KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
BOT
ippreżentati fid-29 ta’ Ottubru 2009 1(1)
Kawża C‑405/08
Ingeniørforeningen i Danmark
vs
Dansk Arbejdsgiverforening
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vestre Landsret (id-Danimarka)]
“Politika soċjali – Informazzjoni u konsultazzjoni tal-ħaddiema – Direttiva 2002/14/KE – Artikolu 7 – Protezzjoni tar-rappreżentanti tal-ħaddiema – Traspożizzjoni tad-Direttiva permezz ta’ ftehim kollettiv – Effetti tal-ftehim kollettiv fir-rigward ta’ ħaddiem li mhuwiex membru tal-organizzazzjoni sindakali firmatarja tal-imsemmi ftehim – Liġi ta’ traspożizzjoni għall-ħaddiema li mhumiex koperti mill-ftehim kollettiv – Protezzjoni msaħħa tar-rappreżentanti tal-ħaddiema kontra t-tkeċċija mix-xogħol”
1. Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2002/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Marzu 2002, li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati [ħaddiema] fil-Komunità Ewropea (2).
2. Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn l-Ingeniørforeningen i Danmark (federazzjoni Daniża tal-inġiniera, iktar ’il quddiem, l-“IDA”), li qed taġixxi għal B. Holst, ex impjegat tal-kumpannija Babcock & Wilcox Vølund ApS (iktar ’il quddiem, “BWV”), u d-Dansk Arbejdsgiverforening (konfederazzjoni Daniża ta’ min iħaddem, iktar ’il quddiem, id-“DA”), li qed taġixxi għal BWV, dwar it-tkeċċija ta’ B. Holst minn dik l-impriża.
3. Il-problema prinċipali f’din il-kawża tirrigwarda jekk l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/14, li jistipula li “[l]-Istati Membri għandhom jassiguraw li r-rappreżentanti ta’ l-impjegati [ħaddiema], meta jwettqu l-funzjonijiet tagħhom, igawdu protezzjoni u garanziji adekwati biex ikunu jistgħu jwettqu d-doveri li jkunu ġew assenjati lilhom”, jimplikax li dawk ir-rappreżentanti għandhom jgawdu minn protezzjoni msaħħa kontra t-tkeċċija.
4. F’dawn il-konklużjonijiet, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja, fl-ewwel lok, biex tistabbilixxi li d-Direttiva 2002/14 għandha tiġi interpretata fis-sens li din ma tipprekludix li ftehim kollettiv jiġi applikat għal ħaddiem li ma jkunx membru ta’ organizzazzjoni sindakali firmatarja ta’ dak il-ftehim.
5. Fit-tieni lok, ser nissuġġerixxi li jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/14 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jeħtieġx li r-rappreżentanti tal-ħaddiema jgawdu minn protezzjoni msaħħa kontra t-tkeċċija. Madankollu ser nippreċiża li jirriżulta minn dak l-Artikolu, meta jinqara flimkien mal-Artikolu 8(1) u (2), ta’ dik l-istess direttiva, li r-rappreżentanti tal-ħaddiema għandhom ikunu jistgħu jivverifikaw, jekk ikun il-każ billi jibbażaw fuq dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli għall-ħaddiema kollha u li jipproteġuhom kontra t-tkeċċija abbużiva, jekk it-tkeċċija tagħhom hijiex immotivata jew le mill-kwalità tagħhom jew mill-attivitajiet tagħhom bħala rappreżentanti tal-ħaddiema u, jekk jirriżulta li dan huwa l-każ, għandhom ikun jistgħu jieħdu passi sabiex jiġi ppenalizzat tali aġir min-naħa ta’ min iħaddem.
I – Il-kuntest ġuridiku
A – Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
6. Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2002/14:
“1. L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jistabbilixxi qafas ġenerali li jqiegħed il-ħtiġiet minimi għad-dritt ta’ l-informazzjoni u l-konsultazzjoni ta’ l-impjegati [ħaddiema] f’impriża jew fi stabbiliment fi ħdan il-Komunità.
2. L-arranġamenti prattiċi għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni għandhom ikunu definiti w implementati bi qbil mal-liġi nazzjonali u l-prattiċi tar-relazzjonijiet industrijali fi Stati Membri ndividwali b’tali mod hekk li jassiguraw l-effettività tagħhom.
3. Meta jiddiffenixxi jew jimplementa l-arranġamenti prattiċi għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni, min jimpjega u r-rappreżentanti ta’ l-impjegati għandhom jaħdmu fi spirtu ta’ koperazzjoni u billi jkunu meqjusa kif xieraq id-drittijiet u l-obbligi reċiproċi tagħhom, billi jkunu meqjusa l-interessi kemm ta’ l-impriża jew ta’ l-istabbiliment u wkoll ta’ l-impjegati.”
7. Ir-rappreżentanti tal-impjegati huma ddefiniti fl-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2002/14 bħala r-“rappreżentanti ta’ l-impjegati [ħaddiema] li jipprovdu għalihom il-liġijiet u/jew il-prattiċi nazzjonali”.
8. L-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi li “[b]i qbil mal-prinċipji stabbiliti f’Artikolu 1 u mingħajr preġudizzju għal xi dispożizzjonijiet u/jew prattiċi eżistenti li huma aktar favorevoli għall-impjegati [ħaddiema], l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw l-arranġamenti prattiċi għall-eżerċitar tad-dritt ta’ l-infomazzjoni u l-konsultazzjoni fil-livell xieraq bi qbil ma dan l-Artikolu”.
9. L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva jipprovdi, barra minn hekk, li “[l]-Istati Membri għandhom jinkarigaw lill-management u lill-impjegati [imsieħba soċjali] fil-livell xieraq, inkluż fil-livell ta’ l-impriża u l-istabbiliment, biex jiddeffinixxu b’libertà u fi kwalunkwe żmien permezz ta’ ftehim innegozjat l-arranġamenti [proċeduri] prattiċi għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni ta’ l-impjegati [ħaddiema]. Dawn l-arranġamenti, u l-ftehim eżistenti fid-data stabbilita f’Artikolu 11, kif ukoll kwalunkwe tiġdid sussegwenti ta’ ftehim bħal dawn, jistgħu jistabbilixxu, waqt li jirrispettaw il-prinċipji kif elenkati fl-Artikolu 1 u suġġett għall-kondizzjonijiet u l-limatzzjonijiet stabbiliti mill-Istati Membri, dispożizzjonijiet li huma differenti minn dawk li hemm referenza dwarhom f’Artikolu 4”.
10. Skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/14, “[l]-Istati Membri għandhom jassiguraw li r-rappreżentanti ta’ l-impjegati [ħaddiema], meta jwettqu l-funzjonijiet tagħhom, igawdu protezzjoni u garanziji adekwati biex ikunu jistgħu jwettqu d-doveri li jkunu ġew assenjati lilhom”.
11. Barra minn hekk, l-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva huwa fformulat b’dan il-mod:
“1. L-Istati Membru għandhom jipprovdu għal miżuri xierqa fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità ma din id-Direttiva minn dak li jimpjega jew mir-rappreżentanti ta’ l-impjegati [ħaddiema]. Partikolarment, għandhom jassiguraw li proċeduri amministrattivi jew ġuridiċi adekwati jkunu disponibbli biex jiffaċilitaw li l-obbligi li joriġinaw minn din id-Direttiva jkunu infurzati.
2. L-Istati Membru għandhom jipprovdu għal sanzjonijiet xierqa biex ikunu applikabbli fil-każ ta’ ksur ta’ din id-Direttiva minn dak li jimpjega jew mir-rappreżentanti ta’ l-impjegati. Dawn is-sanzjonijiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u diswassivi.”
12. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2002/14 jipprovdi li “[l]-Istati Membri għandhom jadottaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma din id-Direttiva mhux aktar tard mit-23 ta’ Maru [Marzu] 2005 jew biex jassiguraw li l-management u l-impjegati jintroduċu sa dik id-data id-dispożizzjonijiet meħtieġa permezz ta’ ftehim, l-Istati Membri jkunu obbligati li jieħdu l-pasi [passi] kollha meħtieġa biex ikunu jistgħu jiggarantixxu r-riżultati imposti b’din id-Direttiva fi kwalunkwe waqt. Għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dan.”
B – Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
1. Il-liġi dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema
13. Id-Direttiva 2002/14 ġiet trasposta fid-dritt Daniż bil-Liġi Nru 303 dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema (lov nr. 303 om information og høring af lønmodtagere), tat-2 ta’ Mejju 2005 (iktar ’il quddiem, il-“liġi tal-2005”), li daħlet fis-seħħ fil-15 ta’ Mejju 2005.
14. Skont l-Artikolu 3 tal-liġi tal-2005, din ma tapplikax jekk l-obbligu ta’ informazzjoni u konsultazzjoni tal-ħaddiema li għandu min iħaddem ikun jirriżulta minn konvenzjoni jew ftehim kollettiv li l-kontenut tiegħu jkun jikkorrispondi minn tal-inqas għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/14.
15. L-Artikolu 8 tal-liġi tal-2005 jipprovdi li “r-rappreżentanti tal-ħaddiema li għandhom jiġu informati u kkonsultati f’dik il-kwalità huma protetti kontra t-tkeċċija u kontra kull deterjorazzjoni fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom fl-istess kundizzjonijiet bħar-rappreżentanti tal-persunal tal-istess kategoriji professjonali jew simili”.
16. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dik id-dispożizzjoni tirreferi għall-protezzjoni ġenerali kontra t-tkeċċija tad-delegati tal-persunal u tad-delegati sindakali li hija stabbilita kważi fil-konvenzjonijiet u l-ftehim kollettivi Daniżi kollha (ħlief għad-diriġenti). Din il-protezzjoni timplika li min iħaddem għandu l-obbligu li juri l-eżistenza ta’ raġunijiet imperattivi biex ikeċċi dik il-kategorija ta’ rappreżentanti tal-persunal u li dik it-tkeċċija ma tistax tiġi evitata, pereżempju bit-tkeċċija ta’ ħaddiem ieħor.
2. Il-liġi dwar l-impjegati
17. Il-ħaddiema kollha koperti mil-liġi dwar l-impjegati (funktionærloven, iktar ’il quddiem, il-“FL”) jgawdu minn protezzjoni kontra t-tkeċċija abbużiva, taħt l-Artikolu 2 b tal-FL, li tipprevedi kumpens li jista’ jammonta għal sitt xhur paga jekk it-tkeċċija ma tkunx tista’ titqies li saret għal raġunijiet ġusti fir-rigward tal-aġir tal-ħaddiema jew is-sitwazzjoni tal-impriża.
18. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-protezzjoni prevista fl-Artikolu 2 b tal-FL hija anqas minn dik li jgawdi minnha rappreżentant tal-persunal taħt il-konvenzjonijiet u l-ftehim kollettivi li fil-każ ta’ tkeċċija ta’ dan tal-aħħar, jipprevedu l-obbligu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ raġunijiet imperattivi.
3. Is-Samarbejdsaftalen
19. Dan huwa ftehim ta’ kooperazzjoni konkluż bejn iż-żewġ konfederazzjonijiet Daniżi l-kbar sindakali u ta’ min iħaddem, jiġifieri l-Landsorganisationen i Danmark (konfederazzjoni ġenerali tax-xogħol, iktar ’il quddiem, il-“LO”) u d-DA, dwar l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-kunsilli tal-impriżi (iktar ’il quddiem, is-Samarbejdsaftalen). Verżjoni ġdida ta’ dak il-ftehim daħlet fis-seħħ fit-23 ta’ Marzu 2005.
20. Is-Samarbejdsaftalen jikkostitwixxi waħda mill-miżuri li jittrasponu d-Direttiva 2002/14 permezz ta’ ftehim. Dan japplika għall-impriżi b’iktar minn 35 impjegat u fih dispożizzjonijiet li jipprevedu l-istabbiliment ta’ kunsill tal-impriża kompost minn rappreżentanti tad-diriġenti u rappreżentanti tal-impjegati.
21. Skont dak il-ftehim, rappreżentant tal-ħaddiema li ma jkunx innominat ukoll bħala rappreżentant tal-persunal għandu dritt, f’każ ta’ tkeċċija, għal terminu ta’ notifika miżjud b’sitt ġimgħat minbarra t-terminu ta’ notifika li huwa jista’ jippretendi pereżempju permezz tal-FL. Madankollu, rappreżentant tal-ħaddiema ma jistax igawdi minn dik l-estensjoni ta’ sitt ġimgħat jekk it-terminu ta’ notifika jirriżulta li jkun itwal minn dak li jingħata lil delegat tal-persunal fl-istess kategorija professjonali.
22. Jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Vestre Landsret (id-Danimarka) li l-emendi li saru fl-2005 għas-Samarbejdsaftalen ippermettew ir-rappreżentanza fil-kunsill tal-impriża tal-kategoriji professjonali kollha koperti minn konvenzjoni jew ftehim kollettiv, anki dawk mhux rappreżentati minn waħda mill-partijiet firmatarji tas-Samarbejdsaftalen. Il-preżenza ta’ rappreżentanti ta’ kull grupp ta’ persuni li jeżerċitaw l-istess xogħol jew li segwew taħriġ partikolari ukoll saret permessa. Hawnhekk huma inklużi kategoriji professjonali jew persuni mhux koperti minn konvenzjoni jew ftehim kollettiv bħal, pereżempju, l-inġiniera.
II – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
23. B. Holst ġie ingaġġat fl-1 ta’ Lulju 1984 minn BWV, b’kuntratt ta’ xogħol individwali, fil-kwalità ta’ inġinier ta’ proġetti. Huwa għandu l-istatus ta’ impjegat u jaqa’, skont il-qorti tar-rinviju, taħt il-FL.
24. Fl-2001, B. Holst ġie elett fil-kunsill tal-impriża ta’ BWV mill-kulleġġ tal-inġiniera, fil-kwalità ta’ ħaddiem li jirrappreżenta lill-inġiniera. Dan il-kunsill, li twaqqaf b’mod konformi mas-Samarbejdsaftalen, huwa kompost kemm minn rappreżentanti tad-diriġenti kif ukoll minn rappreżentanti tal-impjegati. Fi ħdan l-imsemmi kunsill, ir-rappreżentanti tal-impjegati kienu jikkonsistu f’rappreżentanti tal-impjegati organizzati fi ħdan il-LO u rappreżentanti ta’ kategoriji oħrajn ta’ impjegati.
25. B. Holst, flimkien ma’ impjegati oħrajn, kien suġġett għal proċedura ta’ tkeċċija mmotivata minn tnaqqis fil-persunal tal-impriża. Din it-tkeċċija ġiet innotifikata lilu fl-24 ta’ Jannar 2006, bi notifika ta’ sitt xhur.
26. B. Holst huwa membru tal-IDA. Din il-federazzjoni Daniża tal-inġiniera mhijiex membru tal-LO u ma kkonkludietx ftehim kollettiv mal-BWV, la għall-kategorija professjonali tal-inġiniera u lanqas għal ebda kategorija oħra ta’ ħaddiema.
27. BWV timpjega madwar 240 impjegat. Hija membru tal-organizzazzjoni ta’ min iħaddem Dansk Industri (iktar ’il quddiem, id-“DI”). Id-DI hija affiljata mad-DA.
28. Fit-8 ta’ Novembru 2006, l-IDA, f’isem B. Holst, ressqet azzjoni għal kumpens quddiem il-Byretten i Esbjerg (qorti tal-prim’istanza ta’ Esbjerg) (id-Danimarka), fejn talbet li BWV tiġi kkundannata tħallas lil B. Holst kumpens għat-tkeċċija, abbażi tal-FL. L-IDA kienet tal-fehma li t-tkeċċija ma kinitx ibbażata fuq raġunijiet oġġettivi. Hija sostniet ukoll li, bħala rappreżentant tal-ħaddiema fi ħdan il-kunsill tal-impriża, B. Holst kien jgawdi minn protezzjoni partikolari kontra t-tkeċċija taħt l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/14, jiġifieri protezzjoni li tmur lil hinn minn dik prevista fil-FL.
29. Id-DI, fil-kwalità tagħha bħala rappreżentanta tal-BWV, eċċepiet li din it-talba għandha tiġi miċħuda u b’mod partikolari sostniet li n-notifika li għalih B. Holst kellu dritt kemm skont il-FL kif ukoll skont is-Samarbejdsaftalen kien ta’ tali natura li jossidisfa r-rekwiżiti tad-Direttiva 2002/14 hekk kif jirriżultaw mill-Artikolu 7 tagħha.
30. Il-partijiet fil-kawża prinċipali qablu li jresqqu l-kawża quddiem il-Vestre Landsret u kien f’dan l-istadju li d-DA kkostitwixxiet ruħha fil-kwalità ta’ rappreżentanta tal-BWV.
31. Peress li kienet tal-fehma li s-soluzzjoni tal-kawża prinċipali teħtieġ interpretazzjoni tad-Direttiva 2002/14, il-Vestre Landsret iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja dawn id-domandi preliminari:
“1) Jeżisti nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet dwar jekk id-Direttiva 2002/14 […] ġietx trasposta korrettament fil-ftehim magħruf ‘Samarbejdsaftalen’, konkluż bejn id-[DA] u l-[LO],. F’dan ir-rigward, ir-regoli Komunitarji jipprekludu traspożizzjoni ta’ direttiva b’tali mod li kategoriji ta’ ħaddiema jkunu koperti minn ftehim kollettiv bejn imsieħba soċjali li ma jirrappreżentawx il-kategorija professjonali inkwistjoni u meta l-ftehim kollettiv ma jkoprix il-kategorija professjonali tal-persuni inkwistjoni?
2) Jekk id-Direttiva 2002/14 ġiet trasposta b’mod korrett għar-rikorrent fis- Samarbejdsaftalen, l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/14 għandu jitqies bħala li ġie traspost b’mod korrett jekk jiġi stabbilit li s-Samarbejdsaftalen ma jkollux protezzjoni msaħħa kontra t-tkeċċija mix-xogħol għal ċerti kategoriji professjonali?
3) Jekk ir-rikorrent huwa kopert mil-liġi tal-[2005], il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 7 tad-Direttiva [2002/14] li jirrigwardaw ‘protezzjoni u garanziji adekwati biex ikunu jistgħu jwettqu d-doveri li jkunu ġew assenjati lilhom’ jipprekludu t-traspożizzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva fl-Artikolu 8 tal-[liġi tal-2005], li tgħid [li] ‘[r]-rappreżentanti li għandhom jiġu informati u kkonsultati f’isem l-impjegati għandhom ikunu protetti kontra t-tkeċċija mix-xogħol jew konsegwenzi ħżiena oħra fuq il-kundizzjonijiet tal-impjieg tagħhom bl-istess mod bħad-delegati tal-persunal fl-istess qasam professjonali jew f’wieħed simili’, jekk it-traspożizzjoni ma jkunx fiha protezzjoni msaħħa kontra t-tkeċċija mix-xogħol għal kategoriji professjonali li mhumiex koperti minn ftehim kollettiv?”
32. L-IDA, id-DA, ir-Renju tad-Danimarka kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub u trattazzjonijiet orali dwar dawn id-domandi.
III – Analiżi
A – Fuq l-ewwel domanda
33. Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva 2002/14 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li din tipprojbixxi li ftehim kollettiv jiġi applikat għal ħaddiem li ma jkunx membru ta’ organizzazzjoni sindakali firmatarja ta’ dak il-ftehim kollettiv.
34. Ir-risposta għal din id-domanda tirriżulta direttament mis-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2008, Andersen (3). F’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha quddiemha talba għal deċiżjoni preliminari mill-Højesteret (id-Danimarka), li kienet tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 91/533/KEE, tal-14 ta’ Ottubru 1991, dwar l-obbligazzjoni ta’ min iħaddem li jgħarraf lill-impjegati [ħaddiema] bil-kondizzjonijiet applikabbli għall-kuntratt jew għar-relazzjoni tal-impjieg (4).
35. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, stabbilixxiet li l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 91/533 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprojbixxix liġi nazzjonali li tipprovdi li ftehim kollettiv li jittrasponi fid-dritt nazzjonali d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva huwa applikabbli għal ħaddiem għalkemm dan ma jkun membru ta’ ebda organizzazzjoni sindakali firmatarja ta’ tali ftehim kollettiv. Min-naħa l-oħra, hija kienet tal-fehma li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/533 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprojbixxix li ħaddiem li mhuwiex membru ta’ organizzazzjoni sindakali firmatarja ta’ ftehim kollettiv li jirregola r-relazzjoni ta’ impjieg ta’ dan tal-aħħar jista’ jkun ikkunsidrat bħala “kopert minn” dan il-ftehim, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.
36. Biex tasal għal din l-interpretazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja prinċipalment ibbażat fuq il-fakultà li d-Direttiva 91/533 tagħti lill-Istati Membri biex iħallu f’idejn l-imsieħba soċjali biex jistabbilixxu, b’mod partikolari permezz tal-adozzjoni ta’ ftehim kollettivi, id-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex tiġi trasposta dik id-Direttiva (5). Hija rrilevat li l-fakultà rikonoxxuta b’dan il-mod lill-Istati Membri mill-imsemmija direttiva hija konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tistipula li dawn tal-aħħar jistgħu jħallu, l-ewwel nett, f’idejn l-imsieħba soċjali biex jiksbu l-għanijiet tal-politika soċjali previsti f’direttiva f’dan il-qasam (6).
37. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li din il-fakultà ma teżentax lill-Istati Membri mill-obbligu li jiżguraw ruħhom, permezz ta’ liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi xierqa, li l-ħaddiema kollha jistgħu jgawdu mill-protezzjoni sħiħa mogħtija lilhom mid-Direttiva 91/533, peress li l-garanzija statali għandha tkopri s-sitwazzjonijiet kollha fejn protezzjoni ma tingħatax b’xi mod ieħor u, b’mod partikolari, meta dan in-nuqqas ta’ protezzjoni jkun dovut għall-fatt li l-ħaddiema kkonċernati mhumiex membri f’sindakat (7).
38. Wara li għamlet din il-preċiżazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li d-Direttiva 91/533, fiha nfisha, ma tipprojbixxix liġi nazzjonali li tipprovdi li ħaddiem li ma jkunx membru ta’ organizzazzjoni sindakali firmatarja ta’ ftehim kollettiv li jimplementa d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva mhuwiex, għal din ir-raġuni biss, prekluż milli jgawdi, skont dan il-ftehim kollettiv, mill-protezzjoni kollha prevista mill-imsemmija direttiva (8). Hija indikat, barra minn hekk, fil-kuntest tal-eżami tat-tieni domanda li, peress li l-kategorija ta’ persuni li jistgħu jkunu koperti minn ftehim kollettiv bħal, b’mod partikolari, fil-każ ta’ ftehim kollettiv iddikjarat li għandu applikazzjoni ġenerali, tista’ tkun totalment indipendenti mill-fatt jekk dawn il-persuni jkunux membri ta’ organizzazzjoni sindakali firmatarja ta’ din il-konvenzjoni jew le, il-fatt li persuna ma tkunx membru ta’ organizzazzjoni sindakali bħal din m’għandux, fih innifsu, l-effett li jċaħħad lil dik il-persuna mill-protezzjoni legali mogħtija mill-ftehim kollettiv inkwistjoni (9).
39. Il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk irrikonoxxiet li d-dritt Komunitarju, f’dan il-każ id-Direttiva 91/533, ma tipprojbixxix li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ ftehim kollettiv li jittrasponi direttiva jmur lil hinn mill-ħaddiema biss li jkunu jappartjenu għal organizzazzjonijiet sindakali firmatarji ta’ tali ftehim kollettiv. Din id-direttiva b’hekk m’għandha ebda effett fuq id-determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione personæ tal-ftehim kollettivi ta’ traspożizzjoni. L-importanti, sabiex ikun hemm konformità mar-rekwiżiti li jinsabu fl-imsemmija direttiva, huwa li kull Stat Membru jiggarantixxi, fl-aħħar mill-aħħar, li ebda grupp ta’ ħaddiema ma jkun eskluż mill-protezzjoni prevista minnha.
40. Il-Qorti tal-Ġustizzja, barra minn hekk, irrinvjat lill-qorti tar-rinviju l-kompitu li tivverifika diversi punti intiżi biex tiġi żgurata t-traspożizzjoni korretta tad-Direttiva 91/533. Hija b’hekk talbet lill-qorti tar-rinviju biex tivverifika jekk il-leġiżlazzjoni Daniża tirrikonoxxix b’mod effettiv għall-ħaddiema kollha koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim kollettiv inkwistjoni, kemm jekk ikunu membri ta’ organizzazzjoni sindakali jew le, id-dritt li jinvokaw, quddiem il-qrati nazzjonali, id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim kollettiv li joffrulhom protezzjoni, b’mod li dawn il-ħaddiema kollha jgawdu mill-istess protezzjoni (10). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, hija wkoll il-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk ħaddiem bħal Andersen jaqax taħt l-imsemmi ftehim kollettiv (11).
41. Dan ir-raġunament adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-Direttiva 91/533, fil-fehma tiegħi, jista’ perfettament jiġi mtenni fir-rigward tad-Direttiva 2002/14. Effettivament, din turi l-istess rieda tal-leġiżlatur Komunitarju li jawtorizza lill-Istati Membri biex iħallu f’idejn l-imsieħba soċjali l-kompitu li jistabbilixxu d-dispożizzjonijiet meħtieġa sabiex jintlaħqu l-għanijiet stipulati mill-imsemmija direttiva. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li ssir referenza għat-tlieta u għoxrin premessa tad-Direttiva 2002/14 kif ukoll għall-Artikoli 1(2), 5 u 11(1) tal-istess direttiva. Barra minn hekk, l-imsemmija direttiva mhijiex intiża biex tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personæ tal-ftehim kollettivi ta’ traspożizzjoni, u l-importanti huwa li kull Stat Membru jadotta d-dispożizzjonijiet meħtieġa biex jiggarantixxi, b’mod partikolari billi jistabbilixxi sistema ta’ protezzjoni applikabbli fuq bażi sussidjarja, li jinkisbu r-riżultati previsti mid-Direttiva 2002/14.
42. Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, bl-istess mod kif essenzjalment stabbilixxiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Andersen, iċċitata iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata lill-qorti tar-rinviju għandha tkun li d-Direttiva 2002/14 għandha tiġi interpretata fis-sens li din ma tipprekludix li ftehim kollettiv jiġi applikat għal ħaddiem li ma jkunx membru ta’ organizzazzjoni sindakali firmatarja ta’ dak il-ftehim.
43. Fl-aħħar nett għandu jiġi ppreċiżat li l-kwistjonijiet li ġew dibattuti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, dwar jekk, minn naħa, rappreżentant tal-ħaddiema bħal B. Holst jaqax jew le taħt is-Samarbejdsaftalen u, min-naħa l-oħra, jekk jistax, minkejja l-fatt li mhuwiex membru ta’ organizzazzjoni sindakali firmatarja tas-Samarbejdsaftalen, jinvoka, quddiem il-qrati nazzjonali, dispożizzjonijiet protettivi ta’ dak il-ftehim, għandhom jiġu deċiżi mill-qorti tar-rinviju.
B – Fuq it-tieni u t-tielet domandi
44. Fit-tieni u t-tielet domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju titlaq minn żewġ ipoteżijiet differenti, skont jekk għal rappreżentant tal-ħaddiema bħal B. Holst għandux jiġi applikat s-Samarbejdsaftalen jew inkella l-mekkaniżmu ta’ protezzjoni sussidjarja li jinsab fil-liġi tal-2005. Kif diġà rajna, hija dik il-qorti li għandha tiddetermina liema liġi nazzjonali għandha tapplika għal B. Holst.
45. Għaldaqstant għanda tinqabeż din il-problema tad-dritt nazzjonali u jiġu eżaminati flimkien it-tieni u t-tielet domandi inkwantu dawn it-tnejn huma intiżi biex jiksbu interpretazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/14. Permezz ta’ dawn id-domandi, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq tkun taf jekk dak l-Artikolu għandux jiġi interpretat fis-sens li jeħtieġ li r-rappreżentanti tal-ħaddiema jgawdu minn protezzjoni msaħħa kontra t-tkeċċija.
46. L-eżami tat-test tal-imsemmi Artikolu kif ukoll it-teħid inkunsiderazzjoni tal-għan tad-Direttiva 2002/14, iwassluni biex nirrispondi għal din id-domanda fin-negattiv.
47. Għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, “[l]-Istati Membri għandhom jassiguraw li r-rappreżentanti ta’ l-impjegati [ħaddiema], meta jwettqu l-funzjonijiet tagħhom, igawdu protezzjoni u garanziji adekwati biex ikunu jistgħu jwettqu d-doveri li jkunu ġew assenjati lilhom”. Din il-formolazzjoni adottata mil-leġiżlatur Komunitarju tħalli marġni ta’ evalwazzjoni wiesgħa lill-Istati Membri u lill-imsieħba soċjali biex jadottaw il-miżuri li jidhrilhom li huma meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jitwettqu sew il-missjonijiet tar-rappreżentanti tal-ħaddiema. Ebda miżura speċifika mhija imposta. Wieħed seta’ jimmaġina, pereżempju, li l-leġiżlatur Komunitarju jeżiġi, b’mod iktar dettaljat, li r-rappreżentanti tal-ħaddiema jkollhom is-siti jew il-materjali meħtieġa biex jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom, jew li jkollhom taħriġ jew dritt għal assenza mix-xogħol bi ħlas. Xejn minn dan ma jirriżulta espressament mit-termini tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/14, u lanqas ma jirriżulta r-rekwiżit ta’ protezzjoni msaħħa tar-rappreżentanti tal-ħaddiema kontra t-tkeċċija.
48. Għandu jiġi rrilevat ukoll li jirriżulta mill-Artikolu 137(2) KE, li jikkostitwixxi l-bażi ġuridika ta’ din id-direttiva, kif ukoll mill-Premessa 18 u l-Artikolu 1(1) tal-imsemmija direttiva, li l-għan tagħha huwa li tistabbilixxi qafas ġenerali li jiffissa rekwiżiti minimi għad-dritt għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema fl-impriżi u l-istabbilimenti li jinsabu fil-Komunità (12). In-natura ġenerali ta’ dan il-qafas, kif ukoll il-konstatazzjoni li d-Direttiva 2002/14 tipprevedi biss rekwiżiti minimi, mhumiex konsistenti, fil-fehma tiegħi, ma’ interpretazzjoni li tpatti għan-nuqqas ta’ preċiżjoni fl-Artikolu 7 billi tagħtih kontenut fis-sens ta’ protezzjoni msaħħa tar-rappreżentanti tal-ħaddiema kontra t-tkeċċija.
49. Din hija r-raġuni għalfejn jiena tal-fehma li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/14 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jeħtieġx li r-rappreżentanti tal-ħaddiema jgawdu minn protezzjoni msaħħa kontra t-tkeċċija.
50. Xorta jibqa’ l-fatt li, fil-fehma tiegħi, jirriżulta mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/14, meta jinqara flimkien mal-Artikolu 8(1) u (2) ta’ din l-istess Direttiva, li r-rappreżentanti tal-ħaddiema għandhom jgawdu minn protezzjoni effettiva kontra l-miżuri żvantaġġużi jew diskriminatorji li jistgħu jittieħdu kontra tagħhom matul il-mandat tagħhom, jew wara l-iskadenza tiegħu, u dan biss fil-każ ta’ tkeċċija mmotivata mill-kwalità tagħhom jew l-attivitajiet tagħhom bħala rappreżentanti tal-ħaddiema. It-tkeċċija ta’ rappreżentanti tal-ħaddiema għal raġuni bbażata fuq l-eżerċitar tal-missjoni tagħhom tkun, effettivament, inkompatibbli mar-rekwiżit li jistipula li huma għandhom ikunu f’pożizzjoni li jistgħu jwettqu b’mod adegwat il-kompiti fdati lilhom.
51. Ir-rappreżentanti tal-ħaddiema suġġetti għal tkeċċija għandhom, b’hekk, ikunu jistgħu jikkontrollaw fil-kuntest ta’ proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji, jew inkella permezz ta’ mekkaniżmu ta’ arbitraġġ professjonali, il-motiv ta’ tali tkeċċija. Jekk jirriżulta li tali tkeċċija kienet immotivata minn raġunijiet marbuta mal-eżerċitar tal-funzjonijiet ta’ rappreżentant tal-ħaddiema, tali aġir min-naħa ta’ min iħaddem għandu jkun suġġett għal sanzjonijiet adegwati, jiġifieri sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi.
52. B’hekk, il-livell minimu ta’ protezzjoni tar-rappreżentanti tal-ħaddiema li kontrihom tkun ittieħdet deċiżjoni ta’ tkeċċija minn min iħaddimhom jinsab fil-possibbiltà għal dawn tal-aħħar li jivverifikaw jekk dik it-tkeċċija hijiex immotivata jew le mill-kwalità jew l-attivitajiet tagħhom bħala rappreżentanti tal-ħaddiema u, jekk jirriżulta li dan huwa l-każ, għandhom ikun jistgħu jieħdu passi sabiex jiġi ppenalizzat tali aġir minn naħa ta’ min iħaddem.
53. Jekk inqabblu d-dritt Daniż mal-interpretazzjoni li fil-fehma tiegħi għandha tingħata lill-Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/14, jirriżulta li dan id-dritt huwa konformi ma’ dan l-Artikolu inkwantu ma jinsabx taħt il-livell minimu ta’ protezzjoni, li għadni kif iddefinixxejt.
54. Id-deskrizzjoni li saret quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tad-diversi regoli adottati fid-dritt Daniż sabiex tiġi trasposta d-Direttiva 2002/14 turi li rappreżentant tal-ħaddiema jista’ jgawdi minn grad ta’ protezzjoni fir-rigward tat-tkeċċija li jvarja skont jekk ikunx jaqa’ taħt ftehim kollettiv jew liġi ta’ traspożizzjoni.
55. B’hekk, il-protezzjoni ta’ rappreżentant tal-ħaddiema li jaqa’ taħt is-Samarbejdsaftalen u li mhuwiex fl-istess ħin delegat tal-persunal tinsab essenzjalment, u f’ċerti limiti, fil-benefiċċju ta’ terminu ta’ notifika prolongat ta’ sitt ġimgħat. Min-naħa l-oħra, jekk jirriżulta li rappreżentant tal-ħaddiema mhuwiex kopert minn dak il-ftehim kollettiv u li b’hekk għalih japplika l-mekkaniżmu ta’ protezzjoni sussidjarja prevista mil-liġi tal-2005, huwa potenzjalment igawdi mill-istess protezzjoni bħal dik li tingħata lid- delegati tal-persunal tal-istess kategorija professjonali jew ekwivalenti, jiġifieri jistgħu jitkeċċew biss għal raġunijiet imperattivi.
56. L-eżistenza ta’ tali differenzi fil-protezzjoni mogħtija lir-rappreżentanti tal-ħaddiema f’każ tkeċċija ma jidhirlix li hija, fiha nfisha, inkompatibbli ma’ dak li tipprevedi d-Direttiva 2002/14. Għall-kuntrarju, dawk il-varjazzjonijiet huma l-konsegwenza kemm tal-marġni ta’ diskrezzjoni li dik id-direttiva tħalli lill-Istati Membri kif ukoll tal-fakultà li hija tagħti lil dawk l-Istati biex iħallu l-implementazzjoni tal-imsemmija direttiva f’idejn l-imsieħba soċjali. Il-possibbiltà ta’ tali varjazzjonijiet hija rikonoxxuta wkoll espressament mil-leġiżlatur Komunitarju fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2002/14, li jirrigwarda d-definizzjoni tal-proċeduri ta’ informazzjoni u konsultazzjoni tal-ħaddiema.
57. L-eżistenza ta’ differenzi fil-protezzjoni mogħtija lir-rappreżentanti tal-ħaddiema f’każ ta’ tkeċċija tirriżulta wkoll min-natura minima tar-rekwiżiti stabbiliti mid-Direttiva 2002/14, li tippermetti l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet jew prassi li jkunu iktar favorevoli għalihom. B’hekk huwa possibbli li jiġi kkonstatat, kif huwa l-każ f’din il-kawża, li liġi li tittrasponi dik id-direttiva tipproteġi b’mod iktar intensiv lir-rappreżentanti tal-ħaddiema kontra t-tkeċċija meta mqabbel ma’ dak li huwa previst fi ftehim kollettiv li jittrasponi wkoll l-imsemmija direttiva. Jista’ jseħħ ukoll l-oppost.
58. Ikun xi jkun il-mod magħżul sabiex tiġi trasposta dik id-direttiva, u b’mod partikolari l-Artikolu 7 tagħha, l-importanti huwa li d-dritt nazzjonali jiggarantixxi l-ħarsien tal-livell minimu previst f’dak l-Artikolu, jiġifieri li rappreżentant tal-ħaddiema li jkun suġġett għal tkeċċija jkun jista’ jivverifika, jekk ikun il-każ billi jibbaża fuq dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli għall-ħaddiema kollha u li jipproteġuhom kontra t-tkeċċija abbużiva, jekk dik it-tkeċċija hijiex immotivata jew le mill-kwalità jew l-attivitajiet tiegħu bħala rappreżentant tal-ħaddiema u, jekk jirriżulta li dan huwa l-każ, li huwa jista’ jieħu passi biex jiġi ppenalizzat tali aġir minn min iħaddem. Meta ħaddiem ikun okkupa l-funzjoni ta’ rappreżentant tal-ħaddiema, l-eżerċitar ta’ tali funzjoni b’hekk għandu jkun jista’ jiġi kkunsidrat sabiex jiġi ddeterminat jekk it-tkeċċija ta’ dan tal-aħħar hijiex ibbażata fuq raġunijiet konkreti u oġġettivi jew jekk għandhiex titqies bħala abbużiva.
59. Jidhirli li d-dritt Daniż huwa konsistenti ma’ dan ir-rekwiżit inkwantu jirriżulta mill-osservazzjonjiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja li rappreżentant tal-ħaddiema bħal B. Holst dejjem għandu, bħala impjegat li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-FL, il-possibbiltà li jinvoka l-Artikolu 2b ta’ dik il-liġi li, għandu jiġi mfakkar, tipprovdi għal kumpens li jista’ jammonta sa sitt xhur salarju jekk it-tkeċċija ma tkunx tista’ titqies li saret għal raġunijiet ġusti meta jitqies l-aġir tal-ħaddiem jew is-sitwazzjoni tal-impriża. Inkwantu, skont dak l-Artikolu, it-tkeċċija ta’ rappreżentant tal-ħaddiema tkun saret minħabba l-kwalità tiegħu jew l-eżerċitar tal-attivitajiet tiegħu bħala rappreżentant tal-ħaddiema tista’ titqies bħala tkeċċija abbużiva li tesponi lil min iħaddem għal sanzjonijiet, id-dritt Daniż jirrispetta, fil-fehma tiegħi, il-bażi ta’ protezzjoni tar-rappreżentanti tal-ħaddiema li tirriżulta mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/14, meta jinqara flimkien mal-Artikolu 8(1) u (2), ta’ dik l-istess Direttiva.
60. Għal dawn ir-raġunijiet kollha, jiena tal-fehma li jekk l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/14 għandu, fil-fehma tiegħi, jiġi interpretat fis-sens li ma jeħtieġx li r-rappreżentanti tal-ħaddiema jgawdu minn protezzjoni msaħħa kontra t-tkeċċija, madankollu jirriżulta minn dak l-Artikolu, meta jinqara flimkien mal-Artikolu 8(1) u (2), ta’ dik l-istess Direttiva, li r-rappreżentanti tal-ħaddiema għandhom ikunu jistgħu jivverifikaw, jekk ikun il-każ billi jibbażaw fuq dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli għall-ħaddiema kollha u li jipproteġuhom kontra t-tkeċċija abbużiva, jekk it-tkeċċija tagħhom hijiex immotivata jew le mill-kwalità jew l-attivitajiet tagħhom bħala rappreżentanti tal-ħaddiema u, jekk jirriżulta li dan huwa l-każ, għandhom ikunu jistgħu jieħdu passi sabiex jiġi ppenalizzat tali aġir minn naħa ta’ min iħaddem.
IV – Konklużjoni
61. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi li:
“1) Id-direttiva 2002/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Marzu 2002, li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati [ħaddiema] fil-Komunità Ewropea għandha tiġi interpretata fis-sens li din ma tipprekludix li ftehim kollettiv jiġi applikat għal ħaddiem li ma jkunx membru ta’ organizzazzjoni sindakali firmatarja ta’ dak il-ftehim.
2) L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/14 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jeħtieġx li r-rappreżentanti tal-ħaddiema jgawdu minn protezzjoni msaħħa kontra t-tkeċċija. Madankollu jirriżulta minn dak l-Artikolu, meta jinqara flimkien mal-Artikolu 8(1) u (2), ta’ dik l-istess direttiva, li r-rappreżentanti tal-ħaddiema għandhom ikunu jistgħu jivverifikaw, jekk ikun il-każ billi jibbażaw fuq dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli għall-ħaddiema kollha u li jipproteġuhom kontra t-tkeċċija abbużiva, jekk it-tkeċċija tagħhom hijiex immotivata jew le mill-kwalità jew l-attivitajiet tagħhom bħala rappreżentanti tal-ħaddiema u, jekk jirriżulta li dan huwa l-każ, għandhom ikunu jistgħu jieħdu passi sabiex jiġi ppenalizzat tali aġir minn naħa ta’ min iħaddem.”
1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 219.
3 – C‑306/07, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra.
4 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 3.
5 – Sentenza Andersen, iċċitata iktar ’il fuq (punti 24 u 35).
6 – Ibidem (punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).
7 – Ibidem (punt 26).
8 – Ibidem (punt 27).
9 – Ibidem (punt 34).
10 – Ibidem (punti 28 u 29).
11 – Ibidem (punt 37).
12 – Sentenza tat-18 ta’ Jannar 2007, Confédération générale du travail et (C‑385/05, Ġabra p. I‑611, punt 36).
Full & Egal Universal Law Academy