Kawża C-158/08
Agenzia Dogane Ufficio delle Dogane di Trieste
vs
Pometon SpA
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-
Commissione tributaria regionale di Trieste)
“Kodiċi Doganali tal-Komunità — Regolament (KE) Nru 384/96 — Protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea — Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 — Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej — Proċessar taħt il-proċedura tal-ipproċessar attiv — Prattika irregolari”
Sommarju tas-sentenza
1. Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Evażjoni
(Regolament tal-Kunsill Nru 384/96, Artikolu 13)
2. Moviment liberu tal-merkanzija — Kummerċ mal-pajjiżi terzi — Proċedura ta’ pproċessar attiv — Portata
(Regolament tal-Kummissjoni Nru 2454/93, Artikolu 551(1)
1. L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 384/96 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, huwa inapplikabbli fin-nuqqas ta’ deċiżjoni tal-Kunsill, meħuda fuq proposta tal-Kummissjoni, sabiex testendi l-applikazzjoni tad-dazji antidumping għall-importazzjonijiet li ġejjin minn pajjiżi terzi ta’ prodotti simili jew ta’ partijiet ta’ dawn il-prodotti.
(ara l-punti 17-20 u d-dispożittiv 1)
2. L-operazzjoni li tikkonsisti biss li tibgħat merkanzija barra mill-fruntiera wara l-ipproċessar tagħha fi prodott li mhux suġġett għad-dazji antidumping, mingħajr verament l-intenzjoni li tesportaha mill-ġdid, u timportha mill-ġdid ftit ta’ żmien wara, ma tistax legalment tiġi mqiegħda taħt il-proċedura tal-ipproċessar attiv. F’dan ir-rigward, il-proċedura tal-ipproċessar attiv li għandha bħala għan li teżenta mid-dazji doganali biss il-merkanziji li huma introdotti fit-territorju doganali tal-Komunità biss fuq bażi temporanja, sabiex huma jkunu miftuħa, imsewwija jew ipproċessati, imbagħad esportati mill-ġdid, sabiex jiġi evitat li tiġi ppenalizzata l-attività ekonomika tal-pajjiżi tal-Komunità. Konsegwentement, prattika bħal dik deskritta iktar ’il fuq tkun kuntrarja għall-għan stess tal-proċedura tal-ipproċessar attiv u tippreġudika l-effettività tal-leġiżlazzjoni Komunitarja.
L-importatur li qiegħed lilu nnifsu b’mod irregolari taħt il-proċedura tal-ipproċessar attiv u bbenifika minnha huwa obbligat li jħallas id-dazji fuq il-prodotti kkonċernati, bla ħsara, skont il-każ, għal sanzjonijiet amministrattivi, ċivili jew kriminali previsti fil-liġi nazzjonali. Hija l-qorti nazzjonali kompetenti li għandha tevalwa jekk l-operazzjoni għandhiex jew le, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imfakkra iktar ’il fuq, tiġi meqjusa bħala irregolari fir-rigward tad-dritt Komunitarju.
(ara l-punti 23-30 u d-dispożittiv 2)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
4 ta’ Ġunju 2009 (*)
“Kodiċi Doganali tal-Komunità – Regolament (KE) Nru 384/96 – Protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea– Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 – Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej – Proċessar taħt il-proċedura tal-ipproċessar attiv – Prattika irregolari”
Fil-Kawża C‑158/08,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Commissione Tributaria Regionale di Trieste (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ April 2008, fil-proċedura
Agenzia Dogane Ufficio delle Dogane di Trieste
vs
Pometon SpA,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn C. W. A. Timmermans, President tal-Awla, J.‑C. Bonichot (Relatur), J. Makarczyk, P. Kūris u L. Bay Larsen, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,
Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Marzu 2009,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Pometon SpA, minn E. Volli u F. Trevisan, avukati,
– għall-Gvern Taljan, minn I. Bruni, bħala aġent, assistita minn G. Albenzio, avvocato dello Stato,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn H. van Vliet, E. Righini u S. Schønberg, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 45), kif ukoll tal-Artikoli 4, 114 et seq, 202, 204, 212 u 214 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali tal-Komunità”).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn l-Agenzia Dogane Ufficio delle Dogane di Trieste (Uffiċċju tad-Dwana ta’ Trieste) u Pometon SpA dwar l-importazzjoni, iddikjarata taħt proċedura tal-ipproċessar attiv, ta’ ingotti ta’ manjesju mhux maħduma li joriġinaw u ġejjin miċ-Ċina.
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
3 L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 384/96, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fiż-żmien meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, kien jipprovdi li:
“1. Dazji kontra l-bejgħ taħt il-prezz imposti skond dan ir-Regolament jistgħu jiġu estiżi għal importazzjonijiet minn pajjiżi terzi ta’ prodotti simili, jew partijiet minnhom, meta tkun qegħda isseħħ evażjoni tal-miżuri infurzati. L-evażjoni għandha tiġi ddefinita bħal bidla fil-mudell tal-kummerċ bejn il-pajjiżi terzi u l-Komunità li jinbet minn drawwa, proċess jew xogħol li għalih hemm kawża dovuta insuffiċjenti jew ġustifikazzjoni ekonomika ta’ xort’ oħra mill-impożizzjoni tad-dazju, u fejn hemm evidenza li l-effett ta’ rimedju tad-dazju mhuwiex qiegħed jiġi meqjus fejn jidħlu l-prezzijiet u/jew il-kwantitajiet ta’ prodotti simili u hemm evidenza ta’ bejgħ taħt il-prezz fejn jidħlu l-valuri normali stabbiliti qabel għal prodotti bħalhom jew simili.
2. Operazzjoni ta’ assembleġġ fil-Komunità jew pajjiż terz għandha tiġi kkunsidrata li tevadi il-miżuri fis-seħħ meta:
a) l-operazzjoni bdiet jew żdiedet sostanzjalment minn meta, jew eżatt qabel, il-bidu ta’ l-investigazzjoni kontra l-bejgħ taħt il-prezz u l-partijiet konċernati huma mill-pajjiż soġġett għall-miżuri; u
b) il-partijiet jikkostitwixxu 60 % jew iktar mill-valur totali tal-partijiet tal-prodott mibni, ħlief li f’ebda każ ma għandha l-evażjoni tiġi meqjusa li tkun qiegħda isseħħ fejn il-valur miżjud mal-partijiet miġjuba, matul l-operazzjoni ta’ assembleġġ jew ta' kompletazzjoni, jkun ikbar minn 25 % ta’ l-ispiża tal-fabbrikazzjoni,
u
c) l-effetti ta’ rimedju tad-dazju ma jkunux qegħdin jiġu kkunsidrati fejn jidħlu l-prezzijiet u/jew il-kwantitajiet tal-prodott simili mibni u hemm evidenza ta’ bejgħ taħt il-prezz fejn għandhom x’jaqsmu l-valuri normali qabel stabbiliti għal prodotti simili jew bħalhom.
3. L-investigazzjonijiet għandhom jinbdew skond dan l-Artikolu fejn it-talba jkun fiha biżżejjed xhieda li għandha x’taqsam mal-fatturi stabbiliti fil-paragrafu 1. L-investigazzjonijiet jinbdew wara konsultazzjoni tal-Kumitat Konsultattiv, skond ir-Regolament tal-Kummissjoni li għandu wkoll jgħarraf lill-awtoritajiet tad-dwana biex jagħmlu l-importazzjonijiet soġġetti għar-reġistrazzjoni skond l-Artikolu 14(5) jew biex jitolbu garanziji. L-investigazzjonijiet għandhom jitwettqu mill-Kummissjoni, li tista’ tiġi megħjuna mill-awtoritajiet tad-dwana u għandhom jiġu mitmuma fi żmien disa xhur. Meta l-fatti kif fl-aħħar aċċertati jiġġustifikaw l-estensjoni tal-miżuri, dan għandu jsir mill-Kunsill, b’azzjoni fuq maġġoranza sempliċi u fuq proposta mill-Kummissjoni, mid-data li fiha r-reġistrazzjoni kienet ġiet imposta skond l-Artikolu 14(5) jew li fuqha kienu ġew mitluba l-garanziji. Id-disposizzjonijiet proċedurali rilevanti ta’ dan id-Regolament fir-rigward ta’ l-inizjazzjonijiet u l-proċeduri ta’ l-investigazzjonijiet għandhom japplikaw għal dan l-Artikolu.
[…]”.
4 Skont l-Artikolu 114 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità:
“1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 115, il-proċedura ta’ l-ipproċessar tad-dħul [attiv] għandha tippermetti li s-segwenti merkanzija tintuża fit-territorju doganali tal-Komunità f’operazzjoni ta’ l-ipproċessar waħda jew aktar:
a) merkanzija mhux tal-Komunità intiżi għall-esportazzjoni mill-ġdid mit-territorju doganali tal-Komunità taħt is-sura ta’ prodotti li jikkumpensaw lil xulxin, mingħajr ma tali merkanzija tkun soġġetta għal dazji fuq l-importazzjoni jew miżuri ta’ politika kummerċjali;
b) merkanzija meħlusa għal ċirkolazzjoni libera bil-ħlas lura jew remissjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni imponibbli fuq dik il-merkanzija kieku tkun esportata mit-territorju doganali tal-Komunità taħt is-sura ta’ prodotti li jikkumpensaw lil xulxin.
2. L-espressjonijiet li ġejjin għandu jkollhom it-tifsiriet li ġejjin:
a) sistema ta’ sospensjoni: l-arranġamenti ta’ eżenzjonii mill-ipproċessar tad-dħul [attiv] li hemm provdut dwarhom fil-paragrafu 1 (a);
[…]”.
5 L-Artikolu 551(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3), fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fiż-żmien meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, kien jispeċifika barra minn hekk li:
“1. L-awtorizzazzjoni għall-użu ta’ sistema ta’ sospenzjoni għandha tingħata biss meta l-applikant ikollu attwalment l-intenzjoni li jirrijesporta l-prodotti prinċipali kompensatorji mit-territorju doganali tal-Komunità. F’dak il-każ l-użu ta’ sistema ta’ sospensjoni jista jkun awtorizzat għall-merkanzija kollha li tkun se tiġi pproċessata”.
6 L-Artikolu 4(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 2988/95, tat-18 Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340) jipprovdi li:
“L-atti li jiġi stabbilit li biex jkollhom bħala l-għan tagħhom il-kisba ta’ vantaġġ li jmur kontra l-għanijiet tal-liġi tal-Komunità applikabbli fil-każ billi joħolqu artifiċjalment il-kundiżżjonijiet meħtieġa biex jinkiseb dak il-vantaġġ għandhom jirriżultaw, skond kif ikun il-każ, jew fiż-żamma milli jinkiseb dak il-vantaġġ jew fl-irtirar tiegħu”.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
7 Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, bejn l-aħħar tas-sena 1998 u s-sena 2001, Pometon SpA xtrat mingħand Pometon doo, kumpannija relatata magħha, stabbilita fl-1998 u li għandha l-uffiċċju reġistrat tagħha f’Sezana (Slovenja), ingotti ta’ manjesju mhux maħduma li joriġinaw u ġejjin miċ-Ċina, li l-importazzjoni tagħhom fil-Komunità kienet wasslet għall-implementazzjoni ta’ dazju antidumping skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2402/98, tat-3 ta’ Novembru 1998, li jistabbilixxi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ manjesju mhux ligat mhux maħdum li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u l-ġbir definittiv tad-dazju provviżorju (ĠU L 298, p. 1). Dan il-prodott kien importat fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ proċessar f’isem Pometon doo, klijent stabbilit f’pajjiż terz. Pometon SpA talbet u kisbet li tissuġġetta din il-merkanzija għall-proċedura tal-ipproċessar attiv b’perijodu ta’ sospensjoni ta’ sitt xhur. L-imsemmija merkanzija kienet ipproċessata minn Pometon SpA fi trab ta’ manjesju, mhux suġġetta għal dazju ta’ antidumping, u kienet esportata mill-ġdid billi qasmet il-fruntiera ta’ Fernetti (l-Italja).
8 Id-deċiżjoni tar-rinviju tispeċifika li l-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li qatt ma waslet fl-istabbiliment stabbilit fl-Islovenja, kienet biss maħżuna f’żona ta’ parking u introdotta mill-ġdid għall-importazzjoni fl-Italja bħala prodott mibjugħ minn Pometon doo lil Pometon SpA. Dejjem skont din id-deċiżjoni, l-investigazzjonijiet imwettqa wrew li madwar 87 % tal-prodott esportat minn Pomoton SpA daħal lura immedjatament fl-Italja u kien imqiegħed fuq is-suq Ewropew.
9 Fir-rigward ta’ dawn il-fatti, l-Agenzia Dogane Ufficio delle Dogane ta’ Trieste qieset li l-importazzjonijiet temporanji ta’ ingotti ta’ manjesju mhux maħduma li joriġinaw u ġejjin miċ-Ċina, iddikjarata taħt proċedura ta’ proċessar attiv, jikkostitwixxu fil-verità importazzjonijiet definittivi ta’ dan il-prodott. Għal din ir-raġuni l-Agenzia Dogane Ufficio delle Dogane ta’ Trieste ħarġet avviżi ta’ tassazzjoni addizzjonali u rettifikattivi li kontra tagħhom Pometon SpA ppreżentat rikors, li ntlaqa’ mill-Commissione Tributaria Provinciale di Trieste.
10 L-Agenzia Dogane Ufficio delle Dogane ta’ Trieste appellat minn din is-sentenza, li kontriha Pometon SpA ppreżentat appell inċidentali. Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Commissione Tributaria Regionale ta’ Trieste ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) Jista’ jiġi kkunsidrat b’mod ġust li l-proċedura tal-ipproċessar attiv, kif implementata minn Pometon SpA, tista’ tikser il-prinċipji ta’ politika doganali tal-Komunità, u b’mod partikolari dawk tal-leġiżlazzjoni tal-antidumping ġenerali u dik speċifika, barra minn dik tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità [...]? B’mod partikolari, l-Artikolu 13 tar-Regolament (KEE) Nru 384/96 għandu jiġi interpretat bħala prinċipju ta’ portata ġenerali, applikabbli bħala klawżola ġenerali tas-sistema legali Komunitarja, direttament vinkolanti wkoll fir-relazzjonijiet bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-persuni taxxabbli, minbarra fil-proċedura ta’ impożizzjoni tad-dazju antidumping; pereżempju, dan il-prinċipji jista’ jiġi invokat matul l-eżekuzzjoni tal-kontrolli doganali, b’mod konformi mal-kunċett fl-Artikolu 4(14) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità [...]?
2) Id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 384/[96] fil-qasam tal-evażjoni tar-regolament anti-dumping, flimkien mal-Artikoli 114 et seq. tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità [...], fil-qasam tal-proċessar attiv u tal-Artikoli 202, 204, 212 u 214 tiegħu, fir-rigward ta’ meta jiġi inkors id-dejn doganali, jistgħu jiġu interpretati fis-sens li s-suġġettar għal dazju antidumping ta’ merkanzija ma huwiex eskluż fil-każ ta’ xiri bil-quddiem ta’ dan l-istess prodott minn ċittadin ta’ pajjiż li ma huwiex suġġett għal dazju antidumping, li min-naħa tiegħu jkun xtrah minn pajjiż suġġett għal din il-miżura, u mingħajr bl-ebda mod ma biddlu, ikun temporanjament importah fil-Komunità taħt proċedura ta’ proċessar attiv, sabiex wara li jkun ġie pproċessat jerġa’ jimportah, iżda b’mod provviżorju u għal ftit sigħat, u jbigħu mill-ewwel lill-istess kumpannija tal-pajjiż Komunitarju li kienet inkarigata mill-ipproċessar attiv?
3) [...] Fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet penali Komunitarji, billi din il-qorti ma sabithomx, il-qorti tal-Istat Membru tista’ tapplika regoli tas-sistema legali tagħha li jippermettu li jiġu ddikjarati nulli, ladarba jkun hemm dawn il-kundizzjonijiet, il-kuntratti ta’ tqegħid fl-ipproċessar attiv u ta’ bejgħ tal-prodott li jikkumpensa ieħor, bħall-Artikoli 1343 (kawża illeċita), 1344 (kuntratt ta’ evażjoni frawdolenti tal-liġi) u 1345 (motiv illeċitu) tal-Kodiċi Ċivili Taljan u l-Artikoli 414 et seq. tal-Kodiċi Ċivili Taljan, fil-qasam ta’ simulazzjoni, fil-każ fejn il-ksur tal-prinċipji Komunitarji msemmija iktar ’il fuq ikun stabbilit?
4) [...] Ukoll għal raġunijiet oħra jew punti ta’ interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tixtieq tindika, l-operazzjoni hawn fuq deskritta, fil-każ fejn hija kienet implementata sabiex ikun hemm evażjoni tad-dazji antidumping, hija konformi mal-proċedura ta’ pproċessar attiv jew jekk għall-kuntrarju hija effettivament tikser il-prinċipji doganali fil-qasam ta’ applikazzjoni ta’ dazju antidumping li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tixtieq tindika?
5) [...] Ukoll għal raġunijiet oħra jew punti ta’ interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tixtieq tindika, l-operazzjoni inkwistjoni tikkorrispondi għal importazzjoni definittiva ta’ prodotti suġġetti għal dazju antidumping?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ammissibbiltà
11 Essenzjalment, Pometon SpA ssostni li l-domandi magħmula huma inammissibbli, inkwantu huma intiżi sabiex jiksbu mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja konsultazzjoni legali u mhux interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, li huma magħmula lil qorti li ma għandhiex kompetenza sabiex tiddeċiedi fuqhom u li l-qorti nazzjonali ma indikatx liema huma r-regoli tad-dritt Komunitarju li hija titlob l-interpretazzjoni tagħhom u lanqas il-prinċipji ġenerali li hija tirreferi għalihom.
12 Dan l-argument ma jistax jiġi milqugħ.
13 Skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija responsabbli sabiex tiddefinixxi, u li ma huwiex id-dmir tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tagħhom, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Huwa possibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja li tirrifjuta li tiddeċiedi fuq domanda magħmula minn qorti nazzjonali biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mitluba ma għandhiex x’taqsam mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2007, van der Weerd et, C‑222/05 sa C‑225/05, Ġabra p. I-4233, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).
14 F’din il-kawża ma jirriżultax li l-interpretazzjoni mitluba ma tirrigwardax b’xi mod l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, b’tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun inkompetenti sabiex tiddeċiedi dwarha, jew li l-interpretazzjoni mitluba ma kellha manifestament l-ebda relazzjoni mal-veraċità jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali. Il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi b’mod utli għad-domandi li sarulha huma, barra minn hekk, esposti fid-deċiżjoni tar-rinviju. Dawn tal-aħħar jindikaw, barra minn hekk, it-testi li hija talbet l-interpretazzjoni tagħhom.
15 Min dan jirriżulta li d-domandi preliminari huwa ammissibbli.
Fuq l-ewwel u t-tieni domandi
16 Permezz tal-ewwel u tat-tieni domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja, sa liema punt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 384/96 huma applikabbli għal kawża bħala dik li hija għandha tiddeċiedi dwarha.
17 L-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 384/96 jipprovdi li, meta jkun hemm provi biżżejjed ta’ evażjoni tad-dazju antidumping, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda’ investigazzjoni hija adottata bħala regolament. Jekk din l-investigazzjoni tippermetti li jiġu stabbiliti definittivament il-fatti li jiġġustifikaw l-estensjoni tal-applikazzjoni tad-dazji antidumping għall-importazzjonijiet li ġejjin minn pajjiżi terzi ta’ prodotti simili jew ta’ partijiet ta’ dawn il-prodotti, din l-estensjoni hija deċiża mill-Kunsill li jiddeċiedi b’maġġoranza sempliċi fuq proposta tal-Kummissjoni.
18 F’din il-kawża, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li ma kienx hemm regolament tal-Kummissjoni li jiddeċiedi fuq il-bidu ta’ investigazzjoni, u lanqas ma kien hemm deċiżjoni tal-Kummissjoni li testendi l-applikazzjoni tal-miżuri antidumping.
19 Minn dan isegwi li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 384/96 huma f’kull każ inapplikabbli għall-kawża prinċipali, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni fuq il-punt dwar jekk il-formulazzjoni ta’ dan l-Artikolu 13(1), fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fiż-żmien meta seħħew il-fatt fil-kawża prinċipali, kinitx tikkonċerna l-operazzjonijiet imwettqa minn Pometon SpA.
20 Sussegwentement, ir-risposta għall-ewwel u t-tieni domandi għandha tkun li l-Artikolu 13 tar-Regolement Nru 384/96 huwa inapplikabbli fin-nuqqas ta’ deċiżjoni tal-Kunsill, meħuda fuq proposta tal-Kummissjoni, sabiex testendi l-applikazzjoni tad-dazji antidumping għall-importazzjonijiet li ġejjin minn pajjiżi terzi ta’ prodotti simili jew ta’ partijiet ta’ dawn il-prodotti.
Fuq it-tielet sal-ħames domandi
21 It-tielet sal-ħames domandi jirrigwardaw, essenzjalment, il-kwistjoni dwar jekk l-operazzjoni li biha kumpannija timporta taħt il-proċedura tal-ipproċessar attiv tal-merkanzija li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dazji antidumping, li tipproċesshom bħala prodott li mhux suġġett għal tali dazji u li timporthom mill-ġdid lejn kumpannija relatata magħha, stabbilita f’pajjiż terz ġarr, li tesporta mill-ġdid din il-merkanzija lejn il-Komunità billi tbiegħhom lura lill-ewwel kumpannija, għandhiex tiġi kkunsidrata bħala importazzjoni definittiva fuq it-territorju doganali tal-Komunità.
22 Skont l-Artikolu 114 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, il-proċedura tal-ipproċessar attiv għandha tippermetti li merkanzija li mhux Komunitarja intiża biex tiġi sussegwentement esportata mill-ġdid mit-territorju doganali tal-Komunità tintuża f’dan it-territorju. L-użu jikkonsisti f’operazzjoni tal-“ipproċessar” ta’ dawn il-merkanziji, jiġifieri, partikolarment, ta’ proċessar. Il-merkanziji esportati mill-ġdid jissejħu “prodotti li jikkumpensaw lil xulxin”.
23 L-esportazzjoni mill-ġdid ta’ merkanziji taħt il-forma ta’ prodotti li jikkumpensaw lil xulxin barra t-territorju doganali tal-Komunita hija kundizzjoni ta’ applikazzjoni tal-proċedura tal-ipproċessar attiv. Minn dan jirriżulta li din tal-aħħar tista’ tiġi applikata legalment biss meta l-merkanziji huma verament intiżi sabiex jiġu esportati mill-ġdid barra t-territorju doganali tal-Komunità, kif ukoll ifakkru d-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tal-Artikolu 551(1) tar-Regolement Nru 2454/93 li min jitlob il-benefiċċju minn din il-proċedura għandu jkollu “attwalment l-intenzjoni li jirrijesporta” l-merkanziji inkwistjoni.
24 Fil-fatt, mir-regoli li jikkostitwixxu l-qafas ġuridiku tiegħu jirriżulta li l-għan tal-ipproċessar attiv huwa li jeżenta mid-dazji doganali biss il-merkanziji li huma introdotti fit-territorju doganali tal-Komunità biss fuq bażi temporanja, sabiex huma jkunu miftuħa, imsewwija jew ipproċessati, imbagħad exportati mill-ġdid, sabiex jiġi evitat li tiġi ppenalizzata l-attività ekonomika tal-pajjiżi tal-Komunità.
25 Minn dan jirriżulta neċessarjament li prattika, bħal dik deskritta fil-punt 8 ta’ din is-sentenza, li tikkonsisti biss f’li tibgħat il-merkanzija barra mill-fruntiera, mingħajr verament l-intenzjoni li tesportaha mill-ġdid, u timportha mill-ġdid ftit ta’ żmien wara, tkun kuntrarja għall-għan stess tal-proċedura tal-ipproċessar attiv u tippreġudika l-effettività tal-leġiżlazzjoni Komunitarja.
26 Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-fatti li taw lok għall-kawża prinċipali jikkostitwixxux tali irregolarità.
27 Rigward il-konsegwenzi li jirriżultaw mill-konstatazzjoni ta’ tali irregolarità, l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 2988/95, li l-portata tiegħu hija ġenerali, jipprovdi li “l-atti li jiġi stabbilit li biex jkollhom bħala l-għan tagħhom il-kisba ta’ vantaġġ li jmur kontra l-għanijiet tal-liġi tal-Komunità applikabbli fil-każ billi joħolqu artifiċjalment il-kundiżżjonijiet meħtieġa biex jinkiseb dak il-vantaġġ għandhom jirriżultaw, skond kif ikun il-każ, jew fiż-żamma milli jinkiseb dak il-vantaġġ jew fl-irtirar tiegħu”.
28 Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-obbligu li jingħata lura vantaġġ indebitament riċevut permezz ta’ prattika irregolari ma jiksirx il-prinċipju ta’ legalità. Fil-fatt, dan l-obbligu ma jikkostitwixxi sanzjoni, iżda huwa sempliċement konsegwenza tal-konstatazzjoni li l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-kisba tal-vantaġġ jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni Komunitarja kienu ġew maħluqa artifiċjalment, b’hekk tagħmel indebitu l-vantaġġ riċevut u għaldaqstant iġġustifikat l-obbligu li jingħata lura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2000, Emsland-Stärke, C-110/99, Ġabra p. I-11569, punt 56).
29 Bl-istess mod, l-importatur li qiegħed lilu nnifsu b’mod irregolari taħt il-proċedura tal-ipproċessar attiv u bbenifika minnha billi ħoloq artifiċjalment il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni tagħha huwa obbligat li jħallas id-dazji fuq il-prodotti kkonċernati, bla ħsara, skont il-każ, għal sanzjonijiet amministrattivi, ċivili jew kriminali previsti fil-liġi nazzjonali.
30 Konsegwentement ir-risposta għat-tielet sal-ħames domandi għandha tkun li l-operazzjoni li tikkonsisti biss f’li tibgħat merkanzija barra mill-fruntiera wara l-ipproċessar tagħha fi prodott li mhux suġġett għad-dazji antidumping, mingħajr verament l-intenzjoni li tesportaha mill-ġdid, u timportha mill-ġdid ftit ta’ żmien wara, ma tistax legalment tiġi mqiegħda taħt il-proċedura tal-ipproċessar attiv. L-importatur li qiegħed lilu nnifsu b’mod irregolari taħt il-proċedura tal-ipproċessar attiv u bbenifika minnha, huwa obbligat li jħallas id-dazji fuq il-prodotti kkonċernati, bla ħsara, skont il-każ, għal sanzjonijiet amministrattivi, ċivili jew kriminali previsti fil-liġi nazzjonali. Hija l-qorti nazzjonali kompetenti li għandha tevalwa jekk l-operazzjoni inkwistjoni għandhiex jew le, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imfakkra iktar ’il fuq, tiġi meqjusa bħala irregolari fir-rigward tad-dritt Komunitarju.
Fuq l-ispejjeż
31 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:
1) L-Artikolu 13 tar-Regolement tal-Kunsill Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, huwa inapplikabbli fin-nuqqas ta’ deċiżjoni tal-Kunsill, meħuda fuq proposta tal-Kummissjoni, sabiex testendi l-applikazzjoni tad-dazji antidumping għall-importazzjonijiet li ġejjin minn pajjiżi terzi ta’ prodotti simili jew ta’ partijiet ta’ dawn il-prodotti.
2) L-operazzjoni li tikkonsisti biss f’li tibgħat merkanzija barra mill-fruntiera wara l-ipproċessar tagħha fi prodott li mhux suġġett għad-dazji antidumping, mingħajr verament l-intenzjoni li tesportaha mill-ġdid, u timportha mill-ġdid ftit ta’ żmien wara, ma tistax legalment tiġi mqiegħda taħt il-proċedura tal-ipproċessar attiv. L-importatur li qiegħed lilu nnifsu b’mod irregolari taħt il-proċedura tal-ipproċessar attiv u bbenifika minnha, huwa obbligat li jħallas id-dazji fuq il-prodotti kkonċernati, bla ħsara, skont il-każ, għal sanzjonijiet amministrattivi, ċivili jew kriminali previsti fil-liġi nazzjonali. Hija l-qorti nazzjonali kompetenti li għandha tevalwa jekk l-operazzjoni inkwistjoni għandhiex jew le, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imfakkra iktar ’il fuq, tiġi meqjusa bħala irregolari fir-rigward tad-dritt Komunitarju.
Firem
* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.
Full & Egal Universal Law Academy