Kawża C-233/08
Milan Kyrian
vs
Celní úřad Tábor
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Nejvyšší správní soud)
“Assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ krediti — Direttiva 76/308/KEE — Setgħa ta’ stħarriġ tal-qrati tal-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità mitluba — Forza eżekuttiva tat-titolu li jippermetti l-eżekuzzjoni tal-irkupru — Natura regolari tan‑notifika tat-titolu lid-debitur — Notifika b’lingwa li d-destinatarju ma jifhimx”
Sommarju tas-sentenza
1. Approssimazzjoni tal-liġijiet — Assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ krediti tat‑taxxa — Direttiva 76/308
(Direttiva tal-Kunsill 76/308, kif emendata bid-Direttiva 2001/44, Artikolu 12(3))
2. Approssimazzjoni tal-liġijiet — Assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ krediti tat‑taxxa — Direttiva 76/308
(Direttiva tal-Kunsill 76/308, kif emendata bid-Direttiva 2001/44)
1. L-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 76/308, dwar l-assistenza bejn xulxin [reċiproka] għall-irkupru ta’ pretensjonijiet [krediti] relatati ma’ ċerti imposti, dazji, taxxi u miżuri oħra, kif emendata bid-Direttiva 2001/44, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qrati tal-Istat Membru li fih tkun tinsab l‑awtorità mitluba ma għandhomx, bħala regola ġenerali, ġurisdizzjoni biex jistħarrġu n-natura eżekuttiva tat-titolu li jippermetti l-eżekuzzjoni tal‑irkupru. Min-naħa l-oħra, fil-każ fejn jiġi ppreżentat quddiem qorti ta’ dan l-Istat Membru rikors kontra l-validità jew ir-regolarità tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni, bħan-notifika tat-titolu eżekuttiv, din il-qorti għandha s-setgħa tistħarreġ jekk dawn il-miżuri twettqux b’mod regolari skont il-liġijiet u r‑regolamenti tal-imsemmi Stat Membru.
Fil-fatt, għalkemm bħala regola ġenerali, l-istħarriġ tal-fondatezza tal‑kontestazzjonijiet dwar il-kreditu jew it-titolu eżekuttiv jaqa’ taħt il‑ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati tal-Istat Membru li fih tkun tinsab l‑awtorità applikanti, ma jistax jiġi eskluż li, b’mod eċċeżjonali, il-qrati tal‑Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità mitluba jkunu awtorizzati jistħarrġu jekk l-eżekuzzjoni tal-imsemmi titolu hijiex tali li tippreġudika, b’mod partikolari, l-ordni pubbliku ta’ dan l-aħħar Stat Membru u, jekk ikun il-każ, jirrifjutaw li jagħtu kompletament jew parzjalment l-assistenza jew jissuġġettaw tali assistenza għall-osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet.
(ara l-punti 42, 50 u d-dispożittiv 1)
2. Fil-kuntest tal-assistenza reċiproka stabbilita bis-saħħa tad-Direttiva 76/308, dwar l-assistenza bejn xulxin [reċiproka] għall-irkupru ta’ pretensjonijiet [krediti] relatati ma’ ċerti imposti, dazji, taxxi u miżuri oħra kif emendata bid-Direttiva 2001/44, id-destinatarju ta’ titolu eżekuttiv li jippermetti l-irkupru għandu, sabiex jitqiegħed f’pożizzjoni li jkun jista’ jiddefendi d-drittijiet tiegħu, jirċievi n-notifika ta’ dan it-titolu b’lingwa uffiċjali tal-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità mitluba. Sabiex jiġi ggarantit ir–rispett ta’ dan id-dritt, hija l-qorti nazzjonali li għandha tapplika d-dritt nazzjonali tagħha filwaqt li tishar sabiex tiżgura l-effikaċja sħiħa tad-dritt Komunitarju.
Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet Komunitarji espliċiti, hija s-sistema legali interna ta’ kull Stat Membru li għandha tirregola l-modalitajiet proċedurali dwar l-aċċess għall-ġustizzja intiżi sabiex jiżguraw li d-drittijiet tal-individwi li jitnisslu mill-effett dirett tad-dritt Komunitarji jiġu mħarsa, filwaqt li jiġi ppreċiżat li dawn il-modalitajiet ma jistgħux ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirrigwardaw drittijiet li joriġinaw mis-sistema legali interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li dawn ma għandhomx irendu l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mis-sistema legali Komunitarja prattikament impossibbli u eċċessivament diffiċli (prinċipju ta’ effettività).
(ara l-punti 62, 63 u d-dispożittiv 2)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
14 ta’ Jannar 2010 (*)
“Assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ krediti – Direttiva 76/308/KEE – Setgħa ta’ stħarriġ tal-qrati tal-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità mitluba – Forza eżekuttiva tat-titolu li jippermetti l-eżekuzzjoni tal-irkupru – Natura regolari tan-notifika tat-titolu lid-debitur – Notifika b’lingwa li d-destinatarju ma jifhimx”
Fil-Kawża C‑233/08,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa min-Nejvyšší správní soud (ir-Repubblika Ċeka), permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Mejju 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Mejju 2008, fil‑proċedura
Milan Kyrian
vs
Celní úřad Tábor,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, li qed jaġixxi bħala President tal‑Ewwel Awla, E. Levits, A. Borg Barthet, M. Ilešič (Relatur) u J.-J. Kasel, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Mazák,
Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Mejju 2009,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, bħala aġent,
– għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u C. Blaschke, bħala aġenti,
– għall-Gvern Grieg, minn I. Chalkias kif ukoll minn E. Leftheriotou u V. Karra, bħala aġenti,
– għall-Gvern Pollakk, minn M. Dowgielewicz, bħala aġent,
– għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. Afonso u L. Jelínek, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑15 ta’ Settembru 2009,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 76/308/KEE, tal-15 ta’ Marzu 1976, dwar l-assistenza bejn xulxin [reċiproka] għall-irkupru ta’ pretensjonijiet [krediti] relatati ma’ ċerti imposti, dazji, taxxi u miżuri oħra (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 2, Vol. 1, p. 1), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2001/44/KE, tal-15 ta’ Ġunju 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 2, Vol. 12 p. 27, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 76/308”).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn M. Kyrian u Celní úřad Tábor (Uffiċċju tad-Dwana ta’ Tábor) dwar il-verifika tan-natura eżekuttiva ta’ titolu li jippermetti l-irkupru ta’ kreditu maħruġ mill-Hauptzollamt Regensburg (Uffiċċju Prinċipali tad-Dwana, Ratisbonne, il-Ġermanja).
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
3 Id-Direttiva 76/308 hija intiża sabiex telimina l-ostakoli għall-istabbiliment u għall-funzjonament tas-suq komuni li jirriżultaw mil-limitazzjoni territorjali tal‑kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-irkupru, b’mod partikolari, ta’ dazji doganali.
4 Skont is-sitt premessa tad-Direttiva 76/308, il-forom differenti ta’ assistenza għandhom jingħataw mill-awtorità mitluba skont il-liġijiet, ir-regolamenti u d‑dispożizzjonijiet amministrattivi fis-seħħ fl-oqsma kkonċernati fl-Istat Membru li fih din tkun tinsab, filwaqt li s-seba’ premessa tal-istess direttiva tipprovdi li hemm lok li jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet li fihom it-talbiet għal assistenza għandhom ikunu stabbiliti mill-awtorità applikanti u li jiġu definiti b’mod limitat iċ-ċirkustanzi partikolari li jippermettu, f’każ jew ieħor, lill-awtorità mitluba tiċħad l-assistenza.
5 L-għaxar premessa tad-Direttiva 76/308 tindika li huwa possibbli li, matul il‑proċedura ta’ rkupru fl-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità mitluba, il‑kreditu jew it-titolu li jippermetti l-eżekuzzjoni tal-irkupru tiegħu, maħruġ fl‑Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità applikanti, ikun ikkontestat mill‑persuna kkonċernata u li, f’dan il-każ, għandu jiġi stabbilit li l-azzjoni ta’ kontestazzjoni għandha titressaq minn din il-persuna kkonċernata quddiem il-korp kompetenti tal-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità applikanti, u li l-awtorità mitluba għandha tissospendi l-proċedura ta’ eżekuzzjoni li hija bdiet sakemm dan il-korp kompetenti jagħti d-deċizjoni tiegħu.
6 L-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 76/308 jistipula li:
“L-awtorità mitluba mhiex obbligata li tforni tagħrif:
a) li ma tkunx tista’ tikseb bl-iskop li tirkupra talbiet [kreditu] bħal dawn li jinqalgħu fl-Istat Membru li fih tkun tinsab;
b) li jikxef xi sigrieti kummerċjali, industrijali jew professjonali; jew
ċ) li l-iżvelar tiegħu jista’ jippreġudika s-sigurta ta’ jew imur kontra l-politika [l-ordni] pubblika tal-Istat”.
7 Skont l-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva, l-awtorità mitluba għandha, fuq it-talba tal-awtorità applikanti, u skond ir-regoli fis-seħħ għan-notifika ta’ atti korrispondenti fl-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità mitluba, tinnotifika lid‑destinatarju b’ kull att u deċiżjoni, inklużi dawk ta’ natura ġudizzjarja, relatati ma’ kreditu jew mal-irkupru tiegħu, maħruġa mill-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità applikanti.
8 L-Artikolu 5(2) tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi li t-talba għan-notifika għandha tindika l-isem, l-indirizz u kull tagħrif ieħor utli għall-identifikazzjoni tad-destinatarju li l-awtorità applikanti normalment ikollha aċċess għalih, in‑natura u s-suġġett tal-att jew deċiżjoni li għandhom jiġu nnotifikati u, jekk ikun il-każ, l-isem, l-indirizz u kull tagħrif ieħor utli għall-identifikazzjoni tad-debitur li l-awtorità applikanti normalment ikollha aċċess għalih u l-kreditu imsemmi fl-att jew fid-deċiżjoni kif ukoll kull tagħrif utli ieħor.
9 L-Artikolu 6 tad-Direttiva 76/308 jistabbilixxi:
“1. Fuq it-talba ta’ l-awtorità applikanti, l-awtorità mitluba għandha, skond il‑liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi li japplikaw għall-irkupru ta’ talbiet [krediti] bħalhom li jinqalgħu fl-Istat Membru li fih l-awtorità mitluba tkun tinsab, tirkupra talbiet li huma s-suġġett ta’ xi dokument [titolu] li jippermetti l-infurzar [eżekuzzjoni] tagħhom.
2. Għal dan l-iskop kull talba li għaliha jkun intalab l-irkupru għandha tiġi trattata bħala talba ta’ l-Istat Membru li fih l-awtorità mitluba tkun tinsab, ħlief fejn japplika Artikolu 12”.
10 L-Artikolu 7(1)(2)(3) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi:
“1. It-talba għall-irkupru ta’ pretensjoni [kreditu] li l-awtorità applikanti tindirizza lill-awtorità mitluba għandha tiġi akkumpanjata minn koppja uffiċċjali jew iċċertifikata ta’ l-istrument [titolu] li tippermetti l-infurzar [eżekuzzjoni] tagħha, maħruġa mill-Istat Membru fejn tinstab l-awtorità applikanti u, jekk ikun xieraq, permezz ta’ l-oriġinali jew kopja ċċertifikata ta’ dokumenti oħra meħtieġa għall‑irkupru.
2. L-awtorità applikanti m’għandhiex tagħmel talba għall-irkupru kemm-il darba:
a) il-pretensjoni u/jew l-istrument li jippermetti l-infurzar tagħha m’humiex ikkontestati fl-Istat Membru li fih hija tinstab, ħlief f’każijiet fejn jiġi applikat it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 12(2);
b) hija applikat, fl-Istat Membru li fih hija tinstab, il-proċeduri ta’ rkupru xierqa li kienu għad-disposizzjoni tagħha a bażi ta’ l-istrument imsemmi fil‑paragrafu 1, u l-miżuri li jittieħdu ma jirriżultawx fil-ħlas sħiħ tal‑pretensjoni.
3. It -talba għall-irkupru għandha tindika:
a) l-isem, l-indirizz u kull informazzjoni oħra rilevanti dwar l-identifikazzjoni tal-persuna kkonċernata u/jew tal-parti terza li żżomm l-assi tiegħu jew tagħha;
[…]”
11 L-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi:
“1. L-istrument [titolu] li jippermetti l-infurzar [eżekuzzjoni] tal-pretensjoni [kreditu] għandu jkun rikonoxxut direttamant u ttrattat awtomatikament bħala strument li jippermetti l-infurzar ta’ pretensjoni ta’ l-Istat Membru li fih tinstab l‑awtorità mitluba.
2. Minkejja l-ewwel paragrafu, l-istrument li jippermetti l-infurzar tal-pretensjoni għandu, fejn ikun xieraq, u b’konformità mad-disposizzjonijiet fis-seħħ fl-Istat Membru li fih tinstab l-awtorità mitluba, jiġi aċċettat bħala, rikonoxxut bħala, msaħħaħ permezz ta’, jew mibdul bi strument li jawtorizza l-infurzar fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru.
Fi żmien tliet xhur mid-data li fiha tiġi riċevuta t-talba ta’ rkupru, l-Istati Membri għandhom jimpenjaw ruħhom li jtemmu tali aċċettazzjoni, rikonoxximent, tisħiħ jew bdil, ħlief f’kazijiet fejn jiġi applikat it-tielet subparagrafu. M’għandhomx jiġu rifjutati jekk l-istrument li jippermetti tali infurzar jiġi mfassal sew. L‑awtorità mitluba għandha tinforma lill-awtorità applikanti bir-raġunijiet għaliex tkun qabżet il-perjodu ta’ tliet xhur.
Jekk xi waħda minn dawn il-formalitajiet tagħti lok għall-kontestazzjoni dwar il‑pretensjoni u/jew l-istrument li jippermetti l-infurzar maħruġ mill-awtorità applikanti, għandu japplika l-Artikolu 12”.
12 L-Artikolu 12(1) sa (3) tad-Direttiva 76/308 jistabbilixxi:
“1. Jekk, matul il-proċedura ta’ rkupru, it-talba u/jew id-dokument [titolu] li jippermettu l-infurzar [eżekuzzjoni] tiegħu maħruġa fl-Istat Membru li fih l‑awtorità applikanti tkun tinsab huma kontestati minn parti interessata, l-azzjoni għandha titressaq minn din tal-aħħar quddiem il-korp kompetenti ta’ l-Istat Membru li fih l-awtorità applikanti tkun tinsab, skond il-liġijiet fis-seħħ hemmhekk. Din l-azzjoni għandha tiġi notifikata mill-awtorità applikanti lill-awtorità mitluba. Il-parti konċernata tista’ wkoll tinnotifika l-awtorità mitluba bl‑azzjoni.
2. Hekk kif l-awtorità mitluba tkun irċeviet in-notifika li għaliha jirreferi l‑paragrafu 1 jew mill-awtorità applikanti jew mill-parti interessata, għandha tissospendi l-proċedura ta’ infurzar sakemm ikun hemm iddeċiżjoni tal-korp kompetenti fil-materja, kemm-il darba l-awtorità applikanti ma titlobx mod ieħor b’mod konformi mat-tieni subparagrafu. […]
Minkejja l-ewwel subparagrafu ta’ paragrafu 2, l-awtorità applikanti tista’ b’mod konformi mal-liġi, mar-regolamenti u mal-prattika amministrativa fis-seħħ fl-Istat Membru li fih hija tinstab, titlob lill-awtorità mitluba sabiex tirkupra pretensjoni [kreditu] kkontestata, kemm-il darba l-liġijiet, ir-regolamenti u l-prattika amministrattiva fis-seħħ fl-Istat Membru li fih tinstab l-awtorità mitluba jippermettu tali azzjoni. Jekk ir-riżultat tal-kontestazzjoni huwa sussegwentement favorevoli għad-debitur, l-awtorità applicanti għandha tkun responsabbli għar‑rimborz ta’ kull somma rkuprata, flimkien ma’ kull kumpens dovut, b’mod konformi mal-liġijiet fis-seħħ fl-Istat Membru li fih tinstab l-awtorità mitluba.
3. Fejn huma l-miżuri ta’ infurzar meħuda fl-Istat Membru li fih l-awtorità mitluba tkun tinsab li qed ikunu kkontestati l-azzjoni għandha titressaq quddiem il-korp kompeteneti ta’ dak l-Istat Membru skond il-liġijiet u r- regolamenti tiegħu”.
13 L-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva jistabbilixxi:
“Talbiet għall-għajnuna, l-istrumenti [titoli] li jippermetti l-infurzar [eżekuzzjoni] u dokumenti li għandhom x’jaqsmu magħhom għandhom ikunu akkompanjati minn traduzzjoni fl-ilsien uffiċjali, jew waħda mill-ilsna uffiċjali ta’ l-Istat Membru li fihom l-awtorità mitluba tkun tinsab, bla ħsara għad-dritt ta’ l-awtorità ta’ l-aħħar li tirrinunzja għat-traduzzjoni”.
14 Skont l-Artikolu 23 tal-imsemmija direttiva, din ma tostakolax “miżura akbar ta’ għajnuna reċiproka milli tkun mogħtija kemm issa jew fil-futur minn Stati Membri partikolari taħt xi ftehim jew arranġamenti, inklużi dawk għan‑notifikazzjoni ta’ atti legali jew ekstralegali”.
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
15 Skont l-Artikolu 2(7) tal-Liġi Nru 191/2004, dwar l-assistenza internazzjonali għall-irkupru ta’ ċerti krediti finanzjarji (Zákon č. 191/2004 Sb., o mezinárodní pomoci při vymáhání některých finančních pohledávek), fl-implementazzjoni tal‑assistenza internazzjonali għandha tiġi applikata l-Liġi Nru 337/1992, dwar l‑amministrazzjoni tad-dazju tas-sisa u tat-taxxi (Zákon č. 337/1992 Sb., o správě daní a poplatků), sakemm il-Liġi Nru 191/2004 ma tipprovdix mod ieħor.
16 L-Artikolu 5 tal-Liġi Nru 191/2004, intitolat “L-irkupru ta’ krediti”, jistabbilixxi:
“1. […] Fuq talba tal-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor, il-Ministeru għandu jiżgura l-irkupru ta’ krediti; […]. It-talba għall-irkupru għandha tiġi ġġustifikata permezz tal-oriġinali jew ta’ kopja ċċertifikata tat-titolu eżekuttiv li jista’ jiġi eżegwit fl-Istat tal-awtorità kompetenti.
2. Il-Ministeru għandu jipproċedi għall-irkupru sakemm it-talba għall-irkupru tindika:
a) l-isem, il-kunjom u l-post ta’ residenza tal-persuna fiżika jew l-isem u l-uffiċċju rreġistrat tal-persuna ġuridika debitriċi jew, jekk ikun il-każ, tal-persuna li għandha tħallas il-kreditu skont il-liġi tal-Istat Membru tal-awtorità kompetenti [...] kif ukoll informazzjoni oħra meħtieġa sabiex tkun tista’ tiġi identifikata l-persuna debitriċi jew persuna oħra fil-pussess tal-beni tagħha
b) in-natura tal-kreditu u l-ammont tal-kapital u tal-interessi, tal-penalitajiet, tal-multi u tal-ispejjeż dovuti, ippreċiżat fil-valuta taż-żewġ Stati li jindika t-titolu eżekuttiv.
c) informazzjoni fuq in-natura definittiva (res judicata) tat-titolu eżekuttiv u fuq it-termini ta’ preskrizzjoni jew ta’ dekandenza tad-dritt għall-irkupru tal-kreditu,
[…]
f) id-dikjarazzjoni tal-awtorità kompetenti tal-Istat l-ieħor skont l-Artikolu 6(2), […]
3. […] Fil-każ li t-talba ma jkollhiex l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, il-Ministeru għandu jipproċedi għall-irkupru sakemm, fuq talba tiegħu, din id-data tkun tista’ tiġi kkompletata”.
17 Skont l-Artikolu 6(1) tal-Liġi Nru 191/2004, id-dokument li jikkostitwixxi t-titolu li jippermetti l-eżekuzzjoni tal-irkupru tal-kreditu fl-Istat tal-awtorità kompetenti huwa, mid-data tal-irċevuta tat-talba kompleta għall-irkupru, rikonoxxut bħala titolu li jippermetti l-irkupru tal-kreditu fir-Repubblika Ċeka . Skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, fuq il-bażi tat-talba għall-irkupru, il-Ministeru jista’ jibda l‑irkupru tal-kreditu biss jekk l-awtorità kompetenti tal-Istat l-ieħor tiddikjara li t‑titolu li jippermetti l-eżekuzzjoni tal-irkupru tal-kreditu mhuwiex ikkontestat fl‑Istat tal-awtorità kompetenti, bl-eċċezzjoni tal-każijiet imsemmija fl-Artikolu 7(1) tal-imsemmija liġi, u li l-proċedura ta’ eżekuzzjoni diġà ġiet implementata fl-Istat tal-awtorità kompetenti mingħajr ma wasslet għall-ħlas sħiħ tal-kreditu.
18 L-Artikolu 13(1) tal-Liġi Nru 191/2004 jistabbilixxi:
“L-iskambji ta’ informazzjoni bejn il-Ministeru u l-awtorità kompetenti tal-Istat l‑ieħor għandhom isiru bil-lingwa uffiċjali tal-Istat li fih tkun tinsab l-awtorità li tkun irċiviet it-talba għal assistenza għall-irkupru. […] Meta l-Ministeru u l‑awtorità kompetenti tal-Istat l-ieħor jiftehmu mod ieħor, il-lingwa uffiċjali tal‑Istat li lilu saret it-talba għal assistenza għall-irkupru m’għandhiex tintuża”.
19 L-Artikolu 32(1) tal-Liġi Nru 337/1992 jistabbilixxi:
“Fi proċeduri fiskali, jistgħu jiġu imposti obbligi jew rikonoxxuti drittijiet biss permezz ta’ deċiżjoni. Din id-deċiżjoni għandha effet ġuridiku fuq id-destinatarju biss jekk din tkun ġiet innotifikata jew ikkomunikata lilu b’mod regolari, sa fejn din il-liġi jew liġi speċjali ma tipprovdix mod ieħor”.
20 L-Artikolu 73 tal-Liġi Nru 337/1992 jiddeskrivi l-proċedura għall-irkupru tal‑arretrati ta’ dazji tas-sisa. Skont l-Artikolu 73(7), fir-rigward tal-eżekuzzjoni fiskali, il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili għandu japplika b’mod adattat.
21 Skont l-Artikolu 261a(1) tal-Liġi Nru 99/1963, dwar il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (Zákon č. 99/1963 Sb., občanský soudní řád), kif emendat, l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni tista’ tiġi ordnata biss jekk din tindika l-benefiċjarju u d-debitur, tistabbilixxi l-portata u l-kontenut tal-obbligi li huma s-suġġett tat-talba għall‑eżekuzzjoni u tiffissa t-terminu għal din l-eżekuzzjoni.
22 Kif ġie ppreċiżat mill-qorti tar-rinviju, skont ġurisprudenza stabbilita tal-qrati superjuri Ċeki, l-identifikazzjoni preċiża tad-debitur ma għandhiex toħloq konfużjoni jew, tal-inqas, it-titolu li jippermetti l-eżekuzzjoni inkwistjoni għandu jippermetti mingħajr l-inqas dubju li tiġi stabbilita l-persuna li fir-rigward tagħha l-obbligu ġie impost (sentenza tal-qorti tar-rinviju tal-25 ta’ Frar 1999, bir‑referenza 21 Cdo 2101/98, ippubblikata fis-Soudní judikatura 6/1999, p. 233). Fl-opinjoni tan-Nejvyšší soud tar-Repubblika Soċjalista Ċeka tat-18 ta’ Frar 1981, bir-referenza Cpj 159/79 (Sbírka soudních rozhodnutí a stanovisek, 1981, p. 499), ġie stabbilit ukoll li d-deċiżjoni li ma tidentifikax preċiżament id-debitur mhijiex deċiżjoni eżekuttiva u ma tistax isservi ta’ bażi għall-eżekuzzjoni tal-irkupru. Bl‑istess mod, mis-sentenza tal-Awla Estiża tal-qorti tar-rinviju, tas-26 ta’ Ottubru 2005, bir-referenza 2 Afs 81/2004-54, jirriżulta li l-atti eżekuttivi mwettqa fuq il‑bażi ta’ titolu li jindika b’mod insuffiċjenti d-destinatarju għandhom jiġu annullati.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
23 Fit-2 ta’ Lulju 1999, il-Hauptzollamt Weiden (Uffiċċju Prinċipali tad-Dwana, Weiden) (il-Ġermanja) indirizza avviż ta’ stima tat-taxxa lil “Milan Kyrian, Studnicni 836, 39811 Protivin, Ir-Repubblika Ċeka”, li permezz tiegħu dan ġie ordnat iħallas dazji tas-sisa fl-ammont ta’ DM 218 520. It-titolu eżekuttiv, hekk maħruġ mill-Hauptzollamt Weiden ġie nnotifikat permezz tal-Ministerstvo financí – Generální ředitelství cel (Ministeru tal-Finanzi Ċek – Direttorat Ġenerali tad-Dwana, ir-Repubblika Ċeka) (iktar ’il quddiem l-“awtorità mitluba fil-kawża prinċipali”) fis-6 ta’ Awwissu 1999.
24 Fit-28 ta’ Settembru 2004, il-Hauptzollamt Regensburg, l-awtorità applikanti, ħareġ avviż ta’ ħlas, u fis-7 ta’ Ottubru 2004, skont l-Artikolu 6 tad‑Direttiva 76/08, talab lill-awtorità mitluba fil-kawża prinċipali sabiex tirkupra d-dazji tas-sisa skont it-titolu eżekuttiv maħrug mill-Hauptzollamt Weiden. Fit‑talba għall-irkupru, ir-rikorrent ġie identifikat bħala d-debitur fil-kawża prinċipali permezz ta’ ismu, kunjomu, l-indirizz u d-data tat-twelid tiegħu, u d‑dazji tas-sisa flimkien mal-multa ġew indikati bħala ammont totali ta’ CZK 3 258 625.30.
25 Fix-xahar ta’ Diċembru 2004, l-awtorità mitluba fil-kawża prinċipali ddelegat l‑irkupru tal-arretrati ta’ dazji tas-sisa inkwistjoni lis-Celní úřad Tábor. B’hekk, f’Diċembru 2004, dan tal-aħħar ħareġ żewġ avviżi ta’ rkupru tal-arretrati ta’ dazji tas-sisa li jirrigwardaw, rispettivament, id-dazji tas-sisa u l-multi u stabbilixxa terminu ta’ ħlas skont l-Artikolu 73(1) tal-Liġi Nru 337/1992. M. Kyrian ippreżenta appell kontra dawn iż-żewġ avviżi, li s-Celní ředitelství České Budějovice (Direttorat tad-Dwana, České Budějovice, ir-Repubblika Ċeka) ċaħad permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet tal-4 ta’ Marzu u tas-6 ta’ April 2005. Din iċ-ċaħda ġiet ikkonfermata b’digriet tal-Krajský soud v Českých Budějovicích tal-5 ta’ Ottubru 2005 u b’sentenza tan-Nejvyšší správní soud tat-28 ta’ Ġunju 2006.
26 Fis-6 ta’ Marzu 2006, is-Celní úřad Tábor ħareġ mandat ta’ eżekuzzjoni tal‑arretrati ta’ dazji tas-sisa permezz ta’ tnaqqis mis-salarju ta’ M. Kyrian. Dan tal-aħħar ressaq ilmenti kontra dan il-mandat ta’ eżekuzzjoni, li s-Celní úřad Tábor ċaħad b’deċiżjoni tal-31 ta’ Ottubru 2006.
27 M. Kyrian ippreżenta rikors kontra l-imsemmi mandat ta’ eżekuzzjoni quddiem il‑Krajský soud v Českých Budějovicích. Huwa b’mod partikolari sostna li l‑identifikazzjoni tad-destinatarju fit-titolu eżekuttiv maħruġ mill-Hauptzollamt Weiden bl-isem, il-kunjom u l-indirizz hija insuffiċjenti, peress li l-imsemmi titolu seta’ japplika għal missieru u għal ibnu li jisimhom ukoll Milan Kyrian u joqogħdu fl-istess indirizz. Peress li d-dokument ta’ notifika ma jippreċiżax għal min mit-tliet persuni omonomi l-imsemmi titolu eżekuttiv inħareġ, dan it-titolu ma jistax jiġi eżegwit, għaliex ma ġiex innotifikat b’mod regolari.
28 M. Kyrian sostna wkoll li, peress li huwa ma fehemx id-dokumenti li ntbagħtulu bil-Ġermaniż mill-awtoritajiet tad-dwana Ġermaniżi, huwa ma setax jieħu l‑miżuri xierqa sabiex jiddefendi d-drittijiet tiegħu. Huwa jikkunsidra li huwa ma għandu ebda obbligu li jakkwista, bi spejjeż għalih, it-traduzzjoni tal-imsemmija dokumenti.
29 Il-Krajský soud v Českých Budějovicích, li quddiemha tressqet il-kawża fl-ewwel istanza, ċaħdet ir-rikors b’deċiżjoni tal-14 ta’ Marzu 2007. Hija osservat li, skont l-Artikolu 6(1) tal-Liġi Nru 191/2004, li ttraspona d-Direttiva 76/308, id‑dokument li jservi bħala titolu li jippermetti l-eżekuzzjoni tal-irkupru tal‑kreditu fl-Istat li fih tkun tinsab l-awtorità applikanti huwa immedjatament meqjus bħala titolu li jippermetti l-eżekuzzjoni tal-irkupru tal-kreditu fir‑Repubblika Ċeka. Huwa għalhekk li la l-awtorità mitluba fil-kawża prinċipali u lanqas il-Krajský soud v Českých Budějovicích ma għandhom kompetenza biex jeżaminaw l-ilmenti mqajma minn M. Kyrian kontra t-titolu eżekuttiv maħruġ mill-Hauptzollamt Weiden.
30 Skont il-Krajský soud v Českých Budějovicích, il-fatt li fit-talba għall-irkupru M. Kryian ġie indikat mhux biss b’ismu, b’kunjomu u bl-indirizz tiegħu, iżda wkoll bid-data tat-twelid tiegħu, jidentifikah b’mod ċar bħala d-debitur. Skont it‑talba għall-irkupru u d-dokument ta’ notifika anness, it-titolu eżekuttiv inkwistjoni kien ġie nnotifikat u huwa validu. Barra minn hekk, il-fatt li l‑proċeduri quddiem l-awtoritajiet tad-dwana Ġermaniżi nżammu bil-Ġermaniż ma kienx kiser id-drittijiet ta’ M. Kyrian. Skont il-Krajský soud v Českých Budějovicích, xejn ma kien iwaqqaf lil dan tal-aħħar milli jakkwista, fl-interess tiegħu stess, it-traduzzjoni tat-titolu li jippermetti l-eżekuzzjoni tal-irkupru tal‑kreditu inkwistjoni, inklużi l-istruzzjonijiet imniżżla f’dan tal-aħħar dwar il‑possibbiltajiet li jippreżenta rikors kontra dan it-titolu.
31 M. Kyrian ippreżenta appell fil-kassazzjoni kontra d-deċiżjoni tal-Krajský soud v Českých Budějovicích quddiem in-Nejvyšší správní soud fejn allega, fuq il-bażi tal-istess motivi li kien invoka fl-ewwel istanza, li t-titolu eżekuttiv inkwistjoni ma setax jiġi eżegwit.
32 F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Nejvyšší správní soud iddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1. L-Artikolu 12(3) tad-Direttiva [76/308] għandu jiġi interpretat fis-sens li, jekk jiġi ppreżentat quddiem il-qorti ta’ Stat Membru, li fih tkun tinsab l‑awtorità mitluba, rikors kontra miżuri ta’ rkupru, din il-qorti għandha ġurisdizzjoni sabiex tistħarreġ, skont il-liġijiet u r-regolamenti ta’ dan l-Istat Membru, jekk it-titolu li jippermetti l-eżekuzzjoni tal-irkupru huwiex eżegwibbli u jekk dan ġiex regolarment innotifikat lid-debitur?
2. Mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, b’mod partikolari mill‑prinċipju tad-dritt għal smigħ xieraq, mill-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u mill-istat tad-dritt, jirriżulta li n-notifika tat-titolu li jippermetti l-eżekuzzjoni tal-irkupru lid-debitur bil-’lingwa għajr dik li huwa jifhem u li lanqas hija l-lingwa uffiċjali tal-Istat li fih it-titolu huwa nnotifikat lid-debitur hija vvizzjata b’difett li jippermetti li jiġi rrifjutat l‑irkupru abbażi ta’ tali titolu?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
33 Permezz tal-ewwel domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata f’żewġ partijiet, il‑qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12(3) tad‑Direttiva 76/308 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-qrati tal-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità mitluba għandhom il-ġurisdizzjoni, minn naħa, biex jistħarrġu n-natura eżekuttiva tat-titolu li jippermetti l-eżekuzzjoni tal-irkupru u, min-naħa l-oħra, biex jistħarrġu jekk l-imsemmi titolu ġiex innotifikat lid-debitur b’mod regolari.
Fuq il-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ Stat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità mitluba biex jistħarrġu n-natura eżekuttiva tat-titolu li jippermetti l-eżekuzzjoni tal-irkupru
34 Id-Direttiva 76/308 tistabbilixxi regoli komuni dwar l-assistenza reċiproka biex jiġi garantit l-irkupru ta’ krediti relatati ma’ ċerti imposti, dazji u taxxi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, N, C-470/04, Ġabra p. I-7409, punt 53).
35 Sabiex jiġi żgurat li d-Direttiva 76/308 tingħata effikaċja sħiħa u interpretazzjoni awtonoma, irid, b’mod partikolari, isir riferiment għall-istruttura ġenerali u għall‑għanijiet tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-15 ta’ Jannar 2004, Blijdenstein, C-433/01, Ġabra p. I-981, punt 24, u tas-17 ta’ Settembru 2009, Vorarlberger Gebietskrankenkasse, C-347/08, Ġabra p. I‑866, punt 35).
36 Skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 76/308, it-titolu li jippermetti l-eżekuzzjoni tal‑irkupru tal-kreditu għandu jkun direttament rikonoxxut u awtomatikament ittrattat bħala strument li jippermetti l-eżekuzzjoni ta’ kreditu tal-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità mitluba. Għalkemm, skont l-Artikolu 8(2), l-imsemmi titolu jista’, jekk ikun il-każ u skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità mitluba, jiġi aċċettat bħala, rikonoxxut bħala, imsaħħaħ permezz ta’ jew mibdul b’titolu li jawtorizza l-eżekuzzjoni fit-territorju ta’ dan l‑Istat Membru, dawn il-formalitajiet ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ ċaħda meta t‑titolu jkun ġie fformulat b’mod regolari. Minn din l-istess dispożizzjoni jirriżulta li, fil-każ li wieħed minn dawn il-formalitajiet jagħti lok għal kontestazzjoni dwar il-kreditu u/jew dwar it-titolu eżekuttiv li jippermetti l-irkupru tiegħu maħruġ mill‑awtorità applikanti, l-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva għandu jiġi applikat.
37 L-Artikolu 12 tad-Direttiva 76/308 jipprevedi tqassim ta’ kompetenzi bejn l‑istanzi tal-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità applikanti u dawk tal-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità mitluba sabiex jisimgħu kontestazzjonijiet dwar il-kreditu, it-titolu eżekuttiv jew il-miżuri ta’ eżekuzzjoni.
38 Skont l-Artikolu 12(1) jekk persuna kkonċernata tikkontesta l-kreditu jew it-titolu li jippermetti l-eżekuzzjoni tal-irkupru tiegħu maħruġ fl-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità applikanti, l-azzjoni għandha titressaq quddiem il-korp kompetenti ta’ dan l-Istat Membru, skont il-liġijiet fis-seħħ hemmhekk. Fil-fatt, l‑Artikolu 12(2) jistabbilixxi li l-awtorità mitluba, hekk kif tirċievi n-notifika tat‑tali azzjoni jew mil-awtorità applikanti jew mill-parti kkonċernata, għandha tissospendi l-proċedura ta’ eżekuzzjoni sakemm tittieħed id-deċiżjoni tal-korp kompetenti f’dan il-qasam kemm-il darba l-awtorità applikanti ma titlobx mod ieħor.
39 Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 76/308, meta l‑kontestazzjoni tirrigwarda l-miżuri ta’ eżekuzzjoni meħuda fl-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità mitluba, l-azzjoni għandha titressaq quddiem il-korp kompetenti ta’ dan l-Istat Membru, skont il-liġijiet u r-regolamenti tiegħu.
40 Dan it-tqassim ta’ kompetenzi jirriżulta mill-fatt li l-kreditu u t-titolu eżekuttiv huma stabbiliti fuq il-bażi tal-liġi fis-seħħ fl-Istat Membru li fih tkun tinsab l‑awtorità applikanti, filwaqt li, għall-miżuri ta’ eżekuzzjoni fl-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità mitluba, din tal-aħħar tapplika, skont l-Artikoli 5 u 6 tad‑Direttiva 76/308, id-dispożizzjonijiet li d-dritt nazzjonali tagħha tipprevedi għal atti simili, peress li din l-awtorità tinsab fl-aħjar pożizzjoni biex tiddeċiedi fuq il-legalità ta’ att skont id-dritt nazzjonali tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-27 ta’ Settembru 2007, Twoh International, C-184/05, Ġabra p. I-7897, punt 36, u tas-27 ta’ Jannar 2009, Persche, C-318/07, Ġabra p. I‑359, punt 63).
41 L-imsemmi tqassim ta’ kompetenzi, bħala regola ġenerali, ma jippermettix lill‑awtorità mitluba tikkontesta l-validità u n-natura eżekuttiva tal-att jew tad‑deċiżjoni li l-awtorità applikanti titlob in-notifika tagħhom.
42 B’hekk għalkemm, bħala regola ġenerali, l-istħarriġ tal-fondatezza tal‑kontestazzjonijiet dwar il-kreditu jew it-titolu eżekuttiv jaqa’ taħt il‑ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati tal-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità applikanti ma jistax jiġi eskluż li, b’mod eċċeżjonali, il-qrati tal-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità mitluba jkunu awtorizzati jistħarrġu jekk l-eżekuzzjoni tal-imsemmi titolu hijiex tali li tippreġudika, b’mod partikolari, l-ordni pubbliku ta’ dan l-aħħar Stat Membru u, jekk ikun il-każ, jirrifjutaw li jagħtu kompletament jew parzjalment l-assistenza jew jissuġġettaw tali assistenza għall-osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet.
43 Fil-fatt, skont l-Artikoli 6 u 8 tad-Direttiva 76/308, il-kreditu li huwa s-suġġett ta’ talba għall-irkupru kif ukoll it-titolu li jippermetti l-eżekuzzjoni tal-irkupru tal‑kreditu huma trattati bl-istess mod bħall-krediti u t-titoli simili tal-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità mitluba. Issa, huwa diffiċli li wieħed jimmaġina li titolu li jippermetti l-eżekuzzjoni tal-irkupru tal-kreditu jkun eżegwit minn dan l-Istat Membru jekk din l-eżekuzzjoni hija ta’ natura li tiippreġudika l‑ordni pubbliku tiegħu. Barra minn hekk, l-eċċezzjoni ta’ ordni pubbliku hija prevista fl-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 76/308 fir-rigward tat-talbiet għal għoti ta’ informazzjoni mressqa mill-awtorità applikanti, li bis-saħħa tiegħu l-awtorità mitluba tista’ tirrifjuta tali għoti b’mod partikolari meta dan ikun ta’ natura li jippreġudika l-ordni pubbliku tal-Istat Membru li fih hi tkun tinsab.
44 Minn dak li ntqal iktar ’il fuq, jirriżulta li, bħala regola ġenerali, il-qrati tal-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità mitluba ma għandhomx il-ġurisdizzjoni biex jistħarrġu n-natura eżekuttiva tat-titolu li jippermetti l-eżekuzzjoni tal-irkupru.
Fuq il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità mitluba biex jistħarrġu jekk it-titolu eżekuttiv ġiex innotifikat lid-debitur b’mod regolari
45 Sabiex tingħata risposta għat-tieni parti tal-ewwel domanda huwa neċessarju li tiġi interpretata l-espressjoni “miżuri ta’ infurzar [eżekuzzjoni]” użata fl-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 76/308.
46 Issa, skont l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, l-ewwel stadju tal-eżekuzzjoni tal‑irkupru fil-kuntest tal-assistenza reċiproka huwa preċiżament in-notifika lid‑destinatarju, mill-awtorità mitluba, tal-atti u d-deċiżjonijiet kollha relatati ma’ kreditu jew mal-irkupru tiegħu maħruġa mill-Istat Membru li fih tkun tinsab l‑awtorità applikanti; din in-notifika għandha titwettaq abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-awtorità applikanti.
47 Minn dan jirriżulta li n-notifika tikkostitwixxi waħda mill-miżuri ta’ eżekuzzjoni msemmija fl-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 76/308 u li, għalhekk, skont din id‑dispożizzjoni, l-azzjonijiet kollha kontra n-notifika għandhom jitressqu quddiem il-korp kompetenti tal-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità mitluba.
48 Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-fatt li, kif essenzjalment jirriżulta wkoll mis-sitt premessa u mill-Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 76/308, in-notifika għandha titwettaq skont il-liġijiet fis-seħħ għan‑notifika ta’ atti simili fl-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità mitluba.
49 Issa, hekk kif ġie mfakkar fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, il-korp kompetenti tal‑Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità mitluba huwa fl-aħjar pożizzjoni biex jinterpreta l-liġijiet u r-regolamenti fis-seħħ f’dan l-Istat Membru.
50 Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 76/308 għandu jiġi interpretat fis-sens li, bħala regola ġenerali, il‑qrati tal-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità mitluba ma għandhomx ġurisdizzjoni biex jistħarrġu n-natura eżekuttiva tat-titolu li jippermetti l-eżekuzzjoni tal-irkupru. Min-naħa l-oħra, fil-każ fejn jiġi ppreżentat quddiem qorti ta’ dan l-Istat Membru rikors kontra l-validità jew ir-regolarità tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni, bħan-notifika tat-titolu eżekuttiv, din il-qorti għandha s-setgħa tistħarreġ jekk dawn il-miżuri twettqux b’mod regolari skont il-liġijiet u r-regolamenti tal-imsemmi Stat Membru.
Fuq it-tieni domanda
51 Fir-rigward tal-ammissibbiltà tat-tieni domanda, il-Gvern Ċek jenfasizza li, peress li l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità mitluba ma għandhomx id-dritt jevalwaw jekk il-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju ġewx osservati meta l-atti ġew innotifikati lid-debitur, l-imsemmija domanda ma għandha l-ebda effett fuq id-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju u hija għalhekk purament ipotetika.
52 Peress li l-qorti tar-rinviju għandha ġurisdizzjoni biex tistħarreġ in-natura regolari tan-notifika, hija għandha wkoll, fi kwalunwe każ, il-ġurisdizzjoni biex tikkonstata eventwali irregolarità fil-proċedura ta’ notifika skont il-liġijiet u r‑regolamenti fis-seħħ fl-Istat Membru li fih hi tkun tinsab. Għalhekk, fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet ċari tan-Nejvyšší správní soud fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, dwar ir-raġunijiet li għalihom hija tqis li t-tieni domanda li hija tressaq hija rilevanti u li risposta hija meħtieġa sabiex il-kawża quddiemha tissolva, l‑imsemmija domanda hija, bil-kontra għal dak li jenfasizza l-Gvern Ċek, ammissibbli.
53 Permezz tat-tieni domanda tagħha, in-Nejvyšší správní soud essenzjalment tistaqsi jekk huwiex possibbli li n-notifika ta’ titolu li jippermetti l-eżekuzzjoni titqies bħala regolari meta din in-notifika tkun saret fit-territorju tal-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità mitluba b’lingwa li d-destinatarju ma jifhimx u li lanqas ma hija l-lingwa uffiċjali tal-imsemmi Stat Membru.
54 Hemm lok li jiġi enfasizzat li d-Direttiva 76/308 ma tistabbilixxix regoli li abbażi tagħhom in-notifika ta’ titolu li jippermetti l-eżekuzzjoni tal-irkupru b’lingwa differenti minn dik li jifhem biha d-destinatarju jew b’lingwa li mhix il-lingwa uffiċjali jew f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru li fih tkun tinsab l‑awtorità mitluba hija irregolari.
55 Ċertament, l-Artikolu 17 tad-Direttiva 76/308 jistabbilixxi li t-talbiet għal assistenza, it-titolu eżekuttiv li jippermetti l-irkupru u d-dokumenti l-oħra annessi għandhom ikunu akkompanjati minn traduzzjoni bil-lingwa uffiċjali, jew f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità mitluba, bla ħsara għad-dritt tal-istess awtorità li tirrinunzja għat-traduzzjoni mingħajr ma din il-possibbiltà hija offruta lid-destinatarju tat-titolu eżekuttiv.
56 Madankollu, kif ġustament jenfasizzaw il-Gvern Ċek u dak Ġermaniż kif ukoll il‑Kummissjoni, it-traduzzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni huma intiżi għall‑ħtiġijiet tal-awtorità mitluba u bl-ebda mod għad-debitur. Barra minn hekk, kif ġustament issostni wkoll il-Kummissjoni, bħala xebh tal-iskema ġenerali tad‑Direttiva 76/308 ma’ dik tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali kif stabbilita, b’mod partikolari, mir-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Novembru 2007, dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (servizz ta’ dokumenti) u li jħassar ir‑Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 (ĠU L 324, p.79), peress li din tal‑aħħar hija suġġetta għal leġiżlazzjoni distinta minn dik li tinkwadra l‑kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji amministrattivi u fiskali, il-proċedura quddiem l-awtoritajiet tat-taxxa jew in-notifika sussegwenti tad-deċiżjonijiet huma rregolati mil-liġijiet tal-Istati Membri.
57 Mill-għan tad-Direttiva 76/308 jirriżulta li din hija hi intiż sabiex tiggarantixxi, b’mod partikolari, it-twettiq effettiv tan-notifiki tal-atti u d-deċiżjonijiet kollha, inklużi dawk ġudizzjarji, relatati ma’ kreditu jew mal-irkupru tiegħu, maħruġa mill-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità applikanti. Issa, din id-direttiva ma tistax tilħaq dan il-għan mingħajr ma tirrispetta l-interessi leġittimi tad-destinatarji tal-imsemmija notifiki (ara, b’analoġija, sentenza tad-9 ta’ Frar 2006, Plumex, C‑473/04, Ġabra p. I-1417 punt 21).
58 F’dan il-kuntest għandu jiġi enfasizzat li l-funzjoni tan-notifika, imwettqa fiż‑żmien xieraq, hija li tqiegħed lid-destinatarju f’pożizzjoni li jifhem is-suġġett u l-kawża tal-att innotifikat u li jkun jista’ jiddefendi d-drittijiet tiegħu (ara, f’dan is‑sens, is-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2008, Weiss und Partner, C-14/07, Ġabra p. I‑3367, punt 73).
59 Għaldaqstant, fil-kuntest tal-assistenza reċiproka skont id-Direttiva 76/308, id‑destinatarju tat-titolu eżekuttiv għandu jkun f’pożizzjoni li jidentifika, b’mod ċert, tal-inqas is-suġġett u l-kawża tat-talba.
60 Fi proċeduri bħal dawk fil-kawża prinċipali, dan huwa l-każ jekk in-notifika ssir b’lingwa uffiċjali tal-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità mitluba. Fil-fatt, skont l-Artikoli 5(1) tad-Direttiva 76/308, in-notifika lid-destinatarju għandha titwettaq mill-awtorità mitluba skont ir-regoli fis-seħħ għan-notifika ta’ atti simili fl-Istat Membru li fih hi tkun tinsab, li jimplika, b’mod partikolari, in-notifika b’lingwa uffiċjali ta’ dan l-Istat Membru.
61 Peress li d-Direttiva 76/308 ma tipprevedix konsegwenzi f’każ ta’ notifika b’lingwa għajr minn lingwa uffiċjali tal-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità mitluba, hija l-qorti nazzjonali li għandha tapplika d-dritt nazzjonali tagħha filwaqt li tishar sabiex tiżgura l-effikaċja sħiħa tad-dritt Komunitarju, li jista’ jwassalha tinterpreta regola nazzjonali li oriġinalment kienet intiża biss għal sitwazzjoni interna sabiex tkun tista’ taplikaha għas-sitwazzjoni transkonfinali inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2005, Leffler, C‑443/03, Ġabra p. I-9611, punt 51).
62 Fil-fatt, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fin‑nuqqas ta’ dispożizzjonijiet Komunitarji espliċiti, hija s-sistema legali interna ta’ kull Stat Membru li għandha tirregola l-modalitajiet proċedurali dwar l-aċċess għall-ġustizzja intiżi sabiex jiżguraw li d-drittijiet tal-individwi li jitnisslu mill-effett dirett tad-dritt Komunitarji jiġu mħarsa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 1976, Rewe-Zentralfinanza u Rewe-Zentral, 33/76, Ġabra p. 1989, punt 5, u Leffler, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49). Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li dawn il-modalitajiet ma jistgħux ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirrigwardaw drittijiet li joriġinaw mis-sistema legali interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li dawn ma għandhomx irendu l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mis-sistema legali Komunitarja prattikament impossibbli u eċċessivament diffiċli (prinċipju ta’ effettività) (ara, is-sentenzi, Rewe-Zentralfinanza u Rewe-Zentral, iċċitata iktar ’il fuq, point 5; tal-10 ta’ Lulju 1997, Palmisani, C-261/95, Ġabra p. I-4025, punt 27; tal-15 ta’ Settembru 1998, Edis, C-231/96, Ġabra p. I-4951, punt 34, u Leffler, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50).
63 B’hekk, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li, fil-kuntest tal-assistenza reċiproka stabbilita bis-saħħa tad-Direttiva 76/308, id-destinatarju ta’ titolu eżekuttiv li jippermetti l-irkupru għandu, sabiex jitqiegħed f’pożizzjoni li jkun jista’ jiddefendi d-drittijiet tiegħu, jirċievi n-notifika ta’ dan it-titolu b’lingwa uffiċjali tal-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità mitluba. Sabiex jiġi ggarantit ir–rispett ta’ dan id-dritt, hija l-qorti nazzjonali li għandha tapplika d-dritt nazzjonali tagħha filwaqt li tishar sabiex tiżgura l-effikaċja sħiħa tad-dritt Komunitarju.
Fuq l-ispejjeż
64 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-Artikolu 12(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 76/308/KEE, tal-15 ta’ Marzu 1976, dwar l-assistenza bejn xulxin [reċiproka] għall-irkupru ta’ pretensjonijiet [krediti] relatati ma’ ċerti imposti, dazji, taxxi u miżuri oħra, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2001/44/KE, tal-15 ta’ Ġunju 2001, għandu jiġi interpretat fis-sens li, bħala regola ġenerali, il‑qrati tal-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità mitluba ma għandhomx ġurisdizzjoni biex jistħarrġu n-natura eżekuttiva tat-titolu li jippermetti l-eżekuzzjoni tal-irkupru. Min-naħa l-oħra, fil-każ fejn jiġi ppreżentat quddiem qorti ta’ dan l-Istat Membru rikors kontra l‑validità jew ir-regolarità tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni, bħan-notifika tat‑titolu eżekuttiv, din il-qorti għandha s-setgħa tistħarreġ jekk dawn il-miżuri twettqux b’mod regolari skont il-liġijiet u r-regolamenti tal‑imsemmi Stat Membru.
2) Fil-kuntest tal-assistenza reċiproka stabbilita bis-saħħa tad‑Direttiva 76/308, kif emendata bid-Direttiva 2001/44, id‑destinatarju ta’ titolu eżekuttiv li jippermetti l-irkupru għandu, sabiex jitqiegħed f’pożizzjoni li jkun jista’ jiddefendi d-drittijiet tiegħu, jirċievi n-notifika ta’ dan it-titolu b’lingwa uffiċjali tal-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità mitluba. Sabiex jiġi ggarantit ir–rispett ta’ dan id-dritt, hija l-qorti nazzjonali li għandha tapplika d-dritt nazzjonali tagħha filwaqt li tishar sabiex tiżgura l-effikaċja sħiħa tad‑dritt Komunitarju.
Firem
* Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.
Full & Egal Universal Law Academy