Kawża C-111/08
SCT Industri AB i likvidation
vs
Alpenblume AB
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Högsta domstolen)
“Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni ta’ sentenzi — Kamp ta’ applikazzjoni — Fallimenti”
Sommarju tas-sentenza
Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali — Regolament Nru 44/2001 — Kamp ta’ applikazzjoni — Materji esklużi — Fallimenti, proċedimenti li għandhom x’jaqsmu ma’ għeluq ta’ kumpanniji falluti, arranġamenti ġuridiċi, kompożizzjoni jew proċedimenti analogi
(Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001, Artikolu 1(2)(b))
L-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 1(2)(b) tar‑Regolament Nru 44/2001, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tapplika għal deċiżjoni mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru A dwar ir‑reġistrazzjoni ta’ proprjetà ta’ ishma f’kumpannija li għandha l‑uffiċċju rreġistrat tagħha fl-Istat Membru A, li biha ċ-ċessjoni tal‑imsemmija ishma għandha tiġi kkunsidrata nulla peress li l‑qorti tal-Istat Membru A ma tirrikonoxxix is-setgħat ta’ kuratur ta’ Stat Membru B fil‑kuntest ta’ proċedimenti ta’ falliment applikati u magħluqa fl-Istat Membru B.
Fil-fatt, l-azzjoni li tat lok għal tali deċiżjoni tirriżulta direttament minn proċedimenti ta’ falliment, u hija marbuta strettament magħhom. Minn naħa, ir‑rabta bejn bejn l-azzjoni ġudizzjarja u l-proċedimenti ta’ falliment jidhru stretti ħafna peress li l-kwistjoni fil‑kawża prinċipali tirrigwarda esklużivament il‑proprjetà tal-ishma li ġew ċeduti fi proċedimenti ta’ falliment, minn kuratur abbażi ta’ dispożizzjonijiet, bħal dawk stabbiliti mil-liġi tal-Istat Membru B dwar proċedimenti kollettivi, li jidderogaw mill-prinċipji ġenerali tad-dritt ċivili u, b’mod partikolari mid-dritt tal-proprjetà. B’hekk, iċ-ċessjoni tal-ishma u l-azzjoni rivendikatorja ta’ proprjetà li kkawżat jikkostitwixxu l-konsegwenza diretta u inseparabbli tal-eżerċizzju mill-kuratur, individwu li fid-dritt jintervjeni biss wara l-bidu ta’ proċediment kollettiv, ta’ prerogattiva li huwa jislet speċifikatament mid-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jirregolaw il-proċedimenti kollettivi. Min-naħa l-oħra, il‑kontenut u l-portata tad‑deċiżjoni li tikkonstata n-nullità tal-imsemmija ċessjoni huma marbuta intimament mal‑iżvolġiment tal-proċedimenti ta’ falliment peress li l‑motiv tan-nullità taċ-ċessjoni kien jirrelata preċiżament u unikament mal‑estensjoni tas-setgħat tal‑imsemmi kuratur fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ falliment.
(ara l-punti 25-28, 30, 31, 33 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
2 ta’ Lulju 2009 (*)
“Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni ta’ sentenzi – Kamp ta’ applikazzjoni – Fallimenti”
Fil-Kawża C‑111/08,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 234 KE, imressqa mill-Högsta domstolen (l-Isvezja), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Marzu 2008, li waslet fil-Qorti tal‑Ġustizzja fit-12 ta’ Marzu 2008, fil-proċedura
SCT Industri AB i likvidation
vs
Alpenblume AB,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn P. Jann (Relatur), President tal-Awla, A. Tizzano, A. Borg Barthet, E. Levits u J.-J. Kasel, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Frar 2009,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal SCT Industri AB i likvidation, minn F. Lüning, jur. kand.,
– għal Alpenblume AB, minn L.-O. Svensson, advokat,
– għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u J. Kemper, bħala aġenti,
– għall-Gvern Spanjol, minn J. López-Medel Bascones, bħala aġent,
– għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u D. Pires, bħala aġenti,
– għall-Gvern tar-Renju Unit, minn L. Seeboruth, bħala aġent, assistit minn A. Henshaw, barrister,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn A.‑M. Rouchaud-Joët u P. Dejmek, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal‑Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat‑22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn SCT Industri AB (iktar ’il quddiem “SCT Industri”) u Alpenblume AB (iktar ’il quddiem “Alpenblume”), żewġ kumpanniji Svediżi, dwar azzjoni rivendikatorja ta’ proprjetà ta’ ishma li kienu miżmuma minn kumpannija reġistrata fl-Awstrija minn SCT Industri u li nbigħu lil Alpenblume, wara sentenza mogħtija minn qorti Awstrijaka li ddikjarat in-nullità tal-akkwist tal-imsemmija ishma minn Alpenblume.
Il-kuntest ġuridiku
3 It-tieni premessa tar-Regolament Nru 44/2001 tipprevedi:
“Ċerti differenzi bejn regoli nazzjonali li jirregolaw il-ġurisdizzjoni u r‑rikonoxximent ta’ sentenzi jfixklu l-operat tajjeb tas-suq intern. Disposizzjonijiet biex jiġu unifikati r-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali u sabiex jħaffu l-formalitajiet bl-iskop ta’ għarfien malajr u sempliċi u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi minn Stati Membri marbuta b’dan ir-Regolament huma essenz[j]ali.”
4 Skont is-seba’ premessa tal-imsemmi regolament, “[l]-iskop ta’ dan r‑Regolament għandu jkopri il-materji prinċipali ċivili u kummerċjali apparti minn ċerti materji li jkunu ġew definiti”.
5 Il-ħmistax-il premessa tal-istess regolament tistabbilixxi:
“Fl-interessi tal-amministrazzjoni armoniżżata tal-ġustizzja huwa meħtieġ li titnaqqas il-possibiltà ta’ proċedimenti simultanji u biex ikun assigurat li ma jiġux mogħtija ġudizzji rrikonċiljabbli f’żewġ Stati Membri. Għandu jkun hemm mekkaniżmu ċar u effettiv sabiex jiġu riżolti każijiet ta’ lis pendens u azzjonijiet relatati u għal problemi ovvji li jirriżultaw minn differenzi nazzjonali dwar id‑determinazzjoni taż‑żmien meta jiġi rreġistrat każ bħala pendenti. Għall-iskopijiet ta’ dan ir‑Regolament dak iż-żmien għandu jiġi definit b’mod awtonomu.”
6 Id-dsatax-il premessa tar-Regolament Nru 44/2001 tistabbilixxi:
“Għandha tiġi żgurata l-kontinwità bejn il-Konvenzjoni ta’ Brussel [Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-Ġurisdizzjoni u l‑Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi f’Materji Ċivili u Kummerċjali (ĠU 2009, L 147, p. 5, iktar ’il quddiem il‑‘Konvenzjoni ta’ Brussell’] u dan ir‑regolament, u għandhom jintalbu [jiġu stabbiliti] għal dan il-għan disposizzjonijiet transitorji. L-istess ħtieġa għal kontinwità tapplika għall-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussel mill-Qorti tal‑Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej u tal-Protokolli tal-1971 [dwar interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja, kif irrevedut u emendat (ĠU 1998, C 27, p. 28)] għandhom jibqgħu japplikaw ukoll f’każijiet diġa pendenti meta dan ir‑Regolament jidħol fis-seħħ.”
7 L-Artikolu 1 tal-imsemmi regolament jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. Skont l-Artikolu 1(1) tar‑Regolament Nru 44/2001, huwa jestendi għall-materji ċivili u kummerċjali kollha u ma jkoprix introjtu minn taxxi, dwana jew materji amministrattivi.
8 L-Artikolu 1(2)(b) tal-imsemmi regolament jipprevedi:
“Dan ir-Regolament ma japplikax għal:
[…]
(b) falliment, proċedimenti li għandhom x’jaqsmu ma’ għeluq ta’ kumpanija falluti jew ta’ persuni ġuridiċi oħra, arranġamenti ġuridiki, komposizzjoni jew proċedimenti analogi”
9 L-Artikolu 25(1) u (2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 191) intitolat “Għarfien [Rikonoxximent] u eżekuzzjoni ta’ sentenzi oħrajn”, jiddisponi:
“1. Sentenzi mgħotija minn qorti li l-ġudizzju tiegħu dwar il-ftuħ ta’ proċedimenti huwa rikonoxxut skond l-Artikolu 16 u li jikkonċernaw il‑kors [l‑iżvolġiment] u l-egħluq ta’ proċedimenti ta’ falliment, u komposizzjonijiet approvati minn dik il-qorti għandhom ukoll ikunu rikonoxxuti mingħajr formalitajiet oħra. Sentenzi bħal dawk għandom jiġu eżegwiti skond l‑Artikoli 31 sa 52 [51], bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 34(2), tal-Konvenzjoni ta’ Brussel dwar il‑Ġurisdizzjoni u l‑Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi f ’Materji Ċivili u Kummerċjali, kif emendata bil-Konvenzjoni tal-Adeżjoni ta’ din il-Konvenzjoni.
L-ewwel sub-paragrafu għandu wkoll japplika għal sentenzi li jirriżultaw direttament mill-proċedimenti ta’ falliment u li jkunu marbuta mill-qrib magħhom, anki jekk dawk kienu mgħotija minn qorti ieħor.
L-ewwel sub-paragrafu għandu wkoll ikun japplika għal sentenzi dwar miżuri ta’ preservazzjoni meħuda fuq talba għal ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment.
2. L-għarfien [rikonoxximent] u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi apparti minn dawk li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 1 għandhom jiġu regolati mill‑Konvenzjoni msemmija fil-paragrafu 1, basta illi dik il‑Konvenzjoni tkun applikabbli.”
10 Skont l-Artikolu 43 tar-Regolament Nru 1346/2000, “Id‑dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw biss għal proċedimenti ta’ falliment miftuħa wara d-dħul fis-seħħ tiegħu. Atti magħmula minn debitur qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir‑Regolament għandhom jibqgħu jiġu rregolati bil-liġi li tapplika għalihom fiż-żmien ta’ meta saru”.
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
11 Fl-1993, bdew proċedimenti kollettivi kontra SCT Industri mill-Malmö tingsrätt. Inħatret persuna bħala kuratur. Matul dawn il-proċedimenti, il‑kuratur ċeda l‑ishma, jiġifieri 47 %, miżmuma minn SCT Industri fil‑kapital ta’ SCT Hotelbetrieb GmbH, kumpannija rregolata mid-dritt Awstrijak, li ssuċċediet fid-drittijiet tagħha Scaniahof Ferienwohnungen GmbH (iktar ’il quddiem “Scaniahof”), lil Alpenblume għas-somma ta’ SEK 2. Din l-aħħar kumpannija ġiet irreġistrata fl-Awstrija bħal proprjetarja tal-imsemmija ishma.
12 Il-proċedimenti ta’ falliment ingħalqu fl-1997 mingħajr ma rriżulta li kien hemm bilanċ. Fid-19 ta’ Marzu 2002, il-Malmö ordnat l-istralċ ta’ SCT Industri.
13 Wara li saru proċedimenti minn SCT Industri, qorti Awstrijaka ddeċidiet li l‑kuratur, maħtur fl-Isvezja, ma kellu ebda setgħa li jiddisponi mill-assi li kienu jinsabu fl-Awstrija u, għalhekk, iddeċidiet li tannulla l-akkwist tal-ishma minn Alpenblume. Għalhekk, dik il-qorti ordnat lil Scaniahof tirreġistra lil SCT Industri bħala proprjetarja tal-ishma ċeduti mill-assi tal-falliment. Alpenblume dehret fil‑proċedimenti Awstrijaċi bħala intervenjenti (Nebenintervenientin). L-Oberster Gerichtshof (Awstrija) ċaħdet l-appell (“außerordentliche Revision”) tal‑intervenjenti fis-17 ta’ Mejju 2004.
14 Fl-24 ta’ Awwissu 2004, Alpenblume ressqet f’qorti Svediża kawża ta’ rivendikazzjoni kontra SCT Industri, dwar l-istess ishma, fejn talbet li SCT Industri tiġi ordnata tieħu l-miżuri neċessarji kollha, taħt penali ta’ multa, sabiex Alpenblume tiġi rreġistrata bħala l-proprjetarja leġittima tal-imsemija ishma. Permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Marzu 2005, il-Malmö tingsrätt, wara oppożizzjoni mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, iddeċidiet li ma kien hemm xejn li jostakola l-eżami ta’ din it-talba.
15 SCT Industri appellat minn din id-deċiżjoni, u talbet li t-talba tiġi miċħuda. Permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Lulju 2005, il-Hovrätten för Skåne och Blekinge ċaħdet l-appell.
16 Fl-appell ippreżentat minn SCT Industri, il-Högsta domstolen ddeċidiet, permezz ta’ digriet, li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal‑Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“L-esklużjoni tal-fallimenti, tal-proċedimenti relatati mal-istralċ u proċedimenti simili oħra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament [Nru 44/2001], stabbilita fl-Artikolu 1(2)(b) tiegħu, għandha tiġi interpretata fis-sens li din tapplika għal deċiżjoni mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru A fir-rigward tar-reġistrazzjoni tal‑proprjetà ta’ ishma f’kumpannija maħruġa minn kumpannija li għandha l‑uffiċċju rreġistrat tagħha fl-Istat Membru A, liema ishma ġew ċeduti mill‑kuratur tal-falliment ta’ kumpannija li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru B, f’sitwazzjoni fejn il-qorti bbażat id-deċiżjoni tagħha fuq il‑fatt li, fin-nuqqas ta’ konvenzjoni internazzjonali fuq ir‑rikonoxximent reċiproku tal‑proċedimenti ta’ falliment, l-Istat Membru A ma jirrikonoxxix is-setgħa tal‑kuratur li jiddisponi minn proprjetà li tinsab fit-territorju tiegħu?”
Fuq id-domanda preliminari
17 Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ssaqsi, essenzjalment, dwar ir‑rikonoxximent, bejn l-Istati Membri, ta’ sentenza mogħtija f’kawża ċivili li għandha rabta ma’ proċedimenti ta’ falliment li saru fi Stat Membru ieħor. B’mod iktar preċiż, din id-domanda tirrigwarda l‑kwistjoni dwar jekk deċiżjoni li biha qorti ta’ Stat Membru ieħor tkun annullat ċessjoni ta’ ishma li saret fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ falliment, għar-raġuni li l-kuratur li kien ċeda dawn l-ishma ma kellux setgħa li jiddisponi minn ishma li jinsabu f’dak l-Istat Membru, taqax taħt l-eċċezzjoni tal-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament Nru 44/2001 applikabbli għal falliment, proċedimenti li għandhom x’jaqsmu ma’ għeluq ta’ kumpanija falluti jew ta’ persuni ġuridiċi oħra, arranġamenti ġuridiki, komposizzjoni jew proċedimenti analogi.
18 Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament Nru 1346/2000 mhuwiex applikabbli għall-proċedimenti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li dawn bdew qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmi regolament.
19 Għalhekk, għandu jiġi ddeterminat esklużivament jekk deċiżjoni, bħal dik mogħtija fil-kawża prinċipali mill-qorti Awstrijaka, taqax taħt ir‑Regolament Nru 44/2001, hekk li hija tkun vinkolanti fuq il-qorti tar‑rinviju.
20 F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar l-ewwel nett li, f’dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-fallimenti u proċedimenti oħra analogi, dawn ġew esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell kemm minħabba l-ispeċifiċità tas‑suġġett ikkonċernat, li jirrikjedi regoli partikolari, kif ukoll minħabba d‑differenzi kbar bejn il‑leġiżlazzjonijiet tal-Istati kontraenti [ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tat‑22 ta’ Frar 1979, Gourdain, 133/78, Ġabra p. 733, punt 3, u r-rapport minn Jenard, dwar il-Konvenzjoni ta’ Brussell (ĠU 1979, C 59, p. 1)].
21 Fil-ġurisprudenza tagħha fir-rigward tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, il‑Qorti tal‑Ġustizzja għalhekk iddeċidiet li azzjoni hija marbuta ma’ proċedimenti ta’ falliment fil-każ fejn din tirriżulta direttament mill‑falliment u tkun marbuta mill‑qrib mal-proċedimenti ta’ likwidazzjoni tal-assi jew ta’ amministrazzjoni mill-qorti (ara s-sentenza Gourdain, iċċitata iktar ’il fuq, punt 4). Għaldaqstant, azzjoni li jkollha karatteristiċi bħal dawn ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-konvenzjoni.
22 Jirrużulta wkoll mill-ġurisprudenza li, sa fejn ir-Regolament Nru 44/2001 minn issa ’l quddiem, issostitwixxa, fir-relazzjonijiet bejn l‑Istati Membri bl-eċċezzjoni tar-Renju tad-Danimarka, il-Konvenzjoni ta’ Brussell, l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jirrigwarda din il-konvenzjoni tgħodd ukoll għal dan l-imsemmi regolament, meta d-dispożizzjonijiet tiegħu u dawk tal‑Konvenzjoni ta’ Brussell jistgħu jiġu kkwalifikati bħala ekwivalenti (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-14 ta’ Mejju 2009, Ilsinger, C-180/06, Ġabra p. I-3961, punt 41).
23 Issa, fis-sistema stabbilita mill-istess regolament, l-Artikolu 1(2)(b) ta’ dan tal‑aħħar għandu l-istess pożizzjoni u jaqdi l-istess funzjoni bħall-punt 2 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell. Barra minn hekk, dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet huma fformulati fi kliem identiċi.
24 Fid-dawl ta’ tali xebh ta’ formulazzjoni bejn dispożizzjoni tal‑Konvenzjoni ta’ Brussell u dispożizzjoni tar-Regolament Nru 44/2001, għandha tiġi żgurata, skont id-dsatax-il premessa ta’ dan tal‑aħħar, il-kontinwità tal-interpretazzjoni ta’ dawn iż-żewġ atti leġiżlattivi, peress li din il-kontinwità hija wkoll il-mezz sabiex jiġi żgurat ir-rispett tal-prinċipju ta’ ċertezza legali li huwa wieħed mill‑kunċetti fundamentali ta’ dawn l-atti (sentenza Ilsinger, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58).
25 Fid-dawl tal-premessa, għalhekk hija l-intensità tar-rabta li hemm fis-sens tal‑ġurisprudenza Gourdain, iċċitata iktar ’il fuq, bejn azzjoni ġudizzjarja bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali u l-proċedimenti ta’ falliment li hija determinati sabiex jiġi deċiż jekk l-esklużjoni stabbilita fl-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament Nru 44/2001 għandhiex tiġi applikata.
26 Għandu jiġi kkonstatat, issa, li fil-kawża prinċipali, din ir-rabta tidher li hija mill‑qrib ħafna.
27 Fil-fatt, minn naħa, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-kwistjoni fil‑kawża prinċipali tirrigwarda esklużivament il-proprjetà tal-ishma li ġew ċeduti fi proċedimenti ta’ falliment, minn kuratur abbażi ta’ dispożizzjonijiet, bħal dawk stabbiliti mil-liġi Svediża dwar proċedimenti kollettivi (Konkurslagen) Nru 672 tal-1987 (SFS 1987, Nru 672), li jidderogaw mill-prinċipji ġenerali tad-dritt ċivili u, b’mod partikolari mid-dritt tal-proprjetà. B’mod partikolari, dawn id‑dispożizzjonijiet jipprevedu li, fil-każ ta’ falliment, id-debitur jitlef id-dritt li jiddisponi liberament mill-assi tiegħu u li l-kuratur għandu jamministra għan-nom tal‑kredituri l-assi fil-falliment, fosthom l-operazzjonijiet ta’ ċessjoni neċessarji.
28 Fi kliem ieħor, iċ-ċessjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali u l-azzjoni rivendikatorja ta’ proprjetà li kkawżat jikkostitwixxu l-konsegwenza diretta u inseparabbli tal-eżerċizzju mill-kuratur, jiġifieri individwu li fid-dritt jintervjeni biss wara l-bidu ta’ proċediment kollettiv, ta’ prerogattiva li huwa jislet speċifikatament mid-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jirregolaw dawn it-tip ta’ proċedimenti.
29 Dan huwa muri wkoll, b’mod partikolari, mill-fatt li, fil-kawża prinċipali, kif jirriżulta mill‑proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, l-assi tal-impriża suġġetti għall-proċedimenti ta’ falliment żdiedu wara l-bejgħ tal-ishma inkwistjoni mill-kuratur.
30 Min-naħa l-oħra, huwa paċifiku li l-motiv li fuqu l-qorti Awstrijaka, permezz tad‑deċiżjoni li r-rikonoxximent tagħha intalbet quddiem il-qorti tar‑rinviju, iddeċidiet in-nullità taċ-ċessjoni tal-ishma inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien jirrelata preċiżament u unikament mal-estensjoni tas-setgħat tal‑imsemmi kuratur fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ falliment u, b’mod partikolari, mal-possibbiltà tiegħu li jiddisponi minn assi li jinsabu fl-Awstrija. Għalhekk, il‑kontenut u l-portata ta’ din id-deċiżjoni huma marbuta intimament mal‑iżvolġiment tal-proċedimenti ta’ falliment. Din ir-rabta mhijiex imdgħajfa mill-fatt li f’din il-kawża, l‑imsemmi proċedimenti kienu ngħalqu meta ġiet ippreżentata l-azzjoni rivendikatorja ta’ proprjetà quddiem il-qrati Awstrijaċi.
31 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li azzjoni bħal dik inkwistjoni fil‑kawża prinċipali tirriżulta direttament minn proċedimenti ta’ falliment, u hija marbuta strettament magħhom, hekk li ma taqax fil‑kamp ta’ applikazzjoni tar‑Regolament Nru 44/2001.
32 Fid-dawl tas-sitwazzjoni ġuridika speċifika inkwistjoni fil-kawża prinċipali u kkunsidrata r-rabta mill-qrib li hemm bejn l-azzjoni pendenti quddiem il‑qorti tar‑rinviju u l-proċedimenti ta’ falliment, il-prinċipji stabbiliti fit-tieni, fis‑seba’ u fil‑ħmistax-il premessa tar-Regolament Nru 44/2001 ma jaffettwawx din l‑evalwazzjoni.
33 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandha tingħata risposta għad-domanda magħmula li l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 1(2)(b) tar‑Regolament Nru 44/2001 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tapplika għal deċiżjoni mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru A dwar ir-reġistrazzjoni ta’ proprjetà ta’ ishma f’kumpannija li għandha l‑uffiċċju rreġistrat tagħha fl-Istat Membru A, li biha ċ-ċessjoni tal-imsemmija ishma għandha tiġi kkunsidrata nulla peress li l-qorti tal-Istat Membru A ma tirrikonoxxix is-setgħat ta’ kuratur ta’ Stat Membru B fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ falliment applikati u magħluqa fl-Istat Membru B.
Fuq l-ispejjeż
34 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal‑imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tapplika għal deċiżjoni mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru A dwar ir‑reġistrazzjoni ta’ proprjetà ta’ ishma f’kumpannija li għandha l‑uffiċċju rreġistrat tagħha fl-Istat Membru A, li biha ċ-ċessjoni tal‑imsemmija ishma għandha tiġi kkunsidrata nulla peress li l‑qorti tal-Istat Membru A ma tirrikonoxxix is-setgħat ta’ kuratur ta’ Stat Membru B fil‑kuntest ta’ proċedimenti ta’ falliment applikati u magħluqa fl-Istat Membru B.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Isvediż.
Full & Egal Universal Law Academy