Kawża C-140/08
Rakvere Lihakombinaat AS
vs
Põllumajandusministeerium
u
Maksu- ja Tolliameti Ida maksu- ja tollikeskus
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tallinna Halduskohus)
“Tariffa Doganali Komuni — Nomenklatura Magħquda — Klassifikazzjoni tariffarja — Qatgħat jew ġewwieni ta’ tjur tal-ispeċi Gallus domesticus — Adeżjoni tal-Estonja — Miżuri tranżitorji — Prodotti agrikoli — Ħażniet żejda — Regolament (KE) Nru 1972/2003”
Sommarju tas-sentenza
1. Adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda mal-Komunitajiet — Att ta’ adeżjoni tal-2003 —Leġiżlazzjoni Komunitarja mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali fil-lingwa ta’ Stat Membru ġdid, lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea — Nuqqas ta’ inforzabbiltà kontra l-individwi — Limiti
(Att ta’ adeżjoni tal-2003, Artikolu 58)
2. Tariffa Doganali Komuni — Intestaturi tariffarji — Qatgħat tal-laħam tat-tjur iddissossati u ffriżati
(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 853/2004, Anness I, punt 1.14; Regolament tal-Kunsill Nru 2658/87, Anness I; Regolament tal-Kummissjoni Nru 1789/2003)
3. Adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda mal-Komunitajiet — L-Estonja — Agrikoltura — Organizzazzjoni komuni tas-swieq — Miżuri tranżitorji fir-rigward tal-kummerċ fi prodotti agrikoli
(Regolamenti tal-Kummissjoni Nru 1972/2003, Artikolu 4(2) u Nru 230/2004)
4. Adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda mal-Komunitajiet — L-Estonja — Agrikoltura — Organizzazzjoni komuni tas-swieq — Miżuri tranżitorji fir-rigward tal-kummerċ fi prodotti agrikoli
(Regolamenti tal-Kummissjoni Nru 1972/2003 u Nru 230/2004)
1. L-Artikolu 58 tal-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakkja u l-aġġustamenti għat-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea, jipprekludi li l-obbligi li jinsabu f’leġiżlazzjoni Komunitarja li ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fil-lingwa ta’ Stat Membru ġdid, meta din il-lingwa hija lingwa uffiċjali tal-Unjoni, jkunu jistgħu jiġu imposti fuq individwi f’dan l-Istat Membru, anki jekk dawn il-persuni setgħu jkollhom konjizzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni b’mezzi oħra.
Madankollu, il-fatt li regolament Komunitarju ma jistax jiġi applikat kontra individwi fi Stat Membru li ma jkunx ġie ppubblikat fil-lingwa tiegħu, ma għandu l-ebda effett fuq il-fatt li, peress li jagħmel parti mill-acquis communautaire, id-dispożizzjonijiet tiegħu huma vinkolanti fil-konfront tal-Istat Membru kkonċernat mill-mument tal-adeżjoni. Għaldaqstant, l-adozzjoni, minn Stat Membru qabel id-data tal-adeżjoni, ta’ leġiżlazzjoni li timplementa l-obbligi li jirriżultaw minn regolament Komunitarju toħloq obbligi akkarigu ta’ individwi, minkejja l-fatt li r-regolament ma jistax jintuża kontrihom qabel ma dawn tal-aħħar jingħataw il-possibbiltà li jkollhom konjizzjoni tagħhom permezz ta’ pubblikazzjoni regolari fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fil-lingwa ta’ dan l-Istat Membru. F’ċirkustanzi bħal dawn, id-dispożizzjonijiet tar-regolament li ġew riprodotti fil-qafas tal-leġiżlazzjoni nazzjonali jistgħu jiġu applikati kontra l-individwi. Min-naħa l-oħra, sa fejn ċerti dispożizzjonijiet ma ġewx implementati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, l-Istat Membru ma jistax jinvokahom kontra individwi qabel il-pubblikazzjoni uffiċjali tar-regolament fil-lingwa ta’ dan l-Istat Membru. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, u sa fejn, il-leġiżlazzjoni nazzjonali rriproduċiet id-dispożizzjonijiet komunitarji inkwistjoni.
(ara l-punti 31-35)
2. Ir-Regolament Nru 2658/87, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, kif emendat bir-Regolament Nru 1789/2003, għandu jiġi interpretat fis-sens li prodotti magħmula minn laħam separat mekkanikament friżat, miksub minn dissossar, b’mod mekkaniku, ta’ tjur tal-ispeċi Gallus domesticus u intiżi għall-konsum mill-bniedem, għandhom jiġu kklassifikati fis-subintestatura 0207 14 10 tan-Nomenklatura Magħquda. Prodotti bħal dawn ma jistgħux jiġu klassifikati taħt is-subintestatura 0207 14 99, peress li l-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tagħhom mhumiex dawk tal-ġewwieni kopert minn din is-subintestatura, iżda qabel jiġu friżati, huma f’forma ta’ taħlita likwida (stock) magħmula mill-bqija tal-laħam u ta’ tessuti miksuba wara tħin mekkaniku tal-għadam kopert bil-laħam, skont id-definizzjoni ta’ qatgħat friżati ta’ laħam tat-tjur dissossat mekkanikament li tinsab fil-punt 1.14 tal-Anness I tar-Regolament Nru 853/2004, li jistabbilixi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali.
(ara l-punti 49, 50, 53 u d-dispożittiv 1)
3. L-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1972/2003, dwar il-miżuri tranżitorji li għandhom ikunu adottati fir-rigward tal-kummerċ fi prodotti agrikoli minħabba l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, l-Polonja, Slovenja u Slovakkja, kif emendat bir-Regolament Nru 230/2004, ma jipprekludix dispożizzjoni nazzjonali, li tipprovdi li l-ħażniet żejda ta’ operatur huma ddeterminati billi jitnaqqsu mill-ħażniet effettivament miżmuma fl-1 ta’ Mejju 2004, il-ħażniet ittrasferiti ’l quddiem iddefiniti bħala l-medja tal-ħażniet miżmuma fl-1 ta’ Mejju tal-erba’ snin preċedenti, immoltiplikata b’koeffiċjent ta’ 1.2, li jikkorrispondi għar-rata taż-żieda fil-produzzjoni agrikola osservata fl-Istat Membru kkonċernat matul dan il-perijodu ta’ erba’ snin. Dan il-koeffiċjent jippermetti li tiġi attwalizzata l-medja tal-ħażniet ikkonstatati fl-1 ta’ Mejju mis-snin 2000 sa 2003 fid-dawl ta’ din ir-rata u li jiġu ddeterminati l-ħażniet li għandhom jiġu ttrasferiti ’l quddiem – u, sussegwentement, il-ħażniet żejda – li jirriflettu b’mod proporzjonat l-iżvilupp taż-żieda osservata fis-settur agrikolu kollu tal-Istat Membru kkonċernat bejn l-1 ta’ Mejju 2000 u l-1 ta’ Mejju 2004. Għaldaqstant, huwa jikkontribwixxi sabiex tiġi stabbilita bażi ta’ paragun bejn il-ħażniet fl-1 ta’ Mejju 2004 u l-medja tal-ħażniet fl-1 ta’ Mejju tal-erba’ snin preċedenti.
L-applikazzjoni ta’ tali koeffiċjenti, magħżul skont il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri sabiex jiddefinixxu il-perijodu rilevanti u l-metodu ta’ kalkolu tal-medja tal-ħażniet disponibbli, ma tippreġudikax l-għanijiet tar-Regolament Nru 1972/2003 u lanqas ma tippreġudika l-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ trattament ugwali.
(ara l-punti 59-62, 64 u d-dispożittiv 2)
4. Ir-Regolament Nru 1972/2003, dwar il-miżuri tranżitorji li għandhom ikunu adottati fir-rigward tal-kummerċ fi prodotti agrikoli minħabba l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, l-Polonja, Slovenja u Slovakkja, kif emendat bir-Regolament 230/2004, ma jipprekludix il-ġbir ta’ taxxa fuq il-ħażniet żejda ta’ operatur, anki meta l-operatur ikun jista’ jipprova li ma għamilx profitt mill-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawn il-ħażniet wara l-1 ta’ Mejju 2004. Din it-taxxa li hija intiża sabiex tipproteġi l-organizzazzjonijiet komuni tas-swieq agrikoli, u li hija intiża sabiex tipprevjeni il-kostituzzjoni ta’ ħażniet għal finijiet spekulattivi fl-Istati Membri l-ġodda permezz ta’ ċaqliq artifiċjali ta’ ċerti prodotti agrikoli lejn it-territorju tagħhom bl-iskop tat-tkabbir, hija fil-fatt applikabbli għall-ħażniet żejda kollha fis-sens tal-imsemmi regolament, indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk il-pussessuri tagħhom għamlux effettivament profitt mill-kummerċjalizzazzjoni tagħhom.
(ara l-punti 71-74 u d-dispożittiv 3)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
29 ta’ Ottubru 2009 (*)
“Tariffa Doganali Komuni – Nomenklatura magħquda – Klassifikazzjoni tariffarja – Qatgħat jew ġewwieni ta’ tjur tal-ispeċi Gallus domesticus – Adeżjoni tal-Estonja – Miżuri tranżitorji – Prodotti agrikoli – Ħażniet żejda – Regolament (KE) Nru 1972/2003”
Fil-Kawża C‑140/08,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-Tallinna Halduskohus (l-Estonja), permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Marzu 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ April 2008, fil-proċedura
Rakvere Lihakombinaat AS
vs
Põllumajandusministeerium,
Maksu- ja Tolliameti Ida maksu- ja tollikeskus,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn J. N Cunha Rodrigues, President tat-Tieni Awla, aġent president tat-Tielet Awla, P. Lindh (Relatur), A Rosas, U. Lõhmus u A. Arabadjiev, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,
Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Settembru 2009,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Rakvere Lihakombinaat AS, minn K. Kask, advokaat,
– għall-Gvern Estonjan, minn L. Uibo, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn A. Sipos, H. Tserepa-Lacombe u K. Saaremäel-Stoilov, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1789/2003, tal-11 ta’ Settembru 2003, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 14, p. 3), kif ukoll l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1972/2003, tal-10 ta’ Novembru 2003, dwar il-miżuri tranżitorji li għandhom ikunu adottati fir-rigward tal-kummerċ fi prodotti agrikoli minħabba l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, l-Polonja, Slovenja u Slovakkja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 40, p. 474), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 230/2004, tal-10 ta’ Frar 2004, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 42, p. 443, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1972/2003”).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża mressqa minn Rakvere Lihakombinaat AS (iktar ’il quddiem l-“RLK”) kontra l-Põllumajandusministeerium (Ministeru tal-Agrikoltura) u l-Maksu- ja Tolliameti Ida maksu- ja tollikeskus (Ċentru fiskali u doganali tal-Lvant tal-awtorità fiskali u doganali, iktar ’il quddiem l-“MTA”) dwar l-intaxxar ta’ ħażniet żejda ta’ laħam friżat tat-tiġieġ.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt Komunitarju
In-Nomenklatura Magħquda
3 In-Nomenklatura Magħquda (iktar ’il quddiem in-“NM”), stabbilita mir-Regolament Nru 2658/87 hija bbażata fuq is‑Sistema Armonizzata Dinjija għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti (iktar ’il quddiem is-“SA”) ippreparata mill-Kunsill tal-Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana, u adottata bil-Konvenzjoni Internazzjonali konkluża fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983, li ġiet approvata f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal‑Kunsill 87/369/KEE, tas-7 ta’ April 1987, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288). In-NM adottat l-intestaturi u s-subintestaturi b’sitt ċifri tas-SA, filwaqt li huma biss is-seba’ u t-tmien ċifri li jifformaw is-subintestaturi proprji tagħha.
4 Fil-verżjoni tas-SA tas-sena 2002, l-intestatura 0207, li tinsab fil-Kapitolu 2 u hija intitolata “Laħam u ġewwieni li jittiekel, ta’ tjur ta[l]-intestatura 0105, frisk, imkessaħ jew friżat”, tinkludi, għall-finijiet ta’ klassifikazzjoni ta’ sriedaq u tiġieġ, is-subintestatura 0207 14, li hija intitiolata “Qatgħat u ġewwieni, friżati”.
5 Skont il-kunsiderazzjonijiet ġenerali tan-noti ta’ spjega tal-Kapitiolu 2 tas-SA dwar il-laħam u ġewwieni li jittiekel:
“Dan il-kapitolu jinkludi l-laħam f’karkassi (jiġifieri karkassi tal-annimali bir-ras jew mingħajrha), f’nofs karkassi […], f’kwart karkassi, f’qatgħat, eċċ., il-ġewwieni u dqiq u pasti tal-laħam jew ġewwieni ta’ kull annimal […], li hu tajjeb għall-konsum mill-bniedem.
[…]
B’mod ġenerali, il-ġewwieni jista’ jiġi mqassam f’erba’ kategoriji:
1) Dak li huwa prinċipalment użat għall-konsum mill-bniedem, bħar-ras, il-qatgħat tar-ras (inklużi l-widnejn), is-saqajn, id-denb, il-qalb, l-ilsien, falda ħoxna, falda rqiqa, il-mindil, il-gerżuma, it-timu [thymus glands].
2) Dak li ma jistax jintuża fit-tħejjija ta’ prodotti farmaċewtiċi, bħall-bużżieqa tal-marrara, il-kapsuli li qegħdin fuq il-kliewi, il-plaċenta.
3) Dak li jista’ jintuża għall-konsum mill-bniedem jew għat-tħejjija ta’ prodotti farmaċewtiċi, bħall-fwied, il-kliewi, il-pulmuni, il-moħħ, il-firxa, il-milsa, is-sinsla, l-ovarji, l-utri, it-testikoli, il-bżieżel, it-tirojde, il-glandola pitwarja.
4) Dak li, bħall-ġilda, jista’ jintuża għall-konsum mill-bniedem kif ukoll għal użu ieħor (pereżempju għall-industrija tal-ġilda)
[…]
Huma biss inklużi f’dan il-Kapitolu, il-laħam u l-ġewwieni ppreżentati f’dawn l-istati li ġejjin, kemm jekk ikunu ġew suġġetti għal trattament termali fl-ilma sħun jew fil-fwar (bħal l-ismit jew l-ibbliċjar) jew le, iżda li ma jirriżultax fit-tisjir ta’ dawn il-prodotti:
1) Frisk […]
2) Imkessaħ […]
3) Iffriżat […]
4) Immellaħ jew fis-salmura, jew inkella imqadded jew iffumigat.
[…]
Il-laħam u l-ġewwieni ppreżentati fl-istati msemmija fil-paragrafi 1 sa 4 hawn fuq jibqgħu inklużi f’dan il-Kapitolu anki jekk ikunu ġew […] maqtugħin, maqtugħin f’biċċiet jew ikkappuljati” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
6 Il-verżjoni tan-NM applikabbli għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirriżulta mir-Regolament Nru 1789/2003, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2004. It-Tieni Parti tiegħu tinkludi l-iskeda tad-dazji. It-Taqsima I ta’ din il-Parti intitolata “Annimali ħajjin; prodotti minn annimali”, tinkludi l-Kapitolu 2 li huwa intitolat “Laħam u ġewwieni li jittiekel”, li fih tinsab is-subintestatura 0207 ifformulata kif ġej:
“0207 Laħam u ġewwieni li jittiekel, ta’ tjur ta[l]-intestatura 0105, frisk, imkessaħ jew friżat:
- Ta’ tjur ta’ l-ispeċi Gallus domesticus:
[…]
0207 14 – Qatgħat u ġewwieni, friżati:
--- Qatgħat:
0207 14 10 ---- Bla għadam
[…]
---Ġewwieni:
0207 14 91 ---- Fwied
0207 14 99 ---- Oħrajn”.
7 Fin-noti ta’ spjega tan-Nomenklatura Magħquda tal-Komunitajiet Ewropej, ippubblikati fit-23 ta’ Ottubru 2002 (ĠU C 256, p. 1), il-kunsiderazzjonijiet ġenerali Nru 2, 4 u 5 dwar it-Tieni Parti, Taqsima I, Kapitolu 2, tan-NM jipprovdu:
“2. Għall-għanijiet ta’ dan il-kapitlu l-iskop tal-kliem ‛laħam’ u ‛ġewwieni’ huwa kif deskritt fin-Noti ta’ Spjega SA għal dan il-kapitlu.
[…]
4. Gwida tingħata ukoll, fin-Noti ta’ Spjega Ġenerali SA għal dan il-kapitlu, fuq id-distinzjoni bejn laħam u ġewwieni f’dan il-kapitlu u dak ta’ kapitlu 16. Madanakollu, dan il-kapitlu jkopri ġewwieni li jittiekel, nejj, ikkappuljat, jew mqatta’ b’mod fin iżda mhux preparat iżjed, imgeżwer f’materjal tal-plastik (anki fil-forma ta’ zalzett) għal ħeffa fil-maneġġar u t-trasportar biss.
5. Għall-għanijiet ta’ dintinzjoni bejn qatgħat bil-għadam jew mingħajr għadam, qarquċa u għeruq (tendons) m’għandhomx jitqiesu bħala għadam.”
8 In-nota ta’ spjega relattiva għas-subintestaturi 0207 14 10 sa 0207 14 99 tindika li n-noti ta’ spjega tas-subintestaturi 0207 13 10 sa 0207 13 99 japplikaw mutatis mutandis. Dawn tal-aħħar huma fformulati kif ġej:
“0207 13 10 Bla għadam
Dan is-subtitlu jkopri laħam ta’ tjur, mingħajr għadam, mingħajr każ mil-liema parti tal-karkassa dan ġej.
[…]
0207 13 99 Oħrajn
Dan is-subtitlu jkopri ġewwieni li jittiekel, partikolarmnet qlub, għallat u msielet ta’ taħt il-munqar, iżda bl-eċċezzjoni ta’ fwied.
Dan is-subtitlu jinkludi wkoll is-saqajn tat-tjur..”
9 Ir-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM, li jinsabu fl-Ewwel Parti, Taqsima I, A, tagħha jipprovdu:
“Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-[NM] għand[h]a tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin:
1. It-titoli tat-taqsimiet, kapitoli u subkapitoli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skond it-termini ta’ l-intestaturi u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitolu relattiv u, sakemm dawn l-intestaturi jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin.
2. […]
b) Kwalunkwe referenza f’intestatura għal materjal jew sustanza għandha titqies li tinkludi referenza għal taħlit jew kombinazzjonijiet ta’ dak il-materjal jew is-sustanza b’materjali jew sustanzi oħra. [...] Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti magħmulin minn iżjed minn materjal jew sustanza waħda għandha ssir skond il-prinċipji tar-regola numru 3.
3. Meta permezz ta’ l-applikazzjoni tar-regola 2(b) jew kwalunkwe raġuni oħra, l-oġġetti jkunu klassifikati prima facie taħt intestatura waħda jew iżjed, il-klassifikazzjoni għandha ssir kif ġej:
a) l-intestatura li tagħti l-iżjed deskrizzjoni speċifika għandha tkun preferuta għal intestaturi li jagħtu deskrizzjoni iżjed ġenerali. Madanakollu, meta jkun hemm żewġ intestaturi jew iżjed li kull waħda minnhom tirreferi għal parti waħda mill-materjali jew mis-sustanzi li qegħdin f’oġġetti mħalltin [...], dawk l-intestaturi għandhom jitqiesu ugwalment speċifiċi fir-rigward ta’ dawk l-oġġetti, ukoll jekk waħda minnhom tagħti deskrizzjoni iżjed kompluta jew preċiża ta’ l-oġġetti;
b) taħlitiet, oġġetti komposti li jikkonsistu minn materjali differenti jew magħmulin minn komponenti differenti, u oġġetti mtellgħin għal bejgħ bl-imnut, li ma jistgħux ikunu klassifikati b’referenza għal 3(a), għandhom ikunu klassifikati daqs li kieku kienu magħmulin mill-materjal jew mill-komponent li jagħtihom il-karattru essenzjali tagħhom, sakemm dan il-kriterju jkun applikabbli;
[…]”
Ir-Regolament Nru 1972/2003
10 L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 41 tal-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakkja u l-aġġustamenti għat-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2003, L 236, p. 33) jippermetti lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tadotta miżuri intiżi sabiex jiffaċilitaw it-tranżizzjoni tal-Istati Membri l-ġodda lejn is-sistema li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-politika agrikola komuni. Din id-dispożizzjoni tipprevedi li dawn il-miżuri tranżitorji “jistgħu jittieħdu matul perijodu ta’ tliet snin wara d-data ta’ l-adeżjoni u l-applikazzjoni tagħhom għandha tkun limitata għal dak il-perijodu”. Il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Nru 1972/2003 abbażi, b’mod partikolari, tal-imsemmija dispożizzjoni.
11 Skont il-premessa 1 tiegħu, ir-Regolament Nru 1972/2003 huwa intiż sabiex “jevita[...] ir-riskju tat-tgħawwiġ tal-kummerċ, li jaffettwa l-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli minħabba l-adeżjoni ta’ l-[10] Stati ġodda ma’ l-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004”. Fid-dawl ta’ dawn ir-riskji, il-premessa 3 ta’ dan ir-Regolament tenfasizza li hemm lok li “ikunu magħmula [dispożizzjonijiet] għal ħlasijiet bħala deterrent li għandhom ikunu mposti fuq il-[ħ]ażniet żejda fl-Istati Membri ġodda”.
12 Għal dan il-għan, l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1972/2003 jeżiġi li l-Istati Membri l-ġodda għandhom jintaxxaw il-pussessuri tal-ħażniet żejda fuq il-prodotti f’ċirkolazzjoni ħielsa, fl-1 ta’ Mejju 2004. L-Artikolu 4(5) jippreċiża li dan l-obbligu japplika, fil-każ tal-Estonja, partikolarment għall-prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċi 0207 14 10 tan-NM.
13 L-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-Regolament jipprovdi:
“Sabiex tkun iddeterminata il-ħażna żejda ta’ kull detentur, l-Istati Membri ġodda għandhom iqisu, partikolarment:
a) il-medja tal-ħażniet disponibbli fit-tlett snin ta’ qabel l-adeżjoni;
b) it-tip tal-kummerċ fit-tlett snin ta’ qabel l-adeżjoni;
ċ) iċ-ċirkostanzi li fihom dawn il-ħażniet kienu akkumulati.
Il-ħażniet żejda kif mistħajla huma applikabbli għal-prodotti importati fl-Istati Membri ġodda jew li joriġinaw minn l-Istati Membri ġodda. Il-ħażniet żejda kif mistħajla huma applikabbli wkoll għall-prodotti intiżi għas-suq tal-Istati Membri ġodda.
[...]”
14 Sabiex jiġi żgurat li t-taxxa fuq il-ħażniet żejda tiġi applikata b’mod korrett, l-Artikolu 4(4) tal-imsemmi regolament jeżiġi li l-Istati Membri l-ġodda jħejju inventarju, mingħajr dewmien, tal-ħażniet disponibbli fl-1 ta’ Mejju 2004 u jinnotifikaw lill-Kummissjoni sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Ottubru 2004 bil-kwantità tal-prodotti f’ħażniet żejda.
15 Skont l-Artikolu 10 tiegħu, ir-Regolament Nru 1972/2003 kien applikabbli mill-1 ta’ Mejju 2004 sat-30 ta’ April 2007.
Ir-Regolament Nru 853/2004
16 Il-punt 1.14 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, li jistabbilixi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (ĠU L 139, p. 55, u r-rettifika, ĠU 2004, L 226, p. 22), jiddefinixxi l-laħam separat mekkanikament (iktar ’il quddiem il-“LĦM”) kif ġej:
“il-prodott li jirriżulta wara li tneħħi il-laħam minn ma għadam li jerfa’ il-laħam wara l-iddussissar jew minn karkassi tal-pollam, mezzi mekkaniċi b’riżultat ta’ telf jew modifika ta’ l-istruttura tal-fibri tal-muskoli”.
Id-dritt nazzjonali
17 Fis-7 ta’ April 2004, il-Parlament Estonjan adotta l-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Ħażniet Żejda (Üleliigse laovaru tasu seadus, RT I 2004, 30, 203).
18 Permezz ta’ sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2006, ir-Riigikohus (Qorti Suprema) iddikjarat l-Artikolu 6(1) ta’ din il-liġi inapplikabbli, peress li huwa kuntrarju għar-Regolament Nru 1972/2003. Din il-qorti qieset li l-obbligu li jiġi applikat koeffiċjent ta’ 1.2 fil-kuntest tal-kalkolu tal-ħażniet ittrasferiti ’l quddiem, kif stabbilit minn din id-dispożizzjoni, ma kienx jippermetti trattament suffiċjentement iddifferenzjat ta’ kull operatur.
19 Sabiex jimplementa din id-deċiżjoni, il-Parlament Estonjan għamel diversi emendi għal-liġi oriġinali permezz ta’ liġi adottata fil-25 ta’ Jannar 2007. (RT I 2007, 12, 65). Din il-liġi, kif emendata (iktar ’il quddiem l-“ÜLTS”) daħlet fis-seħħ fis-16 ta’ Frar 2007 u tirregola, b’mod retroattiv, is-sitwazzjonijiet li nħalqu mill-1 ta’ Mejju 2004.
20 Skont l-Artikolu 7 tal-ÜLTS, il-ħażniet żejda huma ekwivalenti għad-differenza bejn il-ħażna effettivament miżmuma fl-1 ta’ Mejju 2004 u l-ħażniet ittrasferiti ’l quddiem.
21 L-Artikolu 6 tal-ÜLTS jiddefinixxi l-kunċett ta’ “ħażniet ittrasferiti ’l quddiem” bħala l-medja annwali tal-ħażniet miżmuma fl-erba’ snin li jippreċedu l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Estonja mal-Unjoni (2000 sa 2003), immoltiplikata b’1.2. Sabiex titnaqqas l-istrettezza ta’ din ir-regola għall-operaturi li ma eżerċitawx attività rilevanti matul dawn l-erba’ snin ta’ referenza, l-imsemmi Artikolu 6 jistipula, barra minn hekk, żewġ regoli speċjali. Minn naħa, operatur li l-attività tiegħu fis-suq rilevanti bdiet wara l-2003 għandu jipprova li l-ħażna tiegħu fl-1 ta’ Mejju 2004 hija ekwivalenti għall-“kwantità [...] li huwa jista’ normalment jipproduċi, ibigħ jew jittrasferixxi jew jakkwista b’mod ieħor, kemm bi ħlas jew gratwitament.” Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 6(3), għal dawk l-operaturi li ilhom tal-anqas sena f’din l-attività fis-suq rilevanti fl-1 ta’ Mejju 2004, il-ħażniet ittrasferiti ’l quddiem huma l-“ħażna medja miżmuma fl-1 ta’ Mejju matul l-aħħar snin ta’ attività” jew il-ħażna miżmuma fl-1 ta’ Mejju 2003, u din il-kwantità li tirriżulta, għandha tiġi mmoltiplikata b’1.2.
22 Skont l-Artikolu 10 tal-ÜLTS, il-ħażniet ittrasferiti ’l quddiem u l-ħażniet żejda huma kkalkolati mill-Ministeru tal-Agrikoltura abbażi tad-dikjarazzjonijiet tal-operatur. Fuq talba mmotivata ta’ dan tal-aħħar, l-imsemmi Ministeru jista’ jieħu inkunsiderazzjoni ċerti fatturi li jistgħu jispjegaw żieda fil-ħażniet, indipendentement minn kull spekulazzjoni, bħal żieda fil-volum tal-produzzjoni, proċessar jew bejgħ mill-operatur fis-sena preċedenti, il-perijodu ta’ maturazzjoni tal-prodotti agrikoli, il-fatt li l-ħażniet ġew ikkostitwiti qabel it-tielet trimestru tas-sena 2003, it-tnaqqis fil-volum ta’ esportazzjoni jew ta’ bejgħ għal raġunijiet indipendenti mill-operatur jew ċirkustanzi oħra indipendenti minn dan tal-aħħar.
23 Dawn l-aħħar dispożizzjonijiet ġew ikkompletati permezz tal-Artikolu 23 tal-ÜLTS, li jiddefinixxi ċertu numru ta’ ċirkustanzi li fihom il-ħażniet ittrasferiti ’l quddiem jistgħu jiġu riveduti billi jiżdiedu sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-iżvilupp tal-attività tal-operatur ekonomiku matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Mejju 2003 u l-1 ta’ Mejju 2006.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
24 RLK hija impriża Estonjana fis-settur agroalimentari. Fil-preparazzjoni tal-prodotti tagħha, hija tuża qatgħat friżati ta’ laħam tat-tjur dissossat mekkanikament, imsejjaħ LĦM.
25 Permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Marzu 2007, il-Ministru tal-Agrikoltura stabbilixxa l-ħażniet żejda ta’ qatgħat friżati ta’ tiġieġ miżmuma minn RLK għal 83 462 kilos. Konsegwentement, fit-30 ta’ April 2007, l-MTA ħareġ avviż ta’ taxxa għall-ammont ta’ EEK 1 337 237 (madwar EUR 90 000 bir-rata tal-kambju attwali) bħala taxxa fuq ħażniet żejda.
26 Fil-kuntest tar-rikors li hija ppreżentat kontra dan l-avviż ta’ taxxa quddiem il-qorti tar-rinviju, RLK issostni li l-prodotti inkwistjoni ma jaqgħux taħt is-subintestatura 0207 14 10, iżda taħt is-subintestatura 0207 14 99, b’tali mod li ma jistgħux jiġu suġġettati għall-imsemmija taxxa. Fil-fatt, dawn il-prodotti mhumiex qatgħat friżati ta’ tiġieġ, iżda huma forma ta’ taħlita likwida (stock) magħmula minn qatgħat ta’ laħam u ta’ tessuti rotob miksuba wara pproċessar mekkaniku tal-għadam tat-tiġieġ. Barra minn hekk, RLK issostni li r-Regolament Nru 1972/2003 jipprekludi ċerti dispożizzjonijiet tal-ÜLTS relattivi għall-kalkolu ta’ ħażniet żejda.
27 Peress li għandu dubji dwar il-klassifikazzjoni tat-tariffi tal-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali u dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1972/2003, it-Tallinna Halduskohus (Tribunal Amministrattiv ta’ Tallinn) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“1) Il-[LĦM] iffriżat, miksub mill-iddissossar b’mod mekkaniku tat-tjur ([...] ddefinit għall-ewwel darba fil-punt 1.14 tal-Anness I tar-Regolament [Nru 853/2004]) għandu jiġi kklassifikat mill-1 ta’ Mejju 2004 taħt il-kodiċi [NM] 0207 14 10 jew taħt il-kodiċi [NM] 0207 14 99 [...]?
2) Fil-każ li l-prodott deskritt fid-domanda [1] għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi [NM] 0207 14 10 […]:
a) L-Artikolu 4(1) u (2) tar-Regolament [Nru 1972/2003] jipprekludi d-determinazzjoni tal-ħażna żejda ta’ operatur billi titnaqqas b’mod awtomatiku [...] (meqjusa bħala ħażna ttrasferita ’l quddiem) il-ħażna medja tal-operatur fl-1 ta’ Mejju tal-erba’ snin ta’ attività qabel l-1 ta’ Mejju 2004, immultiplikata b’1.2?
b) Jekk ir-risposta hija fl-affermattiv, ir-risposta tkun differenti jekk fid-determinazzjoni [...] tal-ħażna ttrasferita ’l quddiem u l-ħażna żejda huwa wkoll possibbli li jitqiesu ż-żieda fil-volum tal-produzzjoni, tal-ipproċessar jew tal-bejgħ tal-operatur, il-perijodu ta’ maturazzjoni tal-prodott agrikolu, iż-żmien tal-kostituzzjoni tal-ħażniet, u ċirkustanzi oħra indipendenti mill-operatur?
3) Il-fatt li tiġi imposta taxxa fuq il-ħażna żejda fejn l-operatur jinstab li kellu ħażna żejda fl-1 ta’ Mejju 2004 iżda juri li ma kienx fil-fatt kiseb vantaġġ f’termini ta’ differenza fil-prezzijiet mit-tqegħid fis-suq tal-ħażna żejda wara l-1 ta’ Mejju 2004 huwa kompatibbli mal-għan tar-Regolament [Nru 1972/2003]?”
Domanda preliminari
28 RLK issostni li r-Regolamenti Nru 1789/2003 u 1972/2003 ma jistgħux jiġu applikati kontriha billi, fid-data tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Estonja mal-Unjoni, dawn ma kinux ġew ippubblikati fil-lingwa Estonjana fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. F’dan ir-rigward hija tirreferi għas-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2007, Skoma-Lux (C‑161/06, Ġabra p. I‑10841).
29 RLK tqis li n-nuqqas ta’ enforzabbiltà tar-Regolament Nru 1972/2003 jostakola wkoll l-applikazzjoni tal-ÜLTS, billi din tal-aħħar, ippubblikata uffiċjalment fil-verżjoni oriġinali tagħha fis-27 ta’ April 2004, tinkludi, b’mod partikolari, diversi referenzi għal dan ir-regolament. Hija tenfasizza li l-pubblikazzjoni tardiva tal-ÜLTS ma ppermettietx lill-operaturi ekonomiċi li jkunu informati kmieni biżżejjed bis-sistema ta’ taxxa tal-ħażniet żejda applikabbli mill-1 ta’ Mejju 2004.
30 Minkejja li d-deċiżjoni tar-rinviju ma jittrattax din il-kwistjoni, sabiex il-qorti tar-rinviju tiġi ggwidata, jeħtieġ jitfakkar li att ta’ istituzzjoni Komunitarja, bħar-Regolament Nru 1789/2003 jew ir-Regolament Nru 1972/2003, ma jistax jiġi applikat kontra l-persuni fiżiċi u ġuridiċi fi Stat Membru qabel ma dawn tal-aħħar kellhom il-possibbiltà li jkollhom konjizzjoni tiegħu permezz ta’ pubblikazzjoni regolari fil-Ġurnal Uffiċjali (sentenza Skoma-Lux, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).
31 L-artikolu 58 tal-Att ta’ adeżjoni msemmi fil-punt 10 tas-sentenza preżenti jipprovdi li “[i]t-test ta’ l-atti ta’ l-istituzzjonijiet u tal-Bank Ċentrali Ewropew adottati qabel l-adeżjoni u mħejjija mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni jew mill-Bank Ċentrali Ewropew fil-lingwa: Ċeka, Estona, Ungeriża, Latvjana, Litwana, Maltija, Pollakka, Slovakka, Slovena ghandhom, mid-data ta’ l-adeżjoni, ikunu awtentiċi bl-istess kondizzjonijiet bħat-test fil-ħdax-il lingwa attwali. Ghandhom ikunu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea jekk it-test tal-lingwi attwali kienu hekk ġew ippubblikati”.
32 Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li din id-dispożizzjoni tipprekludi l-fatt li l-obbligi li jinsabu f’leġiżlazzjoni Komunitarja li ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fil-lingwa ta’ Stat Membru ġdid, meta din il-lingwa hija lingwa uffiċjali tal-Unjoni, jkunu jistgħu jiġu imposti fuq individwi f’dan l-Istat, anki jekk dawn il-persuni setgħu jkollhom konjizzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni b’mezzi oħra. Madankollu, il-fatt li regolament Komunitarju ma jistax jiġi applikat kontra individwi fi Stat Membru li ma jkunx ġie ppubblikat fil-lingwa tiegħu, ma għandu l-ebda effett fuq il-fatt li, peress li jagħmel parti mill-acquis communautaire, id-dispożizzjonijiet tiegħu huma vinkolanti fil-konfront tal-Istat Membru kkonċernat mill-mument tal-adeżjoni (sentenza Skoma-Lux, iċċitata iktar ’il fuq, punti 51 u 59).
33 Billi fis-7 ta’ April 2004 adottat l-ÜLTS fil-verżjoni oriġinali tagħha, ir-Repubblika tal-Estonja, implementat l-obbligi li jirriżultaw mir-Regolament Nru 1972/2003 filwaqt li stabbilixxiet taxxa fuq il-ħażniet żejda ta’ prodotti agrikoli u ddefinixxiet il-modalitajiet ta’ kalkolu ta’ din tal-aħħar. L-ÜLTS ħalqet għalhekk, fl-Estonja, obbligi akkarigu ta’ individwi, minkejja l-fatt li l-imsemmi regolament ma jistax jintuża kontrihom qabel ma dawn tal-aħħar jingħataw il-possibbiltà li jkollhom konjizzjoni tagħhom permezz ta’ pubblikazzjoni regolari fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fil-lingwa ta’ dan l-Istat Membru.
34 F’ċirkustanzi bħal dawn, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li r-regola li tinsilet mis-sentenza Skoma-Lux, iċċitata iktar ’il fuq, ma tostakolax l-infurzabbiltà, fil-konfront tal-individwi, tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1972/2003 li ġew ripprodotti fl-ÜLTS. Madankollu, din ir-regola tista’ tibqa’ applikabbli b’mod residwali fis-sitwazzjoni fejn ċerti dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament li ma ġewx implementati mill-ÜLTS ikunu invokati mill-awtoritajiet Estonjani kontra individwi qabel il-pubblikazzjoni uffiċjali tal-imsemmi regolament fil-lingwa Estonjana. Hija l-qorti nazzjonali li għandha, jekk ikun il-każ, tinterpreta l-ÜLTS sabiex tivverifika jekk tali ċirkustanzi humiex sodisfatti (sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, Balbiinu, C‑560/07, Ġabra p. I‑4447, punt 32).
35 Ir-Regolament Nru 1972/2003 jistabbilixxi l-prodotti suġġetti għat-taxxa fuq il-ħażniet żejda billi jirreferi għas-subintestaturi tan-NM li dawn il-prodotti jaqgħu taħthom. Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, u sa fejn, il-leġiżlazzjoni nazzjonali rripproduċiet in-NM applikabbli għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirriżulta mir-Regolament Nru 1789/2003, qabel il-pubblikazzjoni uffiċjali ta’ dan ir-regolament tal-aħħar fil-lingwa Estonjana, biex b’hekk tippermetti lill-individwi jieħdu konjizzjoni tal-kontenut u l-istruttura tas-subintestatura tariffarja 0207 14, rilevanti għall-kawża prinċipali.
Fuq l-ewwel domanda
36 Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-LĦM friżat tat-tjur jaqax taħt is-subintestatura tariffarja 0207 14 10 jew 0207 14 99.
Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja
37 RLK issostni li l-LĦM friżat ta’ tjur ma jistax jiġi mxebbah mal-qatgħat iddissossati tal-laħam ta’ tjur li jaqgħu taħt is-subintestatura 0207 14 10. Fid-dawl tal-karatteristiċi tal-LĦM friżat tat-tjur u tad-definizzjoni tiegħu li ngħatat fil-punt 1.14 tal-Anness I tar-Regolament Nru 853/2004, dan il-prodott għandu jiġi kklassifikat fis-subintestatura 0207 14 99.
38 RLK tosserva li matul il-perijodu ta’ bejn is-16 ta’ Frar u l-1 ta’ Mejju 2004, regolament nazzjonali kklassifika l-LĦM fis-subintestatura 0207 14 99 11. Għalhekk, hija ma setgħetx tistenna li din il-klassifikazzjoni tat-tariffi setgħet tinbidel sussegwentement.
39 Skont il-Gvern Estonjan, din l-ewwel domanda għandha tiġi eżaminata biss fid-dawl tan-NM fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2004. Il-fatt li regolament nazzjonali li jikklassifika l-LĦM friżat ta’ tjur fis-subintestatura 0207 14 99 11 kien fis-seħħ mis-16 ta’ Frar sal-1 ta’ Mejju 2004, huwa irrilevanti. Madankollu, dan il-Gvern jenfasizza li fl-2002, b’risposta għal talba għal informazzjoni tariffarja obbligatorja magħmula minn RLK, l-awtoritajiet tad-dwana ddeċidew favur il-klassifikazzjoni tal-LĦM friżat ta’ tjur fis-subintestatura 0207 14 10. Abbażi ta’ din id-deċiżjoni, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kompliet timporta dan it-tip ta’ prodott sal-1 ta’ Mejju 2004, u dan minkejja d-dħul fis-seħħ, sa mis-16 ta’ Frar 2004, tar-regolament Estonjan li klassifika dan il-prodott fis-subintestatura 0207 14 99 11.
40 Il-Gvern Estonjan ifakkar li skont in-noti ta’ spjega tan-NM, is-subintestatura 0207 14 99 tinkludi, fost oħrajn, il-“ġewwieni li jittiekel, partikolarment qlub, għallat u msielet ta’ taħt il-munqar iżda bl-eċċezzjoni ta’ fwied”. Madankollu huwa paċifiku, fil-kawża prinċipali, li l-prodotti inkwistjoni ma fihom ebda ġewwieni minn dan it-tip. Il-klassifikazzjoni tat-tariffi għandha tkun stabbilita skont in-natura essenzjali ta’ dawn il-prodotti, u f’dan il-każ, il-laħam ta’ tjur. Konsegwentement, il-LĦM friżat ta’ tjur, jaqa’ taħt is-subintestatura 0207 14 10.
41 Il-Kummissjoni hija tal-istess fehma. La d-deskrizzjonijiet u lanqas in-noti ta’ spjega relattivi għas-subintestaturi 0207 14 10 u 0207 14 99 ma jagħtu indikazzjonijiet preċiżi rigward id-differenza bejn il-laħam u l-ġewwieni. Id-deskrizzjoni tal-prodotti inkwistjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju ma tikkorrispondix mal-kunċett ta’ qatgħat, iżda taqa’ taħt il-kategorija ta’ qatgħat friżati ddissossati ta’ tjur li jikkorrispondu għas-subintestatura 0207 14 10.
Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja
42 Skont ġurisprudenza stabbilita, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-istħarriġ, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tat-tariffi tal-merkanzija għandu jinsab, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tagħha, kif iddefiniti mill-formulazzjoni tal-intestatura tan-NM u tan-noti tat-taqsima jew tal-kapitolu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Frar 2007, RUMA, C‑183/06, Ġabra p. I‑1559, punt 27, kif ukoll tas-27 ta’ Settembru 2007, Medion u Canon Deutschland, C‑208/06 u C‑209/06, Ġabra p. I‑7963, punt 34).
43 Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li n-noti ta’ spjega tan-NM kif ukoll dawk tas-SA jikkontribwixxu, min-naħa tagħhom, b’mod importanti, għall-interpretazzjoni tal-portata tal-intestaturi tariffarji differenti mingħajr, madankollu, ma jkollhom il-kapaċità vinkolanti tal-liġi. Il-kontenut tal-imsemmija noti għandu jkun konformi mad-dispożizzjonijiet tan-NM u ma jistax jemenda l-portata tagħhom (sentenzi tal-15 ta’ Settembru 2005, Intermodal Transports, C‑495/03, Ġabra p. I‑8151, punt 48; tat-8 ta’ Diċembru 2005, Possehl Erzkontor, C‑445/04, Ġabra p. I‑10721, punt 20, u tas-16 ta’ Frar 2006, Proxxon, C‑500/04, Ġabra p. I‑1545, punt 22).
44 Peress li l-formulazzjoni tas-subintestatura 0207 14 99 tinkludi biss il-kelma “Oħrajn”, hemm lok li ssir referenza għall-intestatura 0207 fl-intier tagħha. Mill-formulazzjoni tal-imsemmija intestatura, “Laħam u ġewwieni li jittiekel, ta’ tjur ta[l]-intestatura 0105, frisk, imkessaħ jew friżat”, jirriżulta li din tikkonċerna l-laħam u l-ġewwieni ta’ tjur li jista’ jittiekel mill-bniedem.
45 Fir-rigward tal-qatgħat tal-laħam u tal-ġewwieni friżati li jaqgħu taħt is-subintestatura 0207 14, li huma biss huma rilevanti f’dan il-każ, in-NM tagħmel distinzjoni bejn, minn naħa, il-“qatgħat” ta’ laħam u, min-naħa l-oħra, il-“ġewwieni”, u dan tal-aħħar huwa, min-naħa tiegħu, ikklassifikat f’żewġ sottokategoriji, li waħda minnhom hija speċifikament irriżervata għall-fwied (0207 14 91) u l-oħra, li hija residwali, tinkludi kull tip ta’ ġewwieni ieħor (0207 14 99).
46 Peress li s-subintestatura 0207 14 ma tipprovdi ebda kategorija apparti dik tal-qatgħat ta’ laħam u dik ta’ ġewwieni, kull prodott kopert minn din is-subintestatura li ma jaqax taħt waħda minn dawn il-kategoriji, jista’ jiġi kklassifikat biss taħt il-kategorija l-oħra. Għandu jiġi rilevat li din l-istruttura tas-subintestatura 0207 14 hija konformi mat-tifsira tal-kelma “ġewwieni”, peress li din tindika l-partijiet li jittieklu minnbarra l-laħam tal-annimali intiż għall-konsum mill-bniedem.
47 Għaldaqstant hemm lok li jiġi eżaminat jekk prodotti bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħux, kif qiegħda tallega RLK, fil-kategorija tal-ġewwieni minnbarra l-fwied, koperta mis-subintestatura 0207 14 99.
48 In-noti ta’ spjega tan-NM jippreċiżaw li din is-subintestatura tinkludi l-ġewwieni li jittiekel, bħall-qlub, għallat u msielet ta’ taħt il-munqar, kif ukoll is-saqajn tat-tjur.
49 F’dan il-każ, kemm mid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mill-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, qabel jiġu friżati, il-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huma f’forma ta’ taħlita likwida (stock) magħmula mill-bqija tal-laħam u ta’ tessuti miksuba wara tħin mekkaniku tal-għadam kopert bil-laħam, skont id-definizzjoni tal-LĦM li tinsab fil-punt 1.14 tal-Anness I tar-Regolament Nru 853/2004.
50 Minn dan isegwi li prodotti bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistgħux jiġu klassifikati taħt is-subintestatura 0207 14 99, peress li l-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tagħhom mhumiex dawk tal-ġewwieni kopert minn din is-subintestatura.
51 Għaldaqstant, dawn il-prodotti jaqgħu taħt is-subintestatura 0207 14 10.
52 Fl-aħħar nett, il-fatt li qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Estonja, l-awtoritajiet doganali Estonjani kklassifikaw, bis-saħħa ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, dan it-tip ta’ prodott f’subintestatura speċifika oħra, ma jaffettwax l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja applikabbli f’dan l-Istat Membru sa mill-1 ta’ Mejju 2004.
53 Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li r-Regolament Nru 2658/87 kif emendat bir-Regolament Nru 1789/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li prodotti bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, magħmula minn LĦM friżat, miksub minn dissossar, b’mod mekkaniku, ta’ tjur tal-ispeċi Gallus domesticus u intiżi għall-konsum mill-bniedem, għandhom jiġu kklassifikati fis-subintestatura 0207 14 10 tan-NM.
Fuq l-ewwel parti tat-tieni domanda
54 Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 4(1) u (2) tar-Regolament Nru 1972/2003 jipprekludix il-metodu previst mill-ÜLTS għall-kalkolu tal-ħażniet żejda ta’ operatur li jikkonsisti fl-applikazzjoni ta’ koeffiċjent moltiplikatur ta’ 1.2 għall-ħażniet ittrasferiti ’l quddiem.
Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja
55 RLK issostni li l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1972/2003 jipprekludi l-metodu ta’ kalkolu tal-ħażniet ittrasferiti ’l quddiem, stabbilit fl-Artikolu 6 tal-ÜLTS, sa fejn dan jipprevedi l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent multiplikatur ta’ 1.2, minħabba li dan il-metodu ma jippermettix li tiġi ddeterminata, b’eżattezza, din il-ħażna u li jiżgura l-proporzjonalità tat-taxxa fuq il-ħażniet żejda.
56 Għall-kuntrarju, il-Gvern Estonjan iqis li l-użu tal-koeffiċjent moltiplikatur huwa konformi mal-għan tar-Regolament Nru 1972/2003. Huwa jiddikjara li dan ir-regolament la jirrestrinġi u lanqas jeskludi l-użu ta’ koeffiċjent bħal dan u jħalli lill-Istati Membri d-diskrezzjoni li jistabbilixxu l-metodu ta’ kalkolu xieraq għaċ-ċirkustanzi lokali. L-imsemmi koeffiċjent jippermetti li tiżdied il-ħażna ttrasferita ’l quddiem mill-operaturi kollha sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni ż-żieda ekonomika fis-snin li ppreċedew l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Estonja mal-Unjoni.
57 Wara li fl-atti tagħha sostniet il-pożizzjoni ta’ RLK, matul is-seduta, il-Kummissjoni qablet mal-pożizzjoni tal-Gvern Estonjan
Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja
58 Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1972/2003 ma jinkludi ebda dispożizzjoni li jimponu jew tipprojbixxi lill-Istati Membri milli japplikaw, b’mod uniformi, koeffiċjent moltiplikatur għall-ħażniet tal-operaturi ttrasferiti ’l quddiem għall-finijiet tal-kalkolu tal-ħażniet żejda (sentenza Balbiino, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47).
59 Fil-fatt din id-dispożizzjoni tipprovdi li, sabiex jiġu ddeterminati l-ħażniet żejda ta’ kull pussessur, l-Istati Membri l-ġodda għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, “il-medja tal-ħażniet disponibbli fit-tlett snin ta’ qabel l-adeżjoni”. Fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet iktar preċiżi fir-rigward tal-perijodu rilevanti jew tal-metodu ta’ kalkolu tal-medja tal-ħażniet disponibbli, formulazzjoni bħal din tagħti lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiddefinixxu l-kriterji li abbażi tagħhom dawn l-indikazzjonijiet huma implementati, filwaqt li jiġu osservati l-għanijiet tal-imsemmi regolament u l-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju (sentenza Balbiinu, iċċitatat iktar ’il fuq, punt 37).
60 Għaldaqstant, l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1972/2003 jelenka, b’mod mhux eżawrjenti, ċerti kriterji għall-kalkolu tal-ħażniet żejda tal-operaturi, filwaqt li jħalli għall-Istati Membri l-fakultà li jikkompletawhom skont dak li jidhrilhom opportun, u skont id-diskrezzjoni li għandhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Balbiino, iċċitata iktar ’il fuq, point 47).
61 L-applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ 1.2 għall-ħażniet ittrasferiti ’l quddiem hija, prima facie, favur l-operaturi billi hija għandha l-għan li tnaqqas il-ħażniet żejda. Mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Gvern Estonjan jirriżulta li dan il-koeffiċjent ġie stabbilit abbażi tar-rata ta’ żieda fil-produzzjoni agrikola Estonjana, osservata fil-perijodu ta’ bejn is-sena 2000 u 2004. Dan il-koeffiċjent jippermetti b’hekk li tiġi attwalizzata l-medja tal-ħażniet ikkonstatati fl-1 ta’ Mejju mis-snin 2000 sa 2003 fid-dawl ta’ din ir-rata u li jiġu ddeterminati l-ħażniet li għandhom jiġu ttrasferiti ’l quddiem – u, sussegwentement, il-ħażniet żejda – li jirriflettu b’mod proporzjonat l-iżvilupp taż-żieda osservata fis-settur agrikolu Estonjan kollu bejn l-1 ta’ Mejju 2000 u l-1 ta’ Mejju 2004. Għaldaqstant, huwa jikkontribwixxi sabiex tiġi stabbilita bażi ta’ paragun bejn il-ħażniet fl-1 ta’ Mejju 2004 u l-medja tal-ħażniet fl-1 ta’ Mejju tal-erba’ snin preċedenti (ara, f’dan is-sens, is-sentneza Balbiino, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48).
62 Fid-dawl ta’ dawn il-karatteristiċi, l-għażla ta’ koeffiċjent bħal dan ma tippreġudikax l-għanijiet tar-Regolament Nru 1972/2003 u lanqas ma tippreġudika l-prinċipji ta’ proporzjonalità u trattament ugwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Balbiino, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49).
63 Għaldaqstant, l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1972/2003 ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent moltiplikatur bħal dak previst mill-Artikolu 6(1) tal-ÜLTS għall-finijiet tal-kalkolu tal-ħażniet ittrasferiti ’l quddiem (sentenza Balbiino, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50).
64 F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għall-ewwel parti tat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1972/2003 ma jipprekludix dispożizzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 6 tal-ÜLTS, li tgħid li l-ħażniet żejda ta’ operatur huma ddeterminati billi jitnaqqsu mill-ħażniet effettivament miżmuma fl-1 ta’ Mejju 2004 il-ħażniet ittrasferiti ’l quddiem iddefiniti bħala l-medja tal-ħażniet miżmuma fl-1 ta’ Mejju tal-erba’ snin preċedenti, immoltiplikata b’koeffiċjent ta’ 1.2, li jikkorrispondi għar-rata taż-żieda fil-produzzjoni agrikola osservata fl-Istat Membru kkonċernat matul dan il-perijodu ta’ erba’ snin.
Fuq it-tieni parti tat-tieni domanda
65 Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel parti tat-tieni domanda, m’hemmx għalfejn tingħata risposta għat-tieni parti ta’ din id-domanda.
Fuq it-tielet domanda
66 Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-Regolament Nru 1972/2003 jipprekludix l-intaxxar tal-ħażniet żejda ta’ operatur, meta dan ikun jista’ jipprova li ma għamilx profitt mill-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawn il-ħażniet wara l-1 ta’ Mejju 2004.
Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja
67 RLK tenfasizza li l-għan tar-Regolament Nru 1972/2003 huwa li tiġi miġġielda l-ispekulazzjoni. Madankollu, fil-kawża prinċipali, kull spekulazjoni hija eskluża. Minn naħa, in-natura tal-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprekludi kwalunkwe ffissar arbitrarju tal-prezzijiet ta’ natura spekulattiva. Fil-fatt, il-prezz tal-LĦM friżat ta’ tjur ma ġiex affettwat mill-adeżjoni tar-Repubblika tal-Estonja. Fil-Komunità dawn il-prodotti ma jagħtu lok għal ebda forma ta’ rifużjoni fuq l-esportazzjoni u lanqas għal xi mekkaniżmu ieħor ta’ għajnuna li tinvolvi diskrepanza fil-prezzijiet bejn is-suq Komunitarju u s-suq dinji. Min-naħa l-oħra, il-kwantitajiet kollha mixtrija minn RLK kienu intiżi għall-bżonnijiet tagħha stess u kienu jikkorrispondu għall-ħażniet normali fid-dawl tal-produzzjoni.
68 RLK issostni li d-determinazzjoni tat-taxxa fuq il-ħażniet żejda għanda tkun konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità u mal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, filwaqt li f’dan ir-rigward, irreferiet għad-digriet tal-11 ta’ Ottubru 2001, William Hinton & Sons (C‑30/00, Ġabra p. I‑7511). Madankollu, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe profitt mill-ħażniet żejda inwistjoni fil-kawża prinċipali, RLK tqis li t-taxxa li hija ġiet mitluba tħallas mhijiex proporzjonata. Jekk ir-Regolament Nru 1972/2003 iwassal għad-determinazzjoni ta’ taxxa f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, dan ir-regolament għandu jiġi invalidat fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Din ma tibqax iktar sistema ta’ taxxa dissważiva, iżda sistema ta’ sanzjonijiet intiza sabiex tippenalizza l-pussess ta’ ċerta merkanzija.
69 Il-Gvern Estonja u l-Kummissjoni jikkunsidraw li l-intaxxar ta’ operatur li ma għamilx profitti mill-bejgħ tal-ħażniet żejda tiegħu huwa konformi mal-għanijiet tar-Regolament Nru 1972/2003.
70 Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, dan ir-regolament ma jimmirax sabiex jippenalizza l-aġir tal-operaturi, iżda sabiex jippreserva l-funzjonament tajjeb tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq, fl-interess ġenerali tal-Komunità.
Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja
71 Mill-premessi 1 u 3 tar-Regolament Nru 1972/2003 jirriżulta li dan tal-aħħar għandu l-għan li jippreserva l-organizzazzjonijiet komuni tas-swieq billi jevita, permezz ta’ sistema ta’ ntaxxar dissważiva fuq il-ħażniet żejda li jinsabu fl-Istati Membri l-ġodda, li ċerti prodotti agrikoli jiġu ttrasferiti artifiċjalment lejn it-territorju ta’ dawn tal-aħħar bl-iskop tat-tkabbir. Għalhekk qed jipprova jiġi evitat li l-flussi kummerċjali li mhumiex normali jfixklu l-organizzazzjonijiet komuni tas-swieq (sentenza Balbiino, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57).
72 Dan ir-Regolament ma għandux l-għan li jissanzjona l-aġir spekulattiv tal-operaturi, iżda jimmira, minn naħa, sabiex jipprevjeni, permezz ta’ mekkaniżmu ta’ intaxxar dissważiv, il-kostituzzjoni ta’ ħażniet għal finijiet spekulattivi u, minn naħa l-oħra, sabiex jinnewtralizza l-vantaġġi ekonomiċi antiċipati mill-pussessuri tagħhom (sentenza Balbiino, iċċitata iktar ’il fuq, punt 69).
73 Konsegwentement, it-taxxa fuq il-ħażniet żejda stabbilita permezz tar-Regolament Nru 1972/2003, li hija intiża sabiex tipproteġi l-organizzazzjonijiet komuni tas-swieq agrikoli, hija applikabbli għall-ħażniet żejda kollha fis-sens tal-imsemmi regolament, indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk il-pussessuri tagħhom għamlux effettivament profitt mill-kummerċjalizzazzjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Balbiino, iċċitata iktar ’il fuq, point 71).
74 Għaldaqstant, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li r-Regolament Nru 1972/2003 ma jipprekludix il-ġbir ta’ taxxa fuq il-ħażniet żejda ta’ operatur, anki meta l-operatur ikun jista’ jipprova li ma għamilx profitt mill-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawn il-ħażniet wara l-1 ta’ Mejju 2004.
Fuq l-ispejjeż
75 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja, (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1789/2003, tal-11 ta’ Settembru 2003, għandu jiġi interpretat fis-sens li prodotti bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, magħmula minn laħam separat mekkanikament friżat, miksub minn dissossar, b’mod mekkaniku, ta’ tjur tal-ispeċi Gallus domesticus u intiżi għall-konsum mill-bniedem, għandhom jiġu kklassifikati fis-subintestatura 0207 14 10 tan-Nomenklatura Magħquda.
2) L-Artikolu 4(2) tar- Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1972/2003, tal-10 ta’ Novembru 2003, dwar il-miżuri tranżitorji li għandhom ikunu adottati fir-rigward tal-kummerċ fi prodotti agrikoli minħabba l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, l-Polonja, Slovenja u Slovakkja, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 230/2004, tal-10 ta’ Frar 2004, ma jipprekludix dispożizzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 6(1) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Ħazniet Żejda (Üleliigse laovaru tasu seadus), kif emendata bil-liġi adottata fil-25 ta’ Jannar 2007, li tgħid li l-ħażniet żejda ta’ operatur huma ddeterminati billi jitnaqqsu mill-ħażniet effettivament miżmuma fl-1 ta’ Mejju 2004, il-ħażniet ittrasferiti ’l quddiem iddefiniti bħala l-medja tal-ħażniet miżmuma fl-1 ta’ Mejju tal-erba’ snin preċedenti, immoltiplikata b’koeffiċjent ta’ 1.2, li jikkorrispondi għar-rata taż-żieda fil-produzzjoni agrikola osservata fl-Istat Membru kkonċernat matul dan il-perijodu ta’ erba’ snin.
3) Ir-Regolament Nru 1972/2003 ma jipprekludix il-ġbir ta’ taxxa fuq il-ħażniet żejda ta’ operatur, anki meta l-operatur ikun jista’ jipprova li ma għamilx profitt mill-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawn il-ħażniet wara l-1 ta’ Mejju 2004.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Estonjan.
Full & Egal Universal Law Academy