KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
MENGOZZI
ppreżentati fil-25 ta’ Marzu 2010 1(1)
Kawża C‑439/08
Vlaamse federatie van verenigingen van Brood– en Banketbakkers, Ijsbereiders en Chocoladebewerkers VZW (VEBIC)
vs
Raad voor de Mededinging,
Minister van Economie
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hof van beroep te Brussel (il‑Belġju)]
“Politika tal-kompetizzjoni – Interpretazzjoni tal-Artikoli 2, 5, 15(3) u 35(1) tar‑Regolament (KE) Nru 1/2003 – Proċedura nazzjonali – Sottomissjoni mill‑awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali ta’ osservazzjonijiet bil-miktub u ta’ motivi ta’ fatt u ta’ liġi fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ appell mressqa kontra d‑deċiżjoni tagħhom – Diversi awtoritajiet fi Stat Membru – Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività”
I – Introduzzjoni
1. Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2, 5, 15(3) u 35 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (2).
2. Essenzjalment, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk id-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq jawtorizzawx, jew jobbligawx, lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali jissottomettu osservazzjonijiet bil-miktub jew risposta fil-kuntest ta’ proċeduri għal annullament mressqa kontra deċiżjoni adottata minn waħda minn dawk l-awtoritajiet.
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt tal-Unjoni
3. L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003, bit-titolu “L-oneru tal-Prova” jipprovdi:
“F’kwalunkwe proċedura nazzjonali jew tal-Komunità għal-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat, il-piż tal-prova ta’ ksur ta’ l-Artikolu 81(1) [KE] jew ta’ l-Artikolu 82 tat-Trattat ħa jpoġġi fuq il-parti jew l-awtorità li qed tallega xi ksur. L-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ l-impriża li tapplika għall-benefiċċji ta’ l-Artikolu 81(3) tat-Trattat ħa jġorr il-piż tal-prova li il-kondizzjonijiet ta’ dak il-paragrafu huma mwettqa.”
4. L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi:
“L-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri għandhom ikollhom is-setgħa li japplikaw l-Artikolu 81u 82 tat-Trattat f’każijiet individwali. Għal dan il-għan, jaggixxu fuq l-inizjattiva proprja tagħha jew fuq xi ilment, dawn jistgħu jieħdu d-deċiżjonijiet li ġejjin:
– jirrikjedu li xi ksur jiġi mitmum,
– jordnaw miżuri ntermedjarji,
– jaċċettaw rbit,
– jimponu multi, perjodu ta’ pagamenti penali jew xi pieni oħra previsti mil-liġijiet nazzjonali tagħhom.
Fejn fuq bażi ta’ l-informazzjoni li għandhom fil-pussess tagħhom il-kondizzjonijiet għal projbizzjoni m’humiex milħuqa huma għandhom jiddeċiedu li ma hemmx każ li jkun hemm azzjoni mil-parti tagħhom”.
5. L-Artikolu 15 tal-istess regolament, bit-titolu “Koperazzjoni bejn qrati nazzjonali”, jiddikjara:
“1. Fil-proċeduri għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 jew l-Artikolu 82 tat-Trattat[, qrati ta’ Stati Membri jistgħu jistaqsu lil Kummissjoni biex tittrasmettilhom l-informazzjoni fil-pussess tagħha jew l-opinjoni tagħha fuq id-domandi li jikkonċernaw l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Komunità.
2. Stati Membri ħa jresqu lill-Kummissjoni kopja bil-miktub tal-ġudizzju tal-qrati nazzjonali fuq id-deċiżjoni ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 jew l-Artikolu 82 tat-Trattat. Din il-kopja għandha tintbgħat mingħajr dewmien wara li l-ġudizzju bil-miktub ġie notifikat lil partijiet l-oħra.
3. L-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri, jaggixxu fuq l-inizjativa proprju tagħhom, jistgħu jagħtu l-osservazzjonijiet bil-miktub lil qrati nazzjonali ta’ l-Istat Membru tagħhom fuq kwistjonijiet li jirrelataw ma l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 jew l-Artikolu 82 tat-Trattat. Bil-permess tal-qorti partikolari, jistgħu jagħtu ukoll l-osservazzjonijiet b’mod orali lil qrati nazzjonali ta’ l-Istat Membru. Fejn l-applikazzjoni koerenti ta’ l-Artikolu 81 u l-Artikolu 82 tat-Trattat jirrikjedi hekk, il-Kummissjoni, tagixxi fuq l-iniżjattiva proprja tagħha, tista tagħti osservazzjonijiet bil-miktub lil qrati ta’ Stati Membri. Bil-permess tal-qorti partikolari, hi tista’ tagħmel ukoll osservazzjonijiet orali.
Bil-għan ta’ preparazzjoni ta’ l-osservazzjonijiet tagħhom biss, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri u il-Kummissjoni tista’ titlob lil qorti rilevanti ta’ l-Istat Membru biex titrasmetti jew tiżgura it-trasmissjoni lilhom ta’ kwalunkwe dokumenti neċessarji għall-istima tal-każ.
4. Dan l-Artikolu hu mingħajr preġudizzju għall-poteri aktar wiesgħin li jisiru l-osservazzjonijiet quddiem il-qrati konferuti fuq l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru tagħhom.”
6. Fl-aħħar, l-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi:
“1. l-Istati Membri ħa jinominaw l-awtorità jew l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni responsabbli għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 u 82 tat-Trattat b’tali mod li id-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament huma effettivament imħarsa. Il-miżuri neċessarji biex tagħti poter lill-awtoritajiet li japplikaw dawk l-Artikolu għandhom jittieħdu qabel 1 Mejju 2004. L-awtoritajiet nominati jistgħu jinkludu qrati.
2. Meta l-infurzar tal-liġijiet tal-kompetizzjoni tal-Komunità tkun fdata lill-amministrazzjoni nazzjonali u l-awtorità ġudizzjarja, l-Istati Membri jistgħu jallokaw poteri u funzjonijiet differenti lill-awtoritajiet nazzjonali differenti, sew amministrattivi u sew ġudizzjarji.
3. L-effetti ta’ l-Artikolu 11(6) japplika għall-awtoritajiet nominati mil-Istati Membri inklużi l-qrati li jeserċitaw funzjonijiet rigward il-preparazzjoni u l-adozzjoni tat-tipi ta’ deċiżjonijiet preveduti mil-Artikolu 5. L-eefetti ta’ l-Artikolu 11(6) mhux ser jiġi estiż għall-qrati sakemm jagixxu bħala qrati ta’ reviżjoni b’rispett għat-tipi ta’ deċiżjonijiet preveduti fl-Artikolu 5.
4. Minkejja paragrafu 3, fl-Istati Membri fejn, għal adozzjoni ta’ ċertu tipi ta’ deċiżjonijiet preveduti mil-Artikolu 5, awtorità iġġib azzjoni qabel l-awtorità ġudizzjarja li hi seperata u differenti mil-awtorità tal-prosekuzzjoni u provdut li it-termini ta’ dan il-paragrafu jiġu mħarsa, l-effetti ta’ l-Artikolu 11(6) ikunu limitati għal awtorità li qed tieħu ħsieb il-prosekuzzjoni il-każ li tirtira il-pretensjoni tagħha qabel ma l-awtorità ġudizzjarja meta il-Kummissjoni tiftaħ il-proċeduri u dan l-irtirar iġib il-proċeduri nazzjonali fit-tmiem effetiv tagħhom.”
B – Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
7. L-Artikolu 1 tal-Loi sur la protection de la concurrence économique (Liġi dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni ekonomika) (3) (iktar ’il quddiem il-“LPCE”), li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Ottubru 2006, tiddefinixxi l-awtorità Belġjana tal-kompetizzjoni skont kif ġej:
“4º Awtorità Belġjana tal-kompetizzjoni: il-Kunsill tal-Kompetizzjoni u d-Dipartiment tal-Kompetizzjoni fi ħdan id-Dipartiment Pubbliku Federali tal-Ekonomija, SMEs, Persuni li jaħdmu għal rashom u Enerġija, kull wieħed jaġixxi skont il-kompetenzi ddefiniti f’din il-liġi
L-awtorità Belġjana tal-kompetizzjoni hija l-awtorità tal-kompetizzjoni kompetenti għall-applikazzjoni tal-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat, imsemmija fl-Artikolu 35 tar-Regolament [Nru 1/2003].”
8. L-Artikolu 2(1) tal-LPCE jipprovdi:
“Huma pprojbiti, mingħajr ma hija meħtieġa deċiżjoni preliminari f’dan is-sens, il-ftehim kollha bejn impriżi, id-deċiżjonijiet kollha ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi u l-prattiki miftiehma kollha li għandhom l-għan jew l-effett li jostakolaw, jirrestrinġu jew joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni li tista’ tiġi evalwata fis-suq Belġjan ikkonċernat jew f’parti sostanzjali minnu u b’mod partikolari dawk li jikkonsistu:
1. fl-iffissar b’mod dirett jew indirett tal-prezzijiet tax-xiri jew tal-bejgħ jew ta’ kundizzjonijiet oħrajn ta’ tranżazzjonijiet;
[…]”
9. L-Artikolu 11 tal-LPCE jistabbilixxi:
“§1 Qed jiġi stabbilit Kunsill tal-Kompetizzjoni. Dan il-kunsill huwa qorti amministrattiva li għandha l-kompetenza tieħu deċiżjonijiet u l-poteri l-oħrajn mogħtija lilha minn din il-liġi.
§2 Il-Kunsill tal-Kompetizzjoni huwa kompost minn:
1º l-Assemblea Ġenerali tal-Kunsill;
2º l-Awditorat;
3º ir-Reġistru.
[…]”
10. L-Artikolu 12 tal-LPCE jindika:
“§1 L-Assemblea Ġenerali tal-Kunsill hija komposta minn tnax-il kunsillier. […]”
11. L-Artikolu 20 tal-imsemmija liġi jispeċifika:
“Kull awla tal-Kunsill u l-President jew il-kunsillier li huwa jiddelega f’każ ta’ miżuri proviżorji għandhom jiddeċiedu permezz ta’ deċiżjoni mmotivata dwar kull każ mressaq quddiemhom, wara li jkunu semgħu l-motivi mressqa mill-partijiet ikkonċernati kif ukoll, fuq talba tagħhom, lil dawk li eventwalment ressqu l-ilment, jew lir-rappreżentant legali li huma jagħżlu.”
12. L-Artikolu 25 tal-LPCE jistabbilixxi fi ħdan il-Kunsill tal-Kompetizzjoni Awditorat, kompost minn mhux inqas minn sitt membri u minn mhux iktar minn għaxar membri, li jinkludu l-Awditur Ġenerali u l-Awdituri jew l-Assistenti Awdituri.
13. L-Artikolu 29 tal-istess liġi jiddikjara:
“§1 L-Awdituri huma inkarigati:
1º li jirċievu l-ilmenti u t-talbiet għal miżuri proviżorji relatati ma’ prattiki li jirrestrinġu l-kompetizzjoni, kif ukoll in-notifiki ta’ konċentrazzjonijiet;
2º li jmexxu u jorganizzaw l-investigazzjoni u li jiżguraw l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet meħuda mill-Kunsill tal-Kompetizzjoni;
3º li jagħtu lill-uffiċjali tad-Dipartiment tal-Kompetizzjoni l-ordnijiet ta’ inkarigu […];
4º li jirredieġu u jippreżentaw ir-rapport immotivat lill-Kunsill tal-Kompetizzjoni;
5º li jikklassifikaw l-ilmenti u t-talbiet għal miżuri proviżorji;
[…]
§2 […] Bla ħsara għall-Artikolu 27, l-Awdituri la jistgħu jitolbu u lanqas jaċċettaw xi struzzjoni dwar it-trattament tal-każijiet imressqa skont l-Artikolu 44, §1, jew dwar il-pożizzjonijiet li huma jadottaw fil-laqgħat tal-Awditorat li għandhom l-għan li jistabbilixxu l-prijoritajiet tal-politika dwar l-implementazzjoni tal-liġi u l-iffissar tal-ordni tat-trattament tal-każijiet.
§3 Meta l-Awditorat jiddeċiedi li jiftaħ investigazzjoni skont l-Artikolu 44, § 1, l-uffiċċjal li jmexxi d-Dipartiment tal-Kompetizzjoni għandu jinnomina, bi qbil mal-Awditur Ġenerali, l-uffiċjali ta’ dak id-dipartiment, li għandhom jagħmlu parti mill-grupp inkarigat mill-investigazzjoni.
L-uffiċċjali li jiġu assenjati għal grupp ta’ investigazzjoni jistgħu jirċievu struzzjonijiet biss mill-Awditur li jmexxi dik l-investigazzjoni.
[…]”
14. Skont l-Artikolu 34 tal-LPCE, id-Dipartiment tal-Kompetizzjoni huwa inkarigat, b’mod partikolari, mir-riċerka u l-eżami tal-prattiki msemmija fil-Kapitolu II, taħt l-awtorità tal-Awditorat.
15. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45(4) tal-LPCE, meta l-Awditorat ikun tal-fehma li l-ilment jew it-talba jew, jekk ikun il-każ, investigazzjoni ex officio, hija fondata, l-Awditur għandu jippreżenta, f’isem l-Awditorat, rapport immotivat lill-awla tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni. Dan ir-rapport għandu jinkludi r-rapport tal-investigazzjoni, l-ilmenti u proposta ta’ deċiżjoni. Dan għandu jkun akkumpanjat bil-fajl tal-investigazzjoni u inventarju tad-dokumenti li jkunu jinsabu fih. L-inventarju għandu jiddetermina l-kunfidenzjalità tad-dokumenti fir-rigward ta’ kull waħda mill-partijiet li jkollha aċċess għall-fajl.
16. L-Artikolu 75 tal-LPCE jistabbilixxi:
“Id-deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni u tal-President tiegħu […] jistgħu jkunu suġġetti għal appell quddiem il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell, ħlief meta l-Kunsill tal-Kompetizzjoni jiddeċiedi b’applikazzjoni tal-Artikolu 79 (4).
Il-Qorti tal-Appell tiddeċiedi b’setgħa ta’ ġuriżdizzjoni sħiħa dwar il-prattiki restrittivi preżunti u, jekk ikun il-każ, dwar is-sanzjonijiet imposti […]. Il-Qorti tal-Appell tista’ tikkunsidra l-iżviluppi li jkunu seħħew wara d-deċiżjoni kkontestata tal-Kunsill.
Il-Qorti tal-Appell tista’ timponi multi u penali skont id-dispożizzjonijiet imsemmija fit-Taqsima 8 tal-Kapitolu IV.”
17. L-Artikolu 76 tal-LPCE jipprovdi:
“§1 Id-deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-Kunsill tal-Kompetizzjoni jirrinvija l-każ lill-Awditur ma jistgħux ikunu suġġetti għal appell separat.
§2 L-appelli previsti fl-Artikolu 75 jistgħu jiġu ppreżentati mill-partijiet inkwistjoni quddiem il-Kunsill [tal-Kompetizzjoni], mill-persuna li ressqet l-ilment, kif ukoll minn kull persuna li tiġġustifika li għandha interess skont l-Artikolu 48, §2, jew l-Artikolu 57, §2, u li tkun talbet lill-Kunsill [tal-Kompetizzjoni] biex tinstema’. L-appell jista’ jitressaq ukoll mill-Ministru mingħajr ma għandu għalfejn jiġġustifika interess u mingħajr ma kien irrappreżentat quddiem il-Kunsill tal-Kompetizzjoni.
[…]
Fi żmien ħamest ijiem mill-preżentata tal-appell, l-appellant għandu, taħt piena ta’ nullità tal-appell, jindirizza kopja tal-appell b’ittra rreġistrata bl-irċevuta tal-wasla, lill-partijiet li lilhom tkun ġiet innotifikata d-deċiżjoni kkontestata, kif jirriżulta mill-ittra ta’ notifika prevista fl-Artikolu 67, lill-Kunsill tal-Kompetizzjoni kif ukoll lill-Ministru, jekk dan ma jkunx l-appellant.
Jista’ jiġi ppreżentat kontro appell. Dan huwa ammissibbli biss jekk jiġi ppreżentat fi żmien xahar minn meta tiġi rċevuta l-ittra msemmija fil-paragrafu preċedenti.
[…]
Il-Qorti [tal-Appell ta’ Brussell] tista’ titlob lill-Awditorat fi ħdan il-Kunsill tal-Kompetizzjoni jipproċedi għal investigazzjoni u ikkomunikalha r-rapport tiegħu. F’dan il-każ, l-Awditorat għandu s-setgħat ta’ investigazzjoni previsti fit-Taqsima 1 tal-Kapitolu IV.
[…]
Il-Ministru jista’ jissottometti osservazzjonijiet bil-miktub fir-Reġistru tal-Qorti tal-Appell ta’ Brussell u jikkonsulta l-proċess fir-Reġistru mingħajr ma joħorġu. Il- Qorti tal-Appell ta’ Brussell għandha tiffissa t-termini għas-sottomissjoni ta’ dawn l-osservazzjonijiet. Dawn jiġu mgħarrfa lill-partijiet mir-Reġistru.
[…]”
III – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
18. Wara l-liberalizzazzjoni tal-prezz tal-ħobż fil-Belġju fl-1 ta’ Lulju 2004, il-Minister van Economie (Ministru tal-Ekonomija) indirizza ittra lill-Kunsill tal-Kompetizzjoni fejn talbu jinvestiga bi prijorità l-eżistenza ta’ ftehim eventwali dwar il-prezzijiet bejn assoċjazzjonijiet tal-furnara u l-furnara.
19. Fl-20 ta’ April 2005, id-Dipartiment tal-Kompetizzjoni bagħat talbiet għal informazzjoni, b’mod partikolari, lill-Vlaamse federatie van verenigingen van Brood- en Banketbakkers, Ijsbereiders en Chocoladebewerkers VZW (iktar ’il quddiem il-“VEBIC”), assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru, li ġiet ikkostitwita bil-għan li tirrappreżenta l-interessi, b’mod partikolari, tal-assoċjazzjonijiet provinċjali tal-furnara u l-pastiċċiera artiġjanali tar-reġjun ta’ Vlaanderen. Il-VEBIC bagħtet l-informazzjoni mitluba.
20. Wara diversi miżuri struttorji oħrajn, fit-8 ta’ Ġunju 2007, l-Awditur Ġenerali fi ħdan il-Kunsill tal-Kompetizzjoni bagħat lill-President ta’ dan tal-aħħar ir-rapport tiegħu li kien jinkludi l-ilmenti u l-fajl tal-investigazzjoni, li ġie indirizzat lill-VEBIC. Dan ir-rapport kien isemmi li d-deċiżjonijiet tal-federazzjonijiet tal-furnara ma kellhomx effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u li għaldaqstant ir-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni ma kinux applikabbli għall-prattiki eżaminati. L-Awditorat, min-naħa l-oħra, ikkonkluda li l-VEBIC kienet kisret l-Artikolu 2(1) tal-LCPE billi, essenzjalment, xerrdet u ppubblikat prezz ta’ referenza għall-ħobż kif ukoll l-istruttura ta’ dak il-prezz u tal-ispejjeż għall-informazzjoni tal-membri tagħha.
21. L-Awditur Ġenerali ppropona wkoll lill-awla tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni, minn naħa, timponi multa fuq il-VEBIC waqt li tikkunsidra ċirkustanzi aggravanti, peress li din tal-aħħar kienet taf dwar in-natura illegali tal-ftehim dwar il-prezzijiet u ma kinitx użat il-possibbiltà li tissottometti lill-awtorità tal-kompetizzjoni l-metodu għall-kalkolu tal-prezzijiet u, min-naħa l-oħra, tipprojbixxi l-prattika kkontestata taħt piena ta’ penali.
22. Fit-13 ta’ Awwissu 2007, il-VEBIC issottomettiet osservazzjonijiet bil-miktub dwar ir-rapport tal-Awditorat.
23. B’deċiżjoni tal-25 ta’ Jannar 2008, il-Kunsill tal-Kompetizzjoni kkonstata li, bejn l-1 ta’ Lulju 2004 u t-8 ta’ Ġunju 2007, il-VEBIC kienet wettqet ksur tal-Artikolu 2 tal-LPCE, ipprojbixxa l-imsemmija prattika u impona multa ta’ EUR 29 121 fuq il-VEBIC.
24. Fit-22 ta’ Frar 2008, il-VEBIC ippreżentat rikors għal annullament kontra l-imsemmija deċiżjoni quddiem il-Hof van beroep te Brussel (Qorti tal-Appell ta’ Brussell).
25. Skont dik il-qorti, id-dispożizzjonijiet tal-LPCE, b’mod partikolari l-Artikoli 75 u 76 tagħha, ma jippermettux la lill-Awditorat u lanqas lill-Kunsill tal-Kompetizzjoni jipparteċipaw fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Appell. Tali esklużjoni hija impliċita fir-rigward tal-Awditorat peress li dan jista’ jiġi inkarigat mill-Hof van beroep imexxi investigazzjoni. Il-Ministru Federali responsabbli għall-Ekonomija biss jista’ jitlob ir-riforma tad-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni u jsir parti fil-kawża quddiem il-Hof van beroep.
26. Madankollu, fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-VEBIC biss hija parti fil-proċeduri ta’ appell, peress li l-Ministru ma użax l-opportunità mogħtija lilu li jissottometti osservazzjonijiet bil-miktub.
27. Fid-dawl tal-problema maħluqa mill-fatt li fil-kawża prinċipali ma hemm ebda parti oħra għajr ir-rikorrenti, kif fil-fatt għandu jkun il-każ skont il-LPCE, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà ta’ tali proċeduri mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1/2003, b’mod partikolari minħabba li l-effettività tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni ma tidhirx żgurata u l-liġi inkwistjoni ma tippermettix il-protezzjoni tal-interess ekonomiku ġenerali.
28. Fir-rigward tar-rilevanza tad-domandi tagħha mal-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li hija titlob, il-qorti tar-rinviju tippreċiża, minn naħa, li r-regoli proċedurali inkwistjoni għandhom jiġu applikati b’mod uniformi, indipendentement mill-kwistjoni jekk il-proċeduri mibdija mill-Kunsill tal-Kompetizzjoni hijiex ibbażata fuq ir-regoli tal-kompetizzjoni nazzjonali jew fuq l-Artikoli 81 KE u 82 KE. Min-naħa l-oħra, hija tal-fehma li l-atti tal-proċess fil-kawża prinċipali jistgħu jippermettulha tirriforma d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni b’mod li tikkunsidra li l-prattika eżaminata fil-fatt tassew taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u, b’hekk, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE.
29. Kien fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi li l-Hof van beroep ssospondiet il-proċeduri quddiemha u rrinvjat lill-Qorti tal-Ġustizzja dawn l-erba’ domandi preliminari:
“1) L-Artikoli 2, 15(3) u 35(1) [tar-Regolament Nru 1/2003] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għandhom direttament [f’dawn id-dispożizzjonijiet] il-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub fuq il-motivi ssollevati f’rikors [appell] kontra d-deċiżjoni tagħhom kif ukoll li huma stess jistgħu jippreżentaw motivi, b’mod li din il-possibbiltà ma tistax tiġi rtirata minn Stat Membru?
2) Dawn l-istess dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-applikazzjoni effettiva tar-regoli tal-kompetizzjoni sabiex jiġi protett l-interess ġenerali tirrikjedi li l-awtoritajiet pubbliċi ta’ sorveljanza, maħtura bħala awtoritajiet tal-kompetizzjoni, ma jkollhomx biss il-possibbiltà iżda wkoll l-obbligu li jieħdu sehem fi proċeduri ta’ rikors [appell] kontra d-deċiżjonijiet tagħhom billi jesprimu l-pożizzjoni tagħhom fuq il-motivi ta’ fatt u ta’ dritt ssollevati?
3) Jekk ir-risposta għad-domandi 1 u 2 tkun affermattiva, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet interni dwar il-parteċipazzjoni tal-awtorità tal-kompetizzjoni għall-proċeduri quddiem l-istanza tar-rikors [tal-appell] u, fil-każ fejn jiġu maħtura awtortajiet differenti, l-awtorità kompetenti sabiex tieħu d-deċiżjonijiet elenkati fl-Artikolu 5 tar-Regolament tkun ukoll dik li tipparteċipa fil-proċedura ta’ rikors [appell] kontra d-deċiżjoni tagħha?
4) Ir-risposta għad-domandi preċedenti tkun differenti fil-każ fejn l-awtorità tal-kompetizzjoni taġixxi, skont il-liġi interna, bħala qorti u/jew fil-każ fejn id-deċiżjoni finali tittieħed wara investigazzjoni mwettqa minn entità, li tagħmel parti minn din il-qorti, inkarigata biex tistabbilixxi l-ilmenti u tressaq abbozz ta’ deċiżjoni?”
IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
30. Permezz tad-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, il-Hof van beroep te Brussel talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tissuġġetta r-rinviju għal deċiżjoni preliminari għall-proċedura mħaffa, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 104a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.
31. B’digriet tat-3 ta’ Diċembru 2008, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ċaħad din it-talba.
32. Osservazzjonijiet bil-miktub ġew sottomessi mill-VEBIC, mill-Kunsill tal-Kompetizzjoni, mill-Gvern tal-Belġju u tal-Polonja kif ukoll mill-Kummissjoni. It-trattazzjonijiet ta’ dawn il-partijiet ikkonċernati nstemgħu wkoll matul is-seduta tal-20 ta’ Jannar 2010.
V – Analiżi ġuridika
A – Fuq l-ammissibbiltà u r-relevanza tal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea mitluba
33. Matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-VEBIC sostniet li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari kien inammissibbli minħabba li l-interpretazzjoni mitluba tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1/2003 jew, b’mod iktar ġenerali, tad-dritt tal-Unjoni, hija irrelevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. Essenzjalment, skont il-VEBIC, għandu jiġi kkonstatat jew li l-elementi kollha tal-kawża prinċipali huma kkonfinati fi ħdan Stat Membru wieħed, jew li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tirrispondi domandi irrelevanti jew ipotetiċi.
34. Dan l-argument ma huwiex konvinċenti.
35. Fir-rigward tal-ewwel oġġezzjoni, nirrikonoxxi li, kif ġie spjegat fis-sommarju tal-kawża prinċipali iktar ’il fuq, il-qorti tar-rinviju għandha quddiemha rikors għal annullament kontra deċiżjoni tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni Belġjan ibbażata esklużivament fuq id-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni, minħabba li ma ġiex affettwat il-kummerċ bejn l-Istati Membri.
36. Madankollu, u indipendentement mill-kwistjoni kemmxejn kontroversjali tal-konsegwenzi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tislet minħabba li tikkonstata li talba għal deċiżjoni preliminari hija bbażata fuq elementi fattwali u ġuridiċi li ma humiex marbuta mad-dritt tal-Unjoni Ewropea (5), jirriżulta wkoll mit-talba għal deċiżjoni preliminari li numru ta’ atti fil-proċess ippreżentat quddiem il-qorti tar-rinviju għandhom iwasslu lil din tal-aħħar tuża s-setgħa ta’ riforma mogħtija lilha mill-Artikolu 75 tal-LPCE fir-rigward tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni b’tali mod li tikkonstata, fil-kawża prinċipali, l-applikabbiltà tal-Artikolu 81 KE.
37. Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, kif prevista fl-Artikolu 234 KE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tagħti d-deċiżjoni li għandha tevalwa, fir-rigward taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża pendenti quddiemha, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari biex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-relevanza tad-domandi li hija tirrinvija lill-Qorti tal-Ġustizzja (6).
38. Kemm-il darba d-domandi rrinvjati mill-qrati nazzjonali jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja fil-prinċipju hija obbligata tagħti deċiżjoni, sakemm, b’mod partikolari, ma jkunx ovvju li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija fir-realtà intiża sabiex twassalha tiddeċiedi permezz ta’ kawża fittizja jew sabiex tifformula opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi, jew jekk l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt Komunitarju ma jkollha ebda rabta mar-realtà tas-suġġett tal-kawża (7).
39. F’dan ir-rigward, it-tieni oġġezzjoni tal-VEBIC, li abbażi tagħha l-fatt li l-qorti tar-rinviju ma ddeċiditx definittivament dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 81 KE qabel ma indirizzat ir-rinviju preliminari tagħha iwassal biex il-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għal domandi irrelevanti jew ipotetiċi, fil-fehma tiegħi ma għandhiex tiġi aċċettata.
40. Effettivament, b’mod ġenerali, jiena tal-fehma li, fl-istadju tal-ammissibbiltà, għandu jiġi eżaminat jekk jidhirx li, irrispettivament mir-risposta li tagħti l-Qorti tal-Ġustizzja għal domanda preliminari, dik ir-risposta hijiex manifestament irrelevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, peress li, f’dak il-każ, l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mitluba ma tkunx oġġettivament meħtieġa għad-deċiżjoni li jkollha tiġi adottata mill-qorti nazzjonali (8).
41. Dan żgur ma huwiex il-każ f’din il-kawża, peress li, kif ammettew il-Kunsill tal-Kompetizzjoni u l-Gvern Belġjan, l-interpretazzjoni mitluba tar-Regolament Nru 1/2003 tista’, jekk ikun il-każ, tagħti lill-awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali l-kwalità ta’ parti fil-kawża prinċipali quddiem il-qorti tar-rinviju, li s’issa ma huwiex permess mil-LPCE. Barra minn hekk, il-fatt li l-qorti tar-rinviju ma ddeċiditx definittivament dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 81 KE li hija beħsiebha tirrileva ex officio jista’ jiġi spjegat b’mod ferm rilevanti mill-għan tat-talba tagħha li tirrigwarda d-drittijiet proċedurali li għandhom jingħataw lill-awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali fil-funzjoni tagħha li tiżgura l-effettività sħiħa tal-Artikoli 81 KE u 82 KE.
42. B’hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-VEBIC, fil-fehma tiegħi jkun ta’ mill-inqas inkoerenti kieku l-qorti tar-rinviju kellha tiddeċiedi definittivament fuq kwistjoni li hija beħsiebha tirrileva ex officio mingħajr il-preżenza tal-awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali waqt li, essenzjalment, id-domandi tagħha jirrigwardaw preċiżament l-għażla li għandha dik l-awtorità li tikkwalifika bħala parti fil-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju u, b’hekk, li tkun tista’ tippreżenta risposta f’dik il-kawża, possibbiltà li, skont il-Hof van beroep te Brussel, tista’ tirriżulta biss mill-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1/2003.
43. Fi kliem ieħor, kieku l-qorti tar-rinviju kienet iddeċidiet definittivament dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 81 KE li hija għandha l-intenzjoni li tirrileva ex officio, hija kien ikollha tinjora waħda mill-konsegwenzi possibbli tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, li hija qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpeta, jiġifieri r-rispett tad-drittijiet tad-difiża ta’ waħda mill-partijiet fil-kawża. Għaldaqstant, il-fatt li l-qorti tar-rinviju ma ddeċiditx definittivament dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 81 KE bl-ebda mod ma għandu jikkostitwixxi ostakolu għall-ammissibbiltà tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari tagħha.
44. Għaldaqstant nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara t-talba għal deċiżjoni preliminari ammissibbli.
B – Fuq il-mertu
1. Fuq l-ewwel żewġ domandi preliminari
45. Permezz tal-ewwel żewġ domandi tagħha, li fil-fehma tiegħi għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment qed issaqsi jekk l-Artikoli 2, 15(3) u 35(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jawtorizzawx jew jobbligawx direttament lil awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali tissottometti osservazzjonijiet bil-miktub billi tifformula motivi ta’ fatt u/jew ta’ liġi quddiem il-qorti nazzjonali li quddiemha ġie ppreżentat appell minn waħda mid-deċiżjonijiet tagħha.
46. Ir-risposta għal dik id-domanda timplika li għandha tiġi ddeterminata l-portata tal-intervent tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali quddiem il-qrati nazzjonali meta dawn japplikaw id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.
47. Kif diġà kelli l-okkażjoni nindika fil-punt 41 tal-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fil-kawża X BV (9), it-tranżizzjoni minn applikazzjoni partikolarment ċentralizzata tal-Artikoli 81 KE u 82 KE, kif kienet teżisti taħt ir-Regolament tal-Kunsill Nru 17 (10), għal sistema ta’ implementazzjoni deċentralizzata tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni, kif stabbilita bir-Regolament Nru 1/2003, teħtieġ li jiġu stabbiliti mekkaniżmi adattati biex tiġi żgurata applikazzjoni “effettiv[a]”, “b’mod effettiv [effikaċi]”, “uniformi” u/jew “b’mod konsistenti” tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 81 KE u 82 KE, skont id-diversi espressjonijiet użati mill-imsemmi regolament (11).
48. B’hekk, waqt li l-premessa 34 tar-Regolament Nru 1/2003 tindika li l-għan ta’ dan tal-aħħar huwa “li tħalli ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Komunità li jiġu applikati b’mod effettiv”, il-premessa 6 tiegħu tippreċiża li, sabiex jintlaħaq tali għan, “l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri għandhom ikun assoċjati aktar mil-qrib”, li huma awtorizzati japplikaw id-dispożizzjonijiet kollha tal-Artikoli 81 KE u 82 KE “bħala infurzar publiku” (12) u f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, b’mod konformi mal-Artikoli 5 u 11 ta’ dak ir-regolament. Flimkien ma’ din tal-aħħar, dawk l-awtoritajiet b’hekk jiffurmaw netwerk ta’ awtoritajiet pubbliċi li japplikaw ir-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni f’kooperazzjoni mill-qrib (13).
49. Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza X BV, iċċitata iktar ’il fuq, il-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni stabbiliti mill-Kapitolu IV tar-Regolament Nru 1/2003 bejn il-Kummissjoni, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali u l-qrati tal-Istati Membri huma stabbiliti fil-kuntest tal-prinċipju ġenerali ta’ kooperazzjoni leali, imsemmi fl-Artikolu 10 KE, li jirregola r-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (14).
50. L-ewwel u t-tieni sentenzi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 1/2003, li jinsab fil-Kapitolu IV tal-imsemmi regolament, jawtorizzaw lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali tal-Istati Membri jissottomettu osservazzjonijiet bil-miktub ex officio kif ukoll osservazzjonijiet orali, bl-awtorizzazzjoni tal-qorti nazzjonali kkonċernata, lill-qrati tal-Istat Membru tagħhom dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 81 KE u/jew 82 KE.
51. Fir-rigward tal-formolazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni, din l-għażla tidher li hija miftuħa għall-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali fis-sitwazzjonijiet kollha fejn qorti nazzjonali tapplika l-Artikoli 81 KE u/jew 82 KE. Dan jista’, pereżempju, ikun il-każ meta qorti ta’ Stat Membru tiddeċiedi dwar kawża bejn individwi jew meta tali qorti tisma’ appell minn deċiżjoni tal-awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali li tapplika l-Artikoli 81 KE u/jew 82 KE jew ukoll, bħal fil-kawża prinċipali, meta dik il-qorti tkun trid tirriforma tali deċiżjoni b’mod li tapplika wieħed minn dawk l-artikoli.
52. Ċertament, kif indikat essenzjalment il-Kummissjoni matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, dawn l-aħħar żewġ każijiet ipotetiċi ma jikkostitwixxux każijiet tipiċi ta’ attivazzjoni tal-mekkaniżmu previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 1/2003.
53. Effettivament, meta jippreċiża li “[b]il-għan ta’ preparazzjoni ta’ l-osservazzjonijiet tagħhom biss, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri […] [jistgħu] jitolbu lil qorti rilevanti ta’ l-Istat Membru biex titrasmetti jew tiżgura it-trasmissjoni lilhom ta’ kwalunkwe dokumenti neċessarji għall-istima tal-każ”, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(3) jippresupponi, skont kif jidher, li l-mekkaniżmu previst fl-ewwel subparagrafu favur l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali japplika, bħala regola ġenerali, f’sitwazzjonijiet fejn dawk l-awtoritajiet ma jibbenefikawx, fuq bażi oħra, mill-aċċess, anki parzjali, għall-proċess tal-kawża mressqa quddiem il-qorti nazzjonali. Dik l-evalwazzjoni tidher li hija kkonfermata għall-kuntrarju mill-premessa 21 tal-istess regolament li tippreċiża li dawk l-osservazzjonijiet għandhom b’mod partikolari jiġu kkomunikati skont ir-regoli tal-proċedura nazzjonali intiżi biex jipproteġu d-drittijiet tal-partijiet.
54. B’hekk, fil-każ fejn il-qorti nazzjonali kompetenti tisma’ appell minn deċiżjoni ta’ awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali, l-għażla mogħtija mill-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 1/2003 tista’ b’mod ġenerali titqies bħala superfluwa peress li dik l-awtorità tista’, fil-prinċipju, tibbenefika mill-kwalità ta’ parti fil-kawża quddiem dik il-qorti, fatt li jippermettilha jkollha aċċess għall-atti kollha tal-proċess (li, wara kollox, ikunu oriġinaw minn dik l-istess awtorità) u, b’hekk, li tissodisfa b’mod adegwat il-funzjoni tagħha ta’ awtorità pubblika inkarigata li tiżgura l-applikazzjoni effikaċi tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni fl-interess pubbliku, kif meħtieġ mir-Regolament Nru 1/2003.
55. Dan b’hekk jispjega r-raġuni għalfejn ir-Regolament Nru 1/2003 ma rregolax espressament il-kwistjoni tal-intervent ta’ awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali, peress li, fil-mument tal-adozzjoni ta’ dak ir-regolament, il-leġiżlatur Komunitarju telaq mill-premessa li kull awtorità tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri għandha dritt li tiddefendi d-deċiżjonijiet tagħha quddiem il-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu hija tkun stabbilita. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, fil-mument meta ġie adottat ir-Regolament Nru 1/2003 u meta dan daħal fis-seħħ, l-awtorità tal-kompetizzjoni Belġjana fil-fatt kellha dan id-dritt quddiem il-qrati nazzjonali u li kien biss fl-2006 li dan id-dritt ġie rrevokat, meta l-LPCE tat lill-Kunsill tal-Kompetizzjoni l-istatus ta’ qorti fis-sens tad-dritt Belġjan.
56. Madankollu, fl-ewwel lok, jiena tal-fehma li, f’sitwazzjoni, bħal dik fil-kawża prinċipali, fejn awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali ma tibbenefikax mill-possibbiltà li tkun parti f’kawża ta’ appell mressqa kontra waħda mid-deċiżjonijiet tagħha, u meta l-qorti nazzjonali adita tkun beħsiebha tapplika l-Artikolu 81 KE, l-imsemmija awtorità għandha b’mod ċar tiddisponi mid-dritt li tissottometti osservazzjonijiet quddiem dik il-qorti, b’mod konformi mal-mekkaniżmu previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 1/2003.
57. Skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali mfakkar mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza X BV iċċitata iktar ’il fuq u l-għan ta’ applikazzjoni effettiva tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, din l-għażla li jiġu sottomessi osservazzjonijiet bil-miktub għandha tkun tista’ tiġi eżerċitata b’mod effettiv, fir-rigward tal-karatteristiċi speċifiċi proċedurali tal-Istati Membri.
58. F’dan ir-rigward nistaqsi jekk, f’kawża bħall-kawża prinċipali, l-awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali għandhiex il-mezzi effettivi kollha biex tkun realment f’pożizzjoni li tattiva d-dritt tagħha li tissottometti ex officio osservazzjonijiet bil-miktub dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 81 KE u/jew 82 KE, b’mod konformi mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 1/2003, peress li, kif ġie kkonfermat fis-seduta mill-Kunsill tal-Kompetizzjoni u mir-Renju tal-Belġju, ebda dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali ma tobbliga lill-Hof van beroep te Brussel, meta din tkun beħsiebha tirrileva ex officio l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni f’kawża bħal din, tinforma lill-awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali bl-intenzjoni tagħha.
59. Effettivament, fin-nuqqas ta’ tali informazzjoni minn qabel u inkwantu l-awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali ma għadhiex tista’, skont l-LPCE u l-indikazzjonijiet mogħtija fit-talba għal deċiżjoni preliminari, tkun parti f’kawża quddiem ir-qorti tar-rinviju, dik l-awtorità tkun, fil-fehma tiegħi, konkretament imċaħħda mid-dritt li tattiva l-għażla prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 1/2003 (15).
60. Tali nuqqas jista’ jiġi kkumpensat jekk, fit-tieni lok u kif essenzjalment titlob il-qorti tar-rinviju, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1/2003 jeżiġu li l-awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali għandha tibbenefika mill-kwalità ta’ parti fil-kawża quddiem il-qorti tal-appell kompetenti biex tieħu konjizzjoni tal-appelli ppreżentati mid-deċiżjonijiet ta’ tali awtorità jew ta’ wieħed mill-komponenti tagħha.
61. Il-partijiet ikkonċernati li ssottomettew osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jaqblux dwar din il-kwistjoni. Essenzjalment, għall-Gvern Pollakk u għall-Kummissjoni, l-applikazzjoni effettiva tal-Artikoli 81 KE u 82 KE, segwita mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1/2003, teħtieġ li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jistgħu jiddisponu mid-dritt li jaġixxu bis-sħiħ bħala konvenuti fi proċeduri kontra waħda mid-deċiżjonijiet tagħhom meta l-qorti nazzjonali tapplika l-imsemmija artikoli, mingħajr madankollu mhemm obbligu f’dan is-sens. Min-naħa l-oħra, il-Gvern Belġjan, il-Kunsill tal-Kompetizzjoni kif ukoll il-VEBIC huma essenzjalment tal-fehma li, peress li ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 1/2003 ma tittratta dik il-kwistjoni, l-Istati Membri huma liberi, abbażi tal-awtonomija proċedurali u tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, li jirregolawha. F’dan ir-rigward, dawk il-partijiet ikkonċernati huma tal-fehma li l-fatt li l-awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali ma għandhiex id-dritt tiddefendi d-deċiżjoni kkontestata fil-kawża prinċipali quddiem il-qorti tar-rinviju huwa spjegat mill-fatt li l-LPCE ta lill-Kunsill tal-Kompetizzjoni l-istatus ta’ qorti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-VEBIC iżżid li jekk qorti ta’ prim’istanza, bħall-Kunsill tal-Kompetizzjoni, tingħata l-possibbiltà li tikseb il-kwalità ta’ parti fil-kawża quddiem il-qorti tal-appell, dan iwassal biex jiġu ppreġudikati d-drittijiet tad-difiża tagħha stess.
62. Min-naħa tiegħi u għar-raġunijiet li ser jissemmew iktar ’il quddiem, ninsab inklinat nikkunsidra li l-garanzija tal-effettività sħiħa tal-Artikoli 81 KE u 82 KE għandha twassal biex, fid-dawl tar-responsabbiltà li l-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru għandha taħt ir-Regolament Nru 1/2003, din titqies bħala parti f’kawża li tirrigwarda l-legalità tad-deċiżjoni adottata minn wieħed mill-komponenti tal-imsemmija awtorità u li tkun tirrigwarda l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.
63. Fl-ewwel lok, għandu jiġi mfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, anki fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja, l-awtonomija proċedurali li għandhom l-Istati Membri biex jinnominaw il-qrati kompetenti u biex jirregolaw il-modalitajiet proċedurali tar-rimedji ġudizzjarji intiżi biex jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet li ċ-ċittadini għandhom taħt id-dritt tal-Unjoni hija limitata mill-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (16).
64. Dejjem skont il-ġurisprudenza, l-osservanza tal-prinċipju ta’ effettività, li huwa l-uniku wieħed rilevanti f’din il-kawża, kif meħtieġa mill-Istati Membri tfisser li l-modalitajiet proċedurali li dawn tal-aħħar jistabbilixxu ma għandhomx irendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċitar tad-drittijiet mogħtija mis-sistema ġuridika Komunitarja (17).
65. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kull każ fejn tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali trendix impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lill-individwi mis-sistema ġuridika Komunitarja għandu jiġi analizzat billi jitqies il-post ta’ dik id-dispożizzjoni fil-kuntest sħiħ tal-proċedura, tal-iżvolġiment tagħha u tal-partikolaritajiet tagħha, quddiem id-diversi qrati nazzjonali. F’din il-perspettiva, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li għandhom jiġu kkunsidrati, jekk ikun il-każ, il-prinċipji li fuqhom hija bbażata s-sistema ġudizzjarja nazzjonali, bħall-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza ġuridika u l-iżvolġiment tajjeb tal-proċeduri (18).
66. L-ewwel oġġezzjoni, imressqa mill-Kunsill tal-Kompetizzjoni, għall-applikabbiltà ta’ dik il-ġurisprudenza f’kawża bħall-kawża prinċipali u li għandha, fil-fehma tiegħi, tiġi miċħuda, hija li l-prinċipju ta’ effettività jipproteġi biss id-drittijiet li l-individwi jidderivaw mid-dritt tal-Unjoni.
67. Ċertament, huwa veru li ma jeżistix preċedent ta’ ġurisprudenza li fil-kuntest tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja vverifikat l-applikabbiltà tal-prinċipju ta’ effettività favur awtoritajiet nazzjonali fil-perspettiva li tiġi rrifjutata l-applikazzjoni ta’ regoli proċedurali nazzjonali.
68. Madankollu, fil-verità din ma hijiex il-kwistjoni f’din il-kawża. Effettivament, il-kwistjoni hi jekk il-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni jipprekludix l-applikazzjoni ta’ regoli tal-proċedura nazzjonali li jrendu eċċessivament diffiċli jew prattikament impossibbli l-eżerċizzju tal-obbligi partikolari li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali għandhom skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, f’dan il-każ dawk tar-Regolament Nru 1/2003.
69. Kif diġà ġie indikat, fil-kuntest tad-deċentralizzazzjoni tal-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, ir-Regolament Nru 1/2003 jagħti lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali nnominati minn kull Stat Membru l-kompitu li jiżguraw l-applikazzjoni effettiva tal-Artikoli 81 KE u 82 KE fl-interess ġenerali. Dawk l-awtoritajiet b’hekk għandhom, flimkien mal-Kummissjoni, il-funzjoni li jiżguraw l-applikazzjoni effettiva ta’ dispożizzjonijiet fundamentali indispensabbli għall-funzjonament tas-suq intern (19).
70. B’mod partikolari dan l-obbligu jinkludi, b’mod espliċitu, dritt li jiġu sottomessi ex officio osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-qrati tal-Istat Membru kkonċernat, skont l-Artikolu 15(3) tal-imsemmi regolament, dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 81 KE u 82 KE, kif ukoll osservazzjonijiet orali, bl-awtorizzazzjoni tal-imsemmija qrati.
71. Jeħtieġ ukoll, fil-fehma tiegħi, li dawk l-awtoritajiet ikunu jistgħu jinstemgħu fil-proċeduri ġudizzjarji kollha li jirrigwardaw il-legalità tad-deċiżjonijiet tagħhom stess u li fihom dawn tal-aħħar u/jew il-qorti nazzjonali jikkunsidraw li l-Artikoli 81 KE u/jew 82 KE għandhom japplikaw.
72. Effettivament, kieku dan ma kienx il-każ, l-effettività tal-imsemmija artikoli titnaqqas sostanzjalment, peress li awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali ma tkunx tista’ tiddefendi l-pożizzjoni li tkun adottat fl-interess ġenerali quddiem il-qorti nazzjonali adita bil-kawża jew tinstema’ minn din tal-aħħar fuq kull kwistjoni li dik il-qorti jidhrilha li għandha d-dmir tirrileva ex officio.
73. F’din il-kawża, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 75 tal-LPCE jagħti lill-Hof van beroep te Brussel ġurisdizzjoni sħiħa kemm fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ ksur tal-Artikoli 81 KE u 82 KE kif ukoll fil-livell tal-multa li tista’ tiġi imposta fuq l-impriżi akkużati, u li tinkludi l-possibbiltà, imfakkra barra minn hekk b’mod espliċitu fl-istess artikolu tal-LPCE, li jiġu kkunsidrati l-iżviluppi li jkunu seħħew wara d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni kkontestata quddiem l-imsemmija Hof van beroep.
74. F’tali ċirkustanzi, il-fatt li l-awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali ma tingħatax l-istatus ta’ parti fil-kawża u, b’hekk, ma titħalliex tiddefendi d-deċiżjoni li hija adottat fl-interess ġenerali joħloq riskju li l-qorti tal-appell tkun totalment “maqbuda” mill-motivi u l-argumenti żviluppati mill-impriża jew impriżi appellanti fl-appell mid-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni.
75. F’qasam bħal dak tal-konstatazzjoni ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, li jinvolvi evalwazzjonijiet ġuridiċi u ekonomiċi kumplessi kif ukoll l-impożizzjoni ta’ multi li spiss ikunu suġġetti għal kawżi quddiem il-qrati nazzjonali jew tal-Unjoni, l-eżistenza stess ta’ tali riskju tista’ tikkomprometti l-eżerċizzju tal-obbligu partikolari li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali għandhom, taħt ir-Regolament Nru 1/2003, li jiggarantixxu l-applikazzjoni effettiva tal-Artikoli 81 KE u 82 KE.
76. Barra minn hekk, il-fatt li awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali tiġi miċħuda l-kwalità ta’ parti fil-kawża, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, jimplika wkoll li dik l-awtorità ma tkunx f’pożizzjoni li teżerċita rimedji oħrajn, fosthom tippreżenta appell fuq punt ta’ liġi kontra d-deċiżjoni mogħtija mill-qorti tal-appell li tannulla u/jew tirriforma d-deċiżjoni adottata mill-Kunsill tal-Kompetizzjoni, kif ammettew ukoll il-Gvern Belġjan u l-Kunsill tal-Kompetizzjoni fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
77. B’hekk, f’tali ċirkustanzi, ebda awtorità pubblika, li l-funzjoni tagħha tkun li tiżgura l-effikaċja sħiħa tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni abbażi tar-Regolament Nru 1/2003, ma tista’ tikkontesta l-interpretazzjoni possibbilment żbaljata tal-imsemmija regoli mill-Hof van beroep te Brussel.
78. Ċertament, wieħed jista’ jimmaġina li l-awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali tista’ teżerċita d-dritt li tissottometti osservazzjonijiet skont l-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 1/2003 quddiem il-Hof van Cassatie (Qorti tal-Kassazzjoni). Madankollu, l-eżistenza ta’ dik il-possibbiltà ma tikkumpensax għan-nuqqasijiet imsemmija fil-punti preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet peress li l-attivazzjoni tal-mekkaniżmu previst fl-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 1/2003 ikun, fi kwalunkwe każ, suġġett għall-preżentata minn qabel ta’ appell ta’ fuq punt ta’ liġi minn waħda mill-partijiet fil-kawża quddiem il-Hof van beroep te Brussel. Huwa evidenti li dawk il-partijiet jistgħu, għal diversi raġunijiet suġġettivi, jikkunsidraw li ma huwiex fl-interess tagħhom li jippreżentaw tali appell.
79. B’hekk, l-awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali tkun, fil-fehma tiegħi, imqegħda f’sitwazzjoni fejn l-eżerċitar tal-obbligi tagħha abbażi tar-Regolament Nru 1/2003 isir eċċessivament diffiċli minħabba r-regoli proċedurali nazzjonali li ma jippermettulhiex tintervjeni bħala parti fi proċeduri ġudizzjarji li jinvolvi waħda mid-deċiżjonijiet tagħha u li fihom l-applikazzjoni tal-Artikoli 81 KE u/jew 82 KE tkun inkwistjoni.
80. Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu l-Gvern Belġjan u l-Kunsill tal-Kompetizzjoni, l-impossibbiltà għall-awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali li tkun parti fil-kawża quddiem il-Hof van beroep te Brussel ma hijiex immitigata f’din il-kawża mill-għażla mogħtija lill-Ministru Federali tal-Ekonomija li jsir parti fil-kawża. Effettivament, huwa paċifiku li dan tal-aħħar ma ġiex innominat mir-Renju tal-Belġju bħala l-“awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali”, fis-sens tar-Regolament Nru 1/2003 u b’hekk ma għandux, abbażi ta’ dak ir-regolament, il-kompitu li jiżgura l-applikazzjoni effettiva tal-Artikoli 81 KE u 82 KE fl-interess ġenerali.
81. Barra minn hekk, din lanqas ma tista’ tiġi kkumpensata mill-possibbiltà għall-Hof van beroep te Brussel li titlob investigazzjoni supplimentari lill-Awditorat, peress li tali miżura għandha, min-natura tagħha stess, portata limitata u l-attivazzjoni tagħha tiddependi kemm mill-istat tal-proċess quddiem dik il-qorti kif ukoll mill-volontà ta’ din tal-aħħar.
82. Finalment, lanqas ma huwa konvinċenti l-argument imressaq mill-Gvern Belġjan u mill-VEBIC li l-istatus ġudizzjarju mogħti lill-Kunsill tal-Kompetizzjoni mil-LPCE huwa ta’ ostakolu biex l-awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali tkun tista’ tkun parti fil-kawża quddiem il-Hof van beroep te Brussel. Effettivament, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tal-LPCE, il-Kunsill tal-Kompetizzjoni jikkostitwixxi biss wieħed mill-komponenti tal-awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali nnominata mir-Renju tal-Belġju skont ir-Regolament Nru 1/2003, peress li din tal-aħħar hija, kif ammetta l-Gvern Belġjan matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, awtorità ibrida, jiġifieri nofsha ġudizzjarja u nofsha amministrattiva. Huwa għal din l-istess raġuni li għandu jiġi miċħud l-argument tal-VEBIC, imressaq matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li abbażi tiegħu jkunu qed jiġu ppreġudikati d-drittijiet tad-difiża tagħha jekk qorti nazzjonali tal-prim’istanza tingħata l-istatus ta’ parti fil-kawża prinċipali. Dan effettivament ma huwiex ir-rekwiżit li jirriżulta mir-Regolament Nru 1/2003.
83. B’hekk, għalkemm l-applikazzjoni effettiva tal-Artikoli 81 KE u 82 KE titlob, fil-fehma tiegħi, li l-awtorità nazzjonali inkarigata mill-implementazzjoni tagħhom fl-interess ġenerali fit-territorju nazzjonali titpoġġa f’pożizzjoni li tkun parti fil-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju mitluba tiddeċiedi dwar dawk id-dispożizzjonijiet, id-dritt tal-Unjoni jeħtieġ ukoll li dik l-awtorità tkun tista’ tibbenefika mid-drittijiet li jagħti dak l-istatus, fl-ewwel lok dak dwar l-osservanza tal-prinċipju tal-kontradittorju.
84. F’dan ir-rigward, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-prinċipju elementari tad-dritt ikun miksur jekk deċiżjoni ġudizzjarja tkun ibbażata fuq fatti u dokumenti li l-partijiet, jew waħda minnhom, ma setgħawx jieħdu konjizzjoni tagħhom u li b’hekk huma ma setgħuwx jieħdu pożizzjoni fuqhom (20), u li l-prinċipju tal-kontradittorju jimplika wkoll, bħala regola ġenerali, id-dritt tal-partijiet li jieħdu konjizzjoni u li jiddibattu l-motivi ta’ liġi rrilevati ex officio mill-qorti, li fuqhom hija jkun beħsiebha tibbaża d-deċiżjoni tagħha (21), kunsiderazzjonijiet li jirriżultaw ukoll mill-osservanza tal-Artikolu 6(1) tal- Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (22).
85. Huwa wkoll minn dan l-angolu li wieħed jifhem perfettament ir-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju, li kellha l-ħsieb tibbaża d-deċiżjoni tagħha li tintervjeni fuq l-Artikolu 81 KE, mingħajr ma ġiet mitluba minn qabel mill-appellanti (ir-rikorrenti fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja), tissospendi l-proċeduri quddiemha u li titsaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar in-neċessità, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1/2003, li jiġu ggarantiti quddiem l-imsemmija qorti r-rappreżentazzjoni tal-awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali u l-eżerċizzju sħiħ minn din tal-aħħar tad-drittijiet tad-difiża.
86. Jidhirli li l-preokkupazzjoni li esprimiet il-qorti tar-rinviju tista’ tinftiehem iktar peress li din tal-aħħar għandha, skont l-LPCE, ġurisdizzjoni sħiħa u b’hekk hija awtorizzata tikkunsidra fatturi li seħħew wara d-deċiżjoni adottata mill-Kunsill tal-Kompetizzjoni kif ukoll li tissostitwixxi d-deċiżjoni adottata minn dan tal-aħħar bid-deċiżjoni tagħha stess. Mingħajr dubju, il-qorti tar-rinviju ġustament tidher li kkunsidrat li l-eżerċizzju ta’ tali ġurisdizzjoni ma jistax jiġi meħlus mill-osservanza tar-regoli proċedurali li jirriżultaw mill-prinċipju tal-kontradittorju (23).
87. Għal dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, jiena tal-fehma li, fid-dawl tal-obbligu li għandhom l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali li jiżguraw l-applikazzjoni effettiva tal-Artikoli 81 KE u 82 KE skont ir-Regolament Nru 1/2003, dan tal-aħħar għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali għandhom ikunu jistgħu jiksbu l-istatus ta’ parti fi proċeduri ġudizzjarji dwar il-legalità ta’ waħda mid-deċiżjonijiet tagħhom kif ukoll dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 81 KE u/jew 82 KE.
88. Min-naħa l-oħra, b’risposta għat-tieni domanda rrinvjata mill-qorti tar-rinviju u kif sostnew il-partijiet ikkonċernati kollha, l-applikazzjoni effettiva tal-Artikoli 81 KE u 82 KE ma tistax tasal sal-punt li awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali tkun mġiegħla tiddefendi l-legalità tad-deċiżjonijiet tagħha f’kull każ mingħajr eċċezzjonijiet.
89. Madankollu, għandu jingħad ukoll, kif argumentat ġustament il-Kummissjoni, li l-fatt li awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali kważi sistematikament ma tidhirx fil-proċeduri jikkomprometti l-osservanza tal-prinċipju ġenerali ta’ kooperazzjoni leali kif ukoll l-effettività tal-Artikoli 81 KE u 82 KE.
2. Fuq it-tielet u r-raba’ domandi preliminari
90. Permezz tat-tielet domanda preliminari tagħha, li saret biss fl-ipoteżi ta’ risposta affermattiva għall-ewwel żewġ domandi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża jekk l-awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali li għandha l-kompetenza biex tadotta d-deċiżjonijiet elenkati fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/2003 għandhiex tipparteċipa fil-proċeduri ta’ appell. Permezz tar-raba’ domanda tagħha, dik il-qorti tistaqsi jekk ir-risposti mogħtija għall-ewwel tliet domandi jkunux differenti minħabba l-istatus ġudizzjarju ta’ wieħed mill-komponenti tal-awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali jew jekk wieħed mill-korpi ta’ din l-awtorità jmexxi l-investigazzjoni li twassal, jekk ikun il-każ, għad-deċiżjoni finali tal-komponent ġudizzjarju tal-imsemmija awtorità.
91. Għalkemm nissuġġerixxi li tingħata risposta affermattiva biss għall-ewwel domanda, it-tielet u r-raba’ domandi jibqgħu rilevanti, anki f’dan il-każ ipotetiku. Għaldaqstant għandha tingħata risposta għalihom.
92. Fir-rigward tal-formulazzjoni tad-domandi, infakkar li, skont l-LPCE, ir-Renju tal-Belġju nnomina awtorità tal-kompetizzjoni waħda fis-sens tar-Regolament Nru 1/2003, li hija komposta minn żewġ korpi distinti, skont l-Artikolu 1 tal-LPCE. It-tielet u r-raba’ domandi b’hekk jistgħu jirrigwardaw biss it-tqassim tal-kompetenzi bejn id-diversi komponenti tal-imsemmija awtorità.
93. Dan premess, jidhirli li r-risposta għal dawn id-domandi tinsab fl-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri.
94. Effettivament, għalkemm kif diġà ppreċiżajt fil-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-Istati Membri għandhom jagħtu lill-awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali inkarigata li tiggarantixxi l-applikazzjoni effettiva tal-Artikoli 81 KE u 82 KE fl-interess ġenerali d-dritt li tkun parti fil-kawża dwar waħda mid-deċiżjonijiet tagħha, min-naħa l-oħra, dawk l-istess Stati jibqgħu kompetenti, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni, li jinnominaw il-korp jew korpi ta’ dik l-awtorità li għandhom il-prerogattiva li jattivaw tali dritt. L-applikazzjoni effikaċi tal-Artikoli 81 KE u 82 KE ma titlobx, fil-fehma tiegħi, li tiġi llimitata l-latitudni tal-Istati Membri f’dan ir-rigward.
95. Il-kontenut ta’ din ir-risposta kif ukoll dak tar-risposti għall-ewwel żewġ domandi preliminari rrinvjati lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jvarjax, fil-fehma tiegħi, jekk wieħed mill-komponenti tal-awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali jkollu l-istatus ta’ qorti fis-sens tad-dritt intern (24).
96. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha taqbel mal-proposti tiegħi ta’ risposti għall-erba’ domandi preliminari, huwa probabbli li l-leġiżlatur nazzjonali jkollu jemenda l-LPCE b’mod li wieħed mill-komponenti tal-awtorità tal-kompetizzjoni jingħata l-istatus ta’ parti fil-kawża quddiem il-Hof van beroep te Brussel.
97. Madankollu, fil-kawża prinċipali, huwa wisq probabbli li l-qorti tar-rinviju ma tkunx tista’ tistenna l-intervent tal-leġiżlatur nazzjonali biex issolvi din il-problema.
98. Ħlief jekk il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li għandha tissospendi l-proċeduri sakemm tidħol fis-seħħ l-emenda tal-LPCE, hija jkollha, skont l-obbligu li tieħu kull miżura ġenerali jew partikolari adatta biex tiżgura l-eżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt Komunitarju li għalih huma suġġetti l-awtoritajiet tal-Istati Membri skont l-Artikolu 10 KE, tagħti lil-liġi interna li hija għandha tapplika, sa fejn hu possibbli, interpretazzjoni konformi mar-rekwiżiti tad-dritt Komunitarju (25).
99. L-obbligu li b’hekk għandha l-qorti nazzjonali huwa limitat għal “sa fejn hu possibbli”, jiġifieri, li dan japplika biss fil-każ fejn il-formolazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tħalli marġni għal interpretazzjonijiet differenti. Il-portata ta’ tali obbligu b’hekk ma tasalx sal-punt li teħtieġ interpretazzjoni contra legem tal-leġiżlazzjoni interna (26).
100. Għalkemm tali evalwazzjoni taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju, ma jidhirlix li huwa impossibbli li l-LPCE tiġi interpretata skont ir-rekwiżit li jirriżulta mill-osservanza tal-effettività sħiħa tal-Artikoli 81 KE u 82 KE fid-dawl, minn naħa, tal-fatt li l-awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali, innominata mir-Renju tal-Belġju skont ir-Regolament Nru 1/2003, għandha struttura dualistika, nofsha amministrattiva u nofsha ġudizzjarja, u min-naħa l-oħra, tal-fatt, imfakkar fit-talba għal deċiżjoni preliminari, li l-unika intenzjoni ċara tal-leġiżlatur nazzjonali kienet li jeskludi l-għażla tal-komponent ġudizzjarju tal-imsemmija awtorità li jibbenefika mill-istatus ta’ parti fil-kawża quddiem il-Hof van beroep te Brussel fil-kuntest ta’ appell minn deċiżjoni adottata mill-Kunsill tal-Kompetizzjoni.
101. Għaldaqstant nissuġġerixxi li r-risposta li għandha tingħata għat-tielet u r-raba’ domandi rrinvjati mill-qorti tar-rinviju għandha tkun fis-sens li, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-Istati Membri jibqgħu kompetenti biex jinnominaw il-korp li, fi ħdan l-awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali nnominata skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1/2003, ikollu l-prerogattiva li jattiva d-dritt li jkun parti fil-kawża dwar waħda mid-deċiżjonijiet tal-imsemmija awtorità u li tirrigwarda l-applikazzjoni tal-Artikoli 81 KE u/jew 82 KE, indipendentement mill-kwistjoni jekk wieħed mill-komponenti ta’ dik l-awtorità jkollux l-istatus ta’ qorti fis-sens tad-dritt intern.
VI – Konklużjoni
102. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li jingħataw dawn ir-risposti għad-domandi preliminari rrinvjati mill-Hof van beroep te Brussel:
“1) Fid-dawl tal-obbligu li għandhom l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali li jiżguraw l-applikazzjoni effettiva tal-Artikoli 81 KE u 82 KE skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE], dan ir-regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali għandhom ikunu jistgħu jiksbu l-istatus ta’ parti fi proċeduri ġudizzjarji dwar il-legalità ta’ waħda mid-deċiżjonijiet tagħhom kif ukoll dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 81 KE u/jew 82 KE. Min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni effettiva tal-Artikoli 81 KE u 82 KE ma tistax tasal sal-punt li awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali tkun mġiegħla tiddefendi l-legalità tad-deċiżjonijiet tagħha f’kull każ mingħajr eċċezzjonijiet.
2) Fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-Istati Membri jibqgħu kompetenti biex jinnominaw il-korp li, fi ħdan l-awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali nnominata skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1/2003, ikollu l-prerogattiva li jattiva d-dritt li jkun parti fil-kawża dwar waħda mid-deċiżjonijiet tal-imsemmija awtorità u li tirrigwarda l-applikazzjoni tal-Artikoli 81 KE u/jew 82 KE, indipendentement mill-kwistjoni jekk wieħed mill-komponenti ta’ dik l-awtorità jkollux l-istatus ta’ qorti fis-sens tad-dritt intern.”
1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol.2, p. 205.
3 – Moniteur belge tad-29 ta’ Settembru 2006, p. 50613.
4 – Skont l-Artikolu 79 tal-LPCE (mhux rilevanti fil-kawża prinċipali), il-Kunsill tal-Kompetizzjoni għandu jisma’ l-appelli mid-deċiżjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet settorjali ta’ regolazzjoni. Skont l-Artikolu 81 tal-LPCE, id-deċiżjonijiet mogħtija mill-Kunsill tal-Kompetizzjoni skont l-Artikolu 79 tal-LPCE jistgħu jkunu suġġetti għal appell fuq punt ta’ liġi quddiem il-Qorti tal-Kassazzjoni.
5 – F’dan ir-rigward, jistgħu jiġu elenkati ta’ mill-inqas erba’ direzzjonijiet ġurisprudenzjali li jeżistu flimkien. Fir-rigward tal-ewwel u l-eqdem fosthom, il-Qorti tal-Ġustizzja tindika li r-regoli tat-Trattat ma humiex applikabbli fir-rigward ta’ sitwazzjoni fejn l-elementi kollha huma kkonfinati fi ħdan Stat Membru wieħed (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 1999, Jägerskiöld, C‑97/98, Ġabra p. I‑7319, punt 45, kif ukoll id-digriet tad-19 ta’ Ġunju 2008, Kurt C‑104/08, punt 20). Fil-kuntest tat-tieni direzzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi billi tiddeċiedi li d-dritt tal-Unjoni rilevanti ma jipprekludix il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni (ara, b’mod partikolari, id-dispożittiv tad-digriet tal-5 ta’ April 2004, Mosconi u Ordine degli Ingegneri di Verona e Provincia, C‑3/02, kif ukoll id-digrieti tal-21 ta’ Jannar 2008, Mayeur, C‑229/07, punt 20, u tas-17 ta’ Marzu 2009, Mariano, C‑217/08, punti 30 u 31)]. Skont it-tielet direzzjoni tal-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li hija ma għandhiex kompetenza biex tirrispondi għad-domandi rrinvjati (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-29 ta’ Mejju 1997, Kremzow (C‑299/05, Ġabra p. I‑2629, punt 15, kif ukoll id-digrieti tas-6 ta’ Ottubru 2005, Vajnai, C‑328/04, Ġabra p. I-8577, punt 13; tal-25 ta’ Jannar 2007, Koval’ský, C‑302/06, punti 20 u 23, u tas-16 ta’ Jannar 2008, Polier, C‑361/07, punti 11 u 16). Abbażi tar-raba’ direzzjoni ġurisprudenzjali, il-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta l-ammissibbiltà ta’ domandi preliminari bbażati fuq elementi ta’ fatt ristretti għat-territorju ta’ Stat Membru wieħed, b’mod partikolari fil-każ fejn id-dritt nazzjonali jkun jeħtieġ li l-qorti nazzjonali tagħti lil ċittadin tal-Istat Membru tagħha l-benefiċċju tal-istess drittijiet bħal dawk li ċittadin ta’ Stat Membru ieħor jislet mid-dritt tal-Unjoni fl-istess sitwazzjoni (ara, inter alia, is-sentenzi tal-5 ta’ Diċembru 2000, Guimont, C‑448/98, Ġabra p. I-10663, punt 23; tal-15 ta’ Mejju 2003, Salzmann, C‑300/01, Ġabra p. I‑4899, punti 33 sa 35, kif ukoll tal-31 ta’ Jannar 2008, Centro Europa 7, C‑380/05, Ġabra p. I‑349 punt 69).
6 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 2006, Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio (C‑217/05, Ġabra p. I‑11987, punt 16) u tat-2 ta’ April 2009, Pedro IV Servicios (C‑260/07, Ġabra p. I-2437, punt 28).
7 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio, iċċitata iktar ’il fuq (punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).
8 – Ara s-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2001, SONAE (C‑206/99, Ġabra p. I‑4679, punti 45 u 46) kif ukoll il-punt 40 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża li wasslet għas-sentenza Pedro IV Servicios, iċċitata iktar ’il fuq.
9 – Sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009 (C‑429/07, Ġabra p. I).
10 – Regolament tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1216/1999, tal-10 ta’ Ġunju 1999 (ĠU L 148, p. 5).
11 – Fil-verżjoni Franċiża tar-Regolament Nru 1/2003, tintuża l-kelma “effectif[ve]” fil-premessi 5 u 8 u, f’forma avverbjali, fl-Artikolu 35(1) tal-imsemmi regolament; il-kelma “efficace” tintuża fil-premessi 6 u 34; il-kelma “uniforme” tintuża fil-premessa 22 kif ukoll fit-titolu tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1/2003; il-kelma “cohérent(e)” tintuża fil-premessi 14, 17, 19 u 21 kif ukoll fl-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 1/2003. Kif enfasizzajt fil-punt 33 tal-konklużjonijiet ippreżentati fil-kawża li wasslet għas-sentenza X BV, iċċitata iktar ’il fuq, dawn id-distinzjonijiet ma humiex neċessarjament rilevanti fil-verżjonijiet lingwistiċi kollha tar-Regolament Nru 1/2003.
12 – Ara, b’mod partikolari, il-premessa 35 tar-Regolament Nru 1/2003.
13 – Premessa 15 tar-Regolament Nru 1/2003.
14 – Punti 20 u 21.
15 – Għal kull bon fini, għandu jissemma wkoll li l-fatt li l-awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali tkun, skont il-premessa 21 tar-Regolament Nru 1/2003 u l-Artikolu 76 tal-LPCE, informata dwar l-appell mid-deċiżjoni tagħha ma jbiddel xejn, peress li, f’din il-kawża, il-VEBIC b’ebda mod ma tallega li l-Kunsill tal-Kompetizzjoni ma applikax l-Artikolu 81 KE.
16 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 1995, Van Schijndel u van Veen (C‑430/93 u C‑431/93, Ġabra p. I‑4705, punt 17); tad-9 ta’ Diċembru 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑129/00, Ġabra p. I‑14637, punt 25); tat-13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et (C‑295/04 sa C‑298/04, Ġabra p. I‑6619, punti 62 u 71); tas-7 ta’ Ġunju 2007, van der Weerd et (C‑222/05 sa C‑225/05, Ġabra p. I‑4233, punt 28) kif ukoll tal-15 ta’ April 2008, Impact (C‑268/06, Ġabra p. I‑2483, punti 44 sa 46).
17 – Ara, b’mod partikolari f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Van Schijndel u van Veen (punt 17); van der Weerd et (punt 28), kif ukoll Impact (punt 46).
18 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza van der Weerd et iċċitata iktar ’il fuq (punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).
19 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Ġunju 1999, Eco Swiss (C‑126/97, Ġabra p. I‑3055, punt 36).
20 – Sentenzi tat-22 ta’ Marzu 1961, Snupat vs L-Awtorità Għolja (42/59 u 49/59, Ġabra p. 101, 156); tal-10 ta’ Jannar 2002, Plant et vs Il-Kummissjoni u South Wales Small Mines (C‑480/99 P, Ġabra p. I‑265, punt 24), tat-2 ta’ Ottubru 2003, Corus UK vs Il-Kummissjoni (C‑199/99 P, Ġabra p. I‑11177, punt 19), kif ukoll tat-2 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et (C‑89/08 P, Ġabra p. I-11245, punt 52).
21 – Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 55). Ara wkoll, is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2009, Réexamen M/EMEA (C‑197/09 RX-II, Ġabra p. I-12033, punt 57).
22 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal-14 ta’ Frar 2008, Varec (C‑450/06, Ġabra p. I‑581, punti 46 u 47) u Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, iċċitata iktar ’il fuq (punti 54 sa 58).
23 – Ara, f’dan ir-rigward, fir-rigward tal-osservanza ta’ tali prinċipju mill-qrati Komunitarji, is-sentenza Réexamen M/EMEA, iċċitata iktar ’il fuq (punt 58).
24 – F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li tali status ma jippreġudikax il-kunċett ta’ qorti nazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 234 KE. Ara fir-rigward tan-natura mhux ġudizzjarja fis-sens tal-Artikolu 234 KE tal-awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali Griega, is-sentenza tal-31 ta’ Mejju 2005, Syfait et (C‑53/03, Ġabra p. I‑4609, punti 30 sa 37).
25 – Ara, b’mod partikolari f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2009, ČEZ (C‑115/08, Ġabra, punt 138).
26 – Ara f’dan is-sens, inter alia, is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 1997, Dorsch Consult (C‑54/96, Ġabra p. I‑4961, punt 45).
Full & Egal Universal Law Academy