Kawża C-219/08
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
vs
Ir-Renju tal-Belġju
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Ostakolu mhux ġustifikat — Kollokament ta’ ħaddiema li huma ċittadini ta’ Stati terzi”
Sommarju tas-sentenza
Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Restrizzjonijiet — Kollokament ta’ ħaddiema ċittadini ta’ Stati terzi minn impriża fi Stat Membru ieħor
(Artikolu 49 KE)
L-eżiġenza, għal Stat Membru, min-naħa ta’ fornitur ta’ servizzi, ta’ sempliċi dikjarazzjoni minn qabel li tiċċertifika li s-sitwazzjoni tal-ħaddiema ċittadini ta’ Stati terzi kollokati f’dan l-Istat Membru hija legali, partikolarment fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ residenza, permess ta’ xogħol u ta’ sigurtà soċjali, fl-Istat Membru fejn dan il-fornitur jimpjegahom tikkostitwixxi miżura li, fil-prinċipju, ma teċċedix dak li hu neċesssarju sabiex biex jiġu evitati l-abbużi li tista’ tagħti lok għalihom l-implementazzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.
(ara l-punti 16, 18)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
1 ta’ Ottubru 2009 (*)
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Ostakolu mhux ġustifikat – Kollokament ta’ ħaddiema li huma ċittadini ta’ Stati terzi”
Fil-Kawża C‑219/08
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, ippreżentat fit-22 ta’ Mejju 2008,
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn E. Traversa, J.-P. Keppenne u G. Rozet, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti
vs
Ir-Renju tal-Belġju, irrappreżentat minn C. Pochet, bħala aġent, assistita minn M. Detry, avocat,
konvenut
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn C. W. A. Timmermans, President tal-Awla (Relatur), J.–C. Bonichot, P. Kūris, L. Bay Larsen u C. Toader, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Mazák,
Reġistratur: M.‑A. Gaudissart, kap ta’diviżjoni,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Mejju 2009,
wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi talab, fil-każ ta’ kollokament ta’ ħaddiema li huma ċittadini ta’ Stati terzi minn impriżi Komunitarji, fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi:
– awtorizzazzjoni qabel l-eżerċizzju tal-attività ekonomika;
– li l-permess ta’ residenza maħruġ fl-Istat ta’ stabbiliment tal-prinċipal ikun validu sa tliet xhur wara t-terminu tas-servizz pprovdut, u
– li ħaddiem irid ikun jaħdem mal-istess prinċipal li jipprovdi s-servizzi minn tal-anqas minn sitt xhur,
ir-Renju tal-Belġju naqas mill-obbligi imposti fuqu taħt l-Artikolu 49 KE.
Il-kuntest ġuridiku nazzjonali
2 Skont il-liġi tat-30 ta’ April 1999 dwar l-impieg tal-ħaddiema barranin (Moniteur belge tal-21 ta’ Mejju 1999, p. 17800), kif emendata bid-Digriet Irjali tal-20 ta’ Lulju 2000 (Moniteur belge tat-30 ta’ Awwissu 2000, p. 29642), il-ħaddiem barrani u dak li jimpjegah għandhom, minn qabel, jiksbu permess ta’ xogħol u awtorizzazzjoni ta’ impieg rispettivament. L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tal-imsemmija liġi jipprevedi madankollu:
“Ir-Re jista’, permezz ta’ digriet diskuss fil-Kunsill tal-Ministri, jeżenta l-kategoriji ta’ ħaddiema barranin li huwa jiddetermina mill-obbligu li jiksbu permess ta’ xogħol”
3 Skont l-Artikolu 2 tad-Digriet Irjali tad-9 ta’ Ġunju 1999 li jimplementa l-liġi tat-30 ta’ April 1999 dwar l-impieg tal-ħaddiema barranin (Moniteur belge tas-26 ta’ Ġunju 1999, p. 24162), hekk kif emendat bid-Digriet Irjali tas-6 ta’ Frar 2003 (Moniteur belge tas-27 ta’ Frar 2003, p. 9583):
“Huma eżenti mill-obbligu li jiksbu permess ta’ xogħol:
[…]
14° il-ħaddiema, li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru taż-Żona Ekonomika Ewropea, li huma impjegati minn impriża stabbilita fi Stat Membru taż-Żona Ekonomika Ewropea li titħol fil-Belġu sabiex tipprovdi servizzi, bil-kundizzjoni:
a) li l-ħaddiema jkollhom fl-Istat Membru taż-Żona Ekonomika Ewropea tar-residenza tagħhom, dritt jew awtorizzazzjoni ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur;
b) li dawn il-ħaddiema jkunu legalment awtorizzati sabiex jaħdmu fl-Istat Membru tar-residenza tagħhom u li din l-awtorizzazzjoni tkun tal-anqas valida għat-tul taż-żmien tal-provvista li għandha ssir fil-Belġju;
c) li dawn il-ħaddiema jkollhom kuntratt ta’ xogħol legali;
d) li dawn il-ħaddiema jkunu jaħdmu mal-impriża minn tal-anqas sitt xhur mingħajr waqfien;
e) li dawn il-ħaddiema għandhom, sabiex jiggarantixxu r-ritorn tagħhom fil-pajjiż tal-oriġini jew ta’ residenza tagħhom, passaport u permess ta’ residenza validu sa tliet xhur wara t-terminu tas-servizz.”
Il-proċedura prekontenzjuża
4 Billi qieset li, fil-qasam tal-kollokament ta’ ħaddiema li huma ċittadini ta’ Stati terzi, impjegati minn impriża stabbilita fi Stat Membru li mhuwiex ir-Renju tal-Belġju, dan l-Istat Membru kiser l-Artikolu 59 tat-Trattat KE (li, wara emenda, sar l-Artikolu 49 KE), il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lill-imsemmi Stat Membru li għaliha huwa wieġeb permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Mejju 1997.
5 Permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Settembru 1998, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata li għaliha r-Renju tal-Belġju wieġeb b’ittra tat-30 ta’ Novembru 1998.
6 Wara skambju ġdid ta’ korrispondenza, il-Kummissjoni ħarġet, permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Lulju 2005, ittra motivata addizzjonali, li għaliha r-Renju tal-Belġju rrisponda permess ta’ ittra tas-7 ta’ Ottubru 2005.
7 Billi ma kinitx sodisfatta bir-risposta tar-Renju tal-Belġju, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
8 B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Ottubru 2008, ir-Repubblika tal-Polonja tħalliet tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Madankollu, wara li informa lill-Qorti tal-Ġustizzja li huwa kien se jneħħi l-intervent tiegħu f’din il-kawża, dan l-Istat Membru tneħħa mir-Reġistru bħala intervenjenti fil-kawża permezz ta’ digriet mill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Jannar 2009.
9 Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru fl-24 ta’ Marzu 2009, il-Kummissjoni informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li, fid-dawl tal-adozzjoni u tal-komunikazzjoni, permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Ġunju 2008, mir-Renju tal-Belġju tad-Digriet Irjali tat-23 ta’ April 2008 li jemenda l-Artikolu 2, paragrafu 1, 14° tad-Digriet Irjali tad-9 ta’ Ġunju 1999 dwar l-impieg tal-ħaddiema barranin (Moniteur belge tal-20 ta’ Mejju 2008, p. 26202), hija ser tirrinunzja r-rikors tagħha għal dak li jikkonċerna t-tieni u t-tielet ilmenti li hija qajmet.
Fuq ir-rikors
10 Fil-kuntest tal-ewwel ilment tagħha rigward il-ħtieġa li tinkiseb awtorizzazzjoni qabel l-eżerċizzju tal-attività ekonomika, li sar, wara l-irtirar parzjali tal-Kummissjoni, l-uniku lment tar-rikors, il-Kummissjoni tikkritika lir-Renju tal-Belġju talli rristrinġa indebitament il-kollokament, minn impriżi Komunitarji li joperaw fil-kuntest tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, ta’ ħaddiema li huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi, meta huma jkunu kollokati minn Stat Membru li ma japplikax l-acquis ta’ Schengen fit-totalità tiegħu jew meta huma kollokati, għal perijodu ta’ iktar minn tliet xhur, minn Stat Membru li japplika l-acquis ta’ Schengen fit-totalità tiegħu. F’tali każijiet, ir-Renju tal-Belġju jimponi fuq il-ħaddiem li jixtieq ikun kollokat f’dan l-Istat Membru li jikseb minn qabel viża jew permess ta’ residenza temporanju, permezz ta’ proċedura twila li hija intiża li tivverifika jekk il-kollokament tal-ħaddiem jissodisfax sew il-kriterji kollha tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tad-9 ta’ Awwissu 1994, Vander Elst (C‑43/93, Ġabra p. I-3803).
11 Il-Kummissjoni tqis li r-restrizzjoni għall-libertà li jiġu pprovduti servizzi li tiġi, b’mod partikolari, mill-fatt li l-awtoritajiet Belġjani talbu lill-ħaddiema interessati li jipproduċu dokumenti li jipprovaw, minn naħa, li huma ser imorru l-Belġju fil-kuntest ta’ kollokament, u li huma, għaldaqstant, huma eżenti milli jkollhom permess ta’ xogħol, kif ukoll, min-naħa l-oħra, li huma għandhom mezzi ta’ għixien suffiċjenti, ta’ akkomadazzjoni fil-Belġju u assigurazzjoni tal-ivvjaġġar, u dan kollu sabiex tinkiseb viża.
12 Ir-Renju tal-Belġju ma jikkontestax li huwa jeżiġi l-produzzjoni tal-provi msemmija mill-Kummissjoni, provi li jistgħu, mandankollu, jiġu ppreżentati permess ta’ kull mezz legali, b’mod partikolari permess tal-produzzjoni ta’ ċertifikat ta’ kollokament maħruġ mill-awtorità tas-sigurtà soċjali tal-Istat ta’ orġini (Formola E 101). Ir-Renju tal-Belġju jsostni li dawn il-provi għandhom bħala għan uniku li juru li l-ħaddiem kollokat jissodisfa l-kriterji definiti mill-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom (ĠU 2000, L 239, p. 19), flimkien mal-emendi dettaljati susssegwenti mill-Istruzzjonijiet konsulari komuni dwar viżi għall-missjonijiet diplomatiċi u postijiet konsulari (ĠU 2005, C 326, p.1).
13 F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li hija ġurisprudenza kostanti li l-Artikolu 49 KE jeżiġi mhux biss it-tneħħija ta’ kull diskriminazzjoni fil-konfront ta’ dak li jipprovdi servizzi u li huwa stabbilit fi Stat Membru ieħor minħabba n-nazzjonalità tiegħu, iżda wkoll l-abolizzjoni ta’ kull restrizzjoni, anki jekk din tapplika bla distinzjoni għall-fornituri nazzjonali u għal dawk ta’ Stati Membri oħrajn, meta hija ta’ natura li tipprojbixxi, li tfixkel, jew li tirrendi inqas attraenti l-attivitajiet tal-fornitur stabbilit fi Stat membru ieħor, fejn hu legalment jagħti servizzi simili (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta’ Jannar 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-164/99, Ġabra p. I-787, punt 16).
14 Madankollu, leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrigwarda qasam li mhuwiex is-suġġett ta’ armonizzazzjoni fuq livell Komunitarju u li tapplika bla distinzjoni għal kull persuna jew impriża li teżerċita attività fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat tista’, minkejja l-effett restrittiv tagħha għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, tkun ġustifikata meta tissodisfa ħtieġa imperattiva ta’ interess pubbliku u meta dan l-interess mhuwiex diġà mħares bir-regoli li għalihom il-fornitur huwa suġġett fl-Istat Membru fejn hu stabbilit, u sa fejn din tkun adattata sabiex tiggarantixxi l-ksib tal-għan li trid tikseb u ma tmurx lil hinn minn dak meħtieġ sabiex dan jinkiseb (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċtata iktar ’il fuq, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).
15 B’mod iktar partikolari, diġà ġie deċiż li Stat Membru jista’ jivverifika li impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor, li tikkolloka fit-territorju tiegħu ħaddiema li huma ċittadini ta’ Stat terz, mhux qed tuża l-libertà li tipprovdi servizzi għal għan li mhuwiex dak tat-twettiq tas-servizz ikkonċernat (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċtata iktar ’il fuq, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).
16 F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis l-eżiġenza min-naħa tal-fornitur ta’ sempliċi dikjarazzjoni minn qabel li tiċċertifika li s-sitwazzjoni tal-ħaddiema kkonċernati hija legali, partikolarment fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ residenza, permess ta’ xogħol u ta’ sigurtà soċjali, fl-Istat Membru fejn din l-impriża timpjegah, bħala miżura li, fil-prinċipju, ma teċċedix dak li hu neċesssarju sabiex biex jiġu evitati l-abbużi li tista’ tagħti lok għalihom l-implementazzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C-445/03, Ġabra p. I‑10191, punt 46, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċtata iktar ’il fuq, punt 41 u 42).
17 Waqt is-seduta, il-Kummissjoni speċifikat li hija m’għandhiex l-intenzjoni li tikkontesta din il-ġurisprudenza. Hija mandankollu ssostni li l-fatt li l-awtoritajiet Belġjani jitolbu l-ħaddiema kkonċernati l-Formola E 101 jikkostitwixxi proċedura iktar dettaljata mill-produzzjoni ta’ dikjarazzjoni minn qabel mill-fornitur ta’ servizzi.
18 Skont ir-Renju tal-Belġju, il-produzzjoni tal-Formola E 101 tikkostitwixxi preċiżament proċedura inqas twila għall-ħaddiem ikkonċernat milli l-produzzjoni ta’ dikjarazzjoni minn qabel mill-fornitur ta’ servizzi. Mandankollu, l-imsemmi Stat Membru ammetta espressament,waqt is-seduta, li peress li l-provi meħtieġa mill-awtoritajiet Belġjani u deskritti fil-punt 11 ta’ din is-sentenza jistgħu jiġi ppreżentati permess ta’ kull mezz legali, huma jistgħu wkoll jiġu ppreżentati permezz tal-produzzjoni ta’ dikjarazzjoni minn qabel mill-fornitur ta’ servizzi fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 16 ta’ din is-sentenza.
19 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma wrietx li r-Renju tal-Belġju jeħtieġ awtorizzazzjoni qabel l-eżerċizzju tal-attività ekonomika, fil-każ ta’ kollokament ta’ ħaddiema li huma ċittadina ta’ Stat terz minn impriżi Komunitarji, fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi.
20 Fil-kuntest tal-ilment tagħha, il-Kummissjoni tikkritika wkoll lir-Renju tal-Belġju minħabba n-nuqqas ta’ diliġenza tiegħu fl-għoti tal-viża mitluba, peress li l-viża hija maħruġa biss wara 48-il siegħa mill-mument li fih l-interessat jipproduċi d-dokumenti neċessarji. Hija tikkritikah ukoll minħabba n-nuqqas ta’ trasparenza tiegħu. B’mod partikolari, minħabba n-nuqqas tal-adozzjoni ta’ ċirkulari amministrattiva, għalkemm preċedentement annunzjat mill-awtoritajiet Belġjani, l-operaturi ekonomiċi ma jistgħux ikunu jafu minn qabel il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti sabiex jipprovdu servizzi fil-Belġju.
21 Issa, f’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi osservat li tali kritiċi, anki kieku dawn kienu validi, ma jippermettux li jiġi pprovat li r-Renju tal-Belġju eżiġa awtorizzazzjoni qabel l-eżerċizzju tal-attività ekonomika.
22 Minn dan isegwi li r-rikors għandu jiġi miċħud.
Fuq l-ispejjeż
23 Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Barra minn hekk, bis-saħħa tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 69(5), fuq it-talba tal-parti li tirrinunzja għall-atti, il-kontroparti għandha tbati l-ispejjeż jekk dan jidher ġustifikat mill-aġir tal-istess kontroparti.
24 F’dan il-każ, il-Kummissjoni tilfet fir-rigward l-uniku lment li hija żammet. Fir-rigward tar-rinunzja parzjali ta’ din tal-aħħar, din kienet biss ir-riżultat tal-komunikazzjoni mir-Renju tal-Belġju tad-Digriet Irjali tat-23 ta’ April 2008 wara l-preżentata ta’ dan ir-rikors.
25 F’dan iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi deċiż li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha stess.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi
1) Ir-rikors huwa miċħud.
2) Il-Kummissjoni tal-Kommunitajiet Ewropej u r-Renju tal-Belġju għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.
Full & Egal Universal Law Academy