KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
PAOLO MENGOZZI
ppreżentati fid-29 ta’ Ottubru 2009 1(1)
Kawża C-419/08 P
Trubowest Handel GmbH
u
Viktor Makarov
vs
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
u
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
“Appell – Dumping – Dannu allegatament subit minħabba l-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2320/97 li jimponi dazji antidumping fuq importazzjonijiet ta’ ċerti tubi u pajpijiet seamless – Kundizzjonijiet biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità”
I – Il-fatti li wasslu għall-kawża, is-sentenza appellata, il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
1. Permezz ta’ dan l-appell, Trubowest Handel GmbH u V. Makarov qed jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej Trubowest Handel u V. Makarov vs Il-Kunsill u Il‑Kummissjoni (2), li permezz tagħha hija ċaħdet it-talba tagħhom għal kumpens, ibbażata fuq l-Artikolu 288(2) KE, għad-dannu li huma allegatament sofrew minħabba l-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2320/97 tas-17 ta’ Novembru 1997 li jimponi taxxi kontra d-dumping fuq importazzjonijiet ta’ ċertu pajpijiet seamless u tubi tal-ħadid jew non-alloy steel li joriġinaw mill-Ungerija, il-Polonja, ir-Russja, ir-Repubblika Ċeka, ir-Rumanija u r-Repubblika Slovakka, li jħassar Regolament (KEE) Nru 1189/93 u li jtemm il-proċeduri dwar dawn l-importazzjonijiet li joriġinaw fir-Repubblika tal-Kroazja (3) (iktar ’il quddiem ir-“regolament definittiv”). Dan ir-regolament ma baqax applikabbli wara l-21 ta’ Lulju 2004, b’mod konformi mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1322/2004 (4).
2. Bejn Jannar tal-1999 u Otubru tal-1999, il-kumpannija stabbilita skont id-dritt Ġermaniż Trubowest Handel GmbH (iktar ’il quddiem “Trubowest”) importat fil-Komunità Ewropea tubi u pajpijiet seamless li joriġinaw mir-Russja. Din il-kumpannija, li d-diriġent tagħha huwa V. Makarov, hija s-suċċessura fit-titolu tal-kumpannija Truboimpex Handel GmbH (iktar ’il quddiem “Truboimpex”), li d-diriġent tagħha kien ukoll V. Makarov.
3. F’Ottubru tal-1999, l-Amtsgericht Kleve (il-qorti kantonali ta’ Kleve) (il-Ġermanja) ħarġet mandat ta’ arrest kontra V. Makarov minħabba suspetti qawwija li huwa kien ipprovda lill-awtoritajiet fiskali b’informazzjoni ineżatta u mhux kompleta dwar fatti fiskali importanti li ppermettilu jevita’ bil-kbir id-dazji fuq l-importazzjoni. B’mod partikolari, kien indikat fil-mandat ta’ arrest li t-tubi u l-pajpijiet li ġejjin mir-Russja u li huma importati minn Truboimpex u Trubowest kienu suġġetti għal dikjarazzjonijiet foloz bil-għan li jiġu evitati d-dispożizzjonijiet tar-regolament definittiv.
4. B’applikazzjoni tal-mandat ta’ arrest, V. Makarov inżamm f’detenzjoni mis-27 ta’ Ottubru sat-12 ta’ Novembru 1999, u sussegwentement, minn meta ġie lliberat, kien suġġett għal miżuri li jirrestrinġu l-libertà tiegħu ta’ moviment.
5. Fit-tmiem tax-xahar ta’ Ottubru tal-1999, l-awtoritajiet doganali Ġermaniżi innotifikaw lil Trubowest u lil V. Makarov b’avviżi ta’ rkupru a posteriori bil-għan li jinkiseb il-ħlas tad-dazji antidumping relatati mal-importazzjonijiet li kienu saru minn Truboimpex u Trubowest matul il-perjodu bejn ix-xahar ta’ Diċembru 1997 sax-xahar ta’ Ottubru 1999. L-awtoritajiet doganali Ġermaniżi, essenzjalment, kienu tal-fehma li l-importazzjonijiet tal-appellanti ma kinux, indebitament, ġew ikklassifikati taħt il-kodiċi tan-nomenklatura Komunitarja ta’ tubi u pajpijiet seamless li huma suġġetti għar-regolament definittiv.
6. Skont l-awtoritajiet doganali Ġermaniżi, Truboimpex u Trubowest b’hekk kellhom iħallsu, abbażi tad-dazji antidumping mhux imħallsa, EUR 1 575 181.86 u EUR 729 538.78 rispettivament, jew ammont totali ta’ EUR 2 304 720.64. Barra minn hekk, V. Makarov, fil-kwalità tiegħu bħala diriġent ta’ Truboimpex u Trubowest, inżamm responsabbli għall-ħlas tal-ammont totali tas-somom dovuti minn dawn iż-żewġ kumpanniji.
7. F’Novembru tal-1999, l-appellanti appellaw, b’mod konformi mal-Artikolu 243 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (iktar ’il quddiem il-“KDK”) (5) , u mad-dritt nazzjonali applikabbli, mill-avviżi ta’ rkupru a posteriori tad-dazji antidumping maħruġa kontrihom.
8. Wara li t-talba tagħhom għas-sospensjoni tal-avviżi ta’ rkupru ġiet miċħuda mill-Finanzgericht Düsseldorf (qorti tal-finanzi ta’ Düsseldorf), l-appellanti ppreżentaw it-talbiet tagħhom quddiem il-Hauptzollamt Duisburg (uffiċċju prinċipali tad-dwana ta’ Duisbourg) fejn huma essenzjalment sostnew li l-awtoritajiet doganali Ġermaniżi, b’mod żbaljat, kienu kkunsidraw li l-importazzjonijiet tagħhom kienu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament definittiv.
9. Fl-14 ta’ Novembru 2002, il-proċeduri kriminali miftuħa kontra V. Makarov ġew sospiżi mil-Landgericht Kleve (qorti reġjonali ta’ Kleve) sakemm tiġi konkluża l-proċedura fiskali li kien suġġett għaliha.
10. Fis-16 ta’ Lulju 2004, il-Kunsill adotta r-Regolament Nru 1322/2004 li stabbilixxa li r-regolament definittiv ma kienx ser jibqa’ applikabbli sa mill-21 ta’ Lulju 2004.
11. Fil-15 ta’ Diċembru 2004, l-appellanti kkonkludew tranżazzjoni mal-Hauptzollamt Duisburg li temmet il-kwistjoni li kellhom mal-awtoritajiet doganali Ġermaniżi.
12. Skont dik it-tranżazzjoni, kien previst, l-ewwel nett, li l-avviżi tat-taxxa u d-dikjarazzjonijiet tar-responsabbiltà fir-rigward tad-dazji antidumping fl-ammont ta’ EUR 2 304 734.45 kellhom jiġu rregolati bil-ħlas ta’ somma totali ta’ EUR 460 000, it-tieni nett, li l-iffirmar tat-tranżazzjoni kellu jwassal għall-waqfien immedjat tal-miżuri eżekuttivi kollha adottati kontra Trubowest u V. Makarov u, it-tielet nett, li dawn tal-aħħar kellhom jirrinunzjaw li jressqu allegazzjonijiet ġodda kontra l-awtorità doganali, pereżempju bl-għan li jiksbu danni għall-fatti ddikjarati konġuntament fit-tranżazzjoni, u li jippreżentaw azzjonijiet ġudizzjarji oħrajn kontra l-awtorità doganali, inklużi allegazzjonijiet ta’ tali natura kontra terzi, b’mod partikolari rikorsi għal rimbors kontra l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea abbażi tal-Artikolu 288 KE. It-test tat-tranżazzjoni indika wkoll, essenzjalment, li s-sunt konġunt tal-fatti ma kienx isolvi l-kwistjoni bejn il-partijiet dwar liema kienu t-tubi tal-azzar li jaqgħu u dawk li ma jaqgħux taħt ir-regolament definittiv.
13. F’Mejju tal-2005, ingħalqu l-proċeduri kriminali kontra V. Makarov, bil-kundizzjoni li dan tal-aħħar iħallas multa ta’ EUR 18 000.
14. Fir-rikors għad-danni tagħhom ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, l-appellanti talbu li l-Komunità tagħti kumpens għad-danni subiti minħabba l-adozzjoni ta’ miżuri definittivi ta’ antidumping stabbiliti mir-regolament definittiv billi tħallas:
– EUR 118 058.46 lil Trubowest bħala danni, flimkien ma’ interessi moratorji fuq dik is-somma, b’rata annwali ta’ 8 %; dik is-somma tikkorrispondi għall-ammont effettivament imħallas minn Trubowest wara d-diversi avviżi ta’ rkupru tad-dazji antidumping maħruġa mill-awtoritajiet doganali Ġermaniżi kontra l-appellanti u tikkostitwixxi lucrum cessans għal Trubowest;
– EUR 397 916.91 lil V. Makarov bħala danni u interessi, flimkien ma’ interessi moratorji fuq dik is-somma, b’rata annwali ta’ 8 %; dik is-somma tikkorrispondi, fir-rigward ta’ EUR 277 939.37, għall-ammont totali tas-somom li V. Makarov effettivament ħallas wara d-diversi avviżi ta’ rkupru tad-dazji antidumping, fir-rigward ta’ EUR 63 448.54 għan-nuqqas ta’ salarji mħallsa minn Trubowest lil V. Makarov sa mis-27 ta’ Ottubru 1999 u, fir-rigward ta’ EUR 56 529, għall-ispejjeż tal-avukat mħallsa matul il-proċeduri li tressqu kontrih mill-awtoritajiet doganali Ġermaniżi;
– EUR 128 000 lil Trubowest, abbażi ta’ lucrum cessans għall-perjodu bejn is-snin 2000 u 2004, flimkien ma’ interessi moratorji fuq dik is-somma b’rata annwali ta’ 8 %, jew, sussidjarjament, somma lil Trubowest bħala danni, li għandha tiġi miftiehma bejn il-partijiet wara sentenza interlokutorja tal-Qorti tal-Prim’Istanza;
– EUR 150 000 lil V. Makarov bħala kumpens għad-dannu morali li huwa sofra, flimien ma’ interessi moratorji fuq dik is-somma b’rata annwali ta’ 8 %.
15. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza, l-ewwel nett, iddikjarat li ma għandhiex ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi dwar it-talbiet għal kumpens tal-appellanti fir-rigward tal-ammonti ta’ EUR 118 058.46 u EUR 277 939.37 mitluba rispettivament minn Trubowest u V. Makarov bħala rimbors tad-dazji antidumping imħallsa kif ukoll l-ammont ta’ EUR 56 529 li jikkorrispondi għall-ispejjeż tal-avukat imħallsa minn V. Makarov fil-kuntest tal-proċedura quddiem l-awtoritajiet doganali Ġermaniżi. Fir-rigward ta’ dawn l-ewwel żewġ ammonti, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat, essenzjalment, li dawk it-talbiet jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati nazzjonali, b’mod konformi mal-proċeduri stabbiliti mill-KDK (punti 42 sa 74 tas-sentenza appellata). Fir-rigward tat-tielet ammont, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li r-rimbors tal-ispejjeż tal-avukat mitlub kien anċillari għall-kawża prinċipali bejn l-appellanti u l-awtoritajiet doganali Ġermaniżi, li jaqa’ esklużivament taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali. Skont il-Qorti tal-Prim’Istanza, it-talba li tirrigwarda dak l-ammont b’hekk lanqas ma taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati Komunitarji (punti 77 sa 81 tas-sentenza appellata). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddikjarat dawn it-talbiet kollha bħala inammissibbli (rispettivament il-punti 73, 74 u 82 tas-sentenza appellata).
16. It-tieni nett, waqt li llimitat ruħha biex teżamina l-involviment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità dwar l-eżistenza ta’ rabta kawżali diretta bejn l-illegalità allegata u d-dannu allegatament subit, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet tal-fehma li, għal dak li jirrigwarda t-talbiet għal kumpens abbażi tal-lucrum cessans ta’ Trubowest stmat għal EUR 128 000 u t-telf ta’ salarju minn V. Makarov stmat għal EUR 63 448.54, kif ukoll fir-rigward tat-talba għal kumpens għad-dannu morali li allegatament sofra V. Makarov li ġie stmat għal EUR 150 000, id-danni allegati ma jirriżultawx b’mod suffiċjentement dirett mill-illegalità allegata.
17. B’mod aktar speċifiku, min-naħa, fuq il-bażi tal-ipoteżi li r-regolament definittiv ma kienx ikopri l-importazzjonijiet tal-appellanti u li dawn tal-aħħar b’hekk ma wetqux żball fil-klassifikazzjoni tal-importazzjonijiet tagħhom, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li, f’dan il-każ, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità ma tistax tiġi stabbilita inkwantu d-danni allegati huma esklużivament imputabbli lill-awtoritajiet doganali u kriminali Ġermaniżi u mhux lill-aġir allegatament żbaljat tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (punti 108 sa 115 tas-sentenza appellata).
18. Min-naħa l-oħra, meta eżaminat l-ipoteżi li r-regolament definittiv kien ikopri l-importazzjonijiet tal-appellanti u li dawn tal-aħħar, għaldaqstant, ma kklassifikawx l-importazzjonijet tagħhom korrettament, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li b’hekk kien hemm lok li jiġi kkonstatat, f’dan il-każ, li l-kawża determinanti tad-danni allegati kienet l-aġir proprju tal-appellanti (punti 116 sa 121 tas-sentenza appellata). Fi kwalunkwe każ, anki jekk jiġi preżunt li l-aġir illegali tal-Kunsill u tal-Kummissjoni jista’ jitqies li kkontribwixxa biex iseħħu d-danni allegati, ir-rabta kawżali ġiet miksura, skont il-Qorti tal-Prim’Istanza, minħabba n-nuqqas ta’ diliġenza raġonevoli min-naħa tal-appellanti biex jevitaw li jseħħu dawk id-danni, liema appellanti naqsu milli jitolbu informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffa skont l-Artikolu 12 tal-KDK (punti 122 sa 133 tas-sentenza appellata).
19. Il-Qorti tal-Prim’Istanza b’hekk, essenzjalment, ċaħdet ir-rikors għad-danni bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.
20. Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li, b’rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Settembru 2008, l-appellanti ppreżentaw dan l-appell fejn huma talbu lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tannulla s-sentenza appellata, biex tilqa’ t-talbiet għal kumpens għad-danni li ġew sottomossi fl-ewwel istanza jew, sussidjarjament, biex tirrinvja l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u tikkundanna lill-Kunsill u lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ din il-proċedura.
21. Fir-risposti rispettivi tagħhom, il-Kunsill u l-Kummissjoni talbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.
22. L-appellanti, il-Kunsill u l-Kummissjoni nstemgħu fit-trattazzjoni tagħhom fis-seduta li saret fis-16 ta’ Settembru 2009.
II – Analiżi ġuridika
A – Osservazzjonijiet preliminari
23. Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw żewġ aggravji. L-ewwel aggravju jallega żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti tal-Prim’Istanza fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità. It-tieni aggravju jallega żball ta’ liġi mill-Qorti tal-Prim’Istanza inkwantu ddikjarat li ma kellhiex ġurisdizzjoni fir-rigward tat-talbiet għal rimbors tad-dazji antidumping imħallsa mill-appellanti u t-talbiet anċillari.
24. Bl-istess mod bħall-Kunsill u l-Kummissjoni, jiena tal-fehma li għandu jinqeleb l-ordni kif jiġu eżaminati ż-żewġ aggravji tal-appell invokati. Fil-fatt, peress li jittratta dwar il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza biex tiddeċiedi dwar ċerti talbiet għad-danni, it-tieni aggravju tal-appell għandu neċessarjament jiġi eżaminat qabel l-ewwel wieħed, li jikkritika l-evalwazzjonijiet dwar il-merti li saru mill-Qorti tal-Prim’Istanza. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat il-kundizzjoni dwar ir-rabta kawżali diretta bejn l-illegalità allegata u d-danni allegati mill-appellanti biss fir-rigward tat-talbiet li hija ddeċidiet li huma ammissibbli. B’hekk, jekk it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud, kif nipproponi fil-kunsiderazzjonijiet tiegħi iktar ’il quddiem, l-eżami tal-ewwel aggravju għandu jkun limitat biss għat-talbiet għad-danni li l-Qorti tal-Prim’Istanza stess ikkunsidrat bħala ammissibbli.
B – Fuq it-tieni aggravju tal-appell, li jallega żball ta’ liġi fir-rigward tan-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza biex tiddeċiedi dwar it-talbiet għar-rimbors tad-dazji antidumping imħallsa mill-appellanti u dwar it-talbiet anċillari
1. L-argumenti tal-partijiet
25. L-ewwel nett, l-appellanti jsostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza wetqet żball ta’ liġi meta ddikjarat li ma hijiex kompetenti biex tirrimedja d-dannu li jissussisti wara t-tranżazzjonijiet mal-awtoritajiet doganali Ġermaniżi. L-appellanti jsostnu li l-approċċ adottat mill-Qorti tal-Prim’Istanza għandu bħala effett li jċaħħadhom minn rimedju minħabba l-fatt li huma kkonkludew tranżazzjoni li l-possibbiltà tagħha hija prevista mil-liġi nazzjonali. Skont l-appellanti, l-istess bħal sitwazzjoni fejn taħt il-liġi nazzjonali ebda rimedju ma jkun disponibbli, jitħalla jitressaq rikors għad-danni quddiem il-qorti Komunitarja, fil-każ fejn ir-rimedji nazzjonali jkunu ġew eżerċitati u eżawriti, dik il-qorti għandha wkoll ġurisdizzjoni biex tieħu konjizzjoni tar-rikorsi għad-danni li jinvolvu r-responsabbiltà tal-Komunità. L-appellanti ma jistgħux jiġu ppenalizzati talli eżerċitaw id-dritt li jikkonkludu tranżazzjoni u mċaħħda minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Skonthom, b’riferiment għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja V Krohn Import-Export vs Il‑Kummissjoni (6), anki fir-rigward ta’ talbiet puri għal rimbors ta’ dazji antidumping, l-azzjonijiet quddiem il-qrati Komunitarji huma ammissibbli meta r-rimedji nazzjonali jkunu ġew eżerċitati u l-aġir illegali jkun imputabbli lill-istituzzjonijiet Komunitarji.
26. It-tieni nett, l-appellanti jallegaw li l-Qorti tal-Prim’Istanza żnaturat il-punti ta’ fatt u l-provi meta ddeċidiet, fil-punt 68 tas-sentenza appellata, li huma ma kienu pproduċew l-ebda prova biex jistabbilixxu l-affermazzjonijiet tagħhom li, minn naħa, il-Komunità u l-awtoritajiet Russi u, min-naħa l-oħra, il-proċeduri kriminali mressqa kontra V. Makarov kellhom rwol importanti fid-deċiżjoni biex tiġi konkluża t-tranżazzjoni mal-awtoritajiet doganali Ġermaniżi.
27. Il-Kunsill u l-Kummissjoni jipproponu li dan l-aggravju tal-appell għandu jiġi miċħud. Huma tal-fehma li, l-ewwel nett, kif iddeċidiet ġustament il-Qorti tal-Prim’Istanza, peress li d-dazji antidumping inġabru mill-awtoritajiet doganali nazzjonali, il-qrati nazzjonali biss għandhom ġurisdizzjoni biex jordnaw il-ħlas lura tad-dazji miġbura indebitament abbażi ta’ dispożizzjonijiet Komunitarji. Il-ġurisdizzjoni tal-qrati Komunitarji tkopri biss, min-naħa tagħha, il-possibbiltà ta’ dannu li jmur lil hinn mis-sempliċi rimbors tad-dazji miġbura illegalment. Madankollu, skont il-Kummissjoni, l-argument tal-appellanti ma jikkontridixxix l-evalwazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza.
28. Il-Kunsill jgħid ukoll li t-tranżazzjoni konkluża mal-awtoritajiet doganali Ġermaniżi ma tistax tagħti lok għall-ġurisdizzjoni tal-qorti Komunitarja fuq il-pretest li dik it-tranżazzjoni ma neħħitx id-dannu li allegatament inħoloq mill-ħlas tad-dazji antidumping u mill-ispejjeż tal-avukat. Fil-fatt, it-tranżazzjoni ma biddlet xejn fis-sitwazzjoni tal-appellanti f’termini tal-possibbiltà li jitolbu r-rimbors tad-dazji antidumping imħallsa u l-ispejjeż ġudizzjarji li ntefqu bħala danni kif imsemmi fl-Artikolu 288 KE. L-appellanti ma setgħux jitolbuhom qabel it-tranżazzjoni u lanqas ma jistgħu jitolbuhom wara. Skont il-Kunsill, l-uniku effett (normali) tat-tranżazzjoni konkluża kien li ttemm ir-rimedji nazzjonali li l-appellanti kellhom għad-dispożizzjoni tagħhom biex jirkupraw id-dazji mħallsa.
29. Sussegwentement, il-Kunsill u l-Kummissjoni ma jaqblux mal-interpretazzjoni li l-appellanti donnhom qed jagħtu lis-sentenza Krohn Import-Export vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq. Fil-fatt, min-naħa, skont il-Kunsill, dik is-sentenza ma tittrattax il-kwistjoni dwar x’jista’ jitħallas bħala kumpens f’każ ta’ rikors ippreżentat taħt l-Artikolu 288 KE u, min-naħa l-oħra, skont il-Kummissjoni, ma jistax jiġi dedott mill-imsemmija sentenza li huwa biżżejjed li jiġu eżerċitati r-rimedji nazzjonali biex il-qorti Komunitarja jkollha ġurisdizzjoni.
30. Fl-aħħar, fir-rigward tal-allegat żnaturament tal-fatti u tal-provi mwettqa mill-Qorti tal-Prim’Istanza, dan huwa inammissibbli, inkwantu, b’mod partikolari, l-appell ma jindikax il-portata ġuridika ta’ dak l-iżnaturament, jew inoperattiv peress li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma għandhiex ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi dwar it-talba dwar id-dazji antidumping imħallsa. Fi kwalunkwe każ, il-Kunsill u l-Kummissjoni huma tal-fehma li l-iżnaturament allegat huwa infondat peress li d-dokumenti ppreżentati mill-appellanti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza ma jurux li dawn tal-aħħar kienu suġġetti għal pressjoni biex jikkonkludu t-tranżazzjoni mal-awtoritajiet doganali Ġermaniżi jew li ma kellhom ebda għażla oħra għajr li jikkonkludu l-imsemmija tranżazzjoni.
2. Evalwazzjoni
31. Fuq bażi preliminari, għandu jiġi rrilevat l-ewwel nett li l-appellanti ma jikkontestawx, fl-appell tagħhom, il-kwalifika li tinsab fil-punti 47 u 80 tas-sentenza appellata, fejn it-talbiet tagħhom għal kumpens meqjusa bħala inammissibbli mill-Qorti tal-Prim’Istanza ġew analizzati bħala, min-naħa, talbiet għar-rimbors tad-dazji antidumping li huma ħallsu lill-awtoritajiet doganali Ġermaniżi u, min-naħa l-oħra, it-talbiet għar-rimbors tal-ispejjeż tal-avukat li nefqu fuq livell nazzjonali bħala anċillari għal dawk it-talbiet.
32. F’dak ir-rigward, peress li l-appellanti ma jressqu ebda argument li jista’ jikkontesta n-natura anċillari tal-ispejjeż tal-avukat sostnuti fil-kuntest tal-kawża nazzjonali dwar ir-rimbors tad-dazji antidumping, l-eżami tat-tieni aggravju tal-appell b’hekk jista’ jiġi llimitat għall-evalwazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tagħha biex tiddeċiedi dwar it-talba għar-rimbors tad-dazji antidumping u b’hekk, skont is-sentenza appellata, għall-inammissibbiltà ta’ din tal-aħħar.
33. It-tieni nett, l-appellanti lanqas ma jikkontestaw l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet tal-KDK, b’mod partikolari dawk li jirregolaw il-“[ħ]las lura u [l-] maħfra ta’ dazji” u “d-dritt ta’ rikors” [traduzzjoni mhux uffiċjali] għat-talbiet għal rimbors ta’ dazji antidumping imħallsa, kif ġie kkonstatat fil-punt 42 tas-sentenza appellata. Għaldaqstant, għandu jiġi rrilevat li l-applikabbiltà ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tal-KDK, jiġifieri b’mod partikolari l-Artikoli 236 u 243 tal-KDK, għat-talbiet għar-rimbors tad-dazji antidumping imħallsa minn importatur, diġà tirriżulta mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Ikea Wholesale (7).
34. Kif irrilevat ġustament mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 43 tas-sentenza appellata, il-liġi Komunitarja sussidjarja, f’dan il-każ il-KDK, ipprevediet espressament ir-rimedju legali disponibbli għal debitur ta’ dazji fuq l-importazzjoni li jqis li kien indebitament suġġettat għall-impożizzjoni ta’ dawn id-dazji min-naħa tal-awtoritajiet tad-dwana, jiġifieri li dan ir-rimedju jiġi eżerċitat fuq livell nazzjonali, skont il-proċeduri ta’ appell implementati mill-Istat Membru inkwistjoni skont il-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 243 sa 246 tal-KDK.
35. B’hekk, u kif jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza, meta talba għad-danni tikkoinċidi ma’ rikors għal ħlas lura ta’ somma mħallsa indebitament lill-awtoritajiet nazzjonali fil-kuntest tal-implementazzjoni tad-dritt Komunitarju jew f’isem il-Komunità, hija l-persuna kkonċernata li għandha tirrikorri quddiem il-qrati nazzjonali kompetenti sabiex ikunu jistgħu jiddeċiedu dwar il-fondatezza ta’ tali azzjoni (8).
36. F’dan il-kuntest, fil-każ fejn individwu jqis ruħu ppreġudikat mill-applikazzjoni ta’ att regolatorju Komunitarju li huwa jikkunsidra bħala illegali, huwa għandu l-possibbiltà, meta l-implementazzjoni tal-att taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet nazzjonali, li jikkontesta, meta ssir din l-implementazzjoni, il-validità tal-att quddiem qorti nazzjonali fil-kuntest ta’ kawża kontra l-awtorità nazzjonali. Din il-qorti tista’, jew anki għandha, skont il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 234 KE, tressaq kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li tirrigwarda l-validità tal-att Komunitarju inkwistjoni (9).
37. Mingħajr ma jikkontestaw il-fondatezza ta’ dik il-ġurisprudenza, kif essenzjalment tfakkar ukoll mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 43, 44 u 57 tas-sentenza appellata, l-appellanti jikkritikaw prinċipalment lill-Qorti tal-Prim’Istanza talli kkunsidrat li ma kellhiex ġurisdizzjoni biex tieħu konjizzjoni tar-rikors tagħhom għad-danni fir-rigward tal-ħlas tad-dazji antidumping minkejja li r-rimedji nazzjonali kienu ġew eżerċitati (u eżawriti), iżda mingħajr ma kisbu r-rimbors sħiħ tad-dannu li huma sofrew minħabba l-aġir illegali tal-Komunità.
38. Fi kliem ieħor, l-appellanti jidhru li qed isostnu li, inkwantu t-tranżazzjoni li huma kkonkludew mal-awtoritajiet doganali Ġermaniżi, li kellha l-effett li teżawrixxi r-rimedji nazzjonali, ħalliet jissussisti madankollu parti mid-dannu li huma allegatament sofrew minħabba l-ħlas indebitu tad-dazji antidumping (fl-ammont ta’ madwar EUR 460 000), huma kienu intitolati jitolbu r-rimbors ta’ dan l-ammont quddiem il-qrati Komunitarji li jirriżulta mill-aġir illegali imputabbli lill-istituzzjonijiet Komunitarji, billi f’tali każ dawn il-qrati għandhom jeżerċitaw il-ġurisdizzjoni sussidjarja tagħhom.
39. Huwa minnu li, fis-sentenza Kampffmeyer et vs Il‑Kummissjoni (10), il-Qorti tal-Ġustizzja ssuġġettat l-eżami ta’ rikors għal kumpens tad-danni, li donnu jikkoinċidi ma’ talba għar-rimbors ta’ somom imħallsa indebitament lill-awtoritajiet nazzjonali inkarigati mill-implementazzjoni ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja, għall-eżawriment preċedenti tar-rimedji legali domestiċi, b’mod illi ġie vverifikat jekk id-dannu allegat setax l-ewwel jiġi rrimedjat permezz ta’ dak ir-rimbors (11).
40. Fis-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza bbażat ir-raġunament tagħha mhux daqstant fuq in-nuqqas ta’ eżawriment tar-rimedji nazzjonali qabel it-tressiq tal-kawża mill-appellanti, iżda fuq il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati nazzjonali biex jiddeċiedu dwar it-talbiet għall-ħlas lura tad-dazji antidumping imħallsa indebitament, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 48 u 71 tas-sentenza appellata.
41. Dan l-approċċ huwa appoġġat ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari fis-sentenzi Roquette frères vs Il‑Kummissjoni (12) u Vreugdenhil vs Il‑Kummissjoni (13), u din tal-aħħar kienet iċċitata abbondantament fis-sentenza appellata.
42. Filwaqt li l-kundizzjoni dwar l-eżawriment tar-rimedji nazzjonali tikkostitwixxi kundizzjoni għall-ammissibbiltà ta’ rikors għad-danni quddiem il-qorti Komunitarja, is-sentenza appellata, bl-iktar mod nett, parzjalment ċaħdet ir-rikors għad-danni tal-appellanti b’raġunament ibbażat fuq in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza biex tieħu konjizzjoni ta’ rikors għad-danni li jikkoinċidi ma’ talba għall-ħlas lura ta’ dazji antidumping imħallsa indebitament. Kif diġà ntqal, il-Qorti tal-Prim’Istanza madankollu kkonkludiet dan ir-raġunament, fuq il-bażi tan-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tagħha, billi ddikjarat, fil-punti 73, 74 u 82 tas-sentenza appellata, li r-rikors kien “inammissibbli” inkwantu kien jitlob il-ħlas lura ta’ dazji antidumping imħallsa indebitament.
43. B’mod ġenerali, dan l-approċċ jista’ jidher eċċessivament riġidu peress li jimplika, kif jidher mill-punt 71 tas-sentenza appellata, li l-Qorti tal-Prim’Istanza tkun inklinata li tirrifjuta milli tassumi li għandha ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi dwar rikors għad-danni li jikkoinċidi ma’ talba għall-ħlas lura ta’ dazji antidumping imħallsa indebitament, “anki jekk l-allegat aġir illegali mill-appellanti huwa imputabbli lill-Komunità” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
44. Din tidher li timplika wkoll li l-Qorti tal-Prim’Istanza tirrifjuta milli tassumi li għandha ġurisdizzjoni anki fil-każ fejn ir-rimedji nazzjonali jkunu ġew eżawriti u l-appellant ma jkunx kiseb quddiem il-qrati nazzjonali, għal kwalunkwe raġuni, il-kumpens għad-dannu kollu subit ikkawżat bil-ħlas tad-dazji, anki jekk dak id-dannu allegatament ikun jirriżulta minn aġir illegali tal-istituzzjonijiet Komunitarji. Barra minn hekk, din hija l-kritika fformulata mill-appellanti, li ma hijiex nieqsa minn ċerta rilevanza jekk wieħed iżomm f’moħħu li, fis-sentenza Vreugdenhil vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja vverifikat jekk, f’dik il-kawża, l-impriża inkwistjoni effettivament kinitx kisbet, quddiem il-qrati nazzjonali, ir-rimbors sħiħ tas-somom imħallsa indebitament lill-awtoritajiet nazzjonali (14), biex b’hekk seta’ jiġi mifhum li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li hija stess kellha l-ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi dwar it-talba għal rimbors fil-każ fejn Vreugdenhil ma kienx kiseb rimedju sħiħ quddiem il-qrati nazzjonali.
45. Għalkemm ċerti partijiet tar-raġunament fis-sentenza appellata jistgħu jagħtu lok għal dubju dwar il-konsegwenzi li l-Qorti tal-Prim’Istanza dderivat f’każ li joqrob lejn iċ-ċirkustanzi deskritti fil-punt preċedenti, madankollu, f’din il-kawża, ma jidhirlix li l-argumenti tal-appellanti għandhom jiġu aċċettati, peress li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma kellha ebda għażla oħra għajr li tikkonstata l-inammissibbiltà tat-talba tagħhom għall-ħlas lura tad-dazji antidumping imħallsa indebitament.
46. L-ewwel nett, l-argument tal-appellanti huwa bbażat fuq kritika inammissibbli fl-istadju tal-appell dwar l-evalwazzjoni tal-fatti li saret mill-Qorti tal-Prim’Istanza fejn qalet li l-konklużjoni tat-tranżazzjoni bejn l-appellanti u l-awtoritajiet doganali Ġermaniżi kienet temmet ir-rikorsi ppreżentati fuq livell nazzjonali, u barra minn hekk, mingħajr ma l-appellanti invokaw każ ta’ żnaturament tal-provi mill-Qorti tal-Prim’Istanza f’dan ir-rigward (15).
47. It-tieni nett, fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tiġi kkritikata li naqset milli tikkonstata li, permezz tat-tranżazzjoni inkwistjoni, l-appellanti kienu eżawrew ir-rimedji nazzjonali, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.
48. Fil-fatt, skont dik il-ġurisprudenza, l-eżawriment tar-rimedji nazzjonali jirrigwarda l-eżawriment tar-“rimedji kemm amministrattivi kif ukoll ġudizzjarji taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli” (16) [traduzzjoni mhux uffiċjali] sabiex jinkiseb ir-rimbors tal-ammonti mħallsa indebitament. Il-Qorti tal-Prim’Istanza evalwat, fil-punt 56 tas-sentenza appellata, li billi, permezz tat-tranżazzjoni inkwistjoni, l-appellanti kienu rrinunzjaw għall-possibbiltà li l-qrati nazzjonali jiddeċiedu dwar it-talbiet tagħhom għar-rimbors tad-dazji antidumping li huma kienu ħallsu, l-appellanti ma setgħux b’hekk jallegaw ġustament li kienu sodisfaw il-kundizzjoni ta’ eżawriment tar-rimedji amministrattivi u ġudizzjarji taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.
49. It-tielet nett, kuntrarjament għal dak sostnut mill-appellanti, il-konklużjoni tat-tranżazzjoni mal-awtoritajiet doganali Ġermaniżi b’ebda mod ma hija paragunabbli mas-sitwazzjoni fejn id-dritt nazzjonali ma jipprovdi ebda rimedju nazzjonali peress li, preċiżament, l-imsemmija tranżazzjoni temmet ir-rimedji nazzjonali previsti mill-KDK li għandhom l-għan tal-ħlas lura ta’ dazji antidumping imħallsa indebitament.
50. F’dan ir-rigward, l-appellanti ma jistgħux, ġustament, jinvokaw is-sentenza Krohn Import-Export vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, peress li, fir-rigward tal-fatti li wasslu għal din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ma applikatx il-kundizzjoni tal-eżawriment tar-rimedji nazzjonali, li hija preliminari għall-ammissibbiltà tar-rikors għad-danni quddiem il-qorti Komunitarja, abbażi li tali rimedji ma setgħux iwasslu għall-kumpens għad-dannu allegat (17). F’din il-kawża, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 64 sa 67 tas-sentenza appellata, li r-rimedji nazzjonali previsti mill-KDK kienu adattati biex jiżguraw b’mod effettiv ir-rimbors tad-dazji antidumping mitlub mill-appellanti.
51. Ir-raba’ nett, fil-fehma tiegħi, l-allegat żnaturament tal-fatti u tal-provi eżaminati fil-punt 68 tas-sentenza appellata ukoll għandu jiġi miċħud.
52. Infakkar li, fil-punt 68 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet l-argument tal-appellanti li, meta huma kkonkludew it-tranżazzjoni mal-awtoritajiet doganali Ġermaniżi, huma ma temmewx bil-volontà sħiħa tagħhom ir-rimedji nazzjonali iżda kienu mġiegħla jagħmlu dan minn pressjoni eżerċitata mill-awtoritajiet Komunitarji jew Russi, f’dawn it-termini:
“68. […]. L-ewwel nett għandu jiġi kkonstatat, f’dan ir-rigward, li l-appellanti ma pproduċew ebda prova insostenn tal-affermazzjoni tagħhom li huma kienu suġġetti għal pressjoni min-naħa tal-awtoritajiet Komunitarji jew Russi sabiex jikkonkludu t-tranżazzjoni jew li l-pressjoni li għaliha kienu suġġetti kienet tali li huma kienu mġiegħla jikkonkludu t-tranżazzjoni. Fil-fatt, insostenn tal-affermazzjoni tagħhom, l-appellanti jipprovdu biss korrispondenza skambjata bejn l-awtoritajiet Russi, Komunitarji u Ġermaniżi li jittrattaw, essenzjalment, kwistjonijiet dwar il-klassifikazzjoni tal-importazzjonijiet tat-tubi u l-pajpijiet iżda mingħajr ma jirriżulta li l-appellanti ġew imġiegħla mill-imsemmija awtoritajiet, bi kwalunkwe mod, biex itemmu l-proċeduri nazzjonali mressqa. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, fi kwalunkwe ipoteżi, l-appellanti jidhru li qed jikkontradixxu lilhom infushom f’dan ir-rigward, peress li jidhru li qed jinqdew bil-fatt li huma stess fittxew li jikkonkludu t-tranżazzjoni sabiex jimminimizzaw id-danni tagħhom. Fil-fatt, l-appellanti jindikaw, b’mod partikolari f’dan ir-rigward, li ‘[Trubowest] finalment waslet biex ittaffi t-telf, permezz tat-tranżazzjoni, peress li, minflok ma kellha tħallas it-totalità tal-ammonti li jirriżultaw mill-inġunzjonijiet fiskali maħruġa wara n-nuqqas ta’ ħlas tad-dazji, hija aċċettat li tħallas ammont inqas għoli, għalkemm xorta waħda sostanzjali’. Fl-aħħar, għandu jiġi kkonstatat li l-appellanti ma pproduċew ebda prova li l-proċeduri kriminali miftuħa kontra V. Makarov ma kienu hallulhom ebda għażla oħra għajr li jikkonkludu t-tranżazzjoni jew li l-imsemmija proċeduri kriminali kienu manifestament abużivi.”
53. Waqt li hija ġurisprudenza stabbilita li żnaturament tal-provi prodotti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza jaqa’ taħt l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell, għandu jitfakkar li tali żnaturament għandu jidher b’mod ċar mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (18) u li dan irid jiġi ppruvat minn min iressaq din l-allegazzjoni (19). Barra minn hekk, jirriżulta mill-Artikoli 225 KE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Artikolu 112(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza li tagħha qed jintalab l-annullament kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku t-talba (20).
54. Fil-fehma tiegħi, l-appell tal-appellanti ma jissodisfax dawn il-kundizzjonijiet. B’mod partikolari, l-appell ma jindikax liema provi speċifiċi prodotti mill-appellanti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza ġew żnaturati minn din tal-aħħar u li jsostnu l-allegazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, billi sempliċement jirreferu, mingħajr ma jagħtu spjegazzjoni, għall-annessi tar-replika tagħhom ippreżentata quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, l-appellanti qed jitolbu, fir-realtà, evalwazzjoni ġdida tal-kontenut ta’ dawk l-annessi mill-Qorti tal-Ġustizzja, li ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni tagħha fil-kuntest ta’ appell.
55. Fi kwalunkwe każ, il-fatt li jirriżulta mill-kontenut tal-imsemmija annessi li l-awtoritajiet Komunitarji u Russi kienu informati dwar il-kwistjoni fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-importazzjonijiet ta’ tubi u pajpijiet bejn l-appellanti u l-awtoritajiet doganali Ġermaniżi, lanqas ma juri li l-Qorti tal-Prim’Istanza żnaturat il-provi meta ddeċidiet li dawk id-dokumenti ma kienu jagħtu ebda prova li l-appellanti kienu ġew imġiegħla, bi kwalunkwe mod, biex itemmu l-proċeduri nazzjonali mressqa billi jikkonkludu t-tranżazzjoni inkwistjoni.
56. Barra minn hekk, kif indika ġustament il-Kunsill fir-risposta tiegħu għall-appell, għandha tiġi miċħuda wkoll l-allegazzjoni tal-appellanti dwar l-allegat żnaturament tal-provi dwar l-influwenza li kellhom il-proċeduri kriminali kontra V. Makarov fuq il-konklużjoni tat-tranżazzjoni mal-awtoritajiet doganali Ġermaniżi. Fil-fatt, l-Anness 7 tal-appell, li jinkludi deċiżjoni ta’ sospensjoni tal-proċeduri kriminali adottati mil-Landgericht Kleve fix-xahar ta’ Novembru 2002, jew sentejn qabel it-tranżazzjoni inkwistjoni, ma jurix li l-Qorti tal-Prim’Istanza żnaturat il-provi meta hija kkonkludiet li l-appellanti ma kinux ipprovdew l-elementi neċessarji biex jippruvaw li l-proċeduri kriminali ma ħallew lil V. Makarov b’ebda għażla oħra għajr li jikkonkludi dik it-tranżazzjoni.
57. Għal dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, nissuġġerixxi li t-tieni aggravju tal-appell għandu jiġi miċħud.
C – Fuq l-ewwel aggravju tal-appell, li jallega żbalji ta’ liġi dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità
58. Dan l-aggravju tal-appell jikkonsisti f’żewġ partijiet. L-ewwel parti tallega interpretazzjoni żbaljata tal-kundizzjonijiet biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità. It-tieni parti tallega applikazzjoni żbaljata tal-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ rabta kawżali diretta bejn l-illegalità allegata tar-regolament definittiv u d-dannu allegat.
1. Fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju tal-appell, li tallega interpretazzjoni żbaljata tal-kundizzjonijiet biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità
a) L-argumenti tal-partijiet
59. Fl-appell tagħhom, l-appellanti jallegaw li s-sentenza appellata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi inkwantu l-Qorti tal-Prim’Istanza ma evalwatx l-allegat aġir illegali qabel ma eżaminat ir-rabta kawżali. Matul is-seduta, l-appellanti fformulaw dan l-ilment b’mod kemxejn differenti billi sostnew li meta l-qorti Komunitarja teżamina l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ rabta kawżali jew il-ksur ta’ dik ir-rabta, dan ma jistax isir mingħajr ma jiġi eżaminat f’liema kuntest ġuridiku tinsab dik ir-rabta, b’mod partikolari l-aġir illegali relatat.
60. Il-Kunsill u l-Kummissjoni huma tal-fehma li, b’mod konformi mal-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma kinitx obbligata li tiddeċiedi dwar il-kundizzjonijiet kollha biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità jekk waħda minnhom kienet nieqsa. Ma hemm ebda prinċipju li jobbliga lill-Qorti tal-Prim’Istanza biex tagħmel dikjarazzjoni dwar l-illegalità allegata qabel ma teżamina l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn dik l-illegalità u d-dannu allegat.
b) Evalwazzjoni
61. Fir-rigward tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-argument tal-appellanti insostenn tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tal-appell ma jistax jiġi aċċettat.
62. Għandu jitfakkar li l-involviment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità jippreżupponi li jintlaħqu tliet kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità tal-aġir li bih jiġu akkużati l-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu allegat u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir u d-dannu invokat (21).
63. Skont ġurisprudenza stabbilita, dawn it-tliet kundizzjonijiet għandhom jiġu sodisfati b’mod kumulattiv, li jiġġustifika li jekk waħda minnhom tkun nieqsa, ir-rikors għad-danni jiġi miċħud, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħrajn (22).
64. Barra minn hekk, kif jammettu l-appellanti fil-punt 5 tal-appell tagħhom, ma jeżisti ebda obbligu għall-qorti Komunitarja biex teżamina l-kundizzjonijiet sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà ta’ istituzzjoni f’ordni partikolari (23).
65. Huwa ċar li din l-evalwazzjoni tapplika għall-eżami tal-kundizzjoni dwar ir-rabta kawżali bejn l-aġir allegatament illegali u d-dannu allegat.
66. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja barra minn hekk diġà kkonfermat l-approċċ tal-Qorti tal-Prim’Istanza fejn hija qalet li ma teżisti ebda neċessità għall-qorti li l-ewwel teżamina l-eżistenza ta’ tort min-naħa ta’ istituzzjoni, jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li waħda miż-żewġ kundizzjonijiet l-oħrajn tkun nieqsa fil-kawża li jkollha quddiemha (24).
67. F’din il-kawża, peress li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet tal-fehma li l-kundizzjoni dwar ir-rabta kawżali bejn l-allegat aġir illegali u d-dannu allegatament subit ma kinitx sodisfatta, hija ma kellhiex għalfejn tiddeċiedi dwar l-eżistenza ta’ tort min-naħa tal-istituzzjonijiet matul l-adozzjoni tar-regolament definittiv jew dwar ir-realtà tad-dannu allegatament subit mill-appellanti. Hija b’hekk setgħet ġustament tillimita ruħha biex tevalwa l-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ rabta kawżali, billi tippreżupponi, biss għall-finijiet ta’ dik l-evalwazzjoni, li ż-żewġ kundizzjonijiet l-oħra kienu sodisfati kif sostnut mill-appellanti, b’mod partikolari fil-punti 98, 107 u 121 tas-sentenza appellata.
68. Għandi ngħid ukoll li l-appellanti baqgħu ma spjegawx l-influwenza tal-eżami mill-Qorti tal-Prim’Istanza tal-allegat aġir illegali kemm fuq l-evalwazzjoni tal-kundizzjoni dwar ir-rabta kawżali li saret fis-sentenza appellata kif ukoll fuq id-dispożittiv ta’ din tal-aħħar.
69. Huwa ċar li jkun biss jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata, inkwantu tikkonkludi li ma kienx hemm rabta kawżali bejn l-aġir illegali u d-danni allegati mill-appellanti, li għandu jitqies li l-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljat meta naqset li tiddeċiedi, ta’ mill-inqas, dwar waħda mill-kundizzjonijiet l-oħrajn biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità. Madankollu, għar-raġunijiet imsemmija fil-kuntest tal-eżami tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju tal-appell, ma jidhirlix li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tasal għal dik il-konklużjoni.
70. Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi għandha tiġi miċħuda l-ewwel parti tal-ewwel aggravju tal-appell.
2. Fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju tal-appell, li tallega applikazzjoni żbaljata tal-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ rabta kawżali diretta bejn l-illegalità allegata tar-regolament definittiv u d-dannu allegat
a) L-argumenti tal-partijiet
71. L-appellanti jenfasizzaw l-ewwel nett li hija l-eżistenza ta’ rabta diretta ta’ kawża u effett bejn l-illegalità allegata u d-dannu li r-rimbors tiegħu huwa mitlub, li tikkostitwixxi l-kriterju adattat sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjoni dwar ir-rabta kawżali hijiex sodisfatta. F’dan ir-rigward, huma jikkunsidraw li l-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljat meta kkonstatat, fil-punt 112 tas-sentenza appellata, li huma bbażaw fuq kunċett tar-rabta kawżali differenti minn dak prevalenti fid-dritt Komunitarju. Għall-kuntrarju, l-appellanti argumentaw quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza li, mingħajr l-adozzjoni tar-regolament definittiv illegali, huma ma kienu jsofru ebda dannu għaliex id-dazji antidumping illegali ma kinux jitħallsu. L-appellanti madankollu huma tal-fehma li l-Qorti tal-Prim’Istanza applikat kriterju ta’ kawżalità li kien strett b’mod eżaġerat, ibbażat fuq dannu esklużiv u dirett, li jmur kontra l-ġurisprudenza tagħha stess, f’dan il-każ il-punt 81 tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza FIAMM u FIAMM Technologies vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (25).
72. It-tieni nett, fir-rigward tal-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar in-nuqqas ta’ rabta kawżali suffiċjentement diretta f’din il-kawża, l-appellanti jallegaw li l-Qorti tal-Prim’Istanza telqet minn żewġ ipoteżijiet mhux stabbiliti u irrilevanti, jiġifieri jekk ir-regolament definittiv kienx ikopri jew le l-prodotti importati mill-appellanti u jekk huma kinux wetqu żball jew le fil-klassifikazzjoni tal-importazzjonijiet tagħhom, minflok ma vverifikat jekk, mingħajr l-aġir illegali tal-Komunità, kienx jiġi subit dannu. F’dan ir-rigward, l-appellanti jtennu l-allegazzjoni tagħhom li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma setgħetx tastjeni milli tiddeċiedi dwar l-eżistenza ta’ aġir illegali min-naħa tal-istituzzjonijiet Komunitarji.
73. Fir-rigward tal-ewwel ipoteżi eżaminata mill-Qorti tal-Prim’Istanza, jiġifieri dik li r-regolament definittiv ma kienx ikopri l-importazzjonijiet u li l-appellanti ma wetqux żball fil-klassifikazzjoni tal-importazzjonijiet tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza, essenzjalment, iddikjarat li ma kellhiex ġurisdizzjoni minħabba l-fatt li d-dannu subit kien ġie kkawżat mill-awtoritajiet doganali Ġermaniżi, li jikkontradixxi d-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza f’Sinara Handel vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (26), li ngħata fir-rigward tal-istess allegat aġir illegali. Barra minn hekk, l-appellanti josservaw li huma ma talbux il-kumpens għad-dannu subit minħabba allegat żball fil-klassifikazzjoni tal-importazzjonijiet tagħhom mill-awtoritajiet doganali Ġermaniżi, iżda l-kumpens għad-dannu kkawżat minħabba l-introduzzjoni ta’ dazji antidumping illegali permezz tar-regolament definittiv. Barra minn hekk, l-appellanti jallegaw li l-Qorti tal-Prim’Istanza żnaturat l-argumenti tagħhom dwar il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-awtoritajiet Ġermaniżi qabel ma waslet, fil-punti 114 u 115 tas-sentenza appellata, għall-konklużjoni li, essenzjalment, hija ma kellhiex ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi dwar dannu kkawżat minn miżuri nazzjonali.
74. Fir-rigward tat-tieni ipoteżi prevista mill-Qorti tal-Prim’Istanza, l-appellanti jikkunsidraw li l-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljat meta ddeċidiet li r-rabta kawżali ġiet miksura bl-aġir tagħhom li ma kienx diliġenti biżżejjed peress li huma ma talbux informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffa, mingħajr ma qabel stabbilixxiet l-eżistenza ta’ rabta kawżali. Huma jsostnu wkoll li, f’każ li r-regolament definittiv kien ikopri l-importazzjonijiet tagħhom, l-appellanti kienu ser ikomplu jħallsu d-dazji antidumping li ġew introdotti illegalment u jsofru dannu, tal-inqas fir-rigward tal-lucrum cessans ta’ Trubowest, in-nuqqas ta’ ħlas tas-salarju ta’ V. Makarov u d-dannu kkawżat mill-miżuri eżekuttivi meħuda mill-awtoritajiet doganali Ġermaniżi biex jirkupraw id-dazji dovuti skont ir-regolament definittiv, liema awtoritajiet doganali kienu obbligati li jiġbru dawk id-dazji. Anki kieku huma talbu informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffa, l-appellanti jallegaw li minkejja kollox id-dannu xorta kien ser jiġi subit peress li d-dazji xorta waħda kellhom jitħallsu.
75. Fl-aħħar nett, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti tal-Prim’Istanza talli kkontradixxiet ruħha inkwantu hija ddeċidiet, fil-punt 121 tas-sentenza appellata, li huma taw prova ta’ diliġenza, filwaqt li, fil-punt 133 tal-imsemmija sentenza, hija kkritikathom għal nuqqas ta’ diliġenza raġonevoli.
76. Filwaqt li, fuq bażi preliminari, il-Kunsill isaqsi, b’mod partikolari fir-rigward tan-natura diżordinata tal-argument tal-appellanti, jekk din il-parti tal-aggravju tidentifikax b’mod suffiċjentement ċar żball ta’ liġi li jivvizzja r-raġunament tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-parti essenzjali tal-kritiki fformulati mill-appellanti tikkonsisti f’kontestazzjoni tal-fatti hekk kif ġew evalwati fl-ewwel istanza, ħlief għall-allegazzjoni li l-Qorti tal-Prim’Istanza applikat kriterju tar-rabta kawżali li kien eżaġerament strett.
77. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tgħid ukoll li, jekk jeżisti żball ta’ liġi fir-raġunament tal-Qorti tal-Prim’Istanza, dak l-iżball, li jirrigwarda l-ipoteżi li l-importazzjonijiet tal-appellanti jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament definittiv, ġie mwettaq favurihom. Fil-fatt, skont il‑Kummissjoni, kien fil-fatt inutli li l-Qorti tal-Prim’Istanza tasal sal-punt li tikkontempla dik l-ipoteżi, li kienet ekwivalenti għal ammissjoni li waħda mill-kundizzjonijiet biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà abbażi tal-Artikolu 288 KE setgħet tkun sodisfatta minkejja li l-appellanti ma għamlu ebda sforz biex jistabbilixxu fl-ewwel istanza li l-importazzjonijiet tagħhom kienu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament definittiv. Skont il‑Kummissjoni, huwa biss f’dik l-ipoteżi li, fil-fatt, setgħet tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Komunità skont l-Artikolu 288 KE, inkwantu l-appellanti ppruvaw li sofrew dannu minħabba l-applikazzjoni korretta tar-regolament definittiv mill-awtoritajiet doganali Ġermaniżi.
78. Fi kwalunkwe każ, il-Kunsill u l-Kummissjoni huma tal-fehma li l-argumenti tal-appellanti huma infondati.
79. L-ewwel nett, il‑Kummissjoni tfakkar li, kuntrarjament għal dak li jissuġġerixxu l-appellanti, il-Qorti tal-Prim’Istanza qatt ma ddikjarat li ma għandhiex ġurisdizzjoni għall-kawżali tad-danni ħlief għal dawk li jirrigwardaw il-ħlas tad-dazji antidumping. F’dan ir-rigward, kemm il-Kunsill kif ukoll il‑Kummissjoni jsostnu li l-invokazzjoni tad-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza Sinara Handel vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, ma hijiex f’lokha peress li, b’mod partikolari, id-danni allegati f’dik il-kawża kienu jirrigwardaw preċiżament il-ħlas ta’ dazji antidumping u mhux tipi oħra ta’ danni, bħal dawk eżaminati fil-mertu tas-sentenza appellata.
80. Sussegwentement, il-Kunsill jirrifjuta l-argument tal-appellanti li rabta kawżali suffiċjenti tintwera jekk, fin-nuqqas tal-allegat att illegali, l-appellanti ma kinux ser isofru dannu. Tali kunċett tar-rabta kawżali jmur kontra l-ġurisprudenza ċċitata fis-sentenza appellata. Barra minn hekk, skont il‑Kummissjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma applikatx kriterju tar-rabta kawżali li kien eżaġerament strett u fil-fatt huwa koerenti ma’ dak li hija adottat fis-sentenza tagħha FIAMM u FIAMM Technologies vs Il-Kunsill u Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.
81. Fl-aħħar nett, il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkunsidraw li l-Qorti tal-Prim’Istanza, sabiex tevalwa r-rabta kawżali, ġustament analizzat iż-żewġ ipoteżijiet fattwali msemmija qabel, fir-rigward tal-ekwivoku fuq dan il-punt diskuss mill-appellanti stess. Skont il-Kunsill u l-Kummissjoni, il-kritiki tal-appellanti f’dan ir-rigward huma limitati għal kontestazzjoni tal-evalwazzjoni tal-fatti u ma jurux li l-analiżi tal-kawżalità li għamlet il-Qorti tal-Prim’Istanza hija legalment żbaljata.
82. Fir-rigward tal-ilmenti fformulati mil-appellanti dwar tal-eżami tal-ewwel ipoteżi mill-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kunsill u l-Kummissjoni jqisu li l-appellanti b’ebda mod ma ssostanzjaw l-allegazzjonijiet tagħhom.
83. Fir-rigward tal-kritiki li saru kontra l-analiżi magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-kuntest tat-tieni ipoteżi, il-Kunsill u l-Kummissjoni jfakkru li, għall-kuntrarju ta’ dak li jagħtu x’jifhmu l-appellanti, l-eżami tal-Qorti tal-Prim’Istanza kien limitat għal kawżali ta’ danni oħrajn barra minn dawk relatati mal-ħlas tad-dazji antidumping. Barra minn hekk, skont il-Kunsill, l-appellanti baqgħu ma ppruvawx li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta hija kkonkludiet li l-fatt li l-appellanti m’aġixxewx b’diliġenza kisser ir-rabta (li seta’ kien hemm) bejn ir-regolament definittiv u l-kawżali ta’ danni oħrajn barra mill-ħlas tad-dazji antidumping. F’dan ir-rigward, il-Kunsill jgħid ukoll li ma kien hemm ebda kontradizzjoni ta’ motivi bejn il-punti 121 u 133 tas-sentenza appellata, peress li l-ewwel wieħed sempliċement ikkonstata biss li l-appellanti kienu taw prova ta’ diliġenza partikolari. Barra minn hekk, huwa ċar, skont il-Kummissjoni, li jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li r-rabta kawżali ġiet miksura minħabba n-nuqqas ta’ diliġenza min-naħa tal-appellanti, dan kien għaliex hija ppreżumiet minn qabel li l-aġir inkwistjoni kien ikkontribwixxa għad-dannu allegat. B’mod definittiv, skont il‑Kummissjoni, kien unikament għaliex l-appellanti ma kisbux fil-bidu informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffa li s-sitwazzjoni tagħhom żviluppat kif għamlet u ġew subiti d-danni, liema sitwazzjoni u danni b’hekk ma jirriżultawx direttament mill-adozzjoni tar-regolament definittiv, kif iddeċidiet ġustament il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 116 tas-sentenza appellata.
b) Evalwazzjoni
i) Fuq l-ammissibbiltà
84. Għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu l-Kunsill u l-Kummissjoni, ma nemminx li din il-parti tal-ewwel aggravju tal-appell hija għalkollox, jew essenzjalment, inammissibbli.
85. Għandu jiġi ppreċiżat f’dan ir-rigward li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà stabbilixxiet li, fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, il-kwistjoni dwar l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn il-fatt li kkawża d-dannu u d-dannu, kundizzjoni meħtieġa sabiex tiskatta din ir-responsabbiltà, tikkostitwixxi punt ta’ liġi (jiġifieri kwistjoni dwar il-kwalifikazzjoni ġuridika tal-fatti mill-Qorti tal-Prim’Istanza) li hija, għalhekk, suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-appell (27).
86. Ma narax kif tali soluzzjoni ma tapplikax għas-sitwazzjoni inversa, jiġifieri dik li permezz tagħha, fl-appell tagħhom, l-appellanti jallegaw li l-Qorti tal-Prim’Istanza eskludiet l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir illegali u l-allegati danni fir-rigward tal-fatti tal-każ invokati quddiemha. Fil-fatt, tali operazzjoni tibqa’ dejjem operazzjoni ta’ kwalifikazzjoni tal-fatti li, għaldaqstant, għandha dejjem tkun suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja meta hija tiddeċiedi fil-kuntest tal-appell.
87. Madankollu, fir-rigward tal-konfużjoni diskussa fuq dan il-punt mill-appellanti fl-appell tagħhom, li jsemmu f’diversi okkażjonijiet id-dannu li huma sofrew minħabba l-ħlas tad-dazji antidumping allegatament illegali, għandu jiġi ppreċiżat li, fid-dawl tar-risposta li ngħatat għat-tieni aggravju tal-appell, l-eżami ta’ din il-parti tal-ewwel aggravju tal-appell ma jistax jiġi estiż għaż-żewġ kawżali ta’ dannu ddikjarati – ġustament fil-fehma tiegħi – bħala inammisibbli mill-Qorti tal-Prim’Istanza.
88. Fil-fehma tiegħi, minn dan isegwi li t-tieni parti tal-ewwel aggravju hija ammissibbli inkwantu din tilmenta li l-Qorti tal-Prim’Istanza eskludiet rabta kawżali bejn l-allegat aġir illegali u l-istituzzjonijiet Komunitarji u, min-naħa, id-danni materjali li jikkonsistu fil-lucrum cessans ta’ Trubowest u telf ta’ salarji għal V. Makarov kif ukoll, min-naħa l-oħra, id-dannu morali li sofra dan tal-aħħar.
ii) Fuq il-mertu
89. Skont il-ġurisprudenza, ir-rabta kawżali meħtieġa biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità fis-sens tal-Artikolu 288(2) KE hija kkostitwita meta d-dannu jkun il-konsegwenza diretta tal-att illegali inkwistjoni (28).
90. B’hekk kien fil-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, kif hija effettivament għamlet fis-sentenza appellata u mingħajr ma’ dan ġie kkontestat mill-appellanti, biex teżamina jekk l-att illegali allegat f’din il-kawża kienx direttament l-oriġini tad-dannu invokat biex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ rabta diretta ta’ kawża u effett bejn l-aġir li bih ġiet akkużata l-Komunità u d-dannu allegat (29).
91. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament fakkret ukoll, fil-punti 100 u 101 tas-sentenza appellata, li matul l-eżami tar-rabta kawżali li għandha teżisti bejn l-aġir li bih ġiet akkużata l-Komunità u d-dannu allegat għall-persuna li ġarrbet dannu, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk din tal-aħħar, bir-riskju li jkollha tbati d-dannu hija stess, ġabitx prova ta’ diliġenza raġonevoli biex jiġi evitat id-dannu jew biex tiġi limitata l-portata tiegħu (30), li jimplika li, anki jekk l-aġir allegat ikun ikkontribwixxa biex iseħħ id-dannu allegat, ir-rabta kawżali tista’ titkisser b’aġir negliġenti mill-persuna li ġarrbet dannu li b’hekk jista’ jikkostitwixxi l-kawża determinanti tal-imsemmi dannu.
92. Mingħajr ma jikkontestaw dawn il-premessi, l-appellanti l-ewwel nett jilmentaw li l-Qorti tal-Prim’Istanza telqet minn żewġ premessi irrilevanti sabiex teżamina n-natura suffiċjentement diretta tar-rabta kawżali bejn l-aġir allegat u l-allegati kawżali tad-dannu.
93. F’dak ir-rigward, huwa minnu li biex twettaq l-istħarriġ tagħha dwar l-eżistenza ta’ rabta kawżali suffiċjentement diretta, il-Qorti tal-Prim’Istanza vverifikat, min-naħa, jekk tali rabta setgħetx tiġi dedotta fl-ipoteżi li r-regolament definittiv ma kienx ikopri l-importazzjonijiet tagħhom u b’hekk fil-każ ipotetiku fejn l-appellanti ma kienu wettqu l-ebda żball fil-klassifikazzjoni tal-importazzjonijiet tagħhom. F’dik l-ipoteżi, hija ddeduċiet, fil-punti 108 sa 115 tas-sentenza appellata, li d-danni allegati kienu esklużivament imputabbli lill-awtoritajiet doganali Ġermaniżi inkwantu huma ssuġġettaw l-imsemmija importazzjonijiet għad-dazji antidumping minkejja li ma kinux jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament definittiv. Il-Qorti tal-Prim’Istanza b’hekk ikkonkludiet li, f’tali ipoteżi, ir-responsabbiltà tal-Komunità ma setgħetx kienet involuta.
94. Fil-punti 116 sa 133 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat l-ipoteżi inversa, jiġifieri dik li r-regolament definittiv kien ikopri l-importazzjonijiet tal-appellanti iżda li dawn tal-aħħar ma kklassifikawx korrettament l-importazzjonijiet tagħhom. Dan l-eżami wassal lill-Qorti tal-Prim’Istanza biex tikkonkludi li r-responsabbiltà tal-Komunità lanqas ma setgħet kienet involuta f’dak il-każ ipotetiku inkwantu l-kawża determinanti tad-dannu allegat kienet tirriżulta mill-aġir proprju tal-appellanti.
95. B’mod ġenerali, l-approċċ tal-Qorti tal-Prim’Istanza li jikkonsisti fl-eżami ta’ żewġ ipoteżijiet fattwali minflok ma tiddeċiedi liema waħda miż-żewġ ipoteżijiet jirriżulta li hija korretta ma jidhirlix li huwa żbaljat, b’mod partikolari fir-rigward taċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża.
96. Tabilħaqq, huwa evidentement preferibbli li, bħala qorti li tiddeċiedi dwar il-mertu, il-Qorti tal-Prim’Istanza tkun tista’ tipproċedi għall-konstatazzjonijiet fattwali kollha li jippermettulha tagħti deċiżjoni fil-kawża li għandha quddiemha. Huwa wkoll minnu li, billi bbażat ir-raġunament tagħha, bħal f’din il-kawża, fuq żewġ ipoteżijiet dijametrikament opposti, waħda minnhom hija neċessarjament żbaljata.
97. Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tiġi kkritikata talli bbażat fuq dawk l-ipoteżijiet fattwali, b’mod partikolari meta dawn ikopru l-każijiet kollha prevedibbli f’kawża partikolari u meta l-eżami alternattiv tagħhom iwassal għall-istess soluzzjoni. Barra minn hekk, peress li l-approċċ tal-qorti li tiddeċiedi dwar il-merti jikkonsisti f’li tibbaża fuq ipoteżijiet iktar milli tipproċedi għall-konstatazzjoni ta’ fatti, jidher li huwa l-uniku approċċ possibbli meta, f’każ bħal dan, il-fatti inkwistjoni, jiġifieri l-kwistjoni dwar jekk l-importazzjonijiet tal-appellanti kinux ġew suġġetti għal klassifikazzjoni tariffarja korretta, huma kontroversjali, kif jidher mill-punti 105 u 106 tas-sentenza appellata – fejn, barra minn hekk, dawk il-kontroversji ma ġewx solvuti fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja – u meta dik il-kwistjoni taqa’ l-ewwel nett taħt id-diskrezzjoni tal-awtoritajiet doganali nazzjonali, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-KDK, kif dawn tal-aħħar ġew imfakkra fil-punt 124 tas-sentenza appellata. Barra minn hekk, fil-fehma tiegħi, l-approċċ adottat fis-sentenza appellata jifforma wkoll parti mill-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja li tikkonsisti f’li tingħata tweġiba, bl-aktar mod eżawrjenti, għall-argumenti mressqa mill-appellanti fl-ewwel istanza.
98. Dan premess, l-allegazzjoni ta’ irrilevanza tal-ipoteżijiet fattwali li fuq il-bażi tagħhom il-Qorti tal-Prim’Istanza bbażat l-evalwazzjonijiet tagħha, kif allegat mill-appellanti, ma jidhirlix li tista’ tiġi aċċettata. Fil-fatt, l-analiżi ta’ dawk iż-żewġ ipoteżijiet tippermetti preċiżament li jiġi evalwat jekk id-dannu allegat kienx direttament imputabbli lill-istituzzjonijiet Komunitarji minħabba l-adozzjoni, allegatament illegali, tar-regolament definittiv.
99. Ir-rilevanza ta’ dawn l-ipoteżijiet tirriżulta b’mod ċar, fil-fehma tiegħi, fid-dawl tal-fatt li wieħed mid-danni materjali allegati mill-appellanti jikkonsisti fil-lucrum cessans ta’ Trubowest li jirriżulta mid-deċiżjoni tagħha li tinterrompi l-importazzjonijiet fil-Komunità tal-merkanzija inkwistjoni, sa mis-27 ta’ Ottubru 1999, minħabba l-impożizzjoni tad-dazji antidumping. Fil-fatt, bl-għan tal-verifikazzjoni ta’ jekk l-impożizzjoni tad-dazji antidumping permezz tar-regolament definittiv kinitx il-kawża diretta tal-lucrum cessans ta’ Trubowest, b’mod konformi mal-kriterju użat fil-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet tabilħaqq korretta meta pprevediet, fin-nuqqas tal-konstatazzjoni u tal-evalwazzjoni tal-fatti min-naħa tagħha, kemm l-ipoteżi fattwali li, fid-dawl tal-klassifikazzjoni tarifarja tagħhom, l-importazzjonijiet tal-appellanti jidħlu tabilħaqq fil-kamp tar-regolament definittiv, kif ukoll il-każ ipotetiku invers.
100. B’hekk, l-ewwel nett, jekk l-importazzjonijiet tal-appellanti ma kinux koperti mir-regolament definittiv, kien ġuridikament korrett, kif il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet fil-punti 108 sa 110 tas-sentenza appellata, li jiġi kkonstatat li l-appellanti ma setgħux jimputaw il-lucrum cessans allegat għall-adozzjoni, allegatament irregolari, tar-regolament definittiv mill-istituzzjonijiet Komunitarji, peress li l-adozzjoni ta’ dak ir-regolament ma seta’ kellha ebda influwenza fuq dawk l-importazzjonijiet.
101. F’dan ir-rigward, preċiżament dwar l-ewwel ipoteżi eżaminata mill-Qorti tal-Prim’Istanza, huwa infondat meta l-appellanti jilmentaw ukoll li hija bbażat “fuq kriterju ta’ kawżalità eżaġeratament strett, imsejjes fuq dannu esklużiv u dirett”. Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament fakkret, b’mod partikolari fil-punt 113 tas-sentenza appellata, li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja teskludi li r-responsabbiltà tal-Komunità tista’ tkun involuta għad-danni li jsibu l-kawża diretta tagħhom fl-aġir allegatament illegali ta’ terzi, jiġifieri, f’din il-kawża, l-awtoritajiet doganali Ġermaniżi.
102. Fil-fehma tiegħi, l-argumenti addizzjonali l-oħrajn sollevati mill-appellanti huma ċarament inoperattivi, peress li huma limitati għal kritika ta’ evalwazzjonijiet li fil-fatt huma sekondarji meta pparagunati mal-konklużjoni prinċipali dderivata mill-analiżi tal-ewwel ipoteżi prevista mill-Qorti tal-Prim’Istanza, li tgħid li l-appellanti ma setgħux jimputaw l-allegati kawżali tad-dannu għal allegat aġir illegali min-naħa tal-Komunità. Ngħid ukoll li din l-evalwazzjoni testendi, b’mod partikolari, għar-riferimenti ripetuti tal-partijiet fl-appell għad-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza f’Sinara Handel vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, bħala kriterju għall-eżami tal-validità tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja hija adita biss bl-appell kontra l-imsemmija sentenza u b’hekk ma hijiex marbuta b’dak id-digriet.
103. It-tieni nett, kieku l-importazzjonijiet inkwistjoni kellhom jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament definittiv, ipoteżi eżaminata fil-punti 116 sa 133 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza allura kien ikollha tivverifika jekk il-lucrum cessans ta’ Trubowest – kif ukoll il-kawżali l-oħrajn tad-dannu – li jista’ jirriżulta mill-adozzjoni, allegatament illegali, tar-regolament definittiv, setax ikun prinċipalment imputabbli għal kawża oħra.
104. B’mod konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif ġiet imfakkra fil-punti 100 u 101 tas-sentenza appellata, dan huwa preċiżament l-istħarriġ imwettaq mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-kuntest tat-tieni ipoteżi eżaminata minnha, stħarriġ li hija kkonkludiet bil-konstatazzjoni li ż-żewġ kawżali tad-dannu materjali u d-dannu morali allegati joriġinaw mill-aġir negliġenti jew mhux suffiċjentement diliġenti tal-appellanti.
105. F’dan ir-rigward, jiena tal-fehma li l-appellanti jiżbaljaw meta jikkritikaw lill-Qorti tal-Prim’Istanza talli kkonstatat, b’mod partikolari fil-punt 122 tas-sentenza appellata, li r-rabta kawżali kienet ġiet miksura, mingħajr ma qabel stabbilixxiet l-eżistenza ta’ rabta tali. Fil-fatt, jirriżulta b’mod ċar mill-imsemmi punt tas-sentenza appellata li huwa għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza tar-rabta kawżali li l-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat il-każ ipotetiku tal-allegat aġir illegali tal-Kunsill u tal-Kummissjoni li seta’ kkontribwixxa biex iseħħu d-danni allegati, sabiex minn dan ikkonkludiet li, fid-dawl ta’ dan il-każ, l-appellanti b’ebda mod ma pproduċew prova ta’ diliġenza raġonevoli biex jevitaw jew jillimitaw l-imsemmija danni, ċirkustanza li, skont il-ġurisprudenza, tippermetti li tiġi eliminata l-eżistenza ta’ rabta kawżali suffiċjentement diretta bejn id-dannu u l-allegat aġir illegali tal-Komunità.
106. Għaldaqstant, l-eżami dettaljat imwettaq mill-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punti 122 sa 132 tas-sentenza appellata, dwar jekk ir-rabta kawżali ġietx miksura minħabba l-aġir tal-appellanti li ma kienx suffiċjentement diliġenti, inkwantu dawn tal-aħħar ma segwewx il-proċedura speċifika prevista fil-KDK sabiex ikollhom ċertezza legali dwar l-eżattezza tal-klassifikazzjoni tariffarja tal-importazzjonijiet tagħhom, huwa fondat sew fuq il-premessa preliminari li l-aġir illegali inkwistjoni kkontribwixxa għall-allegati kawżali tad-dannu.
107. Barra minn hekk, huwa b’mod żbaljat li l-appellanti jagħmlu riferiment, fil-kritika tagħhom dwar il-merti tal-evalwazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza, għall-ħlas allegatament illegali tad-dazji antidumping peress li dawk l-evalwazzjonijiet ma huwiex relatati ma’ dik il-kawża ta’ dannu.
108. Fl-aħħar nett, billi allegaw kontradizzjoni fil-motivi bejn il-punti 121 u 133 tas-sentenza appellata, l-appellanti qed jagħtu, fil-fehma tiegħi, interpretazzjoni żbaljata tal-imsemmija punti. Fil-fatt, ebda parti mill-punt 121 tas-sentenza appellata ma tidher li tirrikonoxxi diliġenza partikolari tal-appellanti. Billi indikat f’dak il-punt li, anki jekk tiġi preżunta l-eżistenza ta’ aġir illegali mill-istituzzjonijiet Komunitarji, dak l-aġir ma jistax ikun il-kawża determinanti tad-danni allegati mill-appellanti “meta titqies id-diliġenża li tagħha l-appellanti ġabu prova” [traduzzjoni mhux ufficiali], il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-fehma tiegħi, irreferiet għal-livell ta’ diliġenza tal-appellanti, mingħajr ma evalwat konkretament id-diliġenza eżatta li tagħha taw prova, filwaqt li din tal-aħħar ġiet evalwata fil-punt 122 tas-sentenza appellata, li t-test tiegħu ġie riprodott, fil-forma ta’ konklużjoni intermedjarja, fil-punt 133 tal-imsemmija sentenza.
109. Għal dawn ir-raġunijiet kollha, nikkunsidra li hemm lok li tiġi miċħuda t-tieni parti tal-ewwel aggravju tal-appell, kif ukoll, għaldaqstant, l-imsemmi aggravju.
110. Minn dan isegwi, fil-fehma tiegħi, li l-appell għandu jiġi miċħud.
III – Fuq l-ispejjeż
111. Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell huwa infondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 69(2) tal-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell taħt l-Artikolu 118 tagħhom, il-parti telliefa għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kunsill u l-Kummissjoni talbu li l-appellanti jiġu kkundannati għall-ispejjeż, u peress li dawn tal-aħħar, fl-opinjoni tiegħi, għandhom jitqiesu bħala telliefa fil-kawża, għandhom għalhekk jiġu kkundannati għall-ispejjeż tal-appell.
IV – Konklużjoni
112. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara u tiddeċiedi li:
“1) L-appell huwa miċħud.
2) Trubowest Handel GmbH u Victor Makarov huma kkundannati għall-ispejjeż.”
1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
2 – Sentenza tad-9 ta’ Lulju 2009 (T‑429/04, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”).
3 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 26, p. 329.
4 – Regolament tas-16 ta’ Lulju 2004 li jemenda r-regolament definittiv (ĠU L 142M, p. 148).
5 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307.
6 – Sentenza tas-26 ta’ Frar 1986 (175/84, Ġabra p. 753).
7 – Sentenza tas-27 ta’ Settembru 2007 (C‑351/04, Ġabra p. I-7723, punti 66 u 67).
8 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Mejju 1976, Roquette frères vs Il‑Kummissjoni (26/74, Ġabra p. 677, punt 11), tat-30 ta’ Mejju 1989, Roquette frères vs Il‑Kummissjoni (20/88, Ġabra p. 1553, punt 14) tat-13 ta’ Marzu 1992, Vreugdenhil vs Il‑Kummissjoni (C‑282/90, Ġabra p. I-1937, punt 12) u kif ukoll is-sentenza Ikea Wholesale, iċċitata iktar ’il fuq (punt 68). Ara wkoll, fir-rigward ta’ rikors għad-danni li tikkoinċidi ma’ talba għar-rimbors tat-taxxi, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 1972, Haegeman vs Il‑Kummissjoni (96/71, Ġabra p. 1005, punt 9 sa 11).
9 – Ara s-sentenzi tal-5 ta’ Diċembru 1979, Amylum u Tunnel Refineries vs Il-Kunsill u Il‑Kummissjoni (116/77 u 124/77, Ġabra p. 3497, punt 14), kif ukoll tat-12 ta’ April 1984, Unifrex vs Il‑Kummissjoni u Il-Kunsill (281/82, Ġabra p. 1969, punt 11). Ara wkoll is-sentenza tas-26 ta’ Novembru 1975, Société des grands moulins des Antilles vs Il‑Kummissjoni (99/74, Ġabra p. 1531, punt 23), kif ukoll is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Settembru 1995, Nölle vs Il-Kunsill u Il‑Kummissjoni (T‑167/94, Ġabra p. II‑2589, punt 35).
10 – Sentenza tal-14 ta’ Lulju 1967 (5/66, 7/66 u 13/66 sa 24/66, Ġabra p. 317).
11 – Sentenza Kampffmeyer et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (p. 341).
12 – Sentenza tat-30 ta’ Mejju 1989, iċċitata iktar ’il fuq (punt 14).
13 – Sentenza iċċitata iktar ’il fuq (punt 14).
14 – Idem (punt 14).
15 – Skont ġurisprudenza stabbilita, fl-istadju tal-appell, l-evalwazzjoni tal-fatti ma tikkostitwixxix, bl-eċċezzjoni tal-iżnaturament tal-provi li ġew prodotti quddiemha, kwistjoni ta’ dritt li hija suġġetta, per se, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja. Ara, f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, is-sentenza tat-23 ta’ April 2009, AEPI vs Il‑Kummissjoni (C‑425/07 P, Ġabra p. I‑3205, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).
16 – Sentenza Kampffmeyer vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (p. 341).
17 – Sentenza Krohn Import-Export vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punti 28 u 29).
18 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Settembru 2006, JCB Service vs Il‑Kummissjoni, (C‑167/04 P, Ġabra p. I‑8935, punt 108) kif ukoll tat-3 ta’ Settembru 2009, Moser Baer India vs Il-Kunsill (C‑535/06 P, Ġabra p. I‑705, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).
19 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-24 ta’ Settembru 2009, Erste Group Bank et vs Il‑Kummissjoni (C‑125/07 P, C‑133/07 P, C‑135/07 P u C‑137/07 P, Ġabra p. I‑8681, punt 200), u kif ukoll id-digriet tal-11 ta’ Novembru 2003, Martinez vs Il‑Parlament(C‑488/01 P, Ġabra p. I‑13355, punt 54).
20 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-6 ta’ Marzu 2003, Interporc vs Il‑Kummissjoni (C‑41/00 P, Ġabra p. I-2125, punt 15); tas-26 ta’ Ottubru 2006, Koninklijke Coöperatie Cosun vs Il‑Kummissjoni (C-68/05 P, Ġabra p. I-10367, punt 54) u tal-21 ta’ Frar 2008, Il‑Kummissjoni vs Girardot (C‑348/06 P, Ġabra p. I‑833, punt 88).
21 – Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-1 ta’ Ġunju 1994, Il‑Kummissjoni vs Brazzelli Lualdi et, (C‑136/92 P, Ġabra p. I-1981, punt 42); tad-9 ta’ Settembru 1999, Lucaccioni vs Il‑Kummissjoni (C‑257/98 P, Ġabra p. I-5251, punt 11); tad-9 ta’ Settembru 2008, FIAMM u FIAMM Technologies vs Il-Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑120/06 P u C‑121/06 P, Ġabra p. I-6513, punt 106) u kif ukoll tat-30 ta’ April 2009, CAS Succhi di Frutta vs Il‑Kummissjoni (C‑497/06 P, punt 39).
22 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 1994, KYDEP vs Il-Kunsill u Il‑Kummissjoni, (C‑146/91, Ġabra p. I‑4199, punt 81), kif ukoll is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Lucaccioni vs Il‑Kummissjoni (punt 14), FIAMM u FIAMM Technologies vs Il-Kunsill u Il‑Kummissjoni (punt 166) u CAS Succhi di Frutta vs Il‑Kummissjoni (punt 40).
23 – Sentenza Lucaccioni vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 13).
24 – Ara s-sentenza Lucaccioni vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punti 12, 15 u 16), kif ukoll id-digriet tat-12 ta’ April 2005, DLD Trading Company Import-Export vs Il-Kunsill (C‑80/04 P, punt 50), li kkonfermat li l-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet ġustament tikkunsidra li r-rabta kawżali diretta bejn l-aġir li bih tiġi akkużata l-istituzzjoni u d-dannu invokat mill-appellant ma kinitx stabbilita qabel ma tittieħed deċiżjoni preliminari dwar l-allegata illegalità ta’ dak l-aġir u r-realtà tad-dannu allegat.
25 – Sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2005 (T‑69/00, Ġabra p. II‑5393).
26 – Digriet tal-5 ta’ Frar 2007, Sinara Handel vs Il-Kunsill u Il‑Kummissjoni (T‑91/05, Ġabra p. II‑245).
27 – Sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Il‑Kummissjoni vs Schneider Electric (C‑440/07 P, Ġabra p. I‑6413, punti 192 u 193).
28 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-4 ta’ Ottubru 1979, Dumortier et vs Il-Kunsill (64/76, 113/76, 167/78, 239/78, 27/79, 28/79 u 45/79, Ġabra p. 3091, punt 21); tat-28 ta’ Ġunju 2007, Internationaler Hilfsfonds vs Il‑Kummissjoni (C‑331/05 P, Ġabra p. I‑5475, punt 23) kif ukoll CAS Succhi di Frutta vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 59).
29 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza CAS Succhi di Frutta vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).
30 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Mejju 1992, Mulder et vs Il-Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑104/89 u C‑37/90, Ġabra p. I-3061, punt 33); tal-5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame (C-46/93 u C-48/93, Ġabra p. I-1029, punti 84 u 85) kif ukoll tas-16 ta’ Marzu 2000, Il‑Parlamentvs Bieber (C-284/98 P, Ġabra p. I-1527, punt 57).
Full & Egal Universal Law Academy