Kawża C-16/08
Schenker SIA
vs
Valsts ieņēmumu dienests
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administratīvā apgabaltiesa)
“Tariffa Doganali Komuni — Klassifikazzjoni tariffarja— Nomenklatura Magħquda — Apparat bi kristalli likwidi b’matriċi attiva”
Sommarju tas-sentenza
Tariffa Doganali Komuni — Intestaturi tariffarji — Ċertu tip ta’ apparat bi kristall likwidi b’matriċi attiva
(Regolament tal-Kunsill Nru 2658/87, Anness I; Regolament tal-Kummissjoni Nru 1789/2003)
Is-subintestatura 8528 21 90 tan-Nomenklatura Magħquda li tikkostitwixxi l-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, kif emendat bir-Regolament Nru 1789/2003, għandha tiġi interpretata fis-sens li, fid-29 ta’ Diċembru 2004, l-imsemmija subintestatura ma kinitx tapplika għall-apparat bi kristalli likwidi b’matriċi attiva (LCD) li huwa kompost prinċipalment mill-elementi li ġejjin:
– żewġ folji tal-ħġieġ;
– saff ta’ kristalli likwidi mdaħħla bejn il-folji;
– signal drivers vertikali u orizzontali;
– unità ta’ dawl minn wara l-iskrin;
– power supply li jiġġenera vultaġġ għoli għall-unità ta’ dawl minn wara l-iskrin, u
– ċentru ta’ kontroll – interface ta’ trażmissjoni ta’ data (PCB jew PWB tal-kontroll) li jiżgura t-trażmissjoni sekwenzjali tad-data lil kull pixel (punt) tal-modulu LCD permezz ta’ teknoloġija speċifika – LVDS (sinjal differenzjali b’vultaġġ baxx).
Fil-fatt, peress li l-użu finali tagħhom jiddependi minn elementi addizzjonali li jiġu miżjuda magħhom fl-istadju segwenti tal-manifattura, l-apparat inkwistjoni ma għandux il-karatteristiċi essenzjali tal-prodott komplut jew mitmum, fis-sens tas-subintestatura 8528 21 90 tan-Nomenklatura Magħquda.
Min-naħa l-oħra, l-imsemmi apparat jista’, inkwantu jikkostitwixxi merkanzija li tista’ tintuża f’apparat li jaqa’ taħt l-intestatura 8528, jiġi kklassifikat fl-intestatura 8529 tan-Nomenklatura Magħquda (“Bċejjeċ tajbin għal użu biss jew prinċipalment ma’ l-apparat ta’ l-intestaturi 8525 sa 8528”) u b’mod iktar speċifiku fis-subintestatura 8529 90 81 tagħha. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk dan l-apparat għandux il-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi neċessarji sabiex jiġi kkunsidrat bħala merkanzija li hija esklużivament jew prinċipalment intiża biex tintuża ma’ apparat li jaqa’ taħt l-intestaturi 8525 sa 8528 tan-Nomenklatura Magħquda.
(ara l-punti 27-32 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)
11 ta’ Ġunju 2009 (*)
“Tariffa Doganali Komuni – Klassifikazzjoni tariffarja– Nomenklatura Magħquda – Apparat ta’ bi kristalli likwidi b’matriċi attiva”
Fil-Kawża C‑16/08,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Administratīvā apgabaltiesa (il-Latvja), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Diċembru 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Jannar 2008, fil-proċedura
Schenker SIA
vs
Valsts ieņēmumu dienests,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),
komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, K. Schiemann (Relatur) u C. Toader, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Schenker SIA, minn E. Āboliņa, mandatarja,
– għall-Valsts ieņēmumu dienests, minn D. Jakāns, bħala aġent,
– għall-Gvern Ungeriż, minn R. Somssich, J. Fazekas u K. Borvölgyi, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn G. Wilms u E. Kalnins, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda li tikkostitwixxi l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1789/2003, tal-11 ta’ Settembru 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 14, p. 3, iktar ’il quddiem in-“NM”).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Schenker SIA (iktar ’il quddiem “Schenker”) u l-Valsts ieņēmumu dienests (amministrazzjoni fiskali Latvjana, iktar ’il quddiem il-“VID”) fir-rigward tal-klassifikazzjoni tariffarja ta’ ċertu apparat bi kristalli likwidi b’matriċi attiva (LCD).
Il-kuntest ġuridiku
3 In-Nomenklatura Magħquda, imwaqqfa bir-Regolament Nru 2658/87, hija bbażata fuq is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u l-kodifikazzjoni ta’ oġġetti (iktar ’il quddiem is-“SA”), magħmula mill-Kunsill tal-Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana, u mwaqqfa bil-Konvenzjoni Internazzjonali konkluża fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983 u l-Protokoll li emendaha tal-24 ta’ Ġunju 1986, approvati f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE, tas-7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288).
4 L-ewwwl parti tan-NM tinkludi ġabra ta’ dispożizzjonijiet preliminari. F’din il-parti, taħt it-Taqsima I, iddedikata għar-regoli ġenerali, it-Taqsima A, intitolata “Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda” (iktar ’il quddiem ir-“regoli ġenerali”), tipprovdi:
“Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-[NM] għand[h]a tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin.
“1. It-titoli tat-taqsimiet, kapitoli u subkapitoli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skond it-termini ta’ l-intestaturi u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitolu relattiv u, sakemm dawn l-intestaturi jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin.
2. a) Kwalunkwe referenza f’intestatura għal oġġett għandha titqies li tinkludi referenza għal dak l-oġġett mhux komplut jew mhux mitmum, sakemm, kif preżentat, l-oġġett mhux komplut jew mhux mitmum ikollu l-karattru essenzjali ta’ l-oġġett komplut jew mitmum. Għandha wkoll titqies li tinkludi referenza għal dak l-oġġett komplut jew mitmum (jew li jista’ jkun klassifikat bħala komplut jew mitmum permezz ta’ din ir-regola), preżentat mhux armat jew żarmat.
[…]”
5 It-tieni parti tan-NM, li fiha l-iskeda tad-dazji tad-dwana, tinkludi t-Taqsima XVI bl-isem “Makkinarju u għodod mekkaniċi; apparat elettriku; bċejjeċ tagħhom; strumenti li jirrekordjaw u strumenti li jirriproduċu l-ħoss; strumenti li jirrekordjaw u strumenti li jirriproduċu stampa u ħoss televiżivi u bċejjeċ u aċċessorji ta’ dawn l-oġġetti”.
6 L-intestatura 8528 tan-NM tistipula kif ġej:
“8528 Apparat għar-riċeviment ta’ televiżjoni, li fih jew le riċevituri għax-xandir tar-radjo jew apparat għar-reġistrazzjoni jew riproduzzjoni ta’ ħoss jew vidjo; monitur tal-vidjo u projetturi tal-vidjo:
[…]
– Monitur vidjo:
8528 21 − − Kulur:
[…]
8528 21 90 − − − Oħrajn
[…]”
7 L-intestatura 8529 tan-NM tistipula kif ġej:
“8529 Bċejjeċ tajbin għal użu biss jew prinċipalment ma’ l-apparat ta’ l-intestaturi 8525 sa 8528:
[…]
8529 90 − Oħrajn:
[…]
8529 90 81 − − − − − Għal telekameras tas-subintestatura 8525 30 u apparat ta’ l-intestaturi 8527 u 8528
[…]”
8 L-intestatura 9013 tan-NM tistipula kif ġej:
“9013 Mezzi ta’ kristall likwidu [Apparat bi kristalli likwidi] li ma humiex oġġetti stipulati iktar speċifikament f’intestaturi oħrajn; lejżers, ħlief diodes tal-lejżer; tagħmir u strumenti oħrajn ottiċi, mhux speċifikati jew inklużi band’oħra f’dan il-Kapitolu:
[…]
9013 80 − Mezzi [Apparat], tagħmir u strumenti oħrajn:
− − Mezzi ta’ kristall likwidu [Apparat bi kristalli likwidi] :
9013 80 20 − − − Mezzi ta’ matriċi attiva ta’ kristall likwidu [Apparat bi kristalli likwidi b’matriċi attiva]
[…]”
9 In-noti ta’ spjega tan-Nomenklatura Magħquda tal-Komunitajiet Ewropej ippubblikati mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej fit-23 ta’ Ottubru 2002 (ĠU C 256, p. 1), jirreferu, għal dak li jirrigwarda s-subintestaturi 8528 21 14 sa 8528 21 90, għall-punt 6(2) tan-noti ta’ spjega tal-intestatura 8528 tas-SA, li jinsab fil-Ġabra tal-opinjonijiet dwar il-klassifika tas-SA, ippubblikata mill-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana.
10 In-noti ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 8528 jistipulaw:
“[…]
Din l-intestatura tinkludi tagħmir riċeventi għat-televiżjoni (inkluż il-monitors tal-vidjo u l-proġetturi tal-vidjo (video projectors), li fih riċevituri għax-xandir tar-radju jew apparat għar-reġistrazzjoni jew trażmissjoni ta’ ħoss jew vidjo.
Fost l-apparat ta’ din l-intestatura, jista’ jiġi inkluż:
[…]
6) Monitors tal-vidjo li huma riċevituri konnessi direttament mal-vidjo camera jew rekorder permezz ta’ co-axial cables, sabiex iċ-ċirkwiti kollha ta’ xandir tar-radju huma eliminati. Dawn huma użati minn kumpanniji televiżivi jew għal televiżjoni b’ċirkwit magħluq (ajruporti, stazzjonijiet tal-ferrovija, setturi tal-azzar, sptarijiet, eċċ). Dan l-apparat jikkonsisti essenzjalment minn disposittivi li jistgħu jiġġeneraw punt luminuż u juruh fuq skrin, f’sinkronija mas-sinjali tas-sors u vidjo amplifiers li jistgħu jvarjaw l-intensità tal-punt luminuż. Barra dan, huma jistgħu jkollhom inputs separati għal aħmar (R), aħdar (G) u blue (B) jew jiġu kkodati skont standard partikolari (NTSC, SECAM, PAL, D-MAC eċċ). Għar-riċeviment ta’ sinjali kkodati, il-monitor irid jiġi mgħammar b’dekodaġġ (separazzjoni) tas-sinjali R, G U B. Il-mezz l-iktar użat għar-rikostituzzjoni tal-immaġni huwa t-tubu tar-raġġi katodiċi għal viżjoni diretta jew il-proġettur bi tliet tubi tar-raġġi katodiċi, iżda jeżistu monitors li jużaw mezzi oħra sabiex jaslu għall-istess għan (eżempju skrins ta’ kristalli likwidi (LCD), diffrazzjonijiet ta’ raġġi tad-dawl fuq film taż-żejt). Dawn il-monitors jistgħu jkunu fil-forma ta’ CRT monitors jew flat screens, pereżempju LCD, LED, plasma eċċ.
[…]
Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ġenerali relattivi għall-klassifikazzjoni tal-partijiet (ara n-Nota ta’ Spjega Ġenerali tat-Taqsima), il-partijiet tal-apparat ta’ din l-intestatura jaqgħu taħt in-Nru 85.29.”
11 In-nota ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 9013 tistipula kif ġej:
“[…] din l-intestatura tinkludi b’mod partikolari:
1) L-apparat ta’ kristall likwidu [bi kristalli likwidi] li jikkonsisti f’saff ta’ kristall likwidu imdaħħal bejn żewġ folji jew tal-ħġieġ jew tal-plastik, kemm jekk ikun mgħammar b’kondutturi elettriċi jew le, ippreżentat f’biċċa waħda jew maqtugħ f’forom partikolari, u li ma jikkostitwixxix oġġetti inklużi b’mod aktar speċifiku f’intestaturi oħrajn tan-[NM].
[…]”
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
12 Fid-29 ta’ Diċembru 2004, Schenker għamlet dikjarazzjoni doganali għal ċerta merkanzija, jiġifieri l-apparat TFT LCD bi kristalli likwidi b’matriċi attiva LTA320W2‑L01, LTA260W1‑L02 u LTM170W1‑L01, għal valur globali ta’ USD 108 720, billi kklassifikatha fis-subintestatura 9013 8020 tan-NM u billi, konsegwentement, applikat fil-konfront tagħha r-rata tad-dazju fuq l-importazzjoni ta’ 0 %.
13 Mill-atti ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-imsemmi apparat huwa kkostitwit minn żewġ folji tal-ħġieġ, saff ta’ kristalli likwidi mdaħħal bejn dawn il-folji, signal drivers vertikali u orizzontali, unità ta’ dawl minn wara l-iskrin, power supply li jiġġenera vultaġġ għoli għall-unità ta’ dawl minn wara l-iskrin, u, fl-aħħar nett, ċentru ta’ kontroll – interface ta’ trażmissjoni ta’ data (kontroll PCB jew PWB) li jassigura t-trażmissjoni sekwenzjali ta’ data lil kull pixel (punt) tal-modulu LCD, permezz ta’ teknoloġija specifica – LVDS (sinjal differenzjali b’vultaġġ baxx).
14 Meta vverifika d-dikjarazzjoni ta’ Schenker relattiva għal din il-merkanzija, ir-Rīgas Muitas reģionālā iestāde (iċ-ċentru reġjonali tad-dwana ta’ Riga) tal-VID kellu xi dubji dwar l-eżattezza tas-subintestatura tan-NM li kienet indikata fid-dikjarazzjoni. Għaldaqstant, ittieħdu xi kampjuni li ntbagħtu lid-dipartiment tad-dwana kompetenti sabiex dan jiddetermina l-kodiċi tan-NM applikabbli. L-aġenti doganali kkunsidraw li l-klassifikazzjoni tariffarja korretta kienet is-subintestatura 8528 21 90 u mhux il-klassifikazzjoni użata minn Schenker, jiġifieri s-subintestatura 9013 80 20. Ir-rata tad-dazju fuq l-importazzjoni li tikkorrispondi għall-klassifikazzjoni użata mill-VID u li kien imissha, skont din l-awtorità amministrativa, ġiet applikata għall-merkanzija hija ta’ 14 %.
15 Konsegwentement, fl-24 ta’ Frar 2005, il-VID adottat deċiżjoni li permezz tagħha kkunsidrat li Schenker kienet wettqet vjolazzjoni amministrattiva abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-kodiċi tal-vjolazzjonijiet amministrattivi Latvjan u imponiet fuqha multa ta’ LVL 300, deċiżjoni li ġiet ikkonfermata mid-direttur ġenerali tal-VID fis-7 ta’ Ġunju 2005.
16 Fil-11 ta’ Lulju 2005, Schenker ressqet rikors għall-annullament tad-deċiżjoni tad-direttur ġenerali tal-VID quddiem l-Administratīvā rajona tiesa (il-qorti amministrativa tad-distrett), billi sostniet, essenzjalment, li l-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jmisshiex ġiet ikklassifikata fis-subintestatura 8528 21 90 tan-NM, jiġifieri bħala prodotti kompluti fis-sens tan-NM, peress li hija ma hija mgħammra b’ebda interface għat-trażmissjoni ta’ sinjali vidjo u lanqas ma tista’ tirċievi tali sinjali.
17 Fit-12 ta’ Mejju 2006, l-Administratīvā rajona tiesa ċaħdet ir-rikors ta’ Schenker. Għalkemm qablet mal-pożizzjoni ta’ Schenker fir-rigward tal-fatt li l-prodotti inkwistjoni ma għandhomx jiġu ddikjarati bħala prodotti kompluti jew mitmumin, din il-qorti rrilevat li d-dokumentazzjoni teknika li tinsab fil-proċess turi li dawn fihom il-komponenti prinċipali li jiggarantixxu li tiġi eżegwita l-funzjoni essenziali tal-merkanzija, jiġifieri t-trażmissjoni ta’ data. Il-klassifikazzjoni li għamlet il-VID hija għalhekk iġġustifikata, inkwantu dan huwa prodott mhux komplut jew mhux mitmum, li għandu l-karatteristiċi ta’ prodott komplut.
18 Fit-2 ta’ Ġunju 2006, Schenker appellat minn din is-sentenza quddiem l-Administratīvā apgabaltiesa. Fid-dawl tad-dubji li hija għandha fir-rigward tal-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“L-intestatura 8528 21 90 tan-[NM] għandha tiġi interpretata fis-sens li fid-29 ta’ Diċembru 2004, l-imsemmija intestatura kienet tapplika wkoll għal apparat bi kristalli likwidi b’matriċi attiva (TFT LCD – LTA320W2-L01, LTA260W1-L02, LTM170W1-L01), li huwa kompost prinċipalment mill-elementi li ġejjin:
– żewġ foji tal-ħġieġ;
– saff ta’ kristalli likwidi mdaħħla bejn il-folji;
– signal drivers vertikali u orizzontali;
– unità ta’ dawl minn wara l-iskrin;
– power supply li jiġġenera vultaġġ għoli għall-unità ta’ dawl minn wara l-iskrin, u
– ċentru ta’ kontroll - interface ta’ trażmissjoni ta’ data (PCB jew PWB tal-kontroll) li jassigura t-trażmissjoni sekwenzjali tad-data lil kull pixel (punt) tal-modulu LCD permezz ta’ teknoloġija speċifika – LVDS (sinjal differenzjali b’vultaġġ baxx)?”
Fuq id-domanda preliminari
L-argumenti tal-partijiet
19 Schenker issostni, essenzjalment, li l-apparat inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma huwiex intiż għal użu speċifiku wieħed biss u jista’ jintuża għall-manifattura ta’ diversi prodotti, bħall-kompjuters, monitors tal-vidjo, televiżjonijiet, sinjali elettroniċi, installazzjonijiet mediċi, installazzjonijiet għal sorveljanza awtomatika jew magni tal-logħob. Għal din ir-raġuni, l-imsemmi apparat ma jaqax taħt is-subintestatura 8528 21 90 tan-NM li tikkonċerna l-monitors tal-vidjo u, b’mod aktar ġenerali, prodotti kompluti.
20 Il-VID u l-Kummissjoni, min-naħa l-oħra, isostnu li l-apparat inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li jinkludi elementi addizzjonali li ma humiex imsemmijin fis-subintestatura 9013 80 20 tan-NM, bħal unità ta’ dawl minn wara l-iskrin, power supply għall-unità ta’ dawl minn wara l-iskrin u ċentru ta’ kontroll li jassigura t-trażmissjoni sekwenzjali tad-data lil kull pixel, ma jistax jiġi kklassifikat f’din is-subintestatura.
21 Barra minn hekk, il-VID issostni li l-apparat inkwistjoni jista’ jirċievi u juri immaġnijiet vidjo, u b’hekk iwettaq teknikament il-funazjoni prinċipali ta’ monitor tal-vidjo. Għaldaqstant, jista’ jiġi kkunsidrat, skont ir-regola ġenerali li tinsab fil-paragrafu 2(a) tal-Parti I, Titolu I A tan-NM, bħala oġġett mhux komplut jew mhux mitmum li jista’ jitqies bħala oġġett komplut jew mitmum, u b’hekk jaqa’ taħt is-subintestatura 8528 21 90 tan-NM li tkopri l-monitors tal-vidjo.
22 Il-Kummissjoni ssostni, min-naħa tagħha, li, skont in-nota ta’ spjega tas-SA rilevanti, peress li l-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tiġi kkunsidrata bħala partijiet intiżi għal magni li jaqgħu taħt l-intestatura 8528 tan-NM, hija għandha tiġi kklassifikata fl-intestatura 8529 tan-NM, b’mod iktar partikolari fis-subintestatura 8529 90 81 tagħha.
23 Skont il-Gvern Ungeriż, l-apparat inkwistjoni ma għandux il-karatteristiċi essenzjali tal-prodott komplut jew mitmum, peress li, f’dan l-istadju, għadu ma huwiex possibbli li jiġi ddeterminat f’liema tip ta’ prodotti mitmumim se jintuża dan l-apparat. L-intestatura tan-NM l-iktar korretta hija, konsegwentement, l-intestatura 9013.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
24 B’mod preliminari, għandu jiġi mfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-kontrolli, il-kriterju deċisiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandu jitfittex, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u proprjetajiet oġġettivi tal-merkanzija, kif iddefiniti mill-kliem tal-intestatura tan-NM kif ukoll tan-noti tat-taqsima jew tal-kapitolu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2007, Olicom, C-142/06, Ġabra p. I-6675, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).
25 Barra minn hekk, l-użu intiż tal-prodott jista’ jikkostitwixxi kriterju oġġettiv ta’ klassifikazzjoni sakemm ikun inerenti għall-imsemmi prodott, u din in-natura inerenti għandha tkun tista’ tiġi evalwata abbażi tal-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tiegħu (sentenza tas-27 ta’ Novembru 2008, Metherma, C-403/07, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 47).
26 In-noti tal-kapitolu tat-Tariffa Doganali Komuni, bħan-noti ta’ spjega tas-SA, jikkostitiwixxu fil-fatt mezzi importanti sabiex tiġi assigurata applikazzjoni uniformi ta’ din it-tariffa u jipprovdu, bħala tali, għajnuna valida għall-interpretazzjoni tagħha (sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2008, Kip Europe et, C-362/07 u C-363/07, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 27).
27 F’dan il-każ, fid-dawl tad-deskrizzjoni tal-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali mogħtija mill-qorti tar-rinviju, il-karatteristiċi tagħha ma jikkorrispondux għas-subintestatura 9013 80 20 tan-NM li tkopri l-“[m]ezzi ta’ matriċi attiva ta’ kristall likwidu [apparat bi kristalli likwidi b’matriċi attiva]”. L-apparat inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa fil-fatt mgħammar ukoll b’elementi li ma jissemmewx f’din is-subintestatura, b’mod partikolari unità ta’ dawl minn wara l-iskrin, power supply għall-unità ta’ dawl minn wara l-iskrin u ċentru ta’ kontroll li jassigura t-trażmissjoni sekwenzjali tad-data lil kull pixel. Dan l-apparat jista’ jintuża għal diversi finijiet, iżda komponenti essenzjali differenti għandhom jiġu miżjuda miegħu sabiex din il-merkanzija tikseb il-karatteristiċi essenzjali ta’ prodott komplut. B’hekk, is-subintestatura 8528 21 90 tan-NM, li tkopri l-“monitur vidjo”, jiġifieri l-prodotti kompluti, lanqas ma tikkostitwixxi s-subintestatura korretta għall-klassifikazzjoni tal-apparat bi kristalli likwidi inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
28 Ċertament, skont ir-regola stipulata fil-paragrafu 2(a) tal-parti I tat-Titolu I A tan-NM, intestatura partikolari tkopri anki prodott mhux komplut jew mhux mitmum sakemm, kif preżentat, ikollu l-karatteristiċi essenzjali tal-prodott komplut jew mitmum. Dan ma jidhirx li huwa l-każ tal-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali inwkantu l-użu finali tagħha tiddependi minn elementi addizzjonali li jiġu miżjuda magħhom fl-istadju segwenti tal-manifattura.
29 Konsegwentement, l-apparat bi kristalli likwidi inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistax jiġi kklassifikat fis-subintestaturi 9013 80 20 jew 8528 21 90 tan-NM.
30 Min-naħa l-oħra, l-imsemmi apparat jista’, inkwantu jikkostitwixxi merkanzija li tista’ tintuża f’apparat li jaqa’ taħt l-intestatura 8528 tan-NM (“Apparat għar-riċeviment ta’ televiżjoni, li fih jew le riċevituri għax-xandir tar-radjo jew apparat għar-reġistrazzjoni jew riproduzzjoni ta’ ħoss jew vidjo; monitur tal-vidjo u projetturi tal-vidjo”), jiġi kklassifikat, skont in-nota ta’ spjega tas-SA relattiva għall-intestatura 8528, fl-intestatura 8529 tan-NM (“Bċejjeċ tajbin għal użu biss jew prinċipalment ma’ l-apparat ta’ l-intestaturi 8525 sa 8528”), b’mod aktar speċifiku fis-subintestatura 8529 90 81 tagħha (“[g]ħal telekameras tas-subintestatura 8525 30 u apparat ta’ l-intestaturi 8527 u 8528”).
31 Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-apparat bi kristalli likwidi inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandux il-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi neċessarji sabiex jiġi kkunsidrat bħala merkanzija li hija esklużivament jew prinċipalment intiża biex tintuża ma’ apparat li jaqa’ taħt l-intestaturi 8525 sa 8528 tan-NM.
32 Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li s-subintestatura 8528 21 90 tan-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li, fid-29 ta’ Diċembru 2004, l-imsemmija subintestatura ma kinitx tapplika għall-apparat bi kristalli likwidi b’matriċi attiva (LCD) li huwa kompost prinċipalment mill-elementi li ġejjin:
– żewġ folji tal-ħġieġ;
– saff ta’ kristalli likwidi mdaħħla bejn il-folji;
– signal drivers vertikali u orizzontali;
– unità ta’ dawl minn wara l-iskrin;
– power supply li jiġġenera vultaġġ għoli għall-unità ta’ dawl minn wara l-iskrin, u
– ċentru ta’ kontroll - interface ta’ trażmissjoni ta’ data (PCB jew PWB tal-kontroll) li jassigura t-trażmissjoni sekwenzjali tad-data lil kull pixel (punt) tal-modulu LCD permezz ta’ teknoloġija speċifika - LVDS (sinjal differenzjali b’vultaġġ baxx).
Fuq l-ispejjeż
33 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
Is-subintestatura 8528 21 90 tan-Nomenklatura Magħquda li tikkostitwixxi l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1789/2003, tal-11 ta’ Settembru 2003, għandha tiġi interpretata fis-sens li, fid-29 ta’ Diċembru 2004, l-imsemmija subintestatura ma kinitx tapplika għall-apparat bi kristalli likwidi b’matriċi attiva (LCD) li huwa kompost prinċipalment mill-elementi li ġejjin:
– żewġ folji tal-ħġieġ;
– saff ta’ kristalli likwidi mdaħħla bejn il-folji;
– signal drivers vertikali u orizzontali;
– unità ta’ dawl minn wara l-iskrin;
– power supply li jiġġenera vultaġġ għoli għall-unità ta’ dawl minn wara l-iskrin, u
– ċentru ta’ kontroll – interface ta’ trażmissjoni ta’ data (PCB jew PWB tal-kontroll) li jassigura t-trażmissjoni sekwenzjali tad-data lil kull pixel (punt) tal-modulu LCD permezz ta’ teknoloġija speċifika – LVDS (sinjal differenzjali b’vultaġġ baxx).
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.
Full & Egal Universal Law Academy