Kawża C-173/08
Kloosterboer Services BV
vs
Inspecteur van de Belastingdienst vs Douane Rotterdam
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Gerechtshof te Amsterdam)
“Tariffa Doganali Komuni — Intestaturi tariffarji — Sistemi ta’ tkessiħ għall‑kompjuters magħmula minn sink tas-sħana u minn fann — Klassifikazzjoni fin‑Nomenklatura Magħquda”
Sommarju tas-sentenza
Tariffa Doganali Komuni — Intestaturi tariffarji — Sistemi ta’ tkessiħ għall-kompjuters magħmula minn sink tas-sħana u minn fann
(Regolament tal-Kunsill Nru 2658/87; Regolament tal-Kummissjoni Nru 1789/2003)
Ir-Regolament Nru 2658/87, dwar in‑nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it‑Tariffa Doganali Komuni, kif emendat bir-Regolament Nru 1789/2003, għandu jiġi interpretat fis‑sens li prodotti magħmula minn sink tas-sħana kif ukoll minn fann u li huma intiżi esklużivament li jiġu integrati f’kompjuter għandhom jiġu kklassifikati taħt is-subintestatura 8473 30 90 tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tal‑imsemmi regolament.
Peress li dawn il-prodotti huma magħmula minn żewġ elementi distinti, jiġifieri sink tas-sħana u fann, mingħajr ma ebda waħda miż-żewġ subintestaturi li magħhom dawn l-elementi jistgħu jkunu marbuta ma hija iktar speċifika mill-oħra, għall-finijiet tal‑klassifikazzjoni ta’ dawn il-prodotti għandu jsir riferiment għar‑regola stabbilita fil-punt 3(b) tar-regoli ġenerali u għandu jiġi stabbilit liema huwa l-element, minn fost dawk li huma magħmula minnhom, li jagħtihom il‑karattru essenzjali tagħhom. F’dan ir-rigward, l-element li jagħtihom il-karattru essenzjali tagħhom huwa s-sink tas-sħana u mhux il-fann. Fil-fatt, peress li l‑funzjoni prinċipali ta’ dawn il-prodotti hija li jaqbdu u jneħħu s-sħana mill‑proċessur, l‑element tagħhom li jippermettilhom jaqdu din il‑funzjoni u li huwa maħsub speċjalment għal dan il-għan huwa s-sink tas-sħana.
(ara l-punti 29-34, 37, 38 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
18 ta’ Ġunju 2009 (*)
“Tariffa Doganali Komuni – Intestaturi tariffarji – Sistemi ta’ tkessiħ għall‑kompjuters magħmula minn sink tas-sħana u minn fann – Klassifikazzjoni fin-Nomenklatura Magħquda”
Fil-Kawża C‑173/08,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 234 KE, imressqa mill-Gerechtshof te Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ April 2008, li waslet fil-Qorti tal‑Ġustizzja fil-25 ta’ April 2008, fil-proċedura
Kloosterboer Services BV,
vs
Inspecteur van de Belastingdienst/Douane Rotterdam,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Borg Barthet u J.‑J. Kasel (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: Y. Bot,
Reġistratur: M.-A. Gaudissart, Kap ta’ Diviżjoni,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-1 ta’ April 2009,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Kloosterboer Services BV, minn M. Boekhoud u M. Janse, advocaten,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. Patakia u A. Sipos, bħala aġenti, assistiti minn F. Tuytschaever, advocaat,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda, minn naħa, il-validità tal‑punt 2 tat-tabella li tinsab fl-Anness tar-Regolament tal‑Kummissjoni (KE) Nru 384/2004, tal-1 ta’ Marzu 2004, dwar il‑klassifikazzjoni ta’ ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 16, p. 60), u, min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni, fil-każ tal‑invalidità ta’ dan ir-regolament, tas-subintestaturi rilevanti għall-finijiet tal‑klassifikazzjoni ta’ sistema ta’ tkessiħ għall-kompjuters fin-Nomenklatura Magħquda (iktar ’il quddiem in-“NM”) li tinsab fl-Anness 1 tar-Regolament tal‑Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat‑tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), kif emendat bir-Regolament tal‑Kummissjoni (KE) Nru 1789/2003, tal-11 ta’ Settembru 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 14, p. 3, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2658/87”).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Kloosterboer Services BV (iktar ’il quddiem “Kloosterboer”), kumpannija stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi li teżerċita attività ta’ aġent doganali, u l-Inspecteur van de Belastingdienst/Douane Rotterdam (iktar ’il quddiem l-“Inspecteur”) dwar il-klassifikazzjoni tariffarja tal‑imsemmija sistema ta’ tkessiħ għall-kompjuters.
Il-kuntest ġuridiku
3 Is-subintestaturi tariffarji tan-NM li jinsabu fir-Regolament Nru 2658/87 u li huma rilevanti fir-rigward tal-kawża prinċipali huma dawn li ġejjin:
“8414 Pompi bl-arja jew bil-vakwu, kompressuri u fannijiet ta’ arja jew gass ieħor; għata għal ventilazzjoni jew għal riċiklaġġ li fihom fann, mgħammar bil‑filtri jew le:
[…]
– Fannijiet:
8414 51 – – Fannijiet għall-mejda, għall-art, għat-tieqa jew għas-saqaf, b’mutur ta’ l-elettriku fihom stess li ma jitfax iktar minn il-125W:
[…]
8414 59 – – Oħrajn:
8414 59 10 − − − Għal użu f’biċċiet ta’ l-ajru ċivili (1)
− − − Oħrajn:
8414 59 30 − − − − Fannijiet b’fus
[…]
8473 Bċejjeċ u aċċessorji (ħlief għata, bagalji biex jinġarru fihom u bħal dawn) tajbin biss u prinċipalment għal użu ma’ magni ta’ l‑intestaturi 8469 sa 8472:
[…]
8473 30 − Bċejjeċ u accessorji tal-magni ta’ l-intestatura 8471:
8473 30 10 − − Immuntar elettroniku
8473 30 90 − − Oħrajn”
4 Il-punt 2 tat-tabella li tinsab fl-Anness tar-Regolament Nru 384/2004 huwa fformulat kif ġej:
Deskrizzjoni tal-merkanzija
Klassifikazzjoni (Kodiċi NM)
Raġunijiet
(1)
(2)
(3)
2.
Apparat li jinkludi:
8414 59 30
Klassifikazzjoni hija ddeterminata mid‑disposizzjonijiet tar-Regolamenti Ġenerali 1, 3(b) u 6 għall-interpretazzjoni tan‑[NM], u mill‑mod ta’ kif inhu użat il-kliem fil‑Kodiċi NM 8414, 8414 59 u 8414 59 30. Il-fann jagħti lill‑prodott il‑karattru essenzali.
Huwa l-komponent ewlieni biex titneħħa s-sħana
żejda.
–
fann assjali [b’fus] b’mutur eletroniku u b’montatura eletronika biex tkun aġġusta l‑qawwa tal-fann.; u
–
sink tas-sħana ta’ l-aluminju.
Il-funzjoni ta’ l-apparat huwa li jneħħi s-sħana żejda mill-unità ċentrali ta’ l-ipproċessar ta’ magna awtomatika tal-ipproċessar tad-data.
5 L-ewwel parti tan-NM tinkludi ġabra ta’ “Dispożizzjonijiet Preliminari”. F’din il-parti, taħt it-Taqsima I, iddedikata għar-regoli ġenerali, huma stabbiliti, fil-punti 1 sa 6 tal-Parti A, ir-“[r]egoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-[NM]” (iktar ’il quddiem ir-“regoli ġenerali”), li jipprovdu kif ġej:
“Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-[NM] għand[h]a tkun irregolata mill‑prinċipji li ġejjin.
“1. It-titoli tat-taqsimiet, kapitoli u subkapitoli huma maħsubin għall‑ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il‑klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skond it-termini ta’ l‑intestaturi u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitolu relattiv u, sakemm dawn l-intestaturi jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin.
[…]
3. Meta permezz ta’ l-applikazzjoni tar-regola 2(b) jew kwalunkwe raġuni oħra, l-oġġetti jkunu klassifikati prima facie taħt intestatura waħda jew iżjed, il-klassifikazzjoni għandha ssir kif ġej:
[…]
b) taħlitiet, oġġetti komposti li jikkonsistu minn materjali differenti jew magħmulin minn komponenti differenti, u oġġetti mtellgħin għal bejgħ bl-imnut, li ma jistgħux ikunu klassifikati b’referenza għal 3(a), għandhom ikunu klassifikati daqs li kieku kienu magħmulin mill-materjal jew mill-komponent li jagħtihom il-karattru essenzjali tagħhom, sakemm dan il-kriterju jkun applikabbli.
[…]
6. Għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fis‑subintestaturi ta’ intestatura għandha tkun deċiża skond it‑termini ta’ dawk is-subintestaturi u kwalunkwe noti ta’ subintestaturi relatati u, mutatis mutandis skond ir-regoli ta’ hawn fuq, skond il-kondizzjoni li subintestaturi fl-istess livell biss huma komparabbli. Għall-għanijiet ta’ din ir-regola [n-noti ta] t-taqsima relattiva u n-noti tal-kapitolu japplikaw ukoll, sakemm il-kuntest ma jitlobx mod ieħor.”
6 It-taqsimiet tan-NM kif ukoll il-kapitoli tagħhom huma preċeduti minn ċertu numru ta’ noti tat-taqsima jew tal-kapitolu. Fit-tieni parti tan-NM, in-nota 2 tat-Taqsima XVI tipprevedi:
“2. Suġġett għan-nota 1 għal din it-taqsima, n-nota 1 għall-Kapitolu 84 u n-nota 1 għall-Kapitolu 85, bċejjeċ ta’ magni (li mhumiex bċejjeċ ta’ l‑oġġetti ta’ l-intestatura 8484, 8544, 8545, 8546 jew 8547) għandhom jiġu kklassifikati skond dawn ir-regoli:
a) Bċejjeċ li huma oġġetti inklużi f’xi waħda mill-intestaturi tal‑Kapitolu 84 jew 85 (ħlief l-intestaturi 8409, 8431, 8448, 8466, 8473, 8485, 8503, 8522, 8529, 8538 u 8548) għandhom fil-każijiet kollha jiġu kklassifikati taħt l-intestaturi rispettivi tagħhom;
b) Bċejjeċ oħrajn, jekk tajbin għal użu biss jew prinċipalment ma’ tip partikulari ta’ magna, jew ma’ numru ta’ magni ta’ l-istess intestatura (inkluża magna ta’ l-intestatura 8479 jew 8543) għandhom jiġu kklassifikati mal-magni ta’ dak it-tip jew fl-intestatura 8409, 8431, 8448, 8466, 8473, 8503, 8522, 8529 jew 8538 kif xieraq. Madankollu, bċejjeċ li huma ugwalment tajbin għal użu prinċipalment ma’ l-oġġetti ta’ l-intestaturi 8517 u 8525 sa 8528 għandhom jiġu kklassifikati fl-intestatura 8517;
(ċ) Il-bċejjeċ l-oħrajn kollha għandhom jiġu kklassifikati fl‑intestatura 8409, 8431, 8448, 8466, 8473, 8503, 8522, 8529 jew 8538 kif xieraq jew, jekk le, fl-intestatura 8485 jew 8548.”
7 In-NM hija bbażata fuq is‑Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti (iktar ’il quddiem is-“SA”), ippreparata mill-Kunsill tal-Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana, u adottata bil-Konvenzjoni Internazzjonali konkluża fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983 u approvata f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea bid-Deċiżjoni tal‑Kunsill 87/369/KEE, tas-7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2,, p. 288). Il‑Kapitolu 84 tan-Noti ta’ Spjega tan-NM jirreferi, fir-rigward tal-fannijiet, għall-apparat deskritt fin-Noti ta’ Spjega tas-SA, li jipprovdu kif ġej:
“B. – Fannijiet
Dan l-apparat, li jista’ jkollu jew ma jkollux mutur integrat fih, huwa intiż sabiex jipproduċi volum kbir ta’ arja jew ta’ gass ieħor taħt pressjoni relattivament baxxa jew sabiex sempliċement joħoloq moviment tal-arja fil-post.
Il-fannijiet tal-ewwel tip għandhom uċuħ li jduru (skrejjen, roti bi ġwienaħ żgħar, eċċ.) li jaħdmu f’kejsing jew f’kondjuwit li jkun imdawwar magħhom u jaħdmu bħal ċerti kumpressuri ċirkolari jew ċenrtrifugi, iżda huma jistgħu jaħdmu tajjeb kemm billi jonfħu l-arja (il-magni industrijali li jonfħu użati għall-magni fejn isiru testijiet aerodinamiċi, pereżempju), u kemm billi jiġbdu l-arja.
L-apparat tat-tieni tip huwa mibni b’mod iktar sempliċi u jikkonsisti biss fi skrun imdawwar fl-arja ħielsa minn mutur.
Il-fannijiet jintużaw b’mod partikolari sabiex ikun hemm l‑arja fil-mini, għall-ventilazzjoni ta’ postijiet, vapuri, silos, eċċ., għall-ġbid ta’ trab, fwar, duħħan, gassijiet sħan eċċ., għat‑tnixxif ta’ diversi materjali (ġilda, karti, tessut, żebgħa, eċċ.), sabiex tiżdied jew tiġi rregolarizzata ċ-ċirkolazzjoni tal-arja fid-djar, permezz ta’ infiħ jew ġbid (ċirkolazzjoni forzata tal-arja).
Jaqgħu wkoll taħt dan il-grupp, il-fannijiet għal appartamenti (fannijiet għall-mejda, fannijiet li jitwaħħlu mal-ħajt, fannijiet maħsuba sabiex jiddaħħlu f’ħitan jew twieqi, eċċ.); dan l-apparat xi drabi jkollu mekkaniżmi li bihom jista’ jixxengel jew jitmejjel.
Huma esklużi minn din il-pożizzjoni l-fannijiet li għandhom elementi addizzjonali minbarra l-mutur jew il-kejsing tagħhom (apparat bi struttura zig-zag, filtri, elementi li jsaħħnu jew li jkessħu, apparat li jibdel it-temperatura, eċċ.), jekk dawn l-elementi jagħtuhom il-karattru ta’ magni iktar kumplessi li jaqgħu taħt intestaturi oħra, b’mod partikolari ta’ heaters tal-arja li ma jaħdmux bl-elettriku (Nru 73.22), ta’ magni u apparat tal-arja kundizzjonata (Nru 84.15), ta’ apparat li jiġbed it-trab (Nru 84.21), ta’ apparat li jkessaħ għat‑trattament industrijali ta’ materjali (Nru 84.19) jew li jiffriska l-bini (Nru 84.79), ta’ apparat elettriku sabiex isaħħan l-bini li jkollu fann (Nru 85.16), eċċ.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
8 Fis-6 ta’ Jannar 2004, Kloosterboer ippreżentat lill-awtoritajiet tad‑dwana ta’ Rotterdam dikjarazzjoni sabiex jiġu rilaxxati, b’mod partikolari, “fannijiet għall-kompjuters”. Biċ-Ċina bħala l-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, dawn ġew iddikjarati taħt is-subintestatura 8414 51 90 tan-NM u kienu suġġetti għal dazju tad-dwana li kien jammonta għal 3.2 % tal-valur iddikjarat.
9 Fis-7 ta’ Jannar 2004, l-Inspecteur ikklassifika dawn l-imsemmija prodotti taħt is‑subintestatura 8414 51 90 tan-NM u ħareġ avviż għall-irkupru tad-dazji tad-dwana korrispondenti.
10 Fil-21 ta’ Lulju 2004, Kloosterboer ippreżentat talba għall-ħlas lura tal-imsemmija dazji tad-dwana fejn sostniet li l-prodotti inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, li l-produttur kien ikkwalifika bħala “bċejjeċ ta’ kompjuters għal proċessuri”, kellhom, skont il-ġurisprudenza tal‑qrati nazzjonali, jiġu klassifikati taħt is-subintestatura 8473 30 90 tan-NM, li taħtha ma kien dovut ebda dazju tad-dwana.
11 Permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Settembru 2004, l-Inspecteur ċaħad din it-talba peress li kkunsidra li, wara verifika, “kien jidher li l‑Kummissjoni [tal-Komunitajiet Ewropej], fl-1 ta’ Marzu 2004, adottat ir-Regolament Nru 384/2004. Dan ir-regolament jipprevedi li l-fannijiet għandhom jiġu kklassifikati taħt is-subintestatura 8414 59 30. Il-fann jagħti lill-prodott il-karrattru essenzjali tiegħu. Il-fann huwa l-komponent ewlieni li jippermetti t-tneħħija tas-sħana żejda. L-imsemmi regolament huwa obbligatorju kollu kemm hu”.
12 Peress li l-oġġezzjoni li saret kontra din l-imsemmija deċiżjoni tal‑Inspecteur ġiet miċħuda wkoll, Kloosterboer ressqet il-kwistjoni quddiem il-qorti tar-rinviju u talbet l-annullament ta’ din id-deċiżjoni.
13 Il-Gerechtshof te Amsterdam tiddeskrivi l-prodotti li huma s-suġġett tal‑kawża li għandha quddiemha bħala apparat magħmul minn sink tas-sħana, magħruf b’mod komuni bħala “heat sink”, u minn fann, b’dawn iż-żewġ elementi mwaħħla ma’ xulxin b’mod permanenti u għalhekk jagħmlu oġġett sħiħ. Is-sink tas-sħana jinkludi sieq tal-metall li għandha elementi sabiex jitwaħħal. Fuq din is-sieq huma mwaħħla folji tal-aluminju li, min-naħa tagħhom, huma mdaħħla f’biċċa magħmula minn materjal sintetiku li fuqha huwa mwaħħal il-fann (li jdur fuq fus). Dan il‑fann jaħdem bl-għajnuna ta’ mutur tal-elettriku b’kurrent kontinwu b’vultaġġ ta’ 12-il volt. Dawn l-elementi huma mmuntati fuq il‑motherboard, fin-naħa tal-bażi tal-proċessur, bl-għajnuna ta’ sistema ta’ clips. Sabiex jiġi evitat li jifforma saff ta’ arja li jservi ta’ iżolament (insulating layer) bejn il-wiċċ ta’ fuq tal-proċessur u l-wiċċ ta’ taħt tas-sink tas-sħana, dan tal-aħħar huwa mgħotti b’kisja ta’ materjal li jġorr is-sħana. Is-sħana kkawżata mill-proċessur hija assorbita mill-folji rqaq tas-sink tas-sħana. It-tħaddim tal‑fann, li joħloq kurrent ta’ arja, jippermetti għalhekk li s-sħana li jkun hemm f’dawn il-folji titneħħa. Il‑prodotti inkwistjoni huma esklużivament intiżi li jintużaw f’kompjuter u għandhom l-għan li jkessħu l-proċessur.
14 Quddiem il-qorti tar-rinviju, Kloosterboer essenzjalment issostni li, sa fejn kompjuter ma jistax jaħdem mingħajr sink tas-sħana, il-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom jiġu kkunsidrati bħala biċċiet minn kompjuter. Il-fatt li, f’din il-kawża, fann huwa mwaħħal ma’ dan is-sink tas-sħana ma huwiex ta’ natura tali li jibdel din il-konklużjoni peress li l-uniku għan tal‑fann huwa li jżid il-kapaċitajiet ta’ tkessiħ tal-parti operattiva mingħajr ma jkun meħtieġ li jitkabbar il-wiċċ tal-folji ta’ dan is-sink tas-sħana. Dan tal-aħħar jikkostitwixxi l-element prinċipali tal-imsemmija prodotti u jagħtihom il-karattru essenzjali tagħhom. Għalhekk, il-fannijiet għal kompjuters għandhom jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 8473 tan-NM u mhux taħt l-intestatura 8414 tal-istess. Minn dan isegwi li r-Regolament Nru 384/2004 huwa inkompatibbli mal-applikazzjoni tar-regoli ġenerali għall-interpetazzjoni tan-NM.
15 L-Inspecteur isostni li, fid-dawl tal-karatteristiċi u tal-proprjetajiet oġġettivi tagħhom, il-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom jiġu kkunsidrati bħala fannijiet. Fil-fatt, huwa l-fann li jagħtihom il‑karattru essenzjali tagħhom, peress li hija din il-parti tal-apparat li għandha l-iktar rwol importanti fit-tneħħija ta’ sħana żejda. Minkejja li ma hemm ebda dubju li huma intiżi li jkunu biċċiet minn kompjuter, il-fannijiet għandhom, skont il-punti 1, 3(b) u 6 tar-regoli ġenerali, jiġu klassifikati taħt l-intestatura 8414 tan-NM. Din l-intepretazzjoni barra minn hekk hija kkonfermata mir-Regolament Nru 384/2004.
16 Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-imsemmija prodotti jissodisfaw funzjoni iktar estiża minn dik tal-fannijiet imsemmija fl-intestatura 8414, hekk li ma jistgħux jiġu ekwiparati għall-fannijiet imsemmija fin-noti ta’ spjega dwar din l-intestatura u li għalhekk din l-intestatura ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni. Il-karatteristika essenzjali ta’ dawn il-prodotti hija li jistgħu jaqbdu u jneħħu s-sħana, ħaġa din li fann, fih innifsu, ma huwiex maħsub li jagħmel. Minn dan jirriżulta li, fit-tieni parti tan-NM, in-nota 2(a) tat‑Taqsima XVI hija irrilevanti f’din il-kawża.
17 Fid-dawl tan-nota 2(b) tal-istess taqsima, kif ukoll tal-punti 1 u 6 tar-regoli ġenerali, u fid-dawl tal-fatt li ma huwiex ikkontestat li l-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma mmanifatturati speċifikament għal kompjuters, jiġifieri l-“Magni awtomatiċi għall-ipproċessar tad-data u unitajiet tagħhom” skont id‑definizzjoni li tinsab fl-intestatura 8471 tan-NM, u fid-dawl tal-fatt li t-tkessiħ tal-proċessur huwa essenzjali għat-tħaddim tajjeb tiegħu, dawn il-prodotti għandhom, skont il-qorti tar-rinviju, jiġu kklassifikati taħt is-subintestatura 8473 30 90 tan-NM.
18 Sa fejn il-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkorrispondu eżattament għall-apparat deskritt fir-Regolament Nru 384/2004, il-qorti tar-rinviju għandha dubji serji dwar, minn naħa, jekk il-klassifikazzjoni prevista minn dan ir-regolament hijiex effettivament konformi mal‑formulazzjoni tan-NM u, min-naħa l-oħra, dwar il-validità ta’ dan ir‑regolament.
19 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Gerechtshof te Amsterdam iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) Ir-Regolament [Nru 384/2004] huwa validu sa fejn, skont dan ir-regolament, is-subintestatura 8414 59 30 tan-[NM] tkopri l‑prodotti [magħmula minn sink tas-sħana u fann]?
2) Jekk ir-Regolament [Nru 384/2004] huwa invalidu, it-Tariffa Doganali Komuni tista’ tiġi interpretata fis-sens li dawn il-prodotti għandhom jiġu kklassifikati bħala ‛Bċejjeċ u aċċessorji tal-magni ta’ l-intestatura 8471’ kif imsemmija fis-subintestatura 8473 30 90 tan-[NM]?”
Fuq id-domandi preliminari
20 Għandu jiġi rrilevat mill-ewwel li l-preżentata tat-talba għar-rilaxx tal‑prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll id-deċiżjoni tal‑Inspecteur dwar din it-talba saru qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tar‑Regolament Nru 384/2004, jiġifieri t-22 ta’ Marzu 2004. Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Kloosterboer ressqet it-talba tagħha fis-6 ta’ Jannar 2004 u li l-Inspecteur adotta d-deċiżjoni tiegħu dwar il‑klassifikazzjoni tal-imsemmija prodotti l-għada.
21 F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi mfakkar li regolament li jippreċiża l‑kundizzjonijiet għall-klassifikazzjoni f’intestatura jew f’subintestatura tariffarja għandu natura leġiżlattiva u ma jistax ikollu effetti retroattivi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 2001, CBA Computer, C-479/99, Ġabra p. I-4391, punt 31, u tas-27 ta’ Novembru 2008, Metherma, C‑403/07, Ġabra p. I‑8921, punt 39). Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkollha tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt Komunitarju li l-qorti tar-rinviju ma tkunx irreferiet għalihom fid-domanda preliminari tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-26 ta’ Ġunju 2008, Wiedemann u Funk, C‑329/06 u C‑343/06, Ġabra p. I‑4635, punt 45, kif ukoll Metherma, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39).
22 F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-domandi preliminari ma għandhomx jiġu eżaminati fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 384/2004, kif tagħti x’tifhem il-formulazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, iżda fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tar‑Regolament Nru 2658/87.
23 Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, id-domandi magħmula għandhom jinftehmu fis-sens li essenzjalment qegħdin jistaqsu jekk ir-Regolament Nru 2658/87 għandux jiġi interpretat fis-sens li prodotti, bħal dawk inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, magħmula minn sink tas-sħana kif ukoll minn fann u li huma esklużivament intiżi li jiġu integrati f’kompjuter għandhom jiġu kklassifikati taħt is-subintestatura 8473 30 90 jew taħt is-subintestatura 8414 59 30 tan-NM.
24 Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi mfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-verifika, il‑kriterju deċiżiv għall‑klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandu jinsab, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u fil-proprjetajiet oġġettivi tagħha, kif iddefiniti mill‑formulazzjoni tal-intestatura tan-NM u min-noti tat-taqsima jew tal‑kapitolu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Frar 2007, RUMA, C-183/06, Ġabra p. I‑1559, punt 27, kif ukoll tas-27 ta’ Settembru 2007, Medion u Canon Deutschland, C‑208/06 u C‑209/06, Ġabra p. I‑7963, punt 34).
25 In-noti ta’ spjega mħejjija, għal dak li jikkonċerna n-NM, mill‑Kummissjoni u, għal dak li jikkonċerna s-SA, mill-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana, jgħinu ħafna fl‑interpretazzjoni tal-portata tad-diversi intestaturi tariffarji mingħajr, madanakollu, ma huma legalment vinkolanti (sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2006, Turbon International, C-250/05, Ġabra p. I-10531, punt 16).
26 Għall-finijiet tal-klassifikazzjoni taħt l-intestatura adegwata, id-destinazzjoni tal‑prodott tista’ tikkostitwixxi kriterju oġġettiv għall‑klassifikazzjoni sa fejn din tkun inerenti għall-imsemmi prodott, liema inerenza għandha tkun tali li tkun tista’ tiġi evalwata abbażi tal-karatteristiċi u tal-proprjetajiet oġġettivi tal-prodott (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq RUMA, punt 36, kif ukoll Medion u Canon Deutschland, punt 37).
27 Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja jirriżulta li t-terminu “biċċa”, fis-sens tal-intestatura 8473 tan-NM, jimplika l‑preżenza ta’ ħaġa kompleta li din il-biċċa tkun indispensabbli għat-tħaddim tagħha (sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2000, Peacock, C-339/98, Ġabra p. I-8947, punt 21), u Turbon International, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17).
28 F’din il-kawża, kemm mid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mill‑ispjegazzjonijiet mogħtija minn Kloosterboer u mill-Kummissjoni waqt is-seduta jirriżulta li l‑prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma indispensabbli għat-tħaddim tal-kompjuters li għalihom huma esklużivament intiżi. Għalhekk, huma jistgħu jiġu kkwalifikati bħala “bċejjeċ” u, minħabba f’hekk, jiġu kklassifikati taħt is‑subintestatura 8473 30 90 tan-NM.
29 Il-fatt li l-imsemmija prodotti huma magħmula minn żewġ elementi distinti, jiġifieri sink tas-sħana u fann, li, ikkunsidrati separatament, jistgħu, it-tnejn li huma, ikunu marbuta ma’ subintestatura differenti tan-NM, jiġifieri s‑subintestaturi 8473 30 90 u 8414 59 30, ma huwiex tali li jikkontesta din il‑klassifikazzjoni.
30 Fil-fatt, peress li l-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa magħmula minn materjali differenti u peress li ebda waħda miż-żewġ subintestaturi msemmija fil‑punt preċedenti ma hija iktar speċifika mill-oħra, għall-finijiet tal‑klassifikazzjoni ta’ dawn il-prodotti għandu jsir riferiment għar-regola stabbilita fil-punt 3(b) tar-regoli ġenerali (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza Turbon International, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20).
31 Skont din ir-regola, sabiex issir il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ prodott, jeħtieġ li jiġi stabbilit liema huwa l-materjal, minn fost dawk li huwa magħmul minnhom, li jagħtih il-karattru essenzjali tiegħu, u dan jista’ jsir billi jiġi eżaminat jekk il‑prodott, meta jiġi mċaħħad minn xi wieħed mill‑komponenti tiegħu, iżommx jew le il‑proprjetajiet li jikkaratterizzawh (sentenza Turbon International, iċċitata iktar ’il fuq, punt 21).
32 Bl-istess mod, kif jindika l-punt VIII tan-Nota ta’ Spjega tas‑SA dwar ir-regola ġenerali 3(b), il-fattur li jiddetermina l-karattru essenzjali jista’, skont it-tip ta’ prodott, jirriżulta, pereżempju, min-natura tal-materjal kostitwenti jew tal‑komponenti tal-prodott, mill-volum tagħhom, mill-kwalità tagħhom, mill‑piż tagħhom, mill-valur tagħhom jew mill-importanza ta’ wieħed mill-materjali kostitwenti fid-dawl tal-użu ta’ dawn il-prodotti.
33 F’din il-kawża għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li ssostni l‑Kummissjoni, dak li jagħti lill-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali l-karattru essenzjali tagħhom ma huwiex il-fann iżda s-sink tas-sħana.
34 Fil-fatt, min-naħa, kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, l-imsemmija prodotti għandhom prinċipalment il-funzjoni li jaqbdu u jneħħu s-sħana mill‑proċessur. Issa, l‑element tagħhom li jippermettilhom jaqdu din il‑funzjoni u li huwa maħsub speċjalment għal dan il-għan huwa s-sink tas-sħana. Barra minn hekk huwa paċifiku li, qabel ma ġew żviluppati prodotti bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, it-tkessiħ tal‑proċessuri tal-kompjuter kien isir biss permezz tas-sinks tas-sħana. Iż-żieda tal‑fannijiet f’dawn is-sinks tas-sħana ma biddlietx fondamentalment il‑proprjetajiet tal-imsemmija sinks tas-sħana, iżda sempliċement tejbet l‑effettività tagħhom billi kabbret il-kapaċità ta’ tkessiħ tagħhom.
35 Min-naħa l-oħra, huwa paċifiku wkoll li, b’mod differenti mis-sinks tas-sħana, il‑fannijiet li għandhom il-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma humiex maħsuba li jaħdmu l-ħin kollu iżda jibdew iduru biss meta t-tkessiħ li jsir mis-sink tas-sħana ma jibqax biżżejjed sabiex it-temperatura tal-proċessur ma taqbiżx ċertu livell.
36 F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tal-formulazzjoni tan-Nota ta’ Spjega tas-SA dwar l-intestatura 8414, u b’mod partikolari tal-aħħar paragrafu tal-parti B dwar il-fannijiet, għandu jiġi konkluż li prodotti bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistgħux jiġu kklassifikati taħt din l-intestatura.
37 Peress li, kif jirriżulta diġà mill-punt 28 ta’ din is-sentenza, il-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma intiżi esklużivament għal kompjuters li jaqgħu taħt l‑intestatura 8471 tan-NM, huma għandhom, b’applikazzjoni tan-nota 2(b) tat‑Taqsima XVI tal‑ewwel parti tan-NM, jiġu kklassifikati taħt is-subintestatura 8473 30 90.
38 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula hija li r-Regolament Nru 2658/87 għandu jiġi interpretat fis-sens li prodotti, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, magħmula minn sink tas-sħana kif ukoll minn fann u li huma intiżi esklużivament li jiġu integrati f’kompjuter għandhom jiġu kklassifikati taħt is-subintestatura 8473 30 90 tan‑NM.
Fuq l-ispejjeż
39 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal‑imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it‑Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1789/2003, tal-11 ta’ Settembru 2003, għandu jiġi interpretat fis-sens li prodotti, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, magħmula minn sink tas-sħana kif ukoll minn fann u li huma intiżi esklużivament li jiġu integrati f’kompjuter għandhom jiġu kklassifikati taħt is-subintestatura 8473 30 90 tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tal‑imsemmi regolament.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.
Full & Egal Universal Law Academy