Kawża C-56/08
Pärlitigu OÜ
vs
Maksu- ja Tolliameti Põhja maksu- ja tollikeskus
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tallinna Halduskohus)
“Tariffa Doganali Komuni — Nomenklatura Magħquda — Klassifikazzjoni tariffarja — Subintestatura NM 0511 91 10 — Subintestatura NM 0303 22 00 — Xewk tad-dahar iffriżat tas-salamun tat-trobbija tal-Atlantiku — Regolament (KE) Nru 85/2006 — Dazji antidumping”
Sommarju tas-sentenza
Tariffa Doganali Komuni — Intestaturi tariffarji — Xewk tad-dahar iffriżat tas-salamun tat-trobbija tal-Atlantiku, miksub wara li l-ħut jiġi ffilettjat
In-Nomenklatura Magħquda tat-Tariffa Doganali Komuni li tikkostitwixxi l-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, kif emendat bir-Regolament Nru 1719/2005, għandha tiġi interpretata fis-sens li x-xewk tad-dahar iffriżat tas-salamun tat-trobbija tal-Atlantiku (Salmo salar), miksub wara li l-ħut jiġi ffilettjat, għandu jiġi kklassifikat taħt is-Subintestatura 0303 22 00 tan-Nomenklatura Magħquda bil-kundizzjoni li l-merkanzija tkun adattata għall-konsum mill-bniedem fil-mument tal-iżdoganar, u hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika dan.
(ara l-punt 30 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
16 ta’ Lulju 2009(*)
“Tariffa Doganali Komuni – Nomenklatura Magħquda – Klassifikazzjoni tariffarja – Subintestatura NM 0511 91 10 – Subintestatura NM 0303 22 00 – Xewk tad-dahar iffriżat tas-salamun tat-trobbija tal-Atlantiku – Regolament (KE) Nru 85/2006 – Dazji antidumping ”
Fil-Kawża C‑56/08,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-Tallinna Halduskohus (l-Estonja), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Jannar 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Frar 2008, fil-proċedura
Pärlitigu OÜ
vs
Maksu- ja Tolliameti Põhja maksu- ja tollikeskus,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász, G. Arestis (Relatur) u J. Malenovský, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,
Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Pärlitigu OÜ, minn M. Maksing, advokaat,
– għall-Gvern Estonjan, minn L. Uibo, bħala aġent,
– għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn T. Tobreluts u J.-P. Hix, bħala aġenti, assistiti minn G. Berrisch, Rechtsanwalt,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn K. Saaremäel-Stoilov, H. van Vliet u A. Sipos, bħala aġenti,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Frar 2009,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tas-Subintestaturi 0511 91 10 u 0303 22 00 tan-Nomenklatura Magħquda li tikkostitwixxi l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1719/2005, tas-27 ta’ Ottubru 2005, (ĠU L 286, p. 1, iktar ’il quddiem in-“NM”), kif ukoll il-validita tal-Artikolu 1(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 85/2006, tas-17 ta’ Jannar 2006, li jimponi dazju definittiv ta’ anti-dumping u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq importazzjonijiet tas-salamun imrobbi li joriġina min-Norveġja (ĠU L 334M, 12.12.2008, p. 699).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Maksu- ja Tolliameti Põhja maksu- ja tollikeskus (iktar ’il quddiem il-“PMTK”), awtorità fiskali u doganali Estonjana, u Pärlitigu OÜ (iktar ’il quddiem “Pärlitigu”), kumpannija rregolata mid-dritt Estonjan, dwar Avviż ta’ Taxxa maħruġ fir-rigward ta’ din tal-aħħar.
Il-kuntest ġuridiku
3 It-Taqsima I, A, tal-Ewwel Parti tan-NM, li tinkludi r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni ta’ din tal-aħħar tirrprovdi:
“Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-[NM] għandha tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin:
1. It-titoli tat-taqsimiet, kapitoli u subkapitoli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skond it-termini ta’ l-intestaturi u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitolu relattiv u, sakemm dawn l-intestaturi jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin.
2. a) Kwalunkwe referenza f’titlu għal oġġett għandha titqies li tinkludi referenza għal dak l-oġġett mhux komplut jew mhux mitmum, sakemm, kif preżentat, l-oġġett mhux komplut jew mhux mitmum ikollu l-karattru essenzjali ta’ l-oġġett komplut jew mitmum. Għandha wkoll titqies li tinkludi referenza għal dak l-oġġett komplut jew mitmum (jew li jista’ jkun klassifikat bħala komplut jew mitmum permezz ta’ din ir-regola), preżentat mhux armat jew żarmat.
[…]
6. Għall-finijiet legali, il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fis-subintestaturi ta’ intestatura għandha tiġi deċiża skond it-termini ta’ dawk is-subintestaturi u kwalunkwe noti ta’ subintestaturi relatati u, mutatis mutandis skond ir-regoli ta’ hawn fuq, skond il-kundizzjoni li subintestaturi fl-istess livell biss huma komparabbli. Għall-finijiet ta’ din ir-regola, in-noti tat-taqsimiet u tal-kapitoli relattivi japplikaw ukoll, sakemm il-kuntest ma jitlobx mod ieħor.”
4 It-Taqsima I tat-Tieni Parti tan-NM intitolata “Annimali ħajjin u prodotti minn annimali”, tinkludi ħames kapitoli.
5 Fost dawn, il-Kapitolu 3 intitolat “Ħut u krustaċji, molluski u invertebrati akkwatiċi oħrajn” jinkludi l-Intestatura 0303. Din l-intestatura, bl-isem “Ħut friżat, ħlief qatgħat ta’ ħut u laħam ieħor tal-ħut tal-intestatura 0304” hija maqsuma kif ġej:
“ – Salamun ta’ l-Paċifiku (Oncorhynchus nerka, Oncorhynchus gorbuscha, Oncorhynchus keta, Oncorhynchus tschawytscha, Oncorhynchus kisutch, Oncorhynchus masou et Oncorhynchus rhodurus) ħlief fwied u bajd tagħhom:
[…]
0303 22 00 - - Salamun ta’ l-Atlantiku (Salmo salar) u salamun tad-Danubju (Hucho hucho)
[…]”.
6 In-noti tal-imsemmi Kapitolu 3 jipprovdu:
“1. Dan il-kapitolu ma jkoprix:
[…]
c) ħut (inklużi fwied u bajd tagħhom) jew krustaċji, molluski jew invertebrati akkwatiċi oħrajn, mejtin u mhux tajbin u adattati għall-konsum uman [mill-bniedem] minħabba jew l-ispeċi tagħhom inkella l-kundizzjoni tagħhom (Kapitlu 5); […]
[...]”
7 Il-Kapitolu 5 tat-Taqsima 1 tat-Tieni Parti tan-NM intitolat “Prodotti ġejjin minn annimali li mhumiex speċifikati jew inklużi band’oħra” jinkludi l-Intestatura 0511 intitolata “Prodotti ġejjin mill-annimali li mhumiex speċifikati jew inklużi band’oħra; annimali mejtin ta’ Kapitolu 1 jew 3, mhux tajbin għall-konsum uman” li hija maqsuma mill-ġdid kif ġej:
“0511 10 00 - Semen minn annimali ta’ l-ifrat
- Oħrajn:
0511 91 - - Prodotti ta’ ħut jew krustaċej, molluzki u invertebrati akwatiċi oħrajn; annimali mejtin ta’ Kapitolu 3:
0511 91 10 - - - Skart tal-ħut
[…]”
8 In-noti tal-imsemmi Kapitolu 5 jiċċaraw dan li ġej:
“1 Dan il-kapitolu ma jkoprix:
a) prodotti tajbin għall-ikel (ħlief imsaren, bżieżaq u stonki ta’ annimali, sħaħ jew bċejjeċ minnhom, u demm ta’ annimali, likwidu jew niexef);
[…]”
9 Is-subintestaturi tat-Tariffa Integrata tal-Komunitajiet Ewropej (TARIC) relattivi għall-Kapitolu 3 tat-Taqsima 1 tat-Tieni Parti tan-NM huma maqsuma mill-ġdid bil-mod li ġej:
“ 0303 22 00 11 - - - Salamun ta’ l-Atlantiku (salmo salar)
0303 22 00 11 - - - - Selvaġġ
0303 22 00 12 - - - - Oħrajn
0303 22 00 12 - - - - - Sħaħ
0303 22 00 13 - - - - - Imnaddaf, bir-ras
0303 22 00 15 - - - Oħrajn”.
10 Ir-Regolament Nru 85/2006 jipprovdi fl-Artikolu 1:
“1. Qed jiġi impost dazju definittiv ta’ anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ salamun imrobbi (ħlief selvaġġ), irrispettivament jekk huwiex fil-forma ta’ flett jew le, frisk, imkessaħ jew iffriżat, li jaqa’ taħt il-kodiċi NM ex 0302 12 00, ex 0303 11 00, ex 0303 19 00, ex 0303 22 00, ex 0304 10 13 u ex 0304 20 13 (minn issa ’l quddiem “salamun imrobbi”), li joriġina min-Norveġja.
[…]
4. Għall-kumpanniji [...] [ħlief Nordlaks Oppdrett AS] (kodiċi TARIC addizzjonali A999), l-ammont tad-dazju definittiv ta’ anti-dumping għandu jkun id-differenza bejn il-prezz minimu ta’ l-importazzjoni fiss fil-paragrafu 5 u l-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Komunità, qabel id-dazju, jekk dan ta’ l-aħħar huwa anqas milli ta’ l-ewwel. L-ebda dazju m’għandu jinġabar meta l-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Komunità, huwa daqs jew ogħla mill-prezz minimu ta’ l-importazzjoni korrispondenti ffissat fil-paragrafu 5.
5. Għall-iskop tal-paragrafu 4, għandu japplika l-prezz minimu ta’ l-importazzjoni stabbilit fil-kolonna 2 fit-tabella t’hawn isfel. Fejn jinsab, wara verifika li sseħħ wara l-importazzjoni, li l-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Komunità, attwalment imħallas mill-ewwel klijent indipendenti fil-Komunità (prezz ta’ wara l-importazzjoni) huwa anqas mill-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Komunità, qabel id-dazju , kif irriżulta mid-dikjarazzjoni doganali u l-prezz ta’ wara l-importazzjoni huwa anqas mill-prezz minimu ta’ l-importazzjoni, għandu japplika d-dazju fiss ta’ anti-dumping stabbilit fil-kolonna 3 tat-tabella hawn isfel, sakemm l-applikazzjoni tad-dazju fiss stabbilita fil-kolonna 3 flimkien mal-prezz ta’ wara l-importazzjoni jwasslu għal ammont (prezz attwalment imħallas flimkien mad-dazju fiss) li jibqa’ anqas mill-prezz minimu ta’ l-importazzjoni stabbilit fil-kolonna2 fit-tabella hawn isfel. F’dan il-każ, għandu japplika ammont ta’ dazju ekwivalenti għad-differenza bejn il-prezz minimu ta’ l-importazzjoni stabbilit fil-kolonna 2 fit-tabella hawn isfel u l-prezz ta’ wara l-importazzjoni. Meta dan id-dazju fiss ta’ anti-dumping jinġabar retrospettivament, għandu jinġabar nett minn kull dazju ta’ anti-dumping imħallas qabel, ikkalkulat skond il-prezz minimu ta’ l-importazzjoni.
Preżentazzjoni ta’ salamun imrobbi
Prezz minimu ta’ l-importazzjoni EUR/kg piż net tal-prodott
Dazju fiss EUR/kg piż net tal-prodott
Kodiċi TARIC
Ħut sħiħ, frisk, imkessaħ jew iffriżat
2,80
0,40
0302 12 00 12
0302 12 00 33
0302 12 00 93
0303 11 00 93
0303 19 00 93
0303 22 00 12
0303 22 00 83
Imnaddaf, bir-ras, frisk, imkessaħ jew iffriżat
3,11
0,45
0302 12 00 13
0302 12 00 34
0302 12 00 94
0303 11 00 94
0303 19 00 94
0303 22 00 13
0303 22 00 84
Oħra (inklużi mnaddaf, bla ras), frisk, imkessaħ jew iffriżat
3,49
0,50
0302 12 00 15
0302 12 00 36
0302 12 00 96
0303 11 00 18
0303 11 00 96
0303 19 00 18
0303 19 00 96
0303 22 00 15
0303 22 00 86
Flettijiet tal-ħut sħaħ u flettijiet imqattgħin f’biċċiet, li jiżnu aktar minn 300 g kull flett, friski, imkessħa jew iffriżati, bil-ġilda
5,01
0,73
0304 10 13 13
0304 10 13 94
0304 20 13 13
0304 20 13 94
Flettijiet tal-ħut sħaħ u flettijiet imqattgħin f’biċċiet, li jiżnu aktar minn 300 g kull flett, friski, imkessħa jew iffriżati, bla ġilda
6,40
0,93
0304 10 13 14
0304 10 13 95
0304 20 13 14
0304 20 13 95
Fletti sħaħ oħra tal-ħut u flettijiet imqattgħin f’biċċiet, li jiżnu 300 g jew anqas kull flett, friski, imkessħa jew iffriżati
7,73
1,12
0304 10 13 15
0304 10 13 96
0304 20 13 15
0304 20 13 96
[...]”
11 Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 319/2009, tas-16 ta’ April 2009, li jiċċara l-ambitu tad-dazji anti-dumping definittivi imposti mir-Regolament (KE) Nru 85/2006 (ĠU L 101, p. 1), issostitwixxa l-Artikolu 1(1) ta’ dan tal-aħħar b’ dan li ġej:
“dan huwa impost dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ salamun tat-trobbija (li mhux selvaġġ), disponibbli jew le bħala flett, frisk, imkessaħ jew iffriżat, li jaqa’ taħt il-kodiċijiet NM 03021200, ex03031100, ex03031900, ex03032200, ex03041013 u ex03042013 (minn hawn ’il quddiem salamun tat-trobbija) li joriġina min-Norveġja. Ix-xewk tad-dahar tas-salamun, kompost minn xewka tad-dahar parzjalment mgħottija bil-laħam, peress li hu prodott sekondarju tal-industrija tas-sajd li jista’ jittiekel, u li jaqa’ taħt il-kodiċijiet NM ex03021200, ex03031100, ex03031900, ex03032200, m’għandux ikun kopert mid-dazju anti-dumping definittiv bil-kundizzjoni li l-laħam mehmuż max-xewka tad-dahar jirrappreżenta mhux aktar minn 40 % tal-piż tax-xewka tad-dahar tas-salamun.”
12 L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 319/2009 jipprovdi:
“Għal oġġetti mhux koperti bl-Artikolu 1(1) tar-Regolament (KE) Nru 85/2006 kif emendat minn dan ir-Regolament, id-dazji anti-dumping definittivi imħallsa jew imdaħħla fil-kontijiet skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolament (KE) Nru 85/2006 fil-verżjoni inizjali tiegħu u d-dazji anti-dumping proviżorji miġbura b’mod definittiv skont l-Artikolu 2 ta’ dak ir-Regolament għandhom jitħallsu lura jew jitnaqqsu.
[...]”
13 Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 319/2009, dan għandu japplika retroattivament mill- 21 ta’ Jannar 2006.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
14 Fid-19 ta’ Jannar 2006, Pärlitigu xtrat fin-Norveġja, b’irċevuta maħruġa minn Fossen AS, 13 050 kg ta’ xewk tad-dahar iffriżat tas-salamun tat-trobbija tal-Antantiku (Salmo salar), miksub wara li l-ħut jiġi ffilettjat, għall-prezz ta’ EEK 6.54 il-kg. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta, b’mod partikolari, mill-kliem tal-ewwel domanda preliminari, li dawn huma prodotti tajbin għall-ikel u huma normalment ikkummerċjalizzati bħala prodotti tal-ikel.
15 Fit-23 ta’ Jannar 2006, Pärlitigu importat din il-merkanzija ġewwa l-Estonja, taħt id-dikjarazzjoni doganali Nru I 5446, li fiha hija indikatha bħala skart tal-ħut, li jaqa’ taħt il-Kodiċi NM 0511 91 10, u li fuqu mhuwa miġbur ebda dazju doganali. Fl-istess data, il-PMTK aċċettat din id-dikjarazzjoni u rrilaxxat l-imsemmija merkanzija għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa. Din id-darba, Pärlitigu ħalset ammont ta’ EEK 15 370 bħala taxxa fuq il-valur miżjud
16 Fil-25 ta’ Jannar 2006, Pärlitigu biegħet din l-istess merkanzija lil Alkfish OÜ għall-prezz ta’ EEK 8.47 il-kg.
17 Fit-23 ta’ Marzu 2006, uffiċjal tal-PMTK, li wettaq spezzjoni wara l-importazzjoni ħa kampjun tal-merkanzija kkonċernata fil-maħżen ta’ Alkfish OÜ sabiex jiġi vverifikat jekk il-kodiċi tan-NM msemmi fid-dikjarazzjoni tal-importazzjoni kienx korrett. L-analiżi ta’ dan il-kampjun wasslet għall-konklużjoni li din il-merkanzija kienet adatta għall-konsum mill-bniedem
18 Fid-dawl ta’ din il-konkulżjoni, il-PMTK tat il-Kodiċi NM 0303 22 00 lill-imsemmija merkanzija u kklassifikata taħt il-Kodiċi TARIC 0303 22 00 15. Fit-30 ta’ Marzu 2007, hija ħarġet l-Avviż ta’ Taxxa Nru 12‑5/177 li b’mod partikolari kien jieħu inkunsiderazzjoni d-dazju antidumping previst fir-Regolament Nru 85/2006.
19 Fil-11 ta’ Aprtil 2007, Pärlitigu kkontestat dan l-avviż quddiem it-Tallinna Halduskohus (Qorti Amministrattiva ta’ Tallinn), billi talbet, minn naħa, l-annullament tal-imsemmi avviż u, min-naħa l-oħra, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tiegħu bħala miżura provviżorja.
20 F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tallinna Halduskohus iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“[1)] In-[NM] għandha tiġi interpretata fis-sens li xewk tad-dahar iffriżat (ix-xewk bil-laħam tal-ħut miegħu) tas-salamun tat-trobbija tal-Atlantiku (Salmo salar), miksub wara li l-ħut jinqata’ fi flettijiet [jiġi ffilettjat], adegwat għall-konsum mill-bniedem u normalment ikkummerċjalizzat bħala ikel, jaqa’ taħt
a) is-Subintestatura 0511 91 10, ’skart tal-ħut’, jew
b) is-Subintestatura 0303 22 00 15, “Salamun ta’ l-Atlantiku (Salmo salar) – oħrajn – oħrajn”?
[2)] Jekk ir-risposta għad-domanda 1 hija l-alternattiva (b), it-tabella fl-Artikolu 1(5) tar-Regolament [Nru 85/2006] hija nulla peress li tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat [KE] sa fejn, skont din it-talbella, il-prezz ta’ importazzjoni minimu stabbilit għax-xewk tad-dahar iffriżat tas-salamun huwa ogħla mill-prezz ta’ importazzjoni minimu għal ħut sħiħ u ħut bir-ras imnaddaf?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
21 Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk ix-xewk tad-dahar iffriżat tas-salamun tat-trobbija tal-Atlantiku, miksub wara li l-ħut jiġi ffilettjat, jaqax taħt is-Subintestatura tan-NM 0511 91 10, bħala skart tal-ħut jew taħt is-Subintestatura NM 0303 22 00, bħala salamun tal-Atlantiku (Salmo salar), u b’mod partikolari, taħt is-Subintestatura TARIC 0303 22 00 15.
22 Skont Pärlitigu, in-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li l-merkanzija inkwistjoni għandha tiġi kklassifikata taħt is-Subintestatura tan-NM 0511 91 00, intitolata “skart tal-ħut” peress li din id-deskrizzjoni tikkorrispondi għan-natura ta’ din il-merkanzija u ma teżisti ebda subintestatura oħra iktar preċiża li tikkorrispondi għaliha b’mod iktar preċiż. Min-naħa l-oħra, il-Gvern Estonjan u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej iqisu li peress li l-imsemmija merkanzija hija adattata għall-konsum mill-bniedem din taqa’ taħt is-Subintestatura NM 0303 22 00 u, b’mod iktar partikolari, taħt is-Subintestatura TARIC 0303 22 00 15.
23 Għandu jiġi mfakkar li peress li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha quddiemha rinviju għal deċiżjoni preliminari dwar il-klassifikazzjoni tariffarja, ir-rwol tagħha hu li tagħti kjarifika lill-qorti nazzjonali dwar il-kriterji li permezz tagħhom il-qorti nazzjonali tkun tista’ tikklassifika b’mod korrett il-prodotti inkwistjoni fin-NM, iktar milli li tikklassifikhom hi stess, u dan peress li hija mhux neċessarjament tiddisponi mill-elementi indispensabbli kollha f’dan ir-rigward. B’hekk, jidher li l-qorti nazzjonali fi kwalunkwe każ hija f’pożizzjoni aħjar biex tagħmel dan (sentenzi tas-7 ta’ Novembru 2002, Lohmann u Medi Bayreuth, C‑260/00 sa C‑263/00, Ġabra p. I‑10045, punt 26, kif ukoll tas-16 ta’ Frar 2006, Proxxon, C‑500/04, Ġabra p. I‑1545, punt 23). Madankollu, sabiex din tal-aħħar tingħata risposta utli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fi spirtu ta’ kooperazzjoni mal-qrati nazzjonali, tipprovdilha l-indikazzjonijiet kollha li tqis li huma neċessarji (ara, b’mod partikolari, sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, MOTOE, C‑49/07, Ġabra p. I‑4863, punt 30).
24 Barra minn hekk, għandu wkoll jiġi mfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-finijiet taċ-ċertezza legali u tal-faċilità ta’ verifika, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandu, b’mod ġenerali, jinstab fil-karatteristiċi tagħha u fil-proprjetajiet oġġettivi tagħha, kif definiti mill-kliem tal-intestatura tan-NM u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Settembru 2004, DFDS, C‑396/02, Ġabra p. I‑8439, punt 27; tal-15 ta’ Settembru 2005, Intermodal Transports, C‑495/03, Ġabra. p. I‑8151, punt 47, u tal-15 ta’ Frar 2007, RUMA, C‑183/06, Ġabra p. I‑1559, punt 27).
25 F’dan il-każ, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mhijiex espressament imsemmija la fil-kliem tal-intestaturi tan-NM inkwistjoni u lanqas fin-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli ta’ din tal-aħħar. Madankolllu, huwa kostanti li din il-merkanzija taqa’ taħt it-Taqsima 1 tat-Tieni Parti tan-NM intitolata “Annimali ħajjin u prodotti minn annimali”. Din it-taqsima hija maqsuma mill-ġdid f’ħames kapitoli, fosthom il-Kapitolu 3 intitolat “Ħut u krustaċji, molluski u invertebrati akkwatiċi oħrajn” u l-Kapitolu 5 intitolat “Prodotti ġejjin minn annimali li mhumiex speċifikati jew inklużi band’oħra”. Mill-kliem ta’ dan l-aħħar titolu jirriżulta, b’mod ċar, li l-imsemmi Kapitolu 5 jikkonċerna prodotti li ma jikkorrispondu għall-ebda deskrizzjoni li tinsab fl-erba’ kapitoli l-oħra ta’ din it-taqsima. Barra minn hekk, in-nota 1(a) tal-istess Kapitolu 5 tipprovdi li dan ma jinkludix prodotti tajbin għall-ikel ħlief l-imsaren, il-bżieżaq u l-istonki ta’ annimali, u d-demm ta’ annimali. F’dan il-kuntest, għandhom jiġu stabbiliti l-kriterji li jistgħu jiġġustifikaw l-eventwali klassifikazzjoni tal-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali, f’subintestatura tal-Kapitolu 3 tat-Taqsima 1 tat-Tieni Parti tan-NM.
26 Skont ġurisprudenza stabbilita, kemm in-noti li jippreċedu l-kapitoli tat-Tariffa Doganali Komuni, kif ukoll in-Noti ta’ Spjegazzjoni tan-Nomenklatura tal-Kunsill tal-Kooperazzjoni Doganali, jikkostitwixxu mezzi importanti sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi ta’ din it-tariffa u jipprovdu, bħala tali, elementi validi għall-interpretazzjoni tagħha (ara s-sentenzi tal-20 ta’ Novembru 1997, Wiener SI, C‑338/95, Ġabra p. I‑6495, punt 11, u tas-7 ta’ Frar 2002, Turbon International, C‑276/00, Ġabra p. I‑1389, punt 22 ).
27 F’dan il-każ, in-Nota 1(ċ) tal-Kapitolu 3 tat-Tieni Parti tat-Taqsima 1 tan-NM tipprovdi li dan il-kapitolu ma jinkludix ħut li mhuwiex adattat għall-konsum mill-bniedem, minħabba l-ispeċi tiegħu jew minħabba l-kundizzjoni tiegħu. Għaldaqstant, mill-kliem ta’ din in-nota jirriżulta li l-kriterju deċiżiv sabiex jiġi stabbilit jekk il-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqax taħt l-imsemmi Kapitolu 3, jinsab fil-fatt jekk din hijiex adattata għall-konsum mill-bniedem. F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-domanda determinanti hija jekk fil-mument tal-iżdoganar tiegħu, ix-xewk tad-dahar iffriżat tas-salamun tat-trobbija tal-Atlantiku, miksub wara li l-ħut jiġi ffilettjat, li jikkostitwixxi din il-merkanzija, kienx adattat għall-konsum mill-bniedem (ara, b’analoġija, is-sentenzi tad-9 ta’ Awwissu 1994, Neckermann Versand, C‑395/93, Ġabra p. I‑4027, punt 8, u tat-13 ta’ Lulju 2006, Anagram International, C‑14/05, Ġabra p. I‑6763, punt 26), u hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika dan.
28 F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssostni li l-valur limitat tal-imsemmija merkanzija jindika li, anki jekk il-prodott li hija komposta minnu huwa adattat għall-konsum mill-bniedem, taħt ċerti kundizzjonijiet, dan xorta waħda ma għandux ikun ikkunsidrat bħala prodott tal-ikel. Fil-fatt, l-istruttura tal-Kapitolu 3 tat-Tieni Parti tat-Taqsima 1 tan-NM jikkonċerna ħut li partijiet jew prodotti minnu jistgħu xorta jintużaw bħala ħut sħiħ jew bħala partijiet essenzjali minnu. Issa, ix-xewka tad-dahar tal-ħut ma tissodisfax dawn ir-rekwiżiti peress li din ma għadx għandha dawn il-proprjetajiet u karatteristiċi essenzjali li jippermettu, fuq bażijiet objettivi u abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet ekonomiċi, li din tiġi klassifikata taħt is-subintestatura li taqa’ taħt l-imsemmi Kapitolu 3.
29 Madankollu, peress li skont il-ġurisprudneza ċċitata fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, il-klassifikazzjoni tal-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandha tkun ibbażata fuq il-karatteristiċi u l-proprjetajiet objettivi ta’ din il-merkanzija, fid-dawl tal-karatteristiċi u tal-proprjetajiet objettivi ddefiniti mill-kliem tal-intestaturi u tan-noti tal-Kapitolu 3 tat-Tieni Parti tat-Taqsima 1 tan-NM, huwa evidenti, li għal din il-merkanzija, il-fattur deċiżiv għall-klassifikazzjoni jinsab fil-fatt jekk din hijiex adattata għall-konsum mill-bniedem, u mhux fil-valur jew fil-kwantità tagħha.
30 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmulin iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda magħmula għandha tkun li n-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li x-xewk tad-dahar iffriżat tas-salamun tat-trobbija tal-Atlantiku (Salmo salar), miksub wara li l-ħut jiġi ffilettjat, għandu jiġi kklassifikat taħt il-Kodiċi NM 0303 22 00 bil-kundizzjoni li l-merkanzija tkun adattata għall-konsum mill-bniedem fil-mument tal-iżdoganar, u hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan.
Fuq it-tieni domanda
31 Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 1(5) tar-Regolament Nru 85/2006 huwiex validu, sa fejn dan imur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità billi jipprevedi prezz ta’ importazzjoni minimu għax-xewk tad-dahar iffriżat tas-salamun, ogħla minn dak previst għall-ħut sħiħ u għall-ħut bir-ras imnaddaf.
32 Dan ir-regolament jistabbilixxi dazju antidumping definittiv fuq is-salamun tat-trobbija, disponibbli jew le bħala filett, frisk, imkessaħ jew iffriżat li joriġina min-Norveġja għal merkanzija li taqa’ taħt il-Kodiċi TARIC 0303 22 00 15, intitolat “Oħrajn (b’mod partikolari, imnaddaf mingħajr ras), frisk, imkessaħ jew iffriżat”, li taħtu l-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tkun ikklassifikata skont l-Avviż ta’ Taxxa Nru 12-5/177 maħruġ mill-PMTK. Dan ir-regolament jipprovdi fl-Artikolu 1(4) tiegħu li l-ammont ta’ dazju antidumping definittiv għandu jkun dak tad-differenza bejn il-prezz minimu ta’ importazzjoni stabbilit fil-paragrafu 5 tal-istess artikolu, u l-prezz nett ħieles fuq il-fruntiera tal-Komunità, qabel l-iżdoganar, jekk dan tal-aħħar huwa inqas minn dak tal-ewwel. Għall-merkanzija li taqa’ taħt il-Kodiċi TARIC 0303 22 00 15, it-tabella li tinsab fl-imsemmi paragrafu 5 tistabbilixxi prezz minimu ta’ importazzjoni ta’ EUR 3.49 il-kg, li effettivament huwa ogħla mill-prezzijiet previsti għall-ħut sħiħ u għall-ħut bir-ras imnaddaf, li huma rispettivament ta’ EUR 2.80 u EUR 3.11 il-kg.
33 Il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 85/2006 ġie preċedentement ikkjarifikat mir-Regolament Nru 319/2009, li daħal fis-seħħ fis-16 ta’ April 2009.
34 Mill-Premessi 5 sa 7 ta’ dan l-aħħar regolament jirriżulta li l-Kummissjoni, fid-dawl tat-tieni domanda magħmula fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri għal deċiżjoni preliminari, bdiet reviżjoni interim parzjali tal-miżuri antidumping applikabbli għas-salamun tat-trobbija li joriġina min-Norveġja, filwaqt li llimitat din ir-reviżjoni għad-definizzjoni tal-prodott. Ġie meqjus opportun li jiġi vverifikat jekk ix-xewk tad-dahar iffriżat tas-salamun, jaqax taħt id-definizzjoni tal-prodotti kkonċernati mir-Regolament Nru 85/2006, b’mod partikolari, ta’ dawk imsemmija taħt id-deskrizzjoni “Oħrajn (b’mod partikolari, imnaddaf mingħajr ras), frisk, imkessaħ jew iffriżat” li jikkorrispondu, fost oħrajn, għal Kodiċi TARIC 0303 22 00 15.
35 Din il-verifika wasslet għall-konklużjoni li x-xewk tad-dahar tas-salamun u s-salamun tat-trobbija kif definit fl-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 85/2006 huma żewġ prodotti differenti, peress li mhumiex interkambjabbli u ma jikkompetux fis-suq Komunitarju. Konsegwentement, l-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-Regolament, fil-verżjoni emendata tiegħu li tirriżulta mir-Regolament Nru 319/2009, issa jipprovdi li, bħala prodott sekondarju tal-industrija tas-sajd li jista’ jittiekel, ix-xewk tad-dahar tas-salamun, kompost minn xewka tad-dahar parzjalment mgħottija bil-laħam, li jaqa’ taħt il-Kodiċijiet NM ex 0302 12 00, ex 0303 11 00, ex 0303 19 00 u ex 0303 22 00, ma għandux ikun kopert mid-dazju antidumping definittiv previst fir-Reoglament Nru 85/2006, peress li l-laħam imwaħħal max-xewka tad-dahar ma jirrappreżentax iktar minn 40 % tal-piż tax-xewka tad-dahar tas-salamun.
36 Barra minn hekk, l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 319/2009 jipprovdi li dan tal-aħħar japplika retroattivament mill-21 ta’ Jannar 2006. Konsegwentement, l-Artikolu 2 tiegħu jipprevedi l-ħlas lura jew tnaqqis tad-dazji antidumping definittivi mħallsa jew imdaħħla fil-kontijiet skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 85/2006 fil-verżjoni inizjali tiegħu, kif ukoll dazji antidumping provviżorji miġbura b’mod definittiv għall-merkanzija mhux koperta mill-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 85/2006 kif emendat bir-Regolament Nru 319/2009.
37 Għandu jiġi kkonstatat li l-emenda retroattiva tar-Regolament Nru 85/2006 bir-Regolament Nru 319/2009, neħħiet kull interess li r-risposta mill-Qorti tal-Ġustizzja għat-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.
38 Fil-fatt, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-imsemmija qorti għandha provi prodotti mir-rikorrenti li jistabbilixxu li fil-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-laħam imwaħħal max-xewka tad-dahar tas-salamun ma jirrappreżentax iktar minn 24 % tal-piż ta’ din tal-aħħar, u dan huwa fil-fatt ir-raġuni li wasslet lill-imsemmija qorti tistaqsi dwar il-konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità tad-dazji antidumping applikati lil din il-merkanzija bis-saħħa tar-Regolament Nru 85/2006.
39 Fid-dawl ta’ dawn il-fatti kif stabbiliti, jidher ċar li bis-saħħa tar-Regolament Nru 319/2009, l-imsemmija merkanzija titqies li qatt ma kienet koperta mill-applikazzjoni tad-dazji antidumping imposti mir-Regolament Nru 85/2006.
40 F’dawn iċ-ċirkustanzi, m’hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.
Fuq l-ispejjeż
41 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
In-Nomenklatura Magħquda tat-Tariffa Doganali Komuni li tikkostitwixxi l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1719/2005, tas-27 ta’ Ottubru 2005, għandha tiġi interpretata fis-sens li x-xewk tad-dahar iffriżat tas-salamun tat-trobbija tal-Atlantiku (Salmo salar), miksub wara li l-ħut jiġi ffilettjat, għandu jiġi kklassifikat taħt il-Kodiċi NM 0303 22 00 bil-kundizzjoni li l-merkanzija tkun adattata għall-konsum mill-bniedem fil-mument tal-iżdoganar, u hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Estonjan.
Full & Egal Universal Law Academy