din ma neħħietx l-inkompatibbiltà li kien hemm qabel mal-Artikolu 43 KE; fil-fatt, hija introduċiet restrizzjonijiet ġodda fuq il-libertà ta’ stabbiliment. Għaldaqstant, fl-4 ta’ Lulju 2006, il-Kummissjoni bagħtet lil Spanja ittra supplimentari ta’ intimazzjoni formali. Fir-risposta tagħha tas-6 ta’ Ottubru 2006, Spanja ċaħdet li l-leġiżlazzjoni kienet restrittiva, diskriminatorja jew sproporzjonata.
28. Peress li l-Kummissjoni baqgħet mhux sodisfatta, hija ħarġet opinjoni motivata fit-23 ta’ Diċembru 2007, fejn talbet lil Spanja biex fi żmien xahrejn temenda l-leġiżlazzjoni tagħha sabiex jintemm l-allegat ksur. Fir-risposta tagħha tat-3 ta’ Jannar 2008, Spanja kkonfermat l-intenzjoni tagħha li temenda l-leġiżlazzjoni kkontestata iżda ddikjarat li l-emendi kienu ser isiru mal-implementazzjoni tad-Direttiva Servizzi (10). Peress li sal-iskadenza tal-perijodu ta’ xahrejn stabbilit fl-opinjoni motivata ma kienu ttieħdu ebda miżuri, il-Kummissjoni ppreżentat din il-kawża.
29. Il-Kummissjoni qiegħda tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddikjara li “billi impona restrizzjonijiet fuq l-istabbiliment ta’ żoni għall-bejgħ bl-imnut li jirriżultaw mil-Liġi Nru 7/1996 li tirregola l-kummerċ bl-imnut u mil-leġiżlazzjoni tal-Komunità awtonoma ta’ Cataluña applikabbli fil-qasam (il-Liġi Nru 18/2005 dwar il-faċilitajiet għall-bejgħ bl-imnut, id-Digriet Nru 378/2006 li jimplementa l-Liġi Nru 18/2005 u d-Digriet Nru 379/2009 li japprova l-pjan territorjali settorjali għall-faċilitajiet għall-bejgħ bl-imnut), ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 43 KE”, u sabiex tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.
30. Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċħad ir-rikors u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
31. Ir-Renju tad-Danimarka, li intervjena insostenn tar-Renju ta’ Spanja, isostni li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni ma tmurx kontra l-Artikolu 43 KE.
32. Fis-seduta tas-6 ta’ Mejju 2010, il-Kummissjoni u r-Renju ta’ Spanja għamlu sottomissjonijiet orali.
Kunsiderazzjonijiet
Kunsiderazzjoni preliminari
33. Fis-seduta, il-Kummissjoni informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li kemm il-leġiżlazzjoni reġjonali kif ukoll dik nazzjonali inkwistjoni kienu ġew emendati (f’Diċembru 2009 u Jannar 2010, rispettivament) wara li f’dan il-każ ingħalqet il-proċedura bil-miktub. Madankollu, ma hijiex ċerta kemm il-leġiżlazzjoni emendata hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Għal dan il-għan, hija qiegħda tittama li l-Qorti tal-Ġustizzja ser tiddeċiedi b’mod ċar dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni preċedenti kkontestata.
34. Jidhirli li din it-tama tista’ tiġi ġġustifikata biss jekk il-Kummissjoni ppreżentat każ ċar lill-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, jidhirli li hija ma kinitx daqshekk ċara. Nixtieq infakkar lill-Kummissjoni bid-dmir tagħha li tindika s-suġġett tal-kawża b’mod ċar u preċiż biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut li jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi l-każ filwaqt li tindika l-punti ta’ liġi u ta’ fatt essenzjali b’mod koerenti, li jinftiehem u li ma huwiex ambigwu (11). Jista’ jingħad ukoll li x-xogħol tal-Qorti tal-Ġustizzja seta’ ġie megħjun ukoll kieku ntuża approċċ iktar dirett min-naħa tal-Gvern Spanjol.
Sunt tal-analiżi
35. Huwa paċifiku fil-ġurisprudenza li kull miżura nazzjonali li, anki jekk tapplika mingħajr diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, tista’ tfixkel jew tirrendi inqas attraenti l-eżerċizzju, miċ-ċittadini tal-Unjoni, tal-libertà ta’ stabbiliment iggarantita mit-Trattat tikkostitwixxi restrizzjoni fis-sens tal-Artikolu 43 KE (12).
36. Madankollu, meta r-restrizzjoni tkun tirriżulta minn miżura li fil-fatt tiddiskrimina abbażi tan-nazzjonalità, hija tkun permessa skont l-Artikolu 46(1) KE jekk tkun iġġustifikata għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika. Meta din id-diskriminazzjoni ma teżistix, ir-restrizzjoni tista’ tkun iġġustifikata għal raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, bil-kundizzjoni li jkunu xierqa sabiex jiggarantixxu t-twettiq tal-għan imfittex u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex dan l-għan jintlaħaq (13). Ir-raġunijiet li jistgħu jiġu invokati minn Stat Membru sabiex jiġġustifika deroga għall-prinċipju tal-libertà ta’ stabbiliment għandhom ikunu akkumpanjati minn analiżi tal-opportunità u tal-proporzjonalità tal-miżura restrittiva adottata minn dan l-Istat Membru, kif ukoll minn elementi preċiżi li jippermettu li jsostnu l-argument tiegħu (14).
37. Konsegwentement, l-oneru tal-prova jaqa’ fuq il-Kummissjoni biex tipprova l-eżistenza u, jekk ikun il-każ, in-natura diskriminatorja tal-allegata restrizzjoni, iżda mbagħad jaqa’ fuq l-Istat Membru biex jipprova l-ġustifikazzjoni għal dik ir-restrizzjoni.
38. L-argument prinċipali tal-Kummissjoni huwa li l-miżuri li hija identifikat jagħtu lok għal restrizzjonijiet ta’ natura indirettament diskriminatorja, u ma huma ġġustifikati minn ebda waħda mir-raġunijiet indikati fl-Artikolu 46(1) KE. Spanja taċċetta li, sa ċertu punt, il-miżuri jirrestrinġu l-libertà ta’ stabbiliment, iżda targumenta li ma jiddiskriminawx, lanqas indirettament, abbażi ta’ nazzjonalità; madankollu, huma ġġustifikati minn diversi raġunijiet ta’ interess ġenerali – il-ħarsien tal-konsumatur u tal-ambjent, u l-ippjanar urban u rurali – u huma kemm xierqa kif ukoll proporzjonati biex jissodisfaw dawn ir-raġunijiet. Il-Kummissjoni ma taċċettax dawn il-ġustifikazzjonijiet, anki li kieku l-miżuri ma humiex diskriminatorji.
39. Id-Danimarka ssostni, mill-banda l-oħra, li l-miżuri inkwistjoni, jekk ma humiex diskriminatorji, ma għandhomx jitqiesu li jikkostitwixxu restrizzjoni pprojbita fuq il-libertà ta’ stabbiliment sakemm ma jaffettwawx direttament l-aċċess għas-suq mill-operaturi barranin. Spanja taqbel ma’ dan l-argument.
40. Għaldaqstant jiena ser neżamina jekk il-miżuri kkontestati humiex diskriminatorji (indirettament). Jekk huma diskriminatorji, jiena ser neżamina jekk tistax tiġi invokata xi ġustifikazzjoni skont l-Artikolu 46(1)KE; jew, fil-każ li ma humiex diskriminatorji, jekk jistgħux jitqiesu li ma jaqgħux barra l-Artikolu 43 KE minħabba li ma għandhomx biżżejjed effett fuq l-aċċess għas-suq. Jekk il-miżuri ma humiex diskriminatorji iżda xorta waħda jaqgħu fl-Artikolu 43 KE, jiena ser nanalizza jekk teżistix xi waħda mill-ġustifikazzjonijiet fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.
41. Madankollu, jeħtieġ l-ewwel li jiġu identifikati r-restrizzjonijiet li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni qed titlob dikjarazzjoni li Spanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont it-Trattat.
Il-portata tad-dikjarazzjoni li ntalbet
42. Il-Kummissjoni talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddikjara li Spanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha billi “[imponiet] restrizzjonijiet fuq l-istabbiliment ta’ żoni għall-bejgħ bl-imnut li jirriżultaw mi[nn]” erba’ miżuri leġiżlattivi li t-testi tagħhom, kif prodotti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jagħmlu iktar minn 200 paġna. Huwa ċar li hemm bżonn ta’ xi ħaġa iktar preċiża li tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi jekk, u sa fejn, trid issir din id-dikjarazzjoni. Dikjarazzjoni fit-termini użati mill-Kummissjoni ftit li xejn tissodisfa r-rekwiżiti taċ-ċertezza legali – u ftit li xejn tgħin biex tagħti ċ-ċarezza li l-Kummissjoni stess tixtieq tikseb mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja.
43. Ma huwiex faċli li mir-rikors tal-Kummissjoni tinsilet iktar preċiżjoni. Madankollu, fir-risposta tagħha, fil-fatt ipprovdiet lista ta’ restrizzjonijiet speċifiċi. Mill-qari ta’ din il-lista flimkien mar-riferimenti li hija tagħmel għar-rikors, huwa possibbli li jiġu identifikati r-restrizzjonijiet segwenti li, skont il-Kummissjoni, jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni ta’ Cataluña:
(1) il-projbizzjoni fuq it-twaqqif ta’ stabbilimenti kbar għall-bejgħ bl-imnut barra miż-żoni urbani kkonsolidati f’numru limitat ta’ muniċipalitajiet [Artikolu 4(1) tal-Liġi Nru 18/2005];
(2) il-limitazzjonijiet fuq iż-żoni ta’ bejgħ għal kull distrett u muniċipalità (Artikolu 7 tad-Digriet Nru 379/2006, flimkien mal-PTSEC fl-Anness 1 tiegħu); b’mod speċifiku, il-Kummissjoni ssostni li:
(a) il-limitazzjoni hija partikolarment iebsa għall-ipermarkits – f’37 minn 41 distrett ma jista’ jiġi awtorizzat ebda ipermarkit ġdid (PTSEC, Anness 1.2 tad-Digriet Nru 379/2006);
(b) fl-erba’ distretti li fadal, jistgħu jiġu awtorizzati biss ipermarkits li jikkostitwixxu mhux iktar minn 9 % ta’ prodotti ta’ użu ta’ kuljum u 7 % ta’ prodotti li ma humiex ta’ użu ta’ kuljum (Artikolu 10(2) tad-Digriet 379/2006);
(ċ) f’dawn l-erba’ distretti, hemm biss 23 667 m² li huma disponibbli f’sitt muniċipalitajiet (PTSEC, Anness 1.2 tad-Digriet Nru 379/2006);
(3) il-ħtieġa ta’ rapport dwar is-sehem mis-suq li jkun vinkolanti jekk ikun negattiv u li għandu jkun negattiv jekk is-sehem mis-suq jaqbeż ċertu valur (Artikolu 8 tal-Liġi Nru 18/2005 u l-Artikolu 31(4) u 33(2) tad-Digriet Nru 378/2006);
(4) in-nuqqas ta’ definizzjoni ċara tal-kriterji applikati (Artikolu 10 tal-Liġi Nru 18/2005 (15));
(5) ċerti aspetti proċedurali:
(a) ir-regola tas-“silenzju negattiv” (Artikoli 6 u 7 tal-Liġi Nru 18/2005);
(b) il-ħtieġa li tinkiseb l-opinjoni ta’ kumitat konsultattiv li jinkludi kompetituri tal-applikanti (Artikolu 11 tal-Liġi Nru 18/2005 u Artikolu 26 tad-Digriet Nru 378/2006);
(ċ) il-ġbir ta’ miżati li ma humiex relatati mal-ispiża tal-proċedura (Artikolu 12 tal-Liġi Nru 18/2005);
(d) id-dewmien eċċessiv tal-proċedura (Artikolu 33 tad-Digriet Nru 378/2006, dwar it-termini għall-ħruġ u l-validità tar-rapport dwar is-sehem mis-suq).
44. Waqt is-seduta, l-aġent tal-Kummissjoni, fuq mistoqsija mill-Qorti tal-Ġustizzja, ikkonferma li din hija l-lista sħiħa tal-aspetti tal-leġiżlazzjoni ta’ Cataluña li dwarhom qiegħda tilmenta l-Kummissjoni, u li kien hemm oppożizzjoni għall-allegati restrizzjonijiet minħabba li dawn jaffettwaw stabbilimenti kbar għall-bejgħ bl-imnut u mhux dawk medji – limitazzjoni li tidher li hija meħtieġa biex tiġi aċċettata l-allegazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-diskriminazzjoni li hija bbażata fuq il-premessa li l-operaturi Spanjoli jippreferu stabbilimenti żgħar u medji filwaqt li l-operaturi minn Stati Membri oħra jippreferu stabbilimenti kbar – u minħabba li ma kinux iġġustifikati.
45. Dwar il-leġiżlazzjoni nazzjonali (il-Liġi Nru 7/1996), jidher li huwa paċifiku li l-Kummissjoni tikkontesta d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 ta’ din il-liġi li (a) jindikaw il-kriterji li jridu jiġu applikati meta tkun ser tittieħed deċiżjoni dwar jekk tinħariġx xi liċenzja, inkwantu dawn il-kriterji jipproteġu lill-faċilitajiet eżistenti għall-bejgħ bl-imnut [l-Artikolu 6(1) sa (4)], (b) jeħtieġu li l-Qorti tal-kompetizzjoni tiġi kkonsultata dwar l-applikazzjonijiet [l-Artikolu 6(2)] u (ċ) jipprovdu li l-kumitati jridu joħorġu rapport dwar il-ftuħ ta’ stabbilimenti kbar għall-bejgħ bl-imnut [l-Artikolu 6(5)].
46. Għandu jiġi nnotat, madankollu, li l-Gvern Spanjol jikkontesta l-applikabbiltà tal-Artikolu 6(3) sa (5) f’Cataluña.
Hemm diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq in-nazzjonalità?
47. Il-Kummissjoni ma hijiex qiegħda tipprova u fil-fatt ma setgħatx targumenta li d-dispożizzjonijiet ikkontestati jiddiskriminaw direttament inkwantu jistipulaw li l-operaturi Spanjoli jiġu ttrattati b’mod differenti minn dawk ta’ Stati Membri oħra. Iżda, l-argument tagħha hu li għalkemm id-dispożizzjonijiet jidhru newtrali, fil-fatt huma jitfgħu lill-operaturi ta’ Stati Membri oħra fi żvantaġġ sinjifikattiv meta mqabbla mal-operaturi Spanjoli.
48. Dan l-argument huwa bbażat fuq żewġ premessi: l-ewwel nett, hemm differenza fit-trattament ta’ stabbilimenti kbar għall-bejgħ bl-imnut u oħrajn (żgħar u medji); it-tieni nett, dan it-trattament differenti jaħdem għall-benefiċċju tal-operaturi Spanjoli (b’mod partikolari, dawk ta’ Cataluña) li jippreferu stabbilimenti iżgħar, u jaħdem kontra l-operaturi minn Stati Membri oħra, li jippreferu stabbilimenti kbar.
49. L-ewwel premessa tidher li tapplika biss għal numru żgħir mill-miżuri li għalihom qiegħda toġġezzjona l-Kummissjoni; it-tieni waħda ma tidhirx li hija kkorroborata bi provi xierqa.
Trattament differenti bejn stabbilimenti kbar u stabbilimenti oħra
50. Fl-ewwel lok, għal dak li jirrigwarda d-definizzjoni allegatament mhux adegwata tal-kriterji u r-regola tas-“silenzju negattiv” imsemmija fil-punt 43(4) u (5)(a), jirriżulta ċar mit-termini tagħhom li d-dispożizzjonijiet imsemmija (fl-Artikolu 10, minn naħa waħda, u fl-Artikoli 6 u 7 tal-Liġi Nru 18/2005, min-naħa l-oħra) japplikaw kemm għal-liċenzji li jingħataw mill-Generalitat kif ukoll għal-liċenzji muniċipali, u għaldaqstant kemm għall-istabbilimenti kbar għall-bejgħ bl-imnut kif ukoll għal dawk medji.
51. Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-allegazzjoni msemmija fil-punt 43(5)(ċ) li l-miżati ma humiex relatati mal-ispiża tal-proċedura, l-Artikolu 12 tal-Liġi Nru 18/2005 jeħtieġ li l-miżati tal-liċenzji jintalbu mill-Generalitat (għal stabbilimenti kbar għall-bejgħ bl-imnut) u jippermetti li l-miżati jintalbu mill-muniċipji (għal stabbilimenti medji għall-bejgħ bl-imnut). L-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni huma biss dwar il-miżati mitluba mill-Generalitat, iżda hija ma pprovdiet ebda indikazzjoni dwar il-miżati li jintalbu f’livell muniċipali, biex ikun jista’ jsir paragun f’dan ir-rigward.
52. Fit-tielet lok, ir-rekwiżit tar-rapport dwar is-sehem mis-suq u d-dewmien proċedurali li allegatament jirriżulta minn dan, li ġew identifikati fil-punt 43(3) u (5)(d) rispettivament, japplikaw kemm għall-istabbilimenti kbar għall-bejgħ bl-imnut u kif ukoll għal dawk medji. Konsegwentement, dan ir-rekwiżit, u d-dewmien potenzjali li jirriżulta minnu, japplika għall-impriżi l-kbar li jkunu jixtiequ jiftħu stabbilimenti kbar għall-bejgħ bl-imnut jew medji, iżda mhux għal impriżi oħra, ikun kemm ikun kbir id-daqs tal-istabbiliment li jkunu jridu jiftħu (u wieħed għandu jżomm f’moħħu li d-definizzjoni ta’ “kbir” jew “medju” tiddependi mill-popolazzjoni tal-muniċipalità kkonċernata).
53. Għaldaqstant, l-ebda waħda minn dawn il-miżuri ma hija rilevanti għall-argument tal-Kummissjoni li r-restrizzjonijiet huma diskriminatorji.
54. Mill-banda l-oħra, l-ilmenti speċifiċi fil-punt 43(2)(a), (b) u (ċ) huma dwar ipermarkits biss (li huma tip ta’ stabbiliment kbir għall-bejgħ bl-imnut) u mhux dwar kategoriji oħra (16). Ir-restrizzjonijiet li jibqa’ li allegatament jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni ta’ Cataluña – il-projbizzjoni kontra l-ftuħ ta’ stabbilimenti kbar għall-bejgħ bl-imnut barra miż-żoni urbani kkonsolidati f’numru limitat ta’ muniċipalitajiet u l-ħtieġa li tinkiseb l-opinjoni ta’ kumitat konsultattiv kompost ukoll minn kompetituri tal-applikanti, li ssemmew fil-punt 43(1) u (5)(b) rispettivament – japplikaw għall-istabbilimenti kbar għall-bejgħ bl-imnut kollha u għal dawn l-istabbilimenti biss, u dan l-istess bħar-restrizzjonijiet li jingħad li jirriżultaw mill-Artikolu 6 tal-Liġi Nru 7/1996 (il-leġiżlazzjoni nazzjonali).
55. Konsegwentement, huma dawn l-aspetti biss li huma rilevanti għall-argument tal-Kummissjoni.
Differenza fil-preferenza bejn l-operaturi Spanjoli u dawk minn Stati Membri oħra
56. Sakemm huwa minnu li l-operaturi Spanjoli (b’mod partikolari dawk ta’ Cataluña) jippreferu stabbilimenti żgħar għall-bejgħ bl-imnut filwaqt li operaturi minn Stati Membri oħra jippreferu stabbilimenti kbar, il-miżuri inkwistjoni ma jistgħux jiddiskriminaw kontra dawn tal-aħħar, indipendentement minn kemm jillimitaw il-ftuħ ta’ stabbilimenti kbar għall-bejgħ bl-imnut iktar minn stabbilimenti oħra.
57. L-unika prova prodotta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li minnha jista’ jiġi kkonstatat jekk dan huwiex minnu tikkonsisti f’żewġ settijiet ta’ ċifri (wieħed mill-Kummissjoni, l-ieħor mill-Gvern Spanjol) li jaqsmu l-kontroll ta’ żoni ta’ bejgħ bl-imnut f’Cataluña bejn l-operaturi Spanjoli u dawk li mhumiex Spanjoli fir-rigward tal-istabbilimenti għall-bejgħ bl-imnut ta’ (a) iktar u (b) inqas minn 2 500 m². Iż-żewġ settijiet ta’ ċifri jirrigwardaw snin differenti u milli jidher inġabru minn sorsi differenti. Għaldaqstant, kif wieħed jista’ jistenna, jippreżentaw stampa pjuttost differenti, għalkemm it-tnejn li huma juru li l-operaturi barranin ikkontrollaw il-parti l-kbira (bejn 53 % u 68 %) taż-żona ta’ bejgħ fl-istabbilimenti l-kbar filwaqt li l-operaturi Spanjoli kkontrollaw il-parti l-kbira (bejn 72 % u 92 %) taż-żona ta’ bejgħ fl-istabbilimenti ż-żgħar (17). Huma juru wkoll li t-total taż-żona ta’ bejgħ għall-istabbilimenti b’inqas minn 2 500 m² jaqbeż sew iż-żona għall-istabbilimenti l-kbar, b’fattur ta’ bejn 4.5 u 10 (18).
58. Dawn iċ-ċifri huma ċertament konsistenti mal-asserzjoni li għamlet il-Kummissjoni li l-operaturi minn Stati Membri oħra jippreferu l-istabbilimenti l-kbar għall-bejgħ bl-imnut, filwaqt li dawk Spanjoli jippreferu ż-żgħar. Fil-fehma tiegħi, madankollu, huma ma jipprovdu ebda tip ta’ prova dwar il-veraċità ta’ din l-asserzjoni. L-iktar l-iktar, huma juru rabta wiesgħa f’termini ta’ statistika – li fuq kollox titlef ħafna mir-rilevanza tagħha fil-kuntest tal-każ tal-Kummissjoni meta wieħed iqis li hija waħda biss mill-muniċipalitajiet (li tinsab ’il barra minn Barcelona) imniżżla fil-PTSEC, li tidher li għandha popolazzjoni ta’ iktar minn 240 000 u iktar minn nofshom għandhom popolazzjoni ta’ inqas minn 10 000, u għaldaqstant il-kategorija ta’ “stabbilimenti kbar għall-bejgħ bl-imnut” milquta mid-dispożizzjonijiet li dwarhom tilmenta l-Kummissjoni tinkludi numru mhux definit ta’ stabbilimenti b’żona ta’ bejgħ ta’ bejn 800 m² u 2 500 m² (19), firxa li għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja ma ngħatat ebda indikazzjoni la tan-numru ta’ stabbilimenti kkonċernati u lanqas tat-tqassim bejn dawk ikkontrollati mill-Ispanjoli u dawk li ma humiex (20). Kwalunkwe tentattiv ta’ konklużjoni li tista’ tinsilet miċ-ċifri mogħtija trid allura tiġi kkorroborata bi provi ċari ta’ tip differenti biex tiġi stabbilita ġustifikazzjoni għall-każ tal-Kummissjoni u x’aktarx tkun tapplika prinċipalment għall-ipermarkits, u mhux għall-istabbilimenti l-kbar kollha għall-bejgħ bl-imnut li huma milquta mid-dispożizzjonijiet ikkontestati.
59. Ma ġew prodotti ebda provi oħra ta’ dan it-tip. L-eqreb li waslet il-Kummissjoni biex tispjega l-allegata rabta kawżali li fuqha hija bbażata r-rabta f’termini ta’ statistika kienet il-proposta – li saret fis-seduta, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti tal-Ġustizzja – li naturalment l-operaturi barranin jippreferu jiftħu stabbilimenti kbar sabiex igawdu mill-ekonomiji fil-kobor li huma meħtieġa biex jisfruttaw iċ-ċans tagħhom li jippenetraw b’suċċess f’territorju ġdid. Madankollu, dan ir-raġunament – hu kemm hu plawsibbli – huwa dwar id-dħul f’suq ġdid ’il bogħod mill-bażi lokali, iktar milli n-nazzjonalità tal-operatur (21), u għaldaqstant huwa biss ta’ sostenn parzjali għall-premessa bażika tal-Kummissjoni.
60. Huwa minnu li l-Gvern Spanjol ma ressaqx xi kontestazzjoni qawwija kontra din il-premessa, għalkemm huwa ressaq ftit provi li bihom sostna li diversi operaturi li ma humiex Spanjoli minn dejjem ippreferew, jew qegħdin jibdew jippreferu, ħwienet iżgħar. Fi kwalunkwe każ, hija l-Kummissjoni li għandha tipprova l-każ tagħha u jien jidhirli li, f’din il-materja bażika, ma rnexxilhiex tagħmel dan.
61. Konsegwentement, sa fejn l-ilment tal-Kummissjoni huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-miżuri kkontestati jiddiskriminaw abbażi tan-nazzjonalità, dan ma jistax jirnexxi.
62. Madankollu, anki miżuri li ma humiex diskriminatorji jistgħu jkunu pprojbiti mill-Artikolu 43 KE, u għadaqstant issa ser neżamina jekk il-miżuri jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu.
Id-dispożizzjonijiet ikkontestati jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 43 KE?
63. L-Artikolu 43 KE jipprojbixxi kull miżura nazzjonali li, anki jekk applikabbli mingħajr diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, tista’ xxekkel jew tirrendi inqas attraenti l-eżerċizzju, miċ-ċittadini tal-Unjoni, tal-libertà ta’ stabbiliment iggarantita mit-Trattat (22). Il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma kkwalifikat din il-projbizzjoni b’kriterju de minimis – li jirrappreżenta l-limitu li bih il-miżura ma tinqabadx jekk ma taqbiżx l-istess limitu.
64. Madankollu, il-Gvern Daniż (li jgħid li r-regoli tiegħu jistgħu jkollhom dispożizzjonijiet simili għad-dispożizzjonijiet Spanjoli inkwistjoni) isostni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali (bħalma hija l-liġi dwar l-ippjanar) li tirregola l-kundizzjonijiet tas-suq għall-impriżi kollha u tapplika għall-operaturi kollha mingħajr distinzjoni indipendentement min-nazzjonalità taqa’ taħt l-Artikolu 43 KE biss kemm-il darba din taffettwa direttament l-aċċess tal-operaturi barranin għas-suq. Rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għal stabbilimenti kbar għall-bejgħ bl-imnut ma għandux jiġi kkunsidrat awtomatikament bħala li għandu dak l-effett. Il-Gvern Daniż iressaq erba’ argumenti li l-Gvern Spanjol jaqbel magħhom.
65. Fl-ewwel lok, il-ġurisprudenza tenfasizza li r-restrizzjonijiet fuq l-aċċess għas-suq iridu jkunu sinjifikattivi biex jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 43 KE. Fis-sentenza CaixaBank France (23), il-Qorti tal-Ġustizzja tkellmet dwar restrizzjoni “serja” għall-“kompetizzjoni iktar effettiva” jew l-adozzjoni ta’ “wieħed mill-metodi iktar effikaċi” tal-kompetizzjoni. Fis-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (24), hija tkellmet dwar l-“interfer[e]nza sostanzjali” fil-libertà li jiġi konkluż kuntratt, fuq “spejjeż sinjfikattivi addizzjonali” u fuq ir-rekwiżit li “jerġgħu jippjanaw mill-ġdid” il-politika u l-istrateġiji kummerċjali tagħhom billi “jżidu b’mod kunsiderevoli” l-firxa tas-servizzi offruti, li jinvolvi l-“adattament u l-ispejjeż ta’ tali skala” li jaffettwaw l-aċċess għas-suq. Huwa minnu li xi sentenzi oħra ma jidhrux li huma daqshekk stretti (25), iżda dan isib spjegazzjoni fiċ-ċirkustanzi individwali tagħhom. Barra minn hekk, f’ġurisprudenza preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet tal-fehma li l-miżuri li jirregolaw is-suq b’mod ġenerali ma kinux jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 43 KE (li dak iż-żmien kien l-Artikolu 52 tat-Trattat KEE) (26).
66. Fit-tieni lok, b’mod ġenerali, miżuri nazzjonali li għandhom effett wisq inċert u indirett fuq xi libertà fundamentali ma jaqgħux taħt il-projbizzjonijiet tat-Trattat (27).
67. Fit-tielet lok, minn aspett loġiku u teleoloġiku, għandu jkun hemm limitu li jekk il-miżura nazzjonali ma tilħqux hija ma għandhiex titqies li hija restrizzjoni fuq il-libertà ta’ stabbiliment (28). Inkella, anki dispożizzjoni regolatorja ta’ importanza żgħira ħafna tkun taqa’ fl-Artikolu 43 KE.
68. Fir-raba’ lok, tali approċċ għall-Artikolu 43 KE jkun jaqbel mal-approċċ li ħadet il-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-moviment liberu tal-merkanzija, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda “ċerti modalitajiet ta’ bejgħ” (29). Approċċ simili ttieħed fir-rigward tal-użu tal-prodotti (30). Jekk id-dispożizzjonijiet regolatorji ġenerali tal-Istati Membri fir-rigward tal-kundizzjonijiet tas-suq jaqgħu taħt l-Artikolu 28 KE (illum l-Artikolu 34 TFUE) biss meta dawn ikollhom effett dirett fuq l-aċċess għas-suq, l-Artikolu 43 KE ma għandux jingħata interpretazzjoni iktar wiesgħa.
69. Għalkemm nista’ nifhem is-saħħa ta’ għall-inqas xi wħud minn dawn l-argumenti, m’iniex konvinta li dawn jistgħu jwasslu biex f’dan il-każ il-miżuri inkwistjoni ma jitqisux fid-dawl tal-Artikolu 43 KE.
70. Kif tenfasizza l-Kummissjoni, kwalunkwe sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għall-ftuħ ta’ stabbilimenti għall-bejgħ bl-imnut ikollha, minnha nfisha, effett dirett fuq il-libertà ta’ stabbiliment tal-operaturi, u dan japplika għal kull xkiel li jifforma parti mill-proċess tal-awtorizzazzjoni. Minn dan isegwi li, kieku regola de minimis kellha tiġi applikata għall-Artikolu 43 KE b’mod li jiġu esklużi miżuri bħal dawk ineżami f’dawn il-proċeduri, ir-regola ma tkunx tista’ tiġi fformulata bil-mod kif ġiet proposta mill-Gvern Daniż.
71. Dwar jekk il-kundizzjonijiet u l-limitazzjonijiet f’dan il-każ humiex reali u sostanzjali, u dwar jekk l-effett tagħhom fuq l-operaturi jistax jiġi deskritt bħala inċert u negliġibbli, huwa minnu li dawk il-kundizzjonijiet u limitazzjonijiet ma jistgħux jitpoġġew ilkoll fl-istess livell.
72. Dawk li jinsabu elenkati fil-punt 43(1) sa (3) ta’ dawn il-konklużjonijiet – li jillimitaw il-lokalitajiet li huma disponibbli għall-istabbilimenti ġodda u jimponu ċerti limiti fiż-żoni ta’ bejgħ li jistgħu jingħataw liċenzja u sehem massimu mis-suq għall-applikanti – huma manifestament reali, sostanzjali u ċerti.
73. Huwa iktar diffiċli li jiġu kkategorizzati dawk li huma elenkati fil-punt 43(4) u (5), iżda jidhirli li kollha kemm huma jista’ jkollhom effett negattiv sinjifikattiv fin-numru ta’ applikazzjonijiet għal-liċenzja ppreżentati u/jew mogħtija:
– l-użu ta’ kriterji li ma humiex definiti b’mod ċar biżżejjed biex jippermettu li jiġi verifikat b’mod oġġettiv jekk ikunux sodisfatti (31) x’aktarx iwassal biex jiġu skoraġġuti l-applikazzjonijiet, iwassal għal riżultati mhux mistennija u jagħmilha iktar diffiċli biex jiġi kkontestat xi rifjut; dawn kollha huma xkiel reali għat-twaqqif ta’ stabbilimenti ġodda;
– ir-regola tas-“silenzju negattiv” (32) twassal neċessarjament li jiġu rrifjutati iktar applikazzjonijiet milli kieku tiġi applikata regola ta’ “silenzju pożittiv” (fejn in-nuqqas ta’ risposta għall-applikazzjoni f’terminu speċifiku tkun tfisser approvazzjoni impliċita);
– l-involviment ta’ kumitat konsultattiv li l-membri tiegħu jinkludu negozjanti li huma diġà stabbiliti fiż-żona u li jiġi kkonsultat mhux biss fuq applikazzjonijiet għal-liċenzji iżda wkoll dwar l-identifikazzjoni tal-lokalitajiet disponibbli (33) neċessarjament iwassal biex jitnaqqas il-ħolqien ta’ stabbilimenti ġodda;
– il-ġbir ta’ miżati li ma humiex relatati mal-ispiża tal-proċedura ta’ applikazzjoni u d-dewmien eċċessiv ta’ din il-proċedura (34) huma t-tnejn fatturi li x’aktarx iwasslu biex jiskoraġġixxu lill-operaturi milli jippruvaw joħolqu stabbilimenti ġodda.
74. Skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, ir-rekwiżit ta’ liċenzja u t-twaqqif ta’ kumitat konsultattiv huma duplikazzjoni ta’ dawk fil-leġiżlazzjoni ta’ Cataluña, bħalma huma, fil-parti l-kbira tagħhom, il-kriterji li għandhom jiġu applikati (35). Dawn il-kriterji, flimkien man-nuqqas ta’ preċiżjoni oġġettiva, huma intiżi li jippermettu stabbilimenti ġodda biss fejn id-domanda eżistenti ma hijiex sodisfatta u fejn ma jkollhom ebda effett fuq in-negozjanti ż-żgħar eżistenti, li fiż-żewġ każijiet x’aktarx li jillimitaw b’mod sinjifikattiv il-ftuħ ta’ stabbilimenti ġodda kbar jew medji għall-bejgħ bl-imnut.
75. Għaldaqstant, filwaqt li nifhem il-pożizzjoni li l-Artikolu 43 KE ma għandux ikun ikkonċernat b’effetti regolatorji insinjifikattivi, u li huwa xieraq li, wara l-ġurisprudenza Keck u Mithouard, il-Qorti tal-Ġustizzja tadotta approċċ espliċitament koerenti fir-rigward tal-libertajiet fundamentali kollha ggarantiti mit-Trattat, ma nemminx li dawn il-kunsiderazzjonijiet jistgħu jaffettwaw il-rilevanza tal-Artikolu 43 KE għal dan il-każ.
76. F’dak li jirrigwarda l-argument li f’ċerti sentenzi l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat il-gravità ta’ interferenza partikolari mal-libertà ta’ stabbiliment, dan ma jfissirx li għamlet l-eżistenza ta’ interferenza serja bħala kundizzjoni biex ikun jista’ japplika l-Artikolu 43 KE, b’mod partikolari peress li hija ma enfasizzatx dan l-aspett b’mod sistematiku; u tali konklużjoni lanqas ma tista’ tinsilet minn kliem is-sentenzi ċċitati. Barra minn hekk, mill-argumenti tal-Kummissjoni jidhirli li l-allegata interferenza ma’ din il-libertà tista’ prima facie titqies serja.
77. Konsegwentement, jidhirli li hemm bżonn neżamina jekk il-miżuri inkwistjoni (kif indikati fil-punti 43 u 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet) jistgħux ikunu ġġustifikati, kif issostni Spanja, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-restrizzjonijiet mhux diskriminatorji fuq il-libertà ta’ stabbiliment.
Id-dispożizzjonijiet ikkontestati jistgħu jkunu ġġustifikati?
78. Skont ġurisprudenza stabbilita, miżura li tirrestrinġi waħda mil-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat tista’ tiġi aċċettata biss jekk hija ġġustifikata minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, jekk l-applikazzjoni tagħha tkun xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan imfittex u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq dan l-għan (36). Fl-ewwel lok, ser nanalizza jekk l-għanijiet li qiegħda tibbaża ruħha fuqhom Spanja humiex leġittimi f’dan ir-rigward, u fit-tieni lok, jekk il-miżuri kkontestati humiex xierqa u proporzjonati.
L-għanijiet imfittxija mill-miżuri huma “raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali”?
79. Il-Gvern Spanjol isostni li l-miżuri għandhom l-għan (a) li jipproteġu l-ambjent u huma intiżi għal ippjanar urban u rurali koerenti u (b) li jipproteġu l-konsumatur, li t-tnejn li huma huma rrikonoxxuti bħala li jirrigwardaw l-interess ġenerali. Mill-banda l-oħra, il-Kummissjoni, filwaqt li ċċitat l-Artikolu 6 tal-Liġi Nru 7/1996, tinsisti li l-għan reali huwa li jkunu protetti n-negozjanti ż-żgħar; dan hu għan ekonomiku li ma jistax jiġġustifika restrizzjoni fuq il-libertà ta’ stabbiliment.
80. It-tipi ta’ għanijiet iċċitati mill-Gvern Spanjol ġew fil-fatt aċċettati mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjonijiet fuq il-libertajiet fundamentali (37); filwaqt li għanijiet purament ekonomiċi ma ġewx aċċettati (38). Konsegwentement, kwalunkwe restrizzjoni li għandha biss għan ekonomiku hija awtomatikament ipprojbita skont l-Artikolu 43 KE.
81. Mir-restrizzjonijiet li tilmenta dwarhom il-Kummissjoni, jidhirli li jistgħu jiġu kkategorizzati bħala li għandhom għan purament ekonomiku biss ir-restrizzjonijiet li jirrigwardaw is-sehem massimu mis-suq u l-kriterji li għandhom jiġu applikati fl-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet għal-liċenzja, u dawn sa fejn il-kriterji jirrigwardaw l-impatt fuq in-negozjanti lokali eżistenti.
82. Filwaqt li r-restrizzjoni dwar is-sehem mis-suq tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni ta’ Cataluña, il-kriterji inkwistjoni l-oħra jinsabu bl-iktar mod espliċitu fl-Artikolu 6(4) tal-Liġi Nru 7/1996 (39), fejn hemm ipprovdut b’mod speċifiku li kwalunkwe impatt negattiv fuq il-bejjiegħa bl-imnut żgħar eżistenti irid jittieħed inkunsiderazzjoni. Madankollu, Spanja targumenta li l-Artikolu 6(3) sa (5) tal-liġi msemmija ma japplikax f’Cataluña għal raġunijiet kostituzzjonali u leġiżlattivi, u li l-proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huma limitati għal-leġiżlazzjoni li tapplika fil-komunità awtonoma. Din l-oġġezzjoni wasslet għal dibatittu pjuttost jaħraq bejn il-partijiet dwar l-inklużjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri.
83. Ma jidhirlix li huwa possibbli li dan id-dibattitu partikolari jissolva peress li jinvolvi, minnu nnifsu, kwistjonijiet tad-dritt kostituzzjonali Spanjol li dwaru l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex kompetenti li tiddeċiedi. Madankollu, il-ħtieġa li jittieħed inkunsiderazzjoni l-impatt fuq il-faċilitajiet għall-bejgħ bl-imnut eżistenti hija stipulata, f’termini iktar ġenerali iżda xorta waħda ċari, kemm fl-Artikolu 6(2) tal-Liġi Nru 7/1996 (li huwa paċifiku li tapplika f’Cataluña) kif ukoll fl-Artikolu 14(1)(b) tad-Digriet ta’ Cataluña Nru 378/2006 (40).
84. Fil-mertu, Spanja targumenta li l-limitu dwar is-sehem mis-suq u l-kundizzjonijiet li jirrigwardaw l-effett fuq il-bejjiegħa żgħar bl-imnut eżistenti huma intiżi li jipproteġu lill-konsumaturi billi jiżguraw kompetizzjoni effettiva f’termini ta’ prezzijiet, kwalità u għażla.
85. Madankollu, il-kundizzjonijiet li jirrigwardaw is-sehem mis-suq u l-impatt fuq il-kummerċ eżistenti huma – b’kuntrast ma’ ċerti kundizzjonijiet oħra li huma jirrigwardaw espliċitament l-għażla tal-konsumatur – marbutin mal-istruttura tas-suq iktar milli mal-protezzjoni tal-konsumatur. Barra minn hekk, kif enfasizzat il-Kummissjoni, il-politika tal-kompetizzjoni hija qasam regolat f’livell tal-UE, u l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet espressament li l-għanijiet bħalma huma “t-tisħiħ tal-istruttura kompetittiva tas-suq ikkonċernat jew l-immodernizzar u ż-żieda fl-effiċjenza tal-mezzi ta’ produzzjoni [...] ma jistgħux jikkostitwixxu ġustifikazzjoni valida għar-restrizzjonijiet fuq il-libertà fundamentali kkonċernata”.(41)
86. Konsegwentement, jiena tal-fehma li l-Artikolu 6(2) tal-Liġi Nru 7/1996, l-Artikolu 8 tal-Liġi Nru 18/2005 u l-Artikolu 14(1)(b) tad-Digriet Nru 378/2006 jiksru l-Artikolu 43 KE inkwantu dawn id-dispożizzjonijiet jeżiġu li jiġi applikat limitu fuq is-sehem mis-suq u limitu fl-impatt li jirriżulta fil-kummerċ tal-bejgħ bl-imnut eżistenti, li jekk jinqabeż ma jippermettix li jitwaqqfu stabbilimenti ġodda kbar jew medji għall-bejgħ bl-imnut. Peress li dawn għandhom għan purament ekonomiku, huma ma jistgħux jiġu ġġustifikati kif jingħad fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.
87. Madankollu, jidhirli li l-miżuri kollha li fadal jistgħu – tal-inqas parzjalment – ikollhom wieħed mill-għanijiet leġittimi msemmija mill-Gvern Spanjol, u għaldaqstant iridu jiġu eżaminati mill-aspett tal-adegwatezza u proporzjonalità tagħhom.
Il-miżuri huma tali li jiżguraw it-twettiq tal-għan imfittex mingħajr ma jmorru lil hinn minn dak li hu neċessarju għal dan il-għan?
88. Il-miżuri kkontestati li fadal jistgħu jinqasmu kif ġej: ir-restrizzjonijiet fuq il-lok u d-daqs tal-istabbilimenti l-ġodda; il-konsultazzjoni (a) mal-Qorti tal-Kompetizzjoni u (b) mal-kumitat konsultattiv; il-kriterji li jiġu applikati sa fejn dawn ma humiex preċiżi; ir-“regola tas-silenzju negattiv”; il-ġbir ta’ miżati li ma humiex marbuta mal-ispejjeż; u d-dewmien tal-proċedura.
89. Għalkemm huwa minnu li Stat Membru li jkun irid jiġġustifika xi restrizzjoni fuq xi libertà fundamentali tat-Trattat irid jipprova kemm l-adegwatezza u kif ukoll il-proporzjonalità tagħha, dan ma jfissirx li f’dak li jirrigwarda l-adegwatezza, l-Istat Membru jrid jipprova li r-restrizzjoni hija l-iktar miżura xierqa mill-miżuri kollha possibbli biex jiġi żgurat it-twettiq tal-għan imfittex, iżda irid sempliċement juri li l-miżura ma hijiex inadegwata għal dan il-għan. F’dak li jirrigwarda l-proporzjonalità, madankollu, irid jiġi kkonstatat li ma setgħat tiġi adottata ebda miżura oħra li kienet daqstant effettiva iżda inqas restrittiva fuq il-libertà inkwistjoni.
– Restrizzjonijiet fuq il-lok u d-daqs tal-istabbilimenti l-ġodda
90. Spanja targumenta li, bil-fatt li l-lok tal-istabbilimenti l-kbar għall-bejgħ bl-imnut ġie limitat għaċ-ċentri (urbani), fejn id-domanda hija l-ikbar, u bil-fatt li d-daqs tal-istabbilimenti f’żoni inqas ippopolati ġie llimitat, il-leġiżlazzjoni ta’ Cataluña qiegħda tipprova tevita l-vjaġġi bil-karozzi li jwasslu għal tniġġis, u dan biex tevita d-degradazzjoni urbana, biex tippreserva mudell urban li huwa ambjentalment integrat, biex tevita l-bini ta’ toroq ġodda u biex tiżgura l-aċċess permezz tat-trasport pubbliku. Hija ssostni li l-mudell li nħoloq wera li l-emissjonijiet CO2 jaqgħu b’mod drastiku meta l-ħwienet għall-bejgħ bl-imnut jiftħu fiċ-ċentri tal-ibliet minflok f’żoni barra mill-ibliet. Barra minn hekk, biex dawn il-kunsiderazzjonijiet jittieħdu inkunsiderazzjoni, dan għandu jsir bilfors fil-kuntest ta’ proċedura għall-awtorizzazzjoni minn qabel u mhux permezz ta’ verifiki u kontrolli sussegwenti.
91. Jidhirli li dan ir-raġunament ġenerali – u b’mod partikolari l-enfasi li sar fuq il-bżonn ta’ miżuri preventivi, u li għalhekk jittieħdu qabel, fil-kuntest tal-protezzjoni tal-ambjent – huwa konvinċenti u ma ġie bl-ebda mod ikkontestat mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub. Fis-seduta, hija ma qalet xejn ħlief li l-miżuri ma kinux xierqa biex jintlaħqu l-għanijiet deskritti ta’ protezzjoni tal-ambjent. Għaldaqstant, naċċetta kompletament li r-restrizzjonijiet fuq il-lok u d-daqs tal-istabbilimenti huma mezzi xierqa biex jintlaħqu l-għanijiet partikolari ta’ protezzjoni tal-ambjent imsemmija minn Spanja.
92. Madankollu, jidher ċar li l-limitazzjonijiet speċifiċi imposti mill-miżuri kkontestati huma fil-fatt ħarxa u għandhom effett sinjifikattiv fuq il-possibbiltajiet biex jinfetħu stabbilimenti kbar għall-bejgħ bl-imnut, b’mod partikolari, l-ipermarkits f’Cataluña. Ma huwiex biżżejjed li Spanja turi li l-limitazzjonijiet huma ta’ natura xierqa biex jiżguraw li jinkisbu l-għanijiet marbutin mal-protezzjoni tal-ambjent. Hija trid turi wkoll li r-restrizzjonijiet attwali imposti ma jmorrux lil hinn minn dak li hu neċessarju – pereżempju, billi tindika miżuri alternattivi (li huma inqas restrittivi) u tispjega għaliex dawn ma jilħqux l-għan b’mod sodisfaċenti. F’dan is-sens ma nara ebda provi jew argument (li ma humiex sempliċi affermazzjonijiet) ġejjin min-naħa tal-Gvern Spanjol, u dan waqt is-seduta lanqas ma ressaq xi provi jew argument ta’ dan it-tip.
93. Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, huwa impossibbli li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-proporzjonalità jew in-nuqqas tagħha fir-rigward tar-restrizzjonijiet fuq id-daqs u l-lok li jinsabu fid-dispożizzjonijiet iċċitati mill-Kummissjoni. Peress li l-eżistenza tar-restrizzjoni ġiet ipprovata u peress li, skont il-ġurisprudenza (42), huwa l-Istat Membru li jkun qiegħed jibbaża ruħu fuq xi deroga li għandu jipprova li r-restrizzjoni fuq xi libertà tat-Trattat mhux biss hija xierqa iżda wkoll proporzjonata biex jintlaħaq għan leġittimu, jien ikolli nikkonkludi li l-Kummissjoni għandha d-dritt titlob u li ssir id-dikjarazzjoni li talbet f’dan ir-rigward.
– Konsultazzjoni mal-Qorti tal-kompetizzjoni u mal-Kumitat Konsultattiv
94. F’dak li jirrigwarda l-Qorti tal-Kompetizzjoni, il-Kummissjoni toġġezzjona għar-rekwiżit li jinsab fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tal-Liġi Nru 7/1996 fejn jingħad li l-qorti msemmija trid tiġi kkonsultata.
95. Il-Kummissjoni ma ressqet ebda argument biex tiġġustifika l-pretensjoni tagħha li dan ir-rekwiżit jirrestrinġi l-libertà ta’ stabbiliment, apparti l-argument ġenerali li kwalunkwe proċedura ta’ awtorizzazzjoni tikkostitwixxi dejjem restrizzjoni. Lanqas Spanja ma ressqet xi argument speċifiku biex tiġġustifika din ir-restrizzjoni potenzjali.
96. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u peress li jidhirli li rapport mhux vinkolanti ma huwiex xi miżura daqshekk restrittiva iżda, meta jinħareġ minn istituzzjoni li tittratta kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni u jipprovdi, kif inhu l-każ, mezz ta’ kontroll minn qabel iktar milli wieħed ta’ infurzar sussegwenti, prima facie jista’ jkun kemm xieraq kif ukoll proporzjonat għar-rekwiżiti marbutin mal-protezzjoni tal-konsumatur, jiena tal-fehma li dan l-aspett mill-każ tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud.
97. F’dak li jirrigwarda l-Kumitat Konsultattiv, il-Kummissjoni toġġezzjona għal: l-Artikolu 6(5) tal-Liġi Nru 7/1996, li jawtorizza li l-komunitajiet awtonomi joħolqu kumitati biex jirrapportaw dwar it-twaqqif ta’ stabbilimenti kbar għall-bejgħ bl-imnut; l-Artikolu 11 tal-Liġi Nru 18/2005, li joħloq dan il-kumitat f’Cataluña biex jirrapporta dwar, inter alia, il-ħruġ ta’ liċenzji għal stabbilimenti kbar għall-bejgħ bl-imnut; u l-Artikolu 26 tad-Digriet Nru 378/2006, li jirregola l-kompożizzjoni tal-kumitat. L-ilment prinċipali tal-Kummissjoni huwa li l-kumitat jinkludi rappreżentanti ta’ negozjanti eżistenti, ħaġa li x’aktarx twassal għal preġudizzju kontra applikanti ġodda li jkunu jixtiequ jiftħu stabbilimenti ġodda.
98. Spanja tiċħad l-applikabbiltà tal-Artikolu 6(5) tal-Liġi Nru 7/1996 f’Cataluña (43). Madankollu, jidhirli li huwa ċar li, meta komunità awtonoma tkun fil-fatt ħolqot kumitat, l-eżistenza tad-dispożizzjoni li tippermettilha tagħmel dan bilfors tkun rilevanti. Kwalunkwe interpretazzjoni oħra tfisser li d-dispożizzjoni inkwistjoni kienet mill-ewwel nieqsa mill-għan u l-effett (44).
99. Il-Kumitat Konsultattiv u r-rekwiżit li dan joħroġ rapport dwar l-applikazzjonijiet għal-liċenzji huma mezzi xierqa biex jiġu żgurati l-għanijiet ambjentali, ta’ ppjannar u/jew ta’ protezzjoni tal-konsumatur imsemmija minn Spanja?
100. Il-Kumitat Konsultattiv joħroġ rapport mhux biss fuq kwistjonijiet li jirrigwardaw l-għoti ta’ liċenzji mill-Generalitat iżda wkoll fuq kwistjonijiet ta’ ppjanar li jirrigwardaw l-identifikazzjoni ta’ żoni fejn jistgħu jinfetħu stabbilimenti għall-bejgħ bl-imnut, inkluż l-abbozzar ta’ proposti biex jiġi emendat il-PTSEC, u fuq id-delimitazzjoni ta’ “żoni urbani kkonsolidati tal-muniċipalitajiet”.
101. Għaldaqstant, ċerti oqsma li dwarhom huwa jiġi kkonsultat jaqgħu manifestament fil-kamp tal-ippjanar urban u rurali, li ċerti għanijiet tiegħu jistgħu jkunu ambjentali. Mill-banda l-oħra, ma huwiex ċar mil-leġiżlazzjoni li l-konsultazzjonijiet jinvolvu b’xi mod kwistjonijiet ta’ protezzjoni tal-konsumatur. Fl-għoti ta’ ċerti liċenzji jistgħu jkunu rilevanti wkoll kunsiderazzjonijiet ambjentali u ta’ ppjanar urban u rurali. Għaldaqstant, ma jidhirx li ma hijiex xierqa l-eżistenza ta’ Kumitat Konsultattiv li jikkonsisti f’rappreżentanti ta’ korpi u interessi lokali u reġjonali, li jrid jirrapporta dwar dawn l-oqsma diversi qabel ma tittieħed deċiżjoni.
102. Lanqas ma jidher li l-eżistenza u l-funzjonijiet tal-Kumitat huma b’xi mod sproporzjonati. Kif sostna l-Gvern Spanjol, ir-rwol tiegħu huwa purament konsultattiv, u huwa diffiċli li wieħed jimmaġina mezz inqas restrittiv biex jiġu analizzati d-diversi kwistjonijiet ikkonċernati.
103. Madankollu, il-kumitat, kif inhu kompost, huwa xieraq għal dan il-għan?
104. L-argument prinċipali tal-Kummissjoni huwa li l-kumitat jinkludi negozjanti lokali eżistenti, li x’aktarx li l-interess tagħhom huwa li jżommu l-istatus quo u jillimitaw id-disponibblità ta’ possibbiltajiet ġodda għal operaturi ġodda. Dan jidher li hu argument plawsibbli, u wieħed li fil-passat ġie aċċettat mill-Qorti tal-Ġustizzja f’ċirkustanzi simili (45).
105. Spanja tinsisti li huma biss minoranza (ftit inqas minn terz) tal-membri tal-kumitat li jirrappreżentaw in-negozjanti lokali, iżda dan ma jidhirlix li hu l-punt rilevanti. Anki jekk il-maġġoranza tal-membri jirrappreżentaw lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, u huma preżunti li jaqdu dmirijiethom b’imparzjalità, l-uniku interess settjorali li huwa rrappreżentat (f’ammont sinjifikattiv) huwa n-negozju lokali eżistenti.
106. Korp li jiġi kkostitwit b’dan il-mod, b’ebda rappreżentanza mill-interessi ambjentali jew tal-konsumatur, ma jidhirlix li huwa strument xieraq biex jintlaħqu għanijiet ambjentali, ta’ ppjanar jew ta’ protezzjoni tal-konsumatur. Il-pożizzjoni meħuda minnu x’aktarx li tkun konsistentement preġudikata favur l-interessi kummerċjali eżistenti, anki minħabba l-fatt li ma hemm ebda kontribut mill-interessi l-oħra li l-għanijiet tagħhom il-kumitat jingħad li jfittex.
107. Għaldaqstant jiena tal-fehma li l-eżistenza tal-kumitat konsultattiv li twaqqaf [skont l-Artikolu 6(5) tal-Liġi Nru 7/1996] mill-Artikolu 11 tal-Liġi Nru 18/2005 u l-funzjonijiet tiegħu kif stabbiliti f’dan l-aħħar artikolu u fl-Artikolu 27 tad-Digriet Nru 378/2006 jistgħu jkunu ġustifikati peress li huma intiżi li jissodisfaw raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, iżda l-kompożizzjoni tiegħu kif provduta fl-Artikolu 26 tad-digriet imsemmi l-aħħar mhijiex xierqa biex jintlaħqu l-għanijiet ikkonċernati u għaldaqstant tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 43 KE.
– Nuqqas ta’ preċiżjoni fil-kriterji
108. Il-Kummissjoni targumenta li l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 10 tal-Liġi Nru 18/2005 ma humiex preċiżi, u jirreferu b’mod speċifiku (u eżarwjenti) għall-“kundizzjonijiet li jirrigwardaw is-sigurtà tal-proġett u l-integrazzjoni tal-istabbiliment fl-ambjent urban”, għall-“mobbiltà ġġenerata mill-proġett” u d-“dritt tal-konsumaturi li jkollhom provvista wiesgħa u varjata f’termini ta’ kwalità, kwantità, prezz u karatteristiċi tal-prodott”.
109. F’dan ir-rigward, ninnota li l-Kummissjoni ma hijiex qiegħda toġġezzjona għan-natura tal-kriterji iżda għan-nuqqas ta’ preċiżjoni tagħhom li, hija ssostni, jipprekludi lill-applikanti milli jevalwaw b’mod preċiż il-possibbiltajiet tagħhom li jiksbu liċenzja u tagħti lill-awtoritajiet tal-liċenzji marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa wisq.
110. Filwaqt li Spanja taċċetta li jista’ jingħad li d-“dritt tal-konsumaturi li jkollhom provvista wiesgħa u varjata f’termini ta’ kwalità, kwantità, prezz u karatteristiċi tal-prodott” ma huwiex preċiż, hija ssostni li ż-żewġ kriterji kkontestati l-oħra huma definiti b’mod suffiċjenti.
111. Fir-rigward tal-ewwel kriterju, ma nistax naqbel ma’ dan. Spanja sempliċement sostniet li l-integrazzjoni tal-istabbiliment fl-ambjent urban għandha effett fuq fejn jiġi ppożizzjonat il-proġett fiż-“żona urbana kkonsolidata” (kriterju li ma jidhirx l-Kummissjoni toġġezzjona għalih). Madankollu, ma jidhirlix li dan irendi l-kriterju iktar preċiż jew definit.
112. Dwar it-tieni kriterju, Spanja tenfasizza li l-“mobbiltà ġġenerata mill-proġett” trid tiġi evalwata espliċitament fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi ta’ Cataluña Nru 9/2003 (46). Wara li rajt din il-liġi, nikkonstata li għalkemm hija tistabbilixxi, f’ċertu dettall, il-prinċipji u l-għanijiet li jridu jirregolaw l-iżviluppi li jinvolvu l-mobbiltà personali u t-trasport tal-oġġetti u l-fatturi li jridu jittieħdu inkunsiderazzjoni fi kwalunkwe evalwazzjoni, hija ma tagħti ebda indikazzjoni dwar liema kriterji jew limiti preċiżi se jiddeterminaw jekk liċenzja għall-bejgħ bl-imnut għandhiex tingħata jew le. Għaldaqstant, jidher li xorta jibqa’ n-nuqqas ta’ preċiżjoni li l-Kummissjoni qiegħda tilmenta dwarha.
113. Madankollu, Spanja targumenta wkoll li l-kriterji ma jitqisux mhux xierqa biex jilħqu l-għanijiet ta’ protezzjoni ambjentali u tal-konsumatur sempliċement minħabba li ma humiex preċiżi. Hija ssostni li d-dritt tal-UE juża wkoll l-istess teknika li biha jindika l-kriterji li għandhom jiġu applikati mingħajr ma jiġu speċifikati l-kundizzjonijiet li bihom wieħed ikun jista’ jbassar bi preċiżjoni jekk l-applikazzjoni tkunx ser tiġi approvata jew le.
114. Għalkemm Spanja ma ċċitat ebda eżempju speċifiku tal-leġiżlazzjoni tal-UE inkwistjoni, xorta waħda hija korretta fl-asserzjoni tagħha. Tiftixa ta’ malajr f’dan is-sens tindika numru ta’ okkażjonijiet, fosthom id-Direttiva 98/8/KE (47), li hija eżempju tajjeb.
115. F’dak li jirrigwarda l-proporzjonalità, il-Kummissjoni tiċċita s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Analir et (48): “[...] biex skema ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva minn qabel tiġi ġġustifikata minkejja li tidderoga minn libertà fundamentali, hija trid, fi kwalunkwe każ, tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, li ma humiex diskriminatorji, li l-impriżi kkonċernati jkunu jafu bihom minn qabel, b’mod li tiġi limitata d-diskrezzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali biex ma tintużax b’mod arbitrarju. Għaldaqstant, in-natura u l-portata tal-obbligi tas-servizz pubbliku li jiġu imposti permezz ta’ skema ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva minn qabel iridu jiġu speċifikati lill-impriżi kkonċernati minn qabel”.
116. Il-fatt li jiġu speċifikati n-natura u l-portata tal-obbligi tas-servizz pubbliku fil-kabotaġġ tal-gżejjer jidher li huwa rekwiżit raġonevoli. F’dan il-każ, madankollu (l-istess bħal-leġiżlazzjoni tal-UE li jien iċċitajt iktar ’il fuq), jidhirli li t-tipi ta’ kriterji inkwistjoni ma humiex adatti għal tali speċifikazzjoni. Jekk l-integrazzjoni fl-ambjent urban, l-effett fl-użu tat-toroq u t-trasport u l-għażla disponibbli għall-konsumaturi huma kriterji leġittimi meta jiġi deċiż jekk stabbiliment għall-bejgħ bl-imnut għandux ikun awtorizzat – u l-Kummissjoni ma toġġezzjonax għan-natura tagħhom, iżda toġġezzjona biss għan-nuqqas ta’ preċiżjoni tagħhom – ma jidhirx li hu possibbli li jiġu speċifikati limiti preċiżi minn qabel mingħajr ma tiddaħħal ċerta riġidità li x’aktarx tirrestrinġi iktar il-libertà ta’ stabbiliment.
117. Għaldaqstant, jiena tal-fehma li l-kriterji identifikati mill-Kummissjoni fl-Artikolu 10 tal-Liġi Nru 18/2005 ma humiex daqshekk nieqsa mill-preċiżjoni li jsiru mhux xierqa biex jintlaħqu l-għanijiet ambjentali, ta’ ppjanar u tal-protezzjoni tal-konsumatur invokati minn Spanja, jew li huma sproporzjonati għal dan il-għan.
– Ir-regola tas-“silenzju negattiv”
118. Ir-regola tas-“silenzju negattiv” tidher li hija newtrali f’termini ta’ adegwatezza. Jekk l-awtorità tal-liċenzji ma tiħux deċiżjoni espliċita fit-terminu stabbilit, tkun id-deċiżjoni impliċita li tipprovdi ċ-ċertezza legali. Ma jidhirlix li jekk id-deċiżjoni impliċita tkun pożittiva jew negattiva dan jagħmilha iktar jew inqas xierqa biex jintlaħaq xi wieħed mill-għanijiet invokati minn Spanja.
119. F’dak li jirrigwarda l-proporzjonalità, il-Kummissjoni ssostni li jekk ir-regola tkun ta’ “silenzju pożittiv” (fejn l-applikazzjoni titqies li hija approvata jekk ma tittiħidx deċiżjoni li tiċħadha f’terminu speċifiku), din tkun daqstant effettiva u tkun ukoll inqas restrittiva fuq il-libertà ta’ stabbiliment. Hija ssostni wkoll li deċiżjoni negattiva impliċita ma tippermettix lill-applikanti jkunu jafu bir-raġunijiet li fuqhom ikun ibbażat ir-rifjut jew, konsegwentement, biex jikkontestaw ir-raġunijiet għar-rifjut.
120. Dwar l-ewwel punt, jidhirli li l-Kummissjoni hija neċessarjament korretta u l-Gvern Spanjol ma pprovda ebda argument kontrih. Fil-fatt, ninnota li l-Artikolu 33(5) tad-Digriet Nru 378/2006 (li għalih il-Kummissjoni toġġezzjona għal raġunijiet oħra (49)) fih regola ta’ “silenzju pożittiv” fir-rigward tal-ħruġ tar-rapport dwar is-sehem mis-suq, u għaldaqstant juri li huwa approċċ assolutament possibbli.
121. Dwar it-tieni punt, madankollu, Spanja sostniet, mingħajr kontestazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni, li r-regola tas-“silenzju negattiv” ma teżentax lill-awtoritajiet milli jagħtu r-raġunijiet iżda tistabbilixxi ċerta ġurnata li warajha tkun tista’ titressaq xi kontestazzjoni. Ninnota, barra minn hekk, li fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea stess, l-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Personal japplikaw l-istess prinċipju tas-“silenzju negattiv” għal talbiet u lmenti magħmulin mill-uffiċjali, mingħajr ma jitneħħa d-dritt ta’ appell ta’ dawn l-uffiċjali quddiem il-qrati tal-UE.
122. Għaldaqstant, naċċetta li l-Kummissjoni irnexxiet fl-argument tagħha f’dan ir-rigward, iżda biss inkwantu ssostni li regola ta’ “silenzju pożittiv” hija daqstant effettiva u hija wkoll inqas restrittiva minn regola ta’ “silenzju negattiv”.
– Miżati
123. Il-ġbir ta’ miżati għall-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għal-liċenzji jidher li huwa mezz assolutament xieraq biex jiġi żgurat li l-applikazzjonijiet jimtlew sew u li l-verifiki meħtieġa dwar l-osservanza tal-għanijiet rilevanti ambjentali, ta’ ppjanar u tal-protezzjoni tal-konsumatur ma jimponux piż indebitu fuq il-persuni li jħallsu t-taxxa.
124. Il-Kummissjoni, madankollu, issostni li l-miżati miġbura ma humiex relatati mal-ispiża tal-proċedura, u għaldaqstant huma sproporzjonati. Hija tiċċita ġurisprudenza li tgħid li, biex ma jiksrux il-libertà fundamentali tat-Trattat, l-ispejjeż involuti fi proċedura ta’ awtorizzazzjoni minn qabel ma għandhomx jiskoraġġixxu lill-operaturi milli jsegwu l-pjanijiet kummerċjali tagħhom (50); li r-rekwiżiti tar-reġistrazzjoni ma għandhomx iwasslu għal spejjeż amministrattivi sproporzjonati (51); u li l-miżata għal servizz li tkun f’ammont li ma huwiex assolutament marbut mal-ispiża ta’ dak is-servizz jew ikkalkulat mhux fuq dik l-ispiża speċifika iżda fuq l-ispejjeż kollha kurrenti u kapitali tad-dipartiment responsabbli għal dak is-servizz, tkun tikkostitwixxi taxxa (52).
125. Mill-banda l-oħra, Spanja ssostni li l-miżati inkwistjoni huma stabbiliti bħala ċertu ammont għal kull metru kwadru ta’ żona ta’ bejgħ ippjanata (53). Oriġinarjament, l-ammont kien ikkalkulat billi l-ispejjeż tal-ipproċessar inkorsi fl-1994 u fl-1995 ġew diviżi bin-numru ta’ metri kwadri kkonċernati f’dawk is-snin, u minn dakinhar ’il hawn dak ammont inbidel skont l-għoli tal-ħajja. Dan jippermetti lill-operaturi jikkalkolaw b’ċertezza minn qabel l-ammont ta’ miżati. Il-Gvern Spanjol iżid jgħid li l-miżati jitħallsu bin-nifs, b’tali mod li applikant li jirtira xi proġett ma jkollux iħallas il-miżati kollha, u li l-miżati normalment jammontaw għal medja ta’ 0.1 % mit-total tal-ispiża tal-proġett.
126. Jiena naqbel b’mod ġenerali mal-argumenti ta’ Spanja f’dan ir-rigward. Il-Kummissjoni ma ċaħditx l-ispjegazzjoni ta’ Spanja dwar il-metodu ta’ kalkolu, u jidhirli li dan il-metodu, għalkemm jista’ ma jwassalx għal riżultat li jirrifletti l-ispejjeż attwali bi preċiżjoni perfetta f’kull każ, jirrifletti madankollu l-ispejjeż globali bi preċiżjoni raġonevoli u x’aktarx li ftit ivarja mill-ispejjeż attwali fil-każijiet individwali. Jiena naqbel li l-ġbir ta’ miżata għal kull metru kwadru huwa kriterju oġġettiv, li għandu l-vantaġġ li jippermetti li l-ispiża tal-proċedura tkun tista’ tiġi antiċipata bi trasparenza assoluta. Lanqas ma jidhirli li huwa probabbli li l-operaturi jkunu skoraġġuti mill-pjanijiet kummerċjali tagħhom minħabba l-miżata li tammonta għal medja ta’ 0.1 % mill-ispiża tal-proġett, anki jekk dak il-0.1 % tista’ tammonta għal somma sinjifikattiva f’termini assoluti.
127. Għaldaqstant, nikkunsidra li Spanja wriet b’mod adegwat li l-miżati li dwarhom qiegħda tilmenta l-Kummissjoni huma ġġustifikati.
– Dewmien tal-proċedura
128. Il-Kummissjoni ssostni li ż-żewġ perijodi ta’ sitt xhur imsemmija fl-Artikolu 33(5) u 33(7) tad-Digriet Nru 378/2006 jagħtu lill-awtoritajiet sa sena żmien biex joħorġu liċenzja għal stabbilimenti kbar għall-bejgħ bl-imnut; dan hu perijodu eċċessiv fid-dawl tal-għan imfittex, u x’aktarx li jiskoraġġixxi lill-applikanti, anki jekk dan il-perijodu huwa sempliċement il-massimu possibbli. Spanja tgħid li fir-realtà l-applikazzjonijiet jiġu pproċessati f’medja ta’ 1.9 xhur, esklużi l-formalitajiet addizzjonali u s-sospensjonijiet li jippermettu l-preżentazzjoni ta’ dokumenti li jkunu nieqsa, iżda kieku l-perijodu totali permess kien qasir wisq, ir-regola tas-“silenzju negattiv” tapplika b’mod iktar frekwenti u jkun hemm iktar applikazzjonijiet li jiġu miċħuda.
129. Fil-fatt il-perijodi ta’ sitt xhur inkwistjoni jikkonċernaw il-ħruġ u l-validità tar-rapport dwar is-sehem mis-suq, iktar milli l-proċedura tal-liċenzji minnha nfisha.
130. L-ewwel perijodu jinkludi regola ta’ “silenzju pożittiv”: jekk ma jinħariġx rapport negattiv dwar is-sehem mis-suq fi żmien sitt xhur, ir-rapport jitqies li huwa pożittiv. Jidhirli li huwa kontradittorju li l-Kummissjoni tallega li regola ta’ “silenzju pożittiv” hija restrizzjoni sproporzjonata fuq il-libertà ta’ stabbiliment meta hija argumentat bil-qawwa li regola ta’ “silenzju negattiv” tikkostitwixxi din ir-restrizzjoni meta tiġi applikata għal-liċenzja muniċipali għall-bejgħ bl-imnut jew għar-rapport muniċipali. Ma hemm xejn ħażin li jiġi stabbilit terminu għall-ħruġ tar-rapport (li bilfors jieħu ċertu ammont ta’ żmien iżda ma għandux jitħalla jestendi indefinittivament), u lanqas ma hemm provi li juru li perijodu ta’ sitt xhur ma jistax jiġi liberament inkorporat fl-iskeda ta’ proġett kbir.
131. It-tieni perijodu jillimita l-validità tar-rapport dwar is-sehem mis-suq. Jekk dan it-terminu jista’ jiskoraġġixxi lill-applikanti potenzjali, jidhirli li dan jista’ jseħħ iktar meta t-terminu jkun iqsar milli meta jkun itwal.
132. Konsegwentement, jiena tal-fehma li l-perijodu ta’ sitt xhur stabbilit fl-Artikolu 33(5) tad-Digriet Nru 378/2006 huwa xieraq u proporzjonat biex jiġi żgurat l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet u li l-perijodu ta’ sitt xhur stabbilit fl-Artikolu 33(7) tal-istess digriet ma huwiex tali li jirrestrinġi l-libertà ta’ stabbiliment minħabba t-tul tiegħu. Madankollu, peress li jiena diġà kkonkludejt li r-rekwiżit tar-rapport dwar is-sehem mis-suq, li lilu jirrigwaraw dawn il-perijodi, huwa restrizzjoni li ma tistax tkun iġġustifikata minħabba li għandha għan ekonomiku, dawk l-istess konklużjonijiet ma jaffettwawx ir-riżultat finali ta’ dawn il-proċeduri.
Fuq l-ispejjeż
133. Skont l-Artikolu 69(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap wieħed jew aktar tat-talbiet tagħhom, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tordna li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha. Fid-dawl tal-konklużjonijiet li wasalt għalihom iktar ’il fuq, jidhirli li jkun xieraq li tiġi applikata din id-dispożizzjoni f’dan il-każ. Skont l-Artikolu 69(4) tal-istess regoli, l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.
Konklużjoni
134. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li:
– tiddikjara li r-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 43 KE billi adotta u/jew żamm fis-seħħ id-dispożizzjonijiet li ġejjin:
– l-Artikolu 4(1) tal-Liġi ta’ Cataluña Nru 18/2005, sa fejn dan jipprojbixxi t-twaqqif ta’ stabbilimenti kbar għall-bejgħ bl-imnut barra miż-żoni urbani kkonsolidati f’numru limitat ta’ muniċipalitajiet;
– l-Artikoli 7 u 10(2) tad-Digriet ta’ Cataluña Nru 379/2006, flimkien mal-Anness 1 ta’ dan id-digriet, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jillimitaw l-awtorizzazzjoni ta’ ipermarkits ġodda u jeżiġu li dawn l- ipermarkits ġodda ma jikkostitwixxux iktar minn 9 % tal-offerta ta’ oġġetti ta’ użu ta’ kuljum u 7 % ta’ oġġetti li ma humiex ta’ użu ta’ kuljum ;
– l-Artikolu 6(2) tal-Liġi tal-Istat Nru 7/1996, l-Artikolu 8 tal-Liġi ta’ Cataluña Nru 18/2005 u l-Artikolu 14(1)(b) tad-Digriet ta’ Cataluña Nru 378/2006, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jeżiġu l-applikazzjoni ta’ limitu fuq is-sehem mis-suq u limitu fuq l-impatt li jirriżulta fuq il-kummerċ tal-bejgħ bl-imnut eżistenti, li jekk jinqabeż ma jippermettix li jitwaqqfu stabbilimenti ġodda kbar u/jew medji għall-bejgħ bl-imnut;
– l-Artikoli 6 u 7 tal-Liġi Nru 18/2005, sa fejn dawn jipprovdu li l-applikazzjoni għal-liċenzja titqies li ġiet miċħuda impliċitament jekk ma tiġix espliċitament approvata f’ċertu perijodu u għaldaqstant jirrestrinġu l-libertà ta’ stabbiliment iktar minn regola li tgħid li applikazzjoni titqies li ġiet approvata impliċitament jekk ma tiġix espliċitament miċħuda f’dak il-perijodu;
– l-Artikolu 26 tad-Digriet Nru 378/2006, sa fejn dan jirregola l-kompożizzjoni tal-Comisión de Equipamientos Comerciales b’mod li jagħti leħen sinjifikattiv lill-interessi kummerċjali tal-bejgħ bl-imnut eżistenti u jeskludi gruppi b’interessi ta’ protezzjoni ambjentali u tal-konsumatur;
– tiċħad il-kumplament tar-rikors; u
– tordna lill-Kummissjoni Ewropea, lir-Renju ta’ Spanja u lir-Renju tad-Danimarka biex ibatu l-ispejjeż tagħhom.
1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
2 – Ley 7/1996, de 15 de enero, de ordenación de comercio minorista (Liġi tal-15 ta’ Jannar 1996 li tirregola l-kummerċ bl-imnut).
3 – Ley 18/2005, de 27 de diciembre, de equipamientos comerciales (Liġi tas-27 ta’ Diċembru 2005 dwar il-faċilitajiet għall-bejgħ bl-imnut).
4 – Decreto 378/2006, de 10 de octubre, por el que se desarrolla la Ley 18/2005 (Digriet tal-10 ta’ Ottubru 2006 li jimplementa l-Liġi Nru 18/2005).
5 – Decreto 379/2006, de 10 de octubre, por el que se aprueba el Plan territorial sectorial de equipamientos comerciales (iktar ’il quddiem, il-“PTSEC”) (Digriet tal-10 ta’ Ottubru 2006 li japprova l-pjan territorjali settorjali għall-faċilitajiet għall-bejgħ bl-imnut).
6 – Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 iktar ’il fuq u l-punt 23 iktar ’il quddiem.
7 – Fid-dispożizzjoni supplimentari 1(2) tal-Liġi, dawn ġew definiti bħala l-impriżi li jimpjegaw inqas minn 250 persuna u li għandhom dħul mill-bejgħ annwali li ma jaqbiżx EUR 50 miljun, u/jew total fil-karta tal-bilanċ annwali li ma jaqbiżx EUR 43 miljun.
8 – Il-miżati huma rregolati bl-Artikolu 7 tat-test mibdul tal-Ley de Tasas y Precios Públicos (il-Liġi dwar it-taxxi u l-imposti pubbliċi), approvata bid-Decreto Legislativo (Digriet Leġiżlattiv) Nru 3/2008. Il-miżati jiġu kkalkulati skont iż-żona ta’ bejgħ li dwarha ssir l-applikazzjoni, u r-rata hija ta’ EUR 3.60 għal kull m² għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni għal-liċenzja u ta’ EUR 0.90 għal kull m² fir-rigward tar-rapport dwar is-sehem mis-suq.
9 – Hemm iktar kategoriji għall-ipermarkits ta’ daqs medju (t’iktar minn 5 000 m²) u għall-ipermarkits kbar (ta’ iktar minn 10 000 m²).
10 – Id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006 L 376, p. 36).
11 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja (C-211/08, Ġabra p. I‑5267, punt 32).
12 – Għal eżempju reċenti, ara s-sentenza Blanco Pérez u Chao Gómez (C-570/07 u C-571/07, Ġabra p. I‑0000, punt 53).
13 – Ara wkoll is-sentenza Blanco Pérez u Chao Gómez, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 61.
14 – Għal eżempju reċenti, ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C-161/07, Ġabra p. I‑10671, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).
15 – Il-Kummissjoni toġġezzjona b’mod speċifiku għall-“kundizzjonijiet li jirrigwardaw is-sigurtà tal-proġett u l-integrazzjoni tal-istabbiliment fl-ambjent urban”, għall-“mobbiltà ġġenerata mill-proġett” u għad-“dritt tal-konsumaturi li jkollhom provvista wiesgħa u varjata f’termini ta’ kwalità, kwantità, prezz u karatteristiċi tal-prodott”.
16 – Il-limitazzjonijiet japplikaw ukoll b’mod ġenerali għall-istabbilimenti tas-settur tal-ikel ta’ daqs medju u l-istabbilimenti kollha li għandhom iktar minn 1 000 m² li jbiegħu oġġetti tal-elettriku jew elettroniċi tad-dar, tagħmir tal-isports jew personali, jew oġġetti għall-passatempi jew kulturali. Għaldaqstant, huma biss l-ilmenti fil-paragrafi (a), (b) u (ċ) li jistgħu jkunu rilevanti għall-ilment dwar id-diskriminazzjoni.
17 – Iċ-ċifri prodotti mill-Kummissjoni (li l-Gvern Spanjol jikkontesta kemm dawn huma preċiżi) juru li, fl-2002, l-operaturi barranin kienu jikkontrollaw 54 % miż-żona ta’ bejgħ fl-istabbilimenti l-kbar u 14 % fl-istabbilimenti ż-żgħar u li, fl-2007, filwaqt li ċ-ċifra għall-istabbilimenti l-kbar baqgħet pjuttost stabbli, dik għall-istabbilimenti ż-żgħar niżlet għal 8 %. Iċ-ċifri tal-Gvern Spanjol għall-2008 juru li l-operaturi barranin kienu jikkontrollaw madwar 68 % miż-żona ta’ bejgħ fl-istabbilimenti l-kbar u madwar 28 % fiż-żgħar.
18 – Id-diverġenza wiesgħa bejn iż-żewġ fatturi tirriżulta primarjament minħabba l-fatt li ċ-ċifri tal-Gvern Spanjol dwar tal-istabbilimenti ta’ inqas minn 2 500 m² huma ħafna inqas minn dawk prodotti mill-Kummissjoni.
19 – Ara t-tabella fil-punt 11 iktar ’il fuq. Ir-rilevanza tal-“limitu” ta’ 2 500 m² hija mnaqqsa minħabba d-diversi eċċezzjonijiet indikati fil-punti 12, 13 u 23 iktar ’il fuq.
20 – Il-Qorti tal-Ġustizzja lanqas ma ġiet ipprovduta b’analiżi statistika tal-azzjonisti tal-operaturi tal-bejgħ bl-imnut ikkonċernati, u dan għall-ebda kategorija ta’ stabbilimenti.
21 – Dan x’aktarx japplika iktar għal, pereżempju, operatur minn Huelva, fil-Lbiċ ta’ Spanja (u iktar minn 1 000 km ’il bogħod minn Barcelona), milli għal operatur minn Perpignan, fin-nofsinhar ta’ Franza (inqas minn 200 km ’il bogħod minn Barcelona), jekk it-tnejn li huma xtaqu jidħlu fis-suq ta’ Catalunya.
22 – Sentenza Blanco Pérez u Chao Gómez, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 53.
23 – Sentenza C‑442/02, Ġabra p. I‑8961, punti 12 sa 14.
24 – Sentenza C-518/06, Ġabra p. I‑3491, punti 66 sa 70.
25 – Sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑439/99, Ġabra p. I‑305); Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑531/06, Ġabra p. I‑4103) u Hartlauer (C‑169/07, Ġabra p. I‑1721).
26 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (221/85, Ġabra p. I‑719).
27 – Sentenzi Semeraro Casa Uno et (C‑418/93 sa C‑421/93, C‑460/93 sa C‑462/93, C‑464/93, C‑9/94 sa C‑11/94, C‑14/94, C‑15/94, C‑23/94, C‑24/94 u C‑332/94, Ġabra p. I‑2975, punt 32); Graf (C‑190/98, Ġabra p. I‑493, punt 25).
28 – Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano fil-Kawża CaixaBank France, punt 58, sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23.
29 – Sentenzi Keck u Mithouard (C-267/91 u C-268/91, Ġabra p. I‑6097, punti 16 u 17); Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-391/92, Ġabra p. I‑1621, punt 13) u Punto Casa u PPV (C-69/93 u C-258/93, Ġabra p. I‑2355, punt 12).
30 – Sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-110/05, Ġabra p. I‑519, punti 56 u 57); Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C-265/06, Ġabra p. I‑2245); u Mickelsson u Roos (C-142/05, Ġabra p. I‑4273).
31 – Ara l-punt 16 iktar ’il fuq. Il-Kummissjoni toġġezzjona b’mod speċifiku għall-“kundizzjonijiet li jirrigwardaw is-sigurtà tal-proġett u l-integrazzjoni tal-istabbiliment fl-ambjent urban”, għall-“mobbiltà ġġenerata mill-proġett” u għad-“dritt tal-konsumaturi li jkollhom provvista wiesgħa u varjata f’termini ta’ kwalità, kwantità, prezz u karatteristiċi tal-prodott”; dawn kollha jidhru li ma humiex preċiżi u li x’aktarx iwasslu biex jiġu applikati b’mod differenti ħafna. Madankollu, Spanja tiċħad li hemm nuqqas ta’ preċiżjoni fir-rigward tal-ewwel żewġ kundizzjonijiet, ħaġa li ser nindirizza iktar ’il quddiem.
32 – Ara l-punt 14 iktar ’il fuq.
33 – Ara l-punt 17 iktar ’il fuq.
34 – Dwar il-preżunzjoni li dawk l-allegazzjonijiet huma sostanzjati; iktar ’il quddiem ser nittratta l-kwistjoni dwar jekk il-miżati mitluba u d-dewmien tal-proċedura humiex xierqa u proporzjonati.
35 – Ara l-punti 7 sa 9 u 45 iktar ’il fuq.
36 – Ara, pereżempju, is-sentenza Blanco Pérez u Chao Gómez, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 61.
37 – Għal eżempji reċenti, ara: f’dak li jirrigwarda l-protezzjoni tal-ambjent, is-sentenza Attanasio Group (C-384/08, Ġabra p. I ‑2055, punt 50); f’dak li jirrigwarda l-ippjanar urban u rurali, is-sentenza Woningstichting Sint Servatius (C-567/07, Ġabra, p. I-9021, punt 29); u, f’dak li jirrigwarda l-protezzjoni tal-konsumatur, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-260/04, Ġabra p. I‑7083, punt 27).
38 – Għal eżempju reċenti, ara s-sentenza CIBA (C-96/08, Ġabra p. I‑2911, punt 48).
39 – Ara l-punt 8 iktar ’il fuq.
40 – Ara, l-punti 7 u 20 iktar ’il fuq rispettivament.
41 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C-367/98, Ġabra p. I‑4731, punt 52).
42 – Ara l-punt 36 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, iktar ’il fuq.
43 – Ara l-punt 82 iktar ’il fuq.
44 – Ninnota li fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tikkunsidra l-kwistjoni bħala irrilevanti peress li, fil-fehma tagħha, il-leġiżlazzjoni ta’ Catalunya hija mnebbħa mil-leġiżlazzjoni tal-Istat.
45 – Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, (C-439/99, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punti 40 u 41); għal analiżi iktar dettaljata, ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Alber fl-istess kawża, punti 163 et seq.
46 – Ley 9/2003, de 13 de junio, de la movilidad (Liġi tat-13 ta’ Ġunju 2003 dwar il-mobbiltà), b’mod partikolari l-Artikolu 18 tagħha.
47 – Tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Frar 1998, dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 23, p. 3); ara b’mod partikolari l-Anness VI. Eżempji oħra jistgħu jinkludu: id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 97/794/KE, tat-12 ta’ Novembru 1997, li tistabbilixxi ċerti regoli ddettaljati sabiex tapplika d-Direttiva tal-Kunsill 91/496/KEE rigward il-kontrolli veterinarji tal-annimali ħajjin li jridu jiġu importati mill-pajjiżi terzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 22, p. 111); Avviż tal-Kummissjoni Linji gwida dwar trażżin vertikali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 08, Vol. 01, p. 390); u r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Ottubru 2009, dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU 2009 L 309, p.1).
48 – C‑205/99, Ġabra p. I‑1271, punt 38.
49 – Ara l-punti 128 et seq. iktar ’il quddiem.
50 – Sentenza Canal Satélite Digital (C-390/99, Ġabra p. I‑607, punt 41).
51 – Ibid., punt 42.
52 – Sentenza Ponente Carni u Cispadana Costruzioni (C-71/91 u C-178/91, Ġabra p. I‑1915, punt 42).
53 – Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 8 iktar ’il fuq.
Full & Egal Universal Law Academy