Kawża C-346/08
Il-Kummissjoni Ewropea
vs
Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Direttiva 2001/80/KE — Tniġġis u inkonvenjenzi — Impjanti tal-kombustjoni — Limitazzjoni tal-emissjonijiet ta’ ċertu tniġġis fl-arja — Nuqqas ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva għaċ-ċentrali elettrika ta’ Lynemouth (ir-Renju Unit)”
Sommarju tas-sentenza
Ambjent — Tniġġis atmosferiku — Direttiva 2001/80 — Kamp ta’ applikazzjoni — Impjanti kbar tal-kombustjoni — Derogi
(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/80, l-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7))
Peress li d-Direttiva 2001/80, dwar il-limitazzjoni tal-emissjonijiet ta’ ċerti tniġġis fl-arja minn impjanti kbar tal-kombustjoni, tiddefinixxi l-impjant tal-kombustjoni bħala apparat tekniku li fih il-karburanti huma ossidizzati sabiex jużaw is-sħana ġġenerata, l-enerġija elettrika ma tikkostitwixxix prodott tal-kombustjoni. Il-prodotti tal-kombustjoni huma, fil-fatt, il-gassijiet tal-iskart, l-irmied u l-fdalijiet l-oħra kif ukoll is-sħana ġġenerata mill-kombustjoni. L-enerġija elettrika la hija prodott materjali ta’ kombustjoni u lanqas hija sħana, iżda tiġi ġġenerata minn numru ta’ operazzjonijiet li fihom il-kombustjoni tiġġenera s-sħana li tiġi użata sabiex tipproduċi fwar, ġewwa boiler li jħaddem turbina li, fl-aħħar nett, tiġġenera l-enerġija elettrika. Li wieħed iqis li l-enerġija elettrika tikkostitwixxi prodott tal-kombustjoni jfisser li dan il-kunċett jeħtieġ li jiġi interpretat b’mod tant wiesa’ li jinkludi fih ukoll prodotti oħra li ma jirriżultawx b’mod dirett minn kombustjoni, u li ma jikkorrispondix mat-tifsira tas-soltu ta’ din l-espressjoni kemm fil-lingwa xjentifika kif ukoll fil-lingwaġġ kurrenti.
L-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7) tad-Direttiva 2001/80 ma tippreċiżax sempliċement il-kunċett ta’ impjant tal-kombustjoni, iżda teskludi ċerti impjanti mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, in-natura derogatorja ta’ din id-dispożizzjoni tirriżulta espressament mill-formulazzjoni tagħha, peress li tipprevedi li l-imsemmija direttiva tapplika għall-impjanti ddisinjati għal produzzjoni tal-enerġija, ħlief għal dawk li jużaw b’mod dirett il-prodott tal-kombustjoni fil-proċessi tal-manifattura. Interpretazzjoni stretta ta’ din id-direttiva hija iktar neċessarja meta l-esklużjoni ta’ ċerti impjanti tal-kombustjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva jmorru kontra l-għan tagħha stess. Fil-fatt, din id-direttiva għandha l-għan li tiġġieled l-aċidifikazzjoni billi jitnaqqsu l-emissjonijiet tad-diossidu tal-kubrit u l-ossidi tan-nitroġenu, li huma kkawżati b’mod sinjifikattiv mill-impjanti kbar tal-kombustjoni, li fosthom hemm iċ-ċentrali tal-enerġija elettrika. Li tiġi estiża l-eċċezzjoni stabbilita mill-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7) tal-imsemmija direttiva liċ-ċentrali elettriċi, li l-produzzjoni tal-enerġija elettrika tagħhom hija użata b’mod dirett fil-proċess tal-manifattura, tista’ tippreġudika l-effettività ta’ din l-istess direttiva.
(ara l-punti 36, 37, 40-42)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
22 ta’ April 2010 (*)
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 2001/80/KE – Tniġġis u inkonvenjenzi – Impjanti tal-kombustjoni – Limitazzjoni tal-emissjonijiet ta’ ċertu tniġġis fl-arja – Nuqqas ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva għaċ-ċentrali elettrika ta’ Lynemouth (ir-Renju Unit)”
Fil-Kawża C‑346/08,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fil-25 ta’ Lulju 2008,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Oliver u A. Alcover San Pedro, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
vs
Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn L. Seeboruth, bħala aġent, assistit minn D. Wyatt, QC,
konvenut,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, G. Arestis, J. Malenovský, T. von Danwitz u D. Šváby (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-10 ta’ Diċembru 2009,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropew qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma żgurax l-applikazzjoni tad-Direttiva 2001/80/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2001, dwar il-limitazzjoni tal-emissjonijiet ta’ ċerti tniġġis fl-arja minn impjanti kbar tal-kombustjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 299), taċ-ċentrali elettrika operata minn Rio Tinto Alcan Smelting and Power (UK) Ltd (iktar ’il quddiem “Alcan”) f’Lynemouth, fil-grigal tal-Ingilterra (iktar ’il quddiem iċ-“ċentrali ta’ Lynemouth”), ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt din id-direttiva.
Il-kuntest ġuridiku
2 Id-Direttiva 2001/80, li ssostitwiet id-Direttiva tal-Kunsill 88/609/KEE, tal-24 ta’ Novembru 1988, dwar il-limitazzjoni ta’ emissjonijiet minn ċerti tniġġis fl-arja minn impjanti kbar tal-kombustjoni (ĠU L 336, p. 1), hija parti mill-istrateġija Komunitarja tal-ġlieda kontra l-aċidifikazzjoni u l-limitazzjoni tal-emissjonijiet ta’ diossidu tal-kubrit, ossidi tan-nitroġenu u trab minn impjanti kbar tal-kombustjoni b’saħħa termika nominali ugwali jew superjuri għal 50 megawatt. Din il-limitazzjoni hija prevista fl-Annessi III sa VII tad-Direttiva 2001/80, li jagħmluha applikabbli għal dawn l-impjanti tal-valuri limitu ta’ emissjoni, espressi bħala konċentrazzjonijiet massimi ta’ dawn is-sustanzi pollutanti fil-gass flue.
3 Is-sitta u l-ħdax-il premessi tad-Direttiva 2001/80 jistabbilixxu:
“(6) L-Impjanti kbar tal-kombustjoni eżistenti huma kontributuri sinjifikattivi tal-emissjonijiet ta’ diossidu tal-kubrit u l-ossidu tan-nitroġenu fil-Komunità u huwa meħtieġ li jitnaqqsu dawn l-emissjonijiet. Huwa għalhekk meħtieġ li jkun adattat l-approċ għall-karatteristiċi differenti tas-settur kbir tal-impjanti tal-kombustjoni fl-Istati Membri.
[…]
(11) L-istallazzjonijiet għall-produzzjoni tal-elettriku jirrap[p]reżentaw parti importanti mis-settur tal-impjanti kbar tal-kombustjoni.”
4 L-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:
“Din id-direttiva għandha tapplika għal impjanti ta’ kombustjoni, li l-input termiku kwotat tagħhom huwa ugwali għal jew ikbar minn 50 MW, irrispettivament mit-tip ta’ karburant użat (solidu, likwidu jew tal-gass).”
5 L-Artikolu 2 tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej:
“Għall-iskopijiet ta’ din id-direttiva:
[…]
7) ‘impjant ta’ kombustjoni’ tfisser kull apparat tekniku fejn il-karburanti huma ossidizzati sabiex jużaw is-sħana ġġenerata.
Din id-direttiva għandha tapplika biss għal impjanti ta’ kombustjoni disinjati għall-produzzjoni tal-enerġija, ħlief għal dawk li jagħmlu użu dirett mill-prodotti ta’ kombustjoni fil-proċessi tal-manifattura. B’mod partikolari, din id-direttiva m’għandhiex tapplika għall-impjanti ta’ kombustjoni li ġejjin:
a) impjanti fejn il-prodotti tal-kombustjoni huma wżati [użati] biex isaħħnu direttament, inixxfu, jew xi trattament ieħor ta’ oġġetti jew materjali, e.ż. fran biex isaħħnu mill-ġdid, fran għat-trattament tas-sħana;
b) impjanti ta’ post-kombustjoni, jiġifieri kull apparat tekniku disinjat biex jippurifika l-gassijiet tal-iskart bil-kombustjoni li mhux operat bħala impjant ta’ kombustjoni indipendenti;
ċ) faċilitajiet għar-riġenerazzjoni ta’ katalisti ta’ xquq katalitiku;
d) faċilitajiet għall-konverżjoni ta’ sulfide tal-idroġenu f’kubrit;
e) reatturi wżati [użati] fl-industrija kemikali;
f) fran ta’ coke battery;
g) cowpers;
ħ) kull apparat tekniku wżat [użat] fil-propulsjoni ta’ vettura, vapur jew ajruplan;
i) turbini tal-gass użati fuq pjattaformi barra mill-kosta;
j) turbini tal-gass mogħtija liċenza qabel is-27 ta’ Novembru 2002 jew li minħabba l-awtorità kompetenti huma s-suġġett ta’ talba sħiħa għal liċenza qabel is-27 ta’ Novembru 2002, kemm-il darba l-impjant ma jitħaddimx iktar tard mis-27 ta’ Novembru 2003 mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7 (1) u l-Anness VIII(A) u (B).
Impjanti mmexxija b’inġenji ta’ diesel, petrol u gass m’għandhomx ikunu koperti b’din id-direttiva.
Meta jkunu nstallati żewġ jew iktar impjanti ġodda separati, b’mod li, meta wieħed jieħu kont tal-fatturi tekniċi u ekonomiċi, il-gassijiet tal-iskart tagħhom jistgħu, fil-ġudizzju tal-awtoritajiet kompetenti, jkunu skarikati permezz ta’ ħemel komuni, il-kombinazzjoni ffurmata minn dawn l-impjanti għandha titqies bħala unità singola;
[…]”
6 Skont l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2001/80, l-Istati Membri għandhom inaqqsu b’mod sinjifikattiv l-emissjonijiet tal-impjanti tal-kombustjoni eżistenti mhux iktar tard mill-1 ta’ Jannar 2008, billi jadottaw id-dispożizzjonijiet xierqa sabiex l-impjanti eżistenti kkonċernati josservaw il-valuri limitu tal-emissjonijiet stabbiliti fl-annessi ta’ din id-direttiva, filwaqt li jiżguraw li l-imsemmija impjanti huma suġġetti għall-pjan nazzjonali ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet (iktar ’il quddiem is-“SNRE”). Taħt l-Artikolu 4(6) tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri kollha li għażlu li japplikaw SNRE għandhom l-obbligu li jikkomunikaw dan lill-Kummissjoni sa mhux iktar tard mis-27 ta’ Novembru 2003, u din tal-aħħar għandha tevalwa, fi żmien sitt xhur mid-data ta’ din il-komunikazzjoni, jekk din l-iskema tissodisfax jew le l-kundizzjonijiet previsti fl-imsemmi Artikolu 4(6).
Il-proċedura prekontenzjuża
7 Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Novembru 2003, ir-Renju Unit issottometta l-ewwel verżjoni tas-SNRE tiegħu lill-Kummissjoni, li fiha tissemma ċ-ċentrali ta’ Lynemouth fost l-impjanti tal-kombustjoni kkonċernati mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2001/80. Fit-28 ta’ April 2005, dan l-Istat Membru ppreżenta verżjoni aġġornata tas-SNRE li fiha jissemma wkoll dan l-impjant. Madankollu, l-imsemmi impjant tneħħa mill-verżjoni riveduta tas-SNRE tiegħu, li ġiet sottomessa lill-Kummissjoni fit-28 ta’ Frar 2006.
8 Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Settembru 2006 lir-Renju Unit, il-Kummissjoni ddikjarat li hija qieset li din it-tneħħija ma kinitx konformi mad-Direttiva 2001/80. Fir-risposta tiegħu tat-2 ta’ Frar 2007, dan l-Istat Membru sostna li ċ-ċentrali ta’ Lynemouth kellha tibbenefika mill-eċċezzjoni ġenerali prevista fl-Artikolu 2(7) ta’ din id-direttiva, minħabba li kienet integrata kompletament ma’ funderija tal-aluminju u kienet tintuża biss għall-produzzjoni ta’ dan il-metall. Huwa enfasizza wkoll l-impatt dgħajjef fuq l-ambjent ta’ din iċ-ċentrali u r-riskju li Alcan joħloq bit-twaqqif tal-operazzjoni ta’ din il-funderija tal-aluminju jekk iċ-ċentrali elettrika tiġi suġġetta għal-limitazzjonijiet previsti fl-imsemmija direttiva.
9 Fid-29 ta’ Ġunju 2007, il-Kummissjoni indirizzat ittra ta’ intimazzjoni lir-Renju Unit, li għaliha dan l-Istat Membru rrisponda permezz ta’ ittra tal-31 ta’ Awwissu 2007.
10 Fit-23 ta’ Ottubru 2007, il-Kummissjoni, billi ma kinitx sodisfatta b’din ir-risposta, indirizzat opinjoni motivata lir-Renju Unit li permezz tagħha hija stiednet lir-Renju Unit itemm in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat, fi żmien xahrejn minn meta jirċievi l-ittra.
11 Peress li ma kinitx konvinta mill-argumenti mressqa mir-Renju Unit permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Diċembru 2007, bħala risposta għall-imsemmija opinjoni motivata, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors.
Fuq ir-rikors
L-argumenti tal-partijiet
12 Il-Kummissjoni ssostni li d-Direttiva 2001/80 tapplika għaċ-ċentrali ta’ Lynemouth u tfakkar li inizjalment, ir-Renju Unit qabel ma’ dan il-punt, peress li inkluda dan l-impjant fil-varji verżjonijiet tal-SNRE tiegħu u tneħħa biss mill-verżjoni riveduta li huwa ssottometta fit-28 ta’ Frar 2006.
13 Skont il-Kummissjoni, id-Direttiva 2001/80 tapplika għall-impjanti tal-kombustjoni kollha ħlief għal dawk li huma esklużi espressament fl-Artikolu 2(7) tad-direttiva, jiġifieri:
– l-impjanti tal-kombustjoni li mhumiex iddisinjati għal produzzjoni tal-enerġija (iktar ’il quddiem “l-eċċezzjoni 1”);
– l-impjanti tal-kombustjoni li jużaw b’mod dirett il-prodott tal-kombustjoni fil-proċessi tal-manifattura (iktar ’il quddiem “l-eċċezzjoni 2”);
– l-impjanti msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(a) sa (f), li huma eżempji tal-eċċezzjonijiet 1 u 2, kif ukoll;
– id-diversi eċċezzjonijiet sui generis imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-imsemmi Artikolu 2(7)(ġ) sa (j), u fit-tielet subparagrafu tal-istess Artikolu 2(7).
14 Il-Kummissjoni ssostni li l-impjanti kollha msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(a) sa (f) tad-Direttiva 2001/80 jaqgħu taħt l-eċċezzjonijiet 1 jew 2, u li huwa loġiku li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, peress li l-metodu jew il-valuri limitu tal-emissjonijiet stabbiliti permezz tal-imsemmija direttiva ma japplikawx faċilment. F’dan ir-rigward, hija tesponi li d-Direttiva 2001/80 għandha l-għan li tirregola l-emissjonijiet iġġenerati mill-kombustjoni (l-ossidazzjoni) ta’ karburanti, u li l-proċess li bih il-valuri limitu tal-emissjonijiet huma kkalkolati jistrieħ fuq l-ipoteżi li huwa prevedibbli li l-emissjonijiet iġġenerati mill-kombustjoni tal-karburanti jiġu użati biex jipprovdu lill-impjant tal-kombustjoni. Meta l-gass flue msaħħan mill-proċessi tal-kombustjoni ta’ karburanti jitħallat ma’ sustanzi oħra, li normalment mhumiex relatati ma’ proċessi tal-kombustjoni qabel l-emissjoni, ir-riżultati ma jkunux prevedibbli b’mod suffiċjenti u jistgħu jiġu applikati biss il-valuri limitu tal-emissjonijiet stabbiliti fl-imsemmija direttiva għal kombustjoni tal-karburanti.
15 Mill-banda l-oħra, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-impjanti msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(ġ) sa (j) tad-Direttiva 2001/80 la għandhom x’jaqsmu mal-eċċezzjoni 1 u lanqas mal-eċċezzjoni 2, u jindika li dawn jikkorrispondu mal-eċċezzjonijiet sui generis.
16 B’mod partikolari, fejn jikkonċerna “cowpers”, imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(ġ) tad-Direttiva 2001/80, u l-eżempju li fuqu r-Renju Unit ibbaża l-fehma tiegħu, il-Kummissjoni tesponi li dawn il-“cowpers” huma mgħammra bi briks refrattarji li jissaħħnu permezz ta’ kuntatt dirett mal-gass flue sħun iġġenerat mill-kombustjoni ta’ karburanti, il-briks sħan wara jiġu użati sabiex isaħħnu l-arja kiesħa li tiċċirkola ’l fuq minnhom, sabiex jipproduċu l-“arja sħuna” li wara titpoġġa ġewwa l-forn sħun. Meta tikkunsidra t-temperatura għolja tal-briks, dawn jirrendu l-imsemmija “cowpers” sostanzjalment differenti mit-tipi kollha l-oħra ta’ impjanti tal-kombustjoni. Barra minn hekk, id-dehra frekwenti ta’ xquq fiż-żebgħa tal-kmamar iwassal għall-kontaminazzjoni ta’ gassijiet iġġenerati mill-kombustjoni minn gassijiet mhux maħruqa ta’ forn sħun. Minħabba dawn iż-żewġ elementi, il-valuri limitu tal-emissjonijiet stabbiliti fl-imsemmija direttiva ma jistgħux jiġu applikabbli faċilment għall-“cowpers”.
17 Il-Kummissjoni ssostni li ebda impjant imsemmi mid-dispożizzjonijet li għandu x’jaqsam mal-eċċezzjoni 2 ma jimplika l-użu tal-enerġija elettrika fil-proċess tal-manifattura jew dak tal-prodotti tal-kombustjoni barra mill-istess impjant tal-kombustjoni.
18 Jekk ma jiġix ikkontestat li ċ-ċentrali ta’ Lynemouth ma taqax taħt l-eċċezzjoni 1, lanqas ma tista jibbenefika mill-eċċezzjoni 2, peress li ma tużax b’mod dirett il-prodott tal-kombustjoni fil-proċess tal-manifattura.
19 Il-Kummissjoni ssostni li jekk kellu jiġi aċċettat li l-użu dirett tal-enerġija elettrika fil-proċess tal-manifattura, iġġenerata minn ċentrali elettrika, jaqa’ taħt l-eċċezzjoni 2, id-diversi impjanti kbar tal-kombustjoni ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2001/80, jekk ikollhom konsegwenzi serji fuq l-ambjent.
20 Il-Kummissjoni tosserva li ċ-ċentrali ta’ Lynemouth hija d-disa’ l-ikbar emittent ta’ diossidu tal-kubrit fir-Renju Unit, li jirrappreżenta 4 % tal-emissjonijiet totali ta’ dan il-gass pollutanti, kif iddikjarat f’dan l-Istat Membru.
21 Ir-Renju Unit isostni li ċentrali elettrika ddisinjata biex tipprovdi l-enerġija elettrika għal fabbrika li tipproduċi l-aluminju bit-trattamenti elettrolitiċi u mibnija esklużivament għal dan il-għan, tagħmel parti minn apparat tekniku li jinkludi fabbrika tal-kombustjoni ddisinjata għal produzzjoni tal-enerġija, li tuża b’mod dirett il-prodotti tal-kombustjoni matul l-operazzjonijet tal-manifattura u, konsegwentement, tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ eżenzjoni stabbiliti fl-Artikolu 2(7) tad-Direttiva 2001/80.
22 Fl-ewwel lok, ir-Renju Unit isostni li l-enerġija elettrika ġġenerata sservi direttament fl-operazzjonijiet tal-manifattura tal-aluminju. Il-fabbrika operata minn Alcan, bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, ma tistax bl-istess mod tuża l-enerġija elettrika pprovduta mix-xibka nazzjonali.
23 Fit-tieni lok, ir-Renju Unit isostni li l-enerġija elettrika ġġenerata minn ċentrali tal-faħam tikkostitwixxi prodott indirett tal-kombustjoni. Issa, l-Artikolu 2(7) tad-Direttiva 2001/80, ma jikkonċernax l-użu dirett tal-prodotti diretti tal-kombustjoni, iżda l-użu dirett tal-prodotti tal-kombustjoni. L-enerġija, bħall-enerġija elettrika, iġġenerata permezz tal-ossidazzjoni tal-karburanti, għandha titqies li hija prodott tal-kombustjoni, peress li dawn huma biss impjanti tal-kombustjoni li fihom il-karburanti jiġu ossidizzati sabiex jipproduċu l-enerġija li hija prevista minn din id-direttiva. L-Artikolu 2(7) ma jispeċifikax li jikkonċerna biss il-prodotti diretti tal-kombustjoni u ma jkunx xieraq li jiġi interpretat f’dan is-sens. Għandu jkun hemm rabta diretta mhux bejn il-kombustjoni u l-proċess tal-manifattura, iżda bejn il-prodotti tal-kombustjoni u l-proċess tal-manifattura. Issa, fil-kawża inkwistjoni, hemm rabta diretta bejn l-enerġija elettrika ġġenerata mill-kombustjoni u l-proċess tal-manifattura adottat, peress li l-enerġija elettrika hija użata minn dan tal-aħħar għall-produzzjoni tal-aluminju.
24 Ir-riferiment għal “cowpers” fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(ġ) tad-Direttiva 2001/80 jikkonferma l-fatt li l-eżenzjoni ma hijiex applikabbli biss fis-sens strett invokat mill-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, ir-Renju Unit ifakkar li, mis-sistema inizjali msemmija fl-Artikolu 2(7) tad-Direttiva 88/609, jirriżulta li l-metodi tekniċi msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(a) sa (ġ) tad-Direttiva 2001/80 jikkostitwixxu eżempji speċifiċi ta’ impjanti tal-kombustjoni li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva tal-aħħar, jew minħabba li mhumiex iddisinjati għall-produzzjoni tal-enerġija, kemm għaliex mhumiex iddestinati għall-produzzjoni tal-enerġija, kemm għaliex jużaw b’mod dirett il-prodotti tal-kombustjoni fil-proċess tal-manifattura. Issa, l-arja sħuna użata fil-“cowpers” ma tissaħħanx b’mod dirett mill-ossidazzjoni tal-karburanti, iżda b’mod indirett wara li l-ossidazzjoni tal-karburanti ssaħħan il-briks refrattarji, liema sħana tbiddel l-arja biex tipprovdi għall-operazzjonijiet tal-manifattura. L-enerġija ġġenerata indirettament b’dan il-mod hija ġustament kkunsidrata bħala prodott tal-kombustjoni skont l-Artikolu 2(7) tad-Direttiva 2001/80, minkejja li tikkonċerna prodott indirett tal-kombustjoni, bl-istess mod li l-enerġija elettrika tikkostitwixxi tali prodotti b’mod indirett fil-każ taċ-ċentrali ta’ Lynemouth. Skont interpretazzjoni tajba tal-Artikolu 2(7), “cowper” huwa marbut ma’ forn sħun bl-istess mod li ċ-ċentrali ta’ Lynemouth hija marbuta mal-funderija tal-aluminju operata minn Alcan. It-tnejn huma sorsi ta’ enerġija magħrufa, integrati mal-proċessi tal-manifattura.
25 Bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, “cowpers”, li jissemmew fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(ġ) tad-Direttiva 2001/80, ma jikkostitwixxux eċċezzjoni sui generis. Il-kliem tal-Artikolu 2(7) tad-Direttiva 88/609 jagħmluha ċara li l-eċċezzjonijiet sui generis huma previsti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(ħ) sa (j) tad-Direttiva 2001/80.
26 Fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni, li jgħid li t-teżi tar-Renju Unit iddgħajjef serjament il-portata tad-Direttiva 2001/80, dan l-Istat Membru jammetti li ma huwiex normali li l-impjanti tal-kombustjoni kollha li jipproduċu l-enerġija elettrika ddisinjata għall-użu dirett għal manifattura ma jkunux suġġetti għar-rekwiżiti ta’ din id-direttiva. Ir-Renju Unit jenfasizza li impjant jiġi eskluż biss meta jkun imfassal għall-uniku għan li jipprovdi l-enerġija elettrika għal proċess tal-manifattura. L-eżempji kollha ċċitati fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(a) sa (i) tal-imsemmija direttiva jirreferu għas-sorsi li jżommu l-enerġija, imfassla u żviluppati għall-finijiet tal-imsemmija proċessi jew attivitajiet. Huwa jsostni li l-uniku prodott tal-kombustjoni li għalih sar riferiment huwa dak li jinkludi l-enerġija.
27 Fil-fehma tar-Renju Unit, il-leġiżlatur Komunitarju ma neħħiex l-impjanti mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2001/80 sabiex jevita l-inkonvenjenzi minuri għall-korpi ta’ regolamenti nazzjonali, iżda sabiex jibbilanċja l-vantaġġi ambjentali u n-nefqa ekonomika tal-inklużjoni ta’ dawn l-impjanti taħt l-imsemmi kamp ta’ applikazzjoni. Issa, fir-rigward tal-impjant inkwistjoni, in-nefqa ekonomika u soċjali marbuta mal-issuġġettar tagħhom għall-imsemmija direttiva taqbeż b’ħafna, minħabba riskju ta’ għeluq ta’ dan l-impjant, li jirriżulta fit-telf ta’ 4 000 impjieg, dirett jew indirett, f’reġjun fejn il-qgħad huwa għoli, il-vantaġġ dgħajjef ambjentali li jirriżulta minn dan l-issuġġettar għall-obbligu ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet tal-kubrit, fid-dawl tas-somom kunsiderevoli investiti matul is-snin li għaddew minn Alcan sabiex itejjeb il-prestazzjoni fil-qasam ambjentali, bis-saħħa tad-Direttiva 2008/1/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Jannar 2008, dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis (ĠU L 24, p. 8), kif ukoll li jissostitwixxu l-produzzjoni inkwistjoni bl-importazzjonijiet minn impjanti barra mill-Unjoni Ewropea, li mhumiex daqstant regolati minn perspettiva ambjentali. Il-produzzjoni tal-aluminju tikkonsma ħafna mill-enerġija, u peress li tiġi suġġettata għat-tali pressjoni, id-Direttiva 2001/80 għandha tiġi interpretata b’mod li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha ċ-ċentrali elettriċi magħrufa li jipprovdu l-enerġija elettrika ddisinjata għal proċessi tat-trattamenti elettrolitiċi.
28 B’risposta għall-argument tal-Kummissjoni li skont dan, minn naħa, il-fabbriki tal-produzzjoni tal-aluminju l-oħra diġà kellhom jadattaw għar-rekwiżiti tad-Direttiva 2001/80, u min-naħa l-oħra, ma teżisti l-ebda raġuni biex jingħata vantaġġ kompetittiv lill-fabbrika operata minn Alcan, ir-Renju Unit isostni li jekk iċ-ċentrali ta’ Lynemouth hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, dan huwa minħabba kunsiderazzjonijiet oġġettivi li japplikaw għall-impjanti kollha li jinsabu fl-istess sitwazzjoni. Iċ-ċentrali ta’ Lynemouth hija l-uniku impjant li jinsab fiż-Żona Ekonomika Ewropea li jinkludi sors li jżomm l-enerġija, imfassal u żviluppat sabiex jipproduċi l-enerġija elettrika ddisinjata għal proċessi tat-trattamenti elettrolitiċi.
29 L-eżenzjoni tal-impjanti tal-kombustjoni ddedikati għall-proċessi tal-manifattura hija loġika, għaliex ikollhom “klijent intern” wieħed biss u għaldaqstant ikollhom mezz wieħed biss għall-irkupru tal-infiq inkors sabiex jikkonformaw ruħhom mad-Direttiva 2001/80. Barra minn hekk, il-prodotti finali tal-proċess tal-manifattura jikkostitwixxu materja prima li tiġi skambjata fis-swieq internazzjonali u jkunu suġġetti għall-kompetizzjoni diretta tal-produtturi stabbiliti barra l-Unjoni, li huma suġġetti għal regoli inqas stretti u li jipproduċu bi spejjeż iktar baxxi, filwaqt li l-impjanti tal-kombustjoni li mhumiex iddedikati jipprovdu għal diversi klijenti, li spiss jappartjenu għall-Istati Membri u ma jkollhom l-ebda kompetituri.
30 Ir-Renju Unit jikkontesta l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-Artikolu 2(7) tad-Direttiva 2001/80 jinkludi prinċipju ġenerali, li għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’, u żewġ eċċezzjonijiet li għandhom jiġu interpretati b’mod strett. Din id-dispożizzjoni tinkludi definizzjoni tal-impjanti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva, u definizzjonijiet ta’ dawk li mhumiex suġġetti għaliha. Ir-Renju Unit iżid li, fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet kontra l-interpretazzjoni stretta tal-eċċezzjonijiet meta tali interpretazzjoni sservi l-għan tal-imsemmija eċċezzjonijiet (sentenza tas-26 ta’ Mejju 2005, Kingcrest Asssociates u Montecello, C‑498/03, Ġabra. p. I‑4427, punti 29 u 32).
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
31 Il-kwistjoni mqajma permezz ta’ dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk iċ-ċentrali ta’ Lynemouth għandhiex titqies li hija impjant tal-kombustjoni li għalih tapplika d-Direttiva 2001/80.
32 Jekk, kif tenfasizza l-Kummissjoni, tista’ tabilħaqq tidher sorprendenti li, wara li inkluda ċ-ċentrali ta’ Lynemouth fost l-impjanti tal-kombustjoni kkonċernati mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2001/80, fl-ewwel żewġ verżjonijiet tas-SNRE sottomessi lill-Kummissjoni matul is-snin 2003 u 2005, skont din id-direttiva, kif ukoll fir-rapporti jew dokumenti kollha stabbiliti mis-sena 1990 skont id-Direttiva 88/609, li kienet tippreċedi lil din tal-aħħar, u li kienet abbozzata b’mod kważi identiku fir-rigward tal-punt inkwistjoni, ir-Renju Unit issa jsostni li l-imsemmija ċentrali ma hijiex suġġetta għar-rekwiżiti tad-Direttiva 2001/80, dan il-fatt huwa madankollu irrilevanti għall-kwistjoni dwar jekk l-imsemmija ċentrali taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-aħħar direttiva.
33 Huwa stabbilit li ċ-ċentrali ta’ Lynemouth hija impjant tal-kombustjoni b’saħħa termika nominali ugwali jew superjuri għal 50 megawatt fis-sens tal-Artikolu 1 u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(7) tad-Direttiva 2001/80.
34 Ir-Renju Unit madankollu jsostni li l-imsemmija ċentrali, mibnija esklużivament bl-għan li tipprovdi l-enerġija elettrika għall-manifattura tal-aluminju fil-funderija ta’ ħdejha, tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-eżenzjoni stabbiliti fl-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7) tad-Direttiva 2001/80, li tgħid li din tal-aħħar tapplika biss għall-impjanti tal-kombustjoni ddisinjati għall-produzzjoni tal-enerġija, ħlief għal dawk li jużaw b’mod dirett il-prodott tal-kombustjoni fil-proċessi tal-manifattura.
35 Ma hemmx dubju li l-elettriku ġġenerat miċ-ċentrali ta’ Lynemouth huwa użat b’mod dirett għall-finijiet tal-operazzjonijiet tal-manifattura tal-aluminju. Fil-fatt, skont il-proċess “Hall-Heroult”, implementat fil-fabbrika operata minn Alcan, l-allumina tipprovdi trattament elettrolitiku li fih tiddewweb, u enerġija elettrika b’vultaġġ għoli tgħaddi mill-anodu għall-katodu u tifred l-allumina mill-aluminju u l-ossiġnu, filwaqt li tipprovdi s-sħana sabiex iżżomm il-fużjoni tal-elettrolitiċi.
36 Madankollu, kif issostni l-Kummissjoni, l-enerġija elettrika ma tikkostitwixxix prodott tal-kombustjoni. Il-prodotti tal-kombustjoni huma, fil-fatt, il-gassijiet tal-iskart, l-irmied u l-fdalijiet l-oħra kif ukoll is-sħana ġġenerata mill-kombustjoni, peress li d-Direttiva 2001/80, tiddefinixxi l-impjant tal-kombustjoni bħala “apparat tekniku li fih il-karburanti huma ossidizzati sabiex jużaw is-sħana ġġenerata”. L-enerġija elettrika la hija prodott materjali ta’ kombustjoni u lanqas hija sħana, iżda tiġi ġġenerata minn numru ta’ operazzjonijiet li fihom il-kombustjoni tiġġenera s-sħana li tiġi użata sabiex tipproduċi fwar, ġewwa boiler li jħaddem turbina li, fl-aħħar nett, tiġġenera l-enerġija elettrika.
37 Li wieħed iqis li l-enerġija elettrika tikkostitwixxi “prodott tal-kombustjoni” ifisser li dan il-kunċett jeħtieġ li jiġi interpretat b’mod tant wiesa’ li jinkludi fih ukoll prodotti oħra li ma jirriżultawx b’mod dirett minn kombustjoni, u li ma jikkorrispondix mat-tifsira tas-soltu ta’ din l-espressjoni kemm fil-lingwa xjentifika kif ukoll fil-lingwaġġ kurrenti.
38 L-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7) tad-Direttiva 2001/80 barra minn hekk tipprekludi tali interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “prodott tal-kombustjoni”, peress li tirreferi għall-impjanti tal-kombustjoni li jużaw “b’mod dirett” il-prodott tal-kombustjoni fil-proċess tal-manifattura. Issa, ma jistax ikun hemm użu dirett tal-prodotti tal-kombustjoni fil-proċess tal-manifattura jekk hemm stadji intermedjarji, bħall-produzzjoni tal-enerġija elettrika, bejn il-kombustjoni u l-proċess tal-manifattura.
39 Il-fatt li dan il-kunċett jiddefinixxi l-portata ta’ eċċezzjoni għal regola ġenerali jmur ukoll kontra interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “prodott tal-kombustjoni”. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, l-eċċezzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod strett sabiex ir-regoli ġenerali ma jitneħħilhomx is-sens tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Kapper, C‑476/01, Ġabra. p. I‑5205, punt 72).
40 Issa, bil-kontra ta’ dak li jsostni r-Renju Unit, huwa ċar li l-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7) tad-Direttiva 2001/80 ma tippreċiżax sempliċement il-kunċett ta’ “impjant tal-kombustjoni”, iżda teskludi ċerti impjanti mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, in-natura derogatorja ta’ din id-dispożizzjoni tirriżulta espressament mill-formulazzjoni tagħha, peress li tipprevedi li l-imsemmija direttiva tapplika għall-impjanti ddisinjati għal produzzjoni tal-enerġija, “ħlief għal dawk li jużaw b’mod dirett il-prodott tal-kombustjoni fil-proċessi tal-manifattura”.
41 Interpretazzjoni stretta tal-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7) tad-Direttiva 2001/80 hija iktar neċessarja meta l-esklużjoni ta’ ċerti impjanti tal-kombustjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva jmorru kontra l-għan tagħha stess. Fil-fatt, kif jirriżulta mir-raba’ u s-sitt premessi tal-imsemmija direttiva, din tal-aħħar għandha l-għan li tiġġieled l-aċidifikazzjoni billi jitnaqqsu l-emissjonijiet tad-diossidu tal-kubrit u l-ossidi tan-nitroġenu, li huma kkawżati b’mod sinjifikattiv l-impjanti kbar tal-kombustjoni.
42 Fl-aħħar nett, peress li l-impjanti li jipproduċu l-enerġija elettrika ġew identifikati, mill-premessa 11 tad-Direttiva 2001/80, bħala l-impjanti prinċipali tal-kombustjoni previsti mill-imsemmija direttiva, li tiġi estiża l-eċċezzjoni stabbilita mill-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7) tal-imsemmija direttiva liċ-ċentrali elettriċi, li l-produzzjoni tal-enerġija elettrika tagħhom hija użata b’mod dirett fil-proċess tal-manifattura, tista’ tippreġudika l-effettività ta’ din l-istess direttiva.
43 Minn dak li jippreċedi, jirriżulta li ċ-ċentrali ta’ Lynemouth ma tistax tibbenefika mill-eċċezzjoni prevista fl-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7) tad-Direttiva 2001/80, għall-impjanti tal-kombustjoni li jużaw b’mod dirett il-prodott tal-kombustjoni fil-proċess tal-manifattura.
44 L-ebda wieħed mill-argumenti mressqa mir-Renju Unit ma jista’ jqiegħed indiskussjoni din il-konstatazzjoni.
45 Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument li jgħid li l-eċċezzjonijiet previsti mid-Direttiva 2001/80 huma bbażati fuq ibbilanċjar tal-ispejjeż tal-applikazzjoni tal-valuri limitu tal-emissjonijiet u l-vantaġġi ambjentali li jirriżultaw, li juru bilanċ li jiġġustifika, fil-kawża inkwistjoni, l-esklużjoni taċ-ċentrali ta’ Lynemouth mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li la l-imsemmija direttiva u lanqas ix-xogħol preparatorju ta’ din tal-aħħar ma juru raġunijiet li jiġġustifikaw kemm l-esklużjoni ġenerali u astratta tal-impjanti tal-kombustjoni li jużaw b’mod dirett il-prodott tal-kombustjoni fil-proċessi tal-manifattura, kif ukoll l-eżempji tal-impjanti speċifiċi msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(a) sa (ġ) tad-Direttiva 2001/80.
46 Skont il-Kummissjoni, l-impjanti tal-kombustjoni li jaqgħu taħt dawn l-eċċezzjonijiet ġew esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2001/80, minħabba l-kontaminazzjoni tal-gassijiet tal-iskart tal-kombustjoni minn pollutanti li tirriżulta mill-użu dirett tal-prodotti tal-kombustjoni fil-proċessi tal-manifattura, b’mod li l-metodu u l-valuri limitu tal-emissjonijiet previsti fl-annessi ta’ din id-direttiva għall-proċessi tal-kombustjoni iżolati mhumiex applikabbli direttament għalihom. Il-Kummissjoni wriet ukoll li t-tipi ta’ impjanti kollha msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(a) sa (ġ) tal-imsemmija direttiva joħolqu kontaminazzjoni ta’ gassijiet tal-iskart tal-kombustjoni, filwaqt li, mill-banda l-oħra, huwa stabbilit li l-użu tal-enerġija elettrika għall-manifattura tal-aluminju ma jaffettwax l-emissjonijiet iġġenerati miċ-ċentrali ta’ Lynemouth.
47 Ir-Renju Unit ma kkontestax l-eżistenza ta’ din il-kontaminazzjoni ta’ gass tal-kombustjoni fl-impjanti differenti msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(a) sa (ġ) tad-Direttiva 2001/80, madankollu huwa tal-fehma li l-eċċezzjonijiet huma bbażati mhux fuq diffikultajiet fl-applikazzjoni ta’ din id-direttiva, iżda fuq bilanċ tal-ispejjeż u l-vantaġġi.
48 L-argument tar-Renju Unit għandu, fi kwalunkwe każ, jiġi miċħud mingħajr il-bżonn li jiġi ddeterminat l-għan eżatt tal-imsemmija eċċezzjonijiet, peress li l-eċċezzjoni fformulata b’mod astratt fl-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7) tad-Direttiva 2001/80 ma tistax tkun ibbażata fuq evalwazzjoni tal-ispejjeż u l-vantaġġi. Fil-fatt, jekk huwa possibbli li jiġu evalwati l-ispejjeż u l-vantaġġi assoċjati mal-applikazzjoni tal-valuri limitu tal-emissjonijiet, sa fejn jikkonċerna impjant speċifiku, jew saħansitra impjanti ta’ tipi speċifiċi, kif inhu msemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(a) sa (ġ) ta’ din id-direttiva, mill-banda l-oħra jista’ jikkonċerna impjanti li jużaw b’mod dirett il-prodotti tal-kombustjoni.
49 Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument li jgħid li l-eċċezzjoni li minnha jibbenefikaw l-“cowpers” tal-fran sħan, imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(ġ) tad-Direttiva 2001/80, turi li l-kunċett ta’ “prodott tal-kombustjoni” għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’ sabiex jinkludi l-prodotti indiretti tal-kombustjoni, bħall-enerġija elettrika, huwa biżżejjed li jiġi osservat li, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 39 tal-konklużjonijiet tagħha, din l-eċċezzjoni tikkonċerna l-użu ta’ prodott dirett tal-kombustjoni, jiġifieri s-sħana. Fil-fatt, l-imsemmija “cowpers” jittrasferixxu, permezz ta’ briks refrattarji, is-sħana ġġenerata mill-kombustjoni fl-arja, wara li din titpoġġa ġewwa forn sħun biex tgħin fil-produzzjoni tal-ħadid.
50 Jekk il-“cowpers” tal-fran sħan ma jikkostitwixxux ċertament eżempju ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni astratta msemmija fl-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7) tad-Direttiva 2001/80, sa fejn is-sħana ġġenerata mill-kombustjoni tiġi użata biss b’mod indirett, minn dan ma jistax jiġi dedott li l-imsemmija eċċezzjoni għandha tiġi interpretata b’mod li teskludi, mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, l-impjanti li jużaw prodotti indiretti tal-kombustjoni fil-proċess tal-manifattura.
51 Hekk kif ammettiet il-Kummissjoni, dan jikkostitwixxi anomalija fil-formulazzjoni, fis-sens li l-imsemmija “cowpers” jikkostitwixxu eċċezzjoni sui generis u mhux applikazzjoni tal-eċċezzjoni astratta li tinsab fl-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7) tad-Direttiva 2001/80. Il-Kummissjoni madankollu spjegat, mingħajr ma ġiet kontradetta mir-Renju Unit, ir-raġunijiet speċifiċi għalfejn il-valuri limitu tal-emissjoniiet stabbiliti f’din id-direttiva mhumiex applikabbli faċilment għal dan it-tip ta’ impjant, peress li t-tisħin tal-briks refrattarji jirrendu l-“cowper” fundamentalment differenti mit-tipi kollha l-oħra ta’ impjanti tal-kombustjoni u li d-dehra frekwenti ta’ xquq fiż-żebgħa tal-kamra jwassal għall-kontaminazzjoni ta’ gassijiet tal-iskart iġġenerati mill-kombustjoni minn gassijiet mhux maħruqa ta’ forn sħun. Bl-istess mod, hekk kif issostni l-Avukat Ġenerali fin-nota ta’ qiegħ il-paġna li tinsab taħt il-punt 40 tal-konklużjonijiet tagħha, sabiex tiġi ffrankata l-enerġija, il-“cowpers” ta’ spiss jaħarqu gass li jiġi ġġenerat fil-fran sħan, liema gass huwa diġà mniġġes, b’mod li minkejja li jsir trattament permezz tal-użu tal-aħjar teknika disponibbli, il-valuri limitu tal-emissjonijiet stabbiliti mill-imsemmija direttiva ma jistgħux jiġu osservati.
52 Iż-żieda, mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(ħ) sa (j) tad-Direttiva 2001/80, ta’ eċċezzjonijiet oħra għal tliet tipi ta’ impjanti li ma jistgħux jiġu manifestament inklużi iktar taħt l-eċċezzjoni ġenerali u astratta li tinsab fl-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7) ta’ din id-direttiva, madankollu, tikkonferma li s-sens u l-portata tal-imsemmija eċċezzjoni ġenerali ma jistgħux jiġu ddeterminati fuq il-bażi ta’ eċċezzjoni speċifika.
53 Għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-ebda waħda mill-eċċezzjonijiet speċifiċi stipulati fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(a) sa (ġ) tad-Direttiva 2001/80 ma testendi għall-użu tal-prodotti tal-kombustjoni barra mill-istess impjant tal-kombustjoni, u lanqas għall-użu tal-enerġija elettrika fil-proċess tal-manifattura.
54 Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li d-Direttiva 2001/80 tapplika għaċ-ċentrali ta’ Lynemouth, u li r-rikors tal-Kummissjoni għandu jintlaqa’.
55 Konsegwentement, għandu jingħad li, billi ma żgurax l-applikazzjoni tad-Direttiva 2001/80 għaċ-ċentrali ta’ Lynemouth, ir-Renju Unit naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt din id-direttiva.
Fuq l-ispejjeż
56 Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Renju Unit tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) Billi ma żgurax l-applikazzjoni tad-Direttiva 2001/80 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2001, dwar il-limitazzjoni tal-emissjonijiet ta’ ċerti tniġġis fl-arja minn impjanti kbar tal-kombustjoni, taċ-ċentrali elettrika operata minn Rio Tinto Alcan Smelting and Power (UK) Ltd f’Lynemouth, fil-grigal tal-Ingilterra, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt din id-direttiva.
2) Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq huwa kkundannat għall-ispejjeż.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.
Full & Egal Universal Law Academy