Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tal-1 ta’ Ottubru 2009 – Il‑Kummissjoni vs Malta
(Kawża C‑252/08)
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Tniġġis u inkonvenjenzi – Impjanti tal‑kombustjoni – Limitazzjoni tal-emissjonijiet ta’ ċerti tniġġis fl-arja”
Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Eżami tal-mertu mill-Qorti tal‑Ġustizzja – Sitwazzjoni li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni – Sitwazzjoni fl‑iskadenza tat-terminu stabbilit mill-opinjoni motivata (Artikolu 226 KE) (ara l‑punt 7)
Suġġett
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Ksur tal-Artikolu 4(1), flimkien mal-Annessi IV A, VI A u VII A, u tal-Artikolu 12, flimkien mal-punt 2 tal-Anness VIII A, tad‑Direttiva 2001/80/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2001, dwar il-limitazzjoni tal-emissjonijiet ta’ ċerti tniġġis fl-arja minn impjanti kbar tal-kombustjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 299) – Nuqqas ta’ osservanza tal-valuri limitu ta’ emissjoni stabbiliti għad-dijossidu tal-kubrit, għall-ossidi tan-nitroġenu u għat‑trab – Impjanti ta’ Delimara u tal-Marsa.
Dispożittiv
1)
Billi ma applikatx b’mod korrett id-Direttiva 2001/80/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2001, dwar il-limitazzjoni tal‑emissjonijiet ta’ ċerti tniġġis fl-arja minn impjanti kbar tal-kombustjoni, fir-rigward tat-tħaddim tal-impjant tal-istim Phase One taċ-ċentrali elettrika ta’ Delimara u taċ-ċentrali elettrika fil-Marsa, ir-Repubblika ta’ Malta naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 4(1) u 12 ta’ din id-direttiva, kif ukoll tal-Annessi IV A, VI A, VII A, u punt 2 tal-Anness VIII A.
2)
Ir-Repubblika ta’ Malta hija kkundannata għall-ispejjeż.
Full & Egal Universal Law Academy