Kawża C-285/08
Moteurs Leroy Somer
vs
Dalkia France
u
Ace Europe
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (Franza))
“Responsabbiltà għal prodotti difettużi — Direttiva 85/374/KEE — Kamp ta’ applikazzjoni — Ħsara kkawżata f’oġġett maħsub għal użu professjonali u użat għal dan l-użu — Sistema nazzjonali li tippermetti lill-vittma titlob kumpens għal din il-ħsara, meta tressaq biss il-prova tal-ħsara, tad-difett u tar‑rabta kawżali — Kompatibbiltà”
Sommarju tas-sentenza
Approssimazzjoni tal-liġijiet — Responsabbiltà għall-prodotti difettużi — Direttiva 85/374
(Direttiva tal-Kunsill 85/374, Artikoli 9 u 13)
Id-Direttiva 85/374, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar responsabbiltà għall‑prodotti difettużi, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix l‑interpretazzjoni ta’ dritt nazzjonali jew l-applikazzjoni ta’ ġurisprudenza interna stabbilita li skonthom il-vittma tista’ titlob kumpens għall-ħsara kkawżata f’oġġett maħsub għall-użu professjonali u użat għal dan l-użu, meta din il-vittma tressaq biss il-prova tal-ħsara, tad-difett fil-prodott u tar-rabta kawżali bejn id-difett u l-ħsara.
Fil-fatt, il-kumpens għall-ħsara kkawżata f’oġġett maħsub għall-użu professjonali u użat għal dan l-użu ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 85/374.
Peress li l-armonizzazzjoni magħmula mill-imsemmija direttiva ma tkoprix il‑kumpens għall-ħsara kkawżata f’oġġett maħsub għall-użu professjonali u użat għal dan l-użu, din id-direttiva ma tipprekludix Stat Membru milli jipprovdi f’dan ir-rigward għal sistema ta’ responsabbiltà analoga għal dik stabbilita minnha.
(ara l-punti 28, 31, 32 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
4 ta’ Ġunju 2009 (*)
“Responsabbiltà għal prodotti difettużi – Direttiva 85/374/KEE – Kamp ta’ applikazzjoni – Ħsara kkawżata f’oġġett maħsub għal użu professjonali u użat għal dan l-użu – Sistema nazzjonali li tippermetti lill-vittma titlob kumpens għal din il-ħsara, meta tressaq biss il-prova tal-ħsara, tad-difett u tar-rabta kawżali – Kompatibbiltà”
Fil-Kawża C‑285/08,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 234 KE, imressqa mill-Cour de cassation (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Ġunju 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑30 ta’ Ġunju 2008, fil-proċedura
Moteurs Leroy Somer
vs
Dalkia France,
Ace Europe,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn P. Jann (Relatur), President tal-Awla, M. Ilešič, A. Tizzano, A. Borg Barthet u J.-J. Kasel, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Moteurs Leroy Somer, minn SCP F. Rocheteau u C. Uzan‑Sarano, avukat,
– għal Dalkia Franza u Ace Europe, minn SCP Coutard – Mayer – Munier-Apaire, avukat,
– għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u R. Loosli-Surrans, bħala aġenti,
– għall-Gvern Spanjol, minn J. López-Medel Bascones, bħala aġent,
– għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn G. Wilms u J.-B. Laignelot, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpetazzjoni tal‑Artikoli 9 u 13 tad-Direttiva tal-Kunsill 85/374/KEE, tal-25 ta’ Lulju 1985, dwar l‑approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar responabbiltà għall-prodotti difettużi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 257).
2 Din it-talba ġiet imressqa fil-kuntest ta’ kawża bejn il-kumpannija Moteurs Leroy Somer u l-kumpanniji Dalkia France u Ace Europe dwar ir-responsabbiltà tal‑ewwel kumpannija għall-ħsara kkawżata f’ġeneratur tal‑elettriku ta’ sptar wara li saħan alternator immanifatturat mill-ewwel kumpannija msemmija.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
3 Id-disa’ u t-tmintax-il premessa tad-Direttiva 85/374 huma fformulati kif ġej:
“Billi l-protezzjoni tal-konsumatur tinħtieġ kumpens għall-mewt u korriment personali kif ukoll kumpens għall-ħsara fi proprjetà; billi din ta’ l-aħħar għandha madankollu tiġi limitata għall-oġġetti għall-użu jew konsum privat [...];
[…]
Billi l-armonizzazzjoni li tirriżulta minn din ma tistax tkun totali fl‑istadju preżenti, iżda tagħti bidu għat-triq lejn armonizzazzjoni akbar; billi huwa għalhekk meħtieġ li l-Kunsill jirċievi f’intervalli regolari, rapporti mill‑Kummissjoni fuq l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, flimkien, skond kif jista’ jkun il-każ, ma’ proposti xierqa”.
4 Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 85/734 “[i]l‑produttur jinżamm responsabbli għal ħsara kkawżata minn difett fil‑prodott tiegħu”.
5 Skont l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, “[i]l-persuna li saritilha l-ħsara hija meħtieġa tagħti prova tal-ħsara, id-difett u r-relazzjoni kawżali bejn id-difett u d‑dannu ”.
6 L-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva tipprovdi:
“Għall-fini ta’ l-Artikolu 1, ‘ħsara’ tfisser:
a) ħsara kkawżata mill-mewt jew minn korrimenti personali;
b) ħsara lil, jew qerda ta’, kull oġġett ta’ proprjetà oħra għajr il‑prodott difettuż innifsu, fi skala anqas minn [EUR] 500 […] kemm-il darba l-oġġett ta’ proprjetà:
i) huwa ta’ tip normalment maħsub għal użu jew konsum privat,
u
ii) kien użat mill-persuna korruta [il-vittma] prinċipalment għall-użu jew konsum privat tagħha.
Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għad‑dispożizzjonijiet nazzjonali rigward ħsara mhux materjali.”
7 L-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:
“Din id-Direttiva mgħandha taffettwa l-ebda drittijiet li persuna korruta [il-vittma] jista’ jkollha skond ir-regoli tal-liġi tar-responsabbiltà kontrattwali jew mhux kontrattwali jew sistema ta’ responsabbiltà speċjali eżistenti meta din id-Direttiva tkun ippubblikata.”
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
8 Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, id-dritt Franċiż jew il‑ġurisprudenza Franċiża stabbilita jippermettu lill-vittma ta’ prodott difettuż li jitlob kumpens għall-ħsara kkawżata f’oġġett maħsub għall-użu professjonali u użat għal dan l‑użu, meta din il-vittma tressaq biss il‑prova tal-ħsara, tad-difett fil-prodott u tar‑rabta kawżali bejn id‑difett u l‑ħsara.
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
9 Ġeneratur tal-elettriku installat fl-1995 mill-kumpannija Wartsila fi sptar f’Lyon ħa n-nar wara li saħan l-alternator immanifatturat minn Moteurs Leroy Somer u minnha mqiegħed fis-suq fl-1994.
10 Dalkia France, responsabbli mill-manutenzjoni ta’ din l-installazzjoni, u l‑assiguratur tagħha, Ace Europe, ikkumpensaw il-ħsara materjali li saret lill‑isptar b’dan l-inċident u mbagħad, surrogati fid-drittijiet ta’ dan tal-aħħar, għamlu kawża kontra Moteurs Leroy Somer għar-rimbors tas-somom imħallsa minnhom.
11 Permezz ta’ sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2006, il-Cour d’appel de Lyon ikkonstatat li Moteurs Leroy Somer kienet marbuta b’obbligu ta’ sigurtà u kkundannatha tħallas lil Dalkia France is-somma ta’ EUR 320 143.03 u lil Ace Europe is-somma ta’ EUR 229 107.
12 Quddiem il-qorti tar-rinviju, Moteurs Leroy Somer b’mod partikolari sostniet li l‑obbligu ta’ sigurtà li kull venditur professjonali għandu ma jkoprix il-ħsara kkważata f’oġġetti maħsuba għal użu professjonali u użati mill-vittma għall-użu professjonali tagħha. Meta kkundannatha sabiex tikkumpensa l-ħsara purament materjali li affettwat lill-ġeneratur tal-elettriku ordnat mill-isptar għall-ħtiġijiet tal‑attività professjonali tagħha, il-Cour d’appel de Lyon allegatament kisret id‑dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 1603 tal-Kodiċi Ċivili, interpretati fid‑dawl tad‑Direttiva 85/374.
13 Peress li kkunsidrat li kienet meħtieġa interpretazzjoni tad-Direttiva 85/374 sabiex tkun tista’ tiddeċiedi fuq l-appell li kellha quddiemha, il-Cour de cassation iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal‑Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“L-Artikoli 9 u 13 tad-Direttiva [85/374] jipprekludi interpretazzjoni ta’ dritt nazzjonali jew ta’ ġurisprudenza interna stabbilita li tippermetti lill‑vittma li titlob kumpens għall-ħsara kkawżata f’oġġett maħsub għall-użu professjonali u użat għal dan l-użu, meta din il-vittma tressaq biss il-prova tal-ħsara, tad-difett fil‑prodott u tar-rabta kawżali bejn id-difett u l‑ħsara?”
Fuq id-domanda preliminari
14 Permezz tad-domanda tagħha, il-Cour de cassation tistaqsi fis-sustanza, jekk id‑Direttiva 85/374 tipprekludix l-interpretazzjoni ta’ dritt nazzjonali jew l‑applikazzjoni ta’ ġurisprudenza interna stabbilita li skonthom il-vittma tista’ titlob kumpens għall-ħsara kkważata f’oġġett maħsub għall-użu professjonali u użat għal dan l-użu, meta din il-vittma tressaq biss il-prova tal-ħsara, tad-difett fil‑prodott u tar-rabta kawżali bejn id-difett u l-ħsara.
15 L-Artikolu 9 tad-Direttiva 85/374 jiddefinixxi t-terminu “ħsara” fis-sens tal‑Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, li jgħid “[i]l-produttur jinżamm responsabbli għal ħsara kkawżata minn difett fil-prodott tiegħu”.
16 Skont dan l-Artikolu 9, minbarra l-ħsara kkawżata mill-mewt jew minn korrimenti personali, l-imsemmi terminu jkopri l-ħsara lil jew il-qerda ta’ kull oġġett ta’ proprjetà oħra għajr il-prodott difettuż innifsu, fi skala inqas minn EUR 500, kemm-il darba l-oġġett ta’ proprjetà huwa ta’ tip normalment maħsub għal użu jew għal konsum privat u kien użat mill‑vittma prinċipalment għall-użu jew għall‑konsum privat tagħha.
17 Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li ħsara bħal dik fil-kawża prinċipali, ikkawżata f’oġġett maħsub għall-użu professjonali u użat għal dan l-użu, ma taqax taħt it‑terminu “ħsara” fis-sens tad-Direttiva 85/374 u, għalhekk, ma tistax twassal għar-responsabbiltà tal-produttur skont l‑Artikolu 1 ta’ din id-direttiva.
18 Issa, fl-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, Moteurs Leroy Somer tikkunsidra li d-Direttiva 85/374, meta ma ssuġġettatx il-ħsara kkawżata f’oġġett maħsub għall-użu professjonali u użat għal dan l-użu għas‑sistema ta’ responsabbiltà li hija tistabbilixxi, tipprekludi lill‑Istati Membri milli jipprevedu sistema ta’ responsabbiltà għal din il‑ħsara bbażata fuq l-istess bażi ta’ dik implementata mill-imsemmija direttiva, jiġifieri fuq il-prova biss tal-ħsara, tad-difett u tar-rabta kawżali bejn id-difett u l-ħsara.
19 F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li s-sistema inkwistjoni fil‑kawża prinċipali tissuġġetta l-possibbiltà għall-vittma li titlob kumpens għall-ħsara kkawżata f’oġġett maħsub għall-użu professjonali u użat għal dan l-użu għal rekwiżiti ta’ prova li jikkorrispondu għal dawk previsti mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 85/374, jiġifieri li l-vittma tipprova l-ħsara, id-difett u r-rabta kawżali bejn id-difett u l-ħsara.
20 Barra minn hekk, huwa veru li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l‑marġni diskrezzjonali li l-Istati Membri għandhom sabiex jirregolaw ir-responsabbiltà għall-prodotti difettużi huwa ddeterminat kompletament mid-Direttiva 85/374 stess u għandu jiġi dedott mill-kliem, mill‑għan u mill-istruttura tagħha (sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, Skov u Bilka, C‑402/03, Ġabra p. I‑199, punt 22 u l‑ġurisprudenza ċċitata).
21 F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li d-Direttiva 85/374 trid tilħaq, fuq l-aspetti li hija tirregola, armonizzazzjoni totali tal-liġijiet, ir-regolamenti u d‑dispożizzjonijiet amministrattivi tal‑Istati Membri (sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, Skov u Bilka, C-402/03, Ġabra p. I-199, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).
22 F’dan ir-rigward, huwa veru wkoll li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 13 tad-Direttiva 85/374, li jipprovdi li din id-direttiva ma taffettwax id-drittijiet li l-vittma ta’ ħsara jista’ jkollha skont ir-regoli tal-liġi tar-responsabbiltà kuntrattwali jew mhux kuntrattwali jew skont sistema ta’ responsabbiltà speċjali eżistenti meta din id-direttiva tiġi nnotifikata, ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jżommu sistema ġenerali ta’ responsabbiltà għall-prodotti difettużi differenti minn dik prevista mill-imsemmija direttiva (sentenza Skov u Bilka, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).
23 Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 13 tad‑Direttiva 85/374 għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sistema stabbilita minn din tal-aħħar ma teskludix l-applikazzjoni ta’ sistemi oħra ta’ responsabbiltà kuntrattwali jew mhux kuntrattwali sakemm dawn ikunu bbażati fuq elementi differenti, bħall‑garanzija għad-difetti li ma jidhrux u l‑ħtija (sentenza Skov u Bilka, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47 u l‑ġurisprudenza ċċitata).
24 Madankollu, jibqa’ l-fatt li d-Direttiva 85/374 tista tipprekludi sistema ta’ responsabbiltà bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali biss sakemm din is‑sistema taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva.
25 Fil-fatt, għalkemm id-Direttiva 85/374, kif ġie mfakkar fil-punt 21 ta’ din is‑sentenza, għandha l-għan li tilħaq, fuq l-aspetti li hija tirregola, armonizzazzjoni totali tal-liġijiet, ir-regoli u d‑dispożizzjonijiet amministrattivi tal‑Istati Membri, madankollu, kif jirriżulta mit‑tmintax-il premessa tagħha, hija ma tippruvax tikseb armonizzazzjoni b’mod eżawrjenti fil-qasam tar-responsabbiltà għall-prodotti difettużi lil hinn mill-imsemmija aspetti.
26 Issa, kif Dalkia France u Ace Europe, il-Gvern Franċiż u l-Gvern Awstrijak kif ukoll il-Kummissjoni sostnew fl-osservazzjonijiet rispettivi tagħhom ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, sistema ta’ responsabbiltà bħal dik inkwistjoni fil‑kawża prinċipali ma taqax fil‑kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 85/374.
27 Fil-fatt, jirriżulta kemm mill-kliem kif ukoll mill-istruttura tad‑Direttiva 85/374, u b’mod partikolari mill-Artikoli 1 u 9 tagħha kif ukoll mid‑disa’ premessa tagħha, li l‑kumpens għall-ħsara kkawżata f’oġġett maħsub għall-użu professjonali u użat għal dan l-użu ma huwiex wieħed mill‑aspetti li l-imsemmija direttiva tirregola, peress li, kif ġie kkonstatat fil-punt 17 ta’ din is-sentenza, ħsara bħal din ma taqax taħt it-terminu “ħsara” fis-sens tal‑Artikolu 1 tad‑Direttiva 85/374, kif iddefinit fl‑Artikolu 9 tagħha.
28 Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li l-kumpens għall-ħsara kkawżata f’oġġett maħsub għall-użu professjonali u użat għal dan l-użu ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 85/374.
29 Din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi invalidata mill-fatt li d-Direttiva 85/374, kif jirriżulta mill-ewwel premessa tagħha u mill-ġurisprudenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi tal-25 ta’ April 2002, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑52/00, Ġabra p. I‑3827, punt 17; Il-Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑154/00, Ġabra. p. I‑3879, punt 13, u González Sánchez, C‑183/00, Ġabra. p. I‑3901, punt 26), ma għandhiex biss l-għan li tevita d‑diverġenzi fil-livell tal-protezzjoni tal-konsumaturi, iżda wkoll li tiżgura kompetizzjoni mhux distorta bejn l-operaturi ekonomiċi u li tiffaċilita l‑moviment liberu tal-merkanzija.
30 Fil-fatt, ma hemm xejn fit-test tad-Direttiva 85/374 li jippermetti li jiġi konkluż li l‑leġiżlatur Komunitarju, meta llimita l-kumpens għall-ħsara fi proprjetà taħt din id-direttiva għall-oġġetti ta’ użu privat jew ta’ konsum privat, ried iċaħħad lill‑Istati Membri, għall-finijiet tal-għan li jiżgura kompetizzjoni mhux distorta u li jiffaċilita l-moviment liberu tal-merkanzija, is-setgħa li jipprovdu, dwar il‑kumpens għall-ħsara kkawżata f’oġġett maħsub għall-użu professjonali u użat għal dan l-użu, għal sistema ta’ responsabbiltà bħal dik stabbilita mill-imsemmija direttiva.
31 Għalhekk, peress li l-armonizzazzjoni magħmula mid-Direttiva 85/374 ma tkoprix il-kumpens għall-ħsara kkawżata f’oġġett maħsub għall-użu professjonali u użat għal dan l-użu, din id-direttiva ma tipprekludix Stat Membru milli jipprovdi f’dan ir-rigward għal sistema ta’ responsabbiltà analoga għal dik stabbilita mill‑imsemmija direttiva.
32 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha li saru qabel, għad-domanda magħmula għandha tingħata risposta li d-Direttiva 85/374 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix l-interpretazzjoni ta’ dritt nazzjonali jew l-applikazzjoni ta’ ġurisprudenza interna stabbilita li skonthom il-vittma tista’ titlob kumpens għall‑ħsara kkawżata f’oġġett maħsub għall-użu professjonali u użat għal dan l‑użu, meta din il-vittma tressaq biss il-prova tal-ħsara, tad-difett fil-prodott u tar‑rabta kawżali bejn id‑difett u l-ħsara.
Fuq l-ispejjeż
33 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal‑imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
Id-Direttiva tal-Kunsill 85/374/KEE, tal-25 ta’ Lulju 1985, dwar l‑approssimazzjoni tal‑liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar responabbiltà għall‑prodotti difettużi għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix l-interpretazzjoni ta’ dritt nazzjonali jew l‑applikazzjoni ta’ ġurisprudenza interna stabbilita li skonthom il-vittma tista’ titlob kumpens għall-ħsara kkawżata f’oġġett maħsub għall‑użu professjonali u użat għal dan l-użu, meta din il-vittma tressaq biss il-prova tal-ħsara, tad-difett fil‑prodott u tar‑rabta kawżali bejn id-difett u l‑ħsara.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.
Full & Egal Universal Law Academy