Kawża C‑365/08
Agrana Zucker GmbH
vs
Bundesminister für Land- und Forstwirtschaft, Umwelt und Wasserwirtschaft
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (l‑Awstrija))
“Zokkor — Regolament (KE) Nru 318/2006 — Artikolu 16 — Kalkolu tal-ammont tat-taxxa fuq il-produzzjoni — Inklużjoni tal-kwantità ta’ zokkor suġġett għal kwota li ġiet irtirata mis-suq fil-bażi ta’ stima tat-taxxa — Prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni”
Sommarju tas-sentenza
1. Agrikoltura — Organizzazzjoni komuni tas-swieq — Zokkor — Taxxa fuq il-produzzjoni — Bażi ta’ kalkolu
(Regolament tal-Kunsill Nru 318/2006, Artikoli 16 u 19; Regolament tal-Kummissjoni Nru 290/2007, Artikolu 1)
2. Agrikoltura — Organizzazzjoni komuni tas-swieq — Zokkor — Taxxa fuq il-produzzjoni — Bażi ta’ kalkolu
(Regolamenti tal-Kunsill Nru 318/2006, Artikoli 16 u 19, u Nru 320/2006; Regolament tal-Kummissjoni Nru 290/2007, premessa 8)
1. L-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 318/2006, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor, għandu jiġi interpretat fis-sens li l‑kwantità ta’ zokkor suġġett għal kwota rtirata mis-suq skont l-Artikolu 19 ta’ dan ir-regolament u l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 290/2007, li jistabbilixxi, għas-sena tas-suq 2007/2008, il-perċentwal imsemmi fl‑Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 318/2006, hija inkluża fil-bażi ta’ stima tat‑taxxa fuq il-produzzjoni.
Fil-fatt, mill-kontenut u l-istruttura tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 318/2006 jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried, fil-kuntest tar-riforma tal‑organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor, jistabbilixxi taxxa ġdida li l-bażi ta’ stima tagħha ma tkunx il-kwantità ta’ zokkor effettivament prodotta, iżda l-kwota ta’ zokkor allokata. B’hekk, filwaqt li l-Artikolu 16(1) jistabbilixxi l-prinċipju tal-ġbir ta’ taxxa fuq il-kwota ta’ zokkor allokata lill-impriżi li jipproduċu z-zokkor, l-Artikolu 16(2) għandu bħala għan ewlieni li jiffissa l-ammont tal-imsemmija taxxa.
Din l-analiżi hija kkonfermata mill-Artikolu 16(3) tar-Regolament Nru 318/2006, li jippreċiża, min-naħa tiegħu, il-modalitajiet konkreti tal‑ġbir tat-taxxa fuq il-produzzjoni. Fil-fatt, minn naħa, fl-ewwel subparagrafu tiegħu, huwa jiddisponi li t-totalità tat-taxxa fuq il-produzzjoni mħallsa skont l-Artikolu 16(1) għandha tinġabar mill-Istati Membri mingħand l‑impriżi stabbiliti fit-territorju tagħhom skont il-kwota allokata għas-sena tas-suq ikkonċernata. Min-naħa l-oħra, fit-tieni subparagrafu tiegħu, dan l‑Artikolu 16(3) jeħtieġ li l-ħlas isir mill-impriżi sa mhux iktar tard minn tmiem ix-xahar ta’ Frar tas-sena tas-suq korrispondenti. Issa, f’din id-data, il-kwantità prodotta għal din is-sena ma tkunx magħrufa, peress li, skont l‑Artikolu 1(2) tal-imsemmi regolament, sena tas-suq tibda mill-1 ta’ Ottubru u tispiċċa fit-30 ta’ Settembru tas-sena ta’ wara.
Barra minn hekk, la mir-Regolament Nru 318/2006 u lanqas minn kull element ieħor ma jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried inaqqas mill-bażi ta’ stima tat-taxxa fuq il-produzzjoni l-kwantità ta’ zokkor suġġett għal kwota rtirata mis-suq skont l-Artikolu 19 ta’ dan ir-regolament.
(ara l-punti 22-25 u d-dispożittiv 2)
2. L-inklużjoni tal-kwantità ta’ zokkor suġġett għal kwota rtirata mis-suq fil‑bażi ta’ stima tat-taxxa fuq il-produzzjoni stabbilita mill-Artikolu 16 tar‑Regolament Nru 318/2006, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor, ma hijiex manifestament inadegwata sabiex jinkiseb l‑għan imfittex mill-imsemmi regolament u, konsegwentement, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità.
Barra minn hekk, inklużjoni bħal din ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tmur kontra l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Huwa minnu li din tista’ twassal, minħabba l-metodu tal-iffissar ta’ dan l-irtirar, għal trattament differenti tal-impriżi li jinsabu f’sitwazzjoni eventwalment paragunabbli iżda stabbiliti fi Stati Membri differenti. Madankollu, tali trattament tal-impriżi jidher oġġettivament ġustifikat. Fil-fatt, peress li t-tqassim tal-kwoti bejn l-impriżi u l-ġestjoni tagħhom jibqgħu żgurati mill-Istati Membri, ir‑rinunzja għal kwoti hija wkoll organizzata minn kull wieħed minnhom u tvarja minn wieħed għall-ieħor. F’dan il-kuntest, kif jirriżulta wkoll mill‑premessa 8 tar-Regolament Nru 290/2007, li jistabbilixxi, għas-sena tas-suq 2007/2008, il-perċentwal imsemmi fl-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 318/2006, huwa neċessarju li jiġi kkunsidrat il-fatt li r‑restrizzjonijiet marbuta mal-miżura ta’ rtirar jistgħu jkollhom konsegwenzi ekonomiċi serji għall-impriżi fl-Istati Membri li għamlu sforzi partikolari fil-kuntest tal-iskema għar-ristrutturar stabbilita mir-Regolament Nru 320/2006, li jistabbilixxi skema temporanja għar-ristrutturar tal‑industrija taz-zokkor fil-Komunità u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1290/2005 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni, u li tali effett imur kontra l-għan stess ta’ din l-iskema u tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq, li hija intiża sabiex tiggarantixxi l-vijabbiltà u l‑kompetitività ta’ dan is-settur. B’hekk, l-eżenzjoni totali jew parzjali tal-applikazzjoni tal-perċentwali ta’ rtirar komuni għall-Istati Membri għandha bħala għan li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-isforzi speċjali magħmula minnhom sabiex jiġu rrinunzjati b’mod definittiv il-kwoti.
(ara l-punti 40, 45-47)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
20 ta’ Mejju 2010 (*)
“Zokkor – Regolament (KE) Nru 318/2006 – Artikolu 16 – Kalkolu tal-ammont tat-taxxa fuq il-produzzjoni – Inklużjoni tal-kwantità ta’ zokkor suġġett għal kwota li ġiet irtirata mis-suq fil-bażi ta’ stima tat-taxxa – Prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni”
Fil-Kawża C‑365/08,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Lulju 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Awwissu 2008, fil-proċedura
Agrana Zucker GmbH
vs
Bundesminister für Land- und Forstwirtschaft, Umwelt und Wasserwirtschaft,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, C. Toader, K. Schiemann, P. Kūris (Relatur) u L. Bay Larsen, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,
Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Novembru 2009,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Agrana Zucker GmbH, minn W. Schwartz u H.‑J. Prieß, avukati, kif ukoll minn B. Kurzai u H. Husemeyer,
– għall-Gvern Spanjol, minn F. Díez Moreno, bħala aġent,
– għall-Gvern Litwan, minn D. Kriaučiūnas, bħala aġent,
– għall-Gvern Pollakk, minn M. Dowgielewicz, bħala aġent,
– għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn M. Moore u Z. Kupčová, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn F. Erlbacher u P. Rossi, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta’ Jannar 2010,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni u l-validità tal-Artikolu 16 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006, tal-20 ta’ Frar 2006, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor (ĠU L 58, p.1).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ appell ippreżentat minn Agrana Zucker GmbH (iktar ’il quddiem “Agrana Zucker”) mid-deċiżjoni tal-Bundesministerium für Land- und Forstwirtschaft, Umwelt und Wasserwirtschaft (Ministeru Federali tal-Agrikoltura, tal-Foresti, tal-Ambjent u tal-Ilma) tal-25 ta’ Marzu 2008 dwar l-ammont tat-taxxa fuq il-produzzjoni għas-sena tas-suq 2007/2008.
Il-kuntest ġuridiku
Ir-Regolament Nru 318/2006
3 Ir-Regolament Nru 318/2006, adottat mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fil-kuntest tar-riforma tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor li seħħet matul is-sena 2006, stabbilixxa sistema ġdida u tnaqqis ġdid tal-kwoti. Barra minn hekk, stabbilixxa taxxa msejħa “taxxa fuq il-produzzjoni” u ppreveda numru ta’ strumenti ġodda tas-suq li għandhom jiġu amministrati mill-Kummissjoni Ewropea, bħall-irtirar mis-suq.
4 Fir-rigward tat-taxxa fuq il-produzzjoni, il-premessa 19 tar-Regolament Nru 318/2006 tipprevedi kif ġej:
“Għandha tiġi stabbilita taxxa fuq il-produzzjoni sabiex tikkontribwixxi għall-finanzjament tal-ispejjeż li jsiru fil-kuntest tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
5 L-Artikolu 16 tal-imsemmi regolament, intitolat “Taxxa fuq il-produzzjoni”, jiddisponi:
“1. Mis-sena tas-suq 2007/2008, għandha tiġi imposta taxxa fuq il-produzzjoni fuq il-kwota ta’ zokkor, […] allokata lill-impriżi li jipproduċu z-zokkor […]
2. It-taxxa fuq il-produzzjoni għandha tiġi ffissata għal EUR 12.00 għal kull tunnellata ta’ zokkor suġġett għal kwota […].
3. It-totalità tat-taxxa fuq il-produzzjoni mħallsa skont il-paragrafu 1 għandha tinġabar mill-Istati Membri mingħand l-impriżi stabbiliti fit-territorju tagħhom skont il-kwota allokata għas-sena tas-suq ikkonċernata.
Il-ħlas għandu jsir mill-impriżi mhux iktar tard minn tmiem ix-xahar ta’ Frar tas-sena tas-suq korrispondenti.
4. L-impriżi tal-Komunità li jipproduċu z-zokkor […] jistgħu jeżiġu mill-produtturi tal-pitravi, tal-kannamiela jew taċ-ċikwejra li jħallsu sa 50 % tat-taxxa fuq il-produzzjoni korrispondenti”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]
6 Il-frażi “zokkor suġġett għal kwota” hija ddefinita fl-Artikolu 2(5) tar-Regolament Nru 318/2006 bħala kull kwantità ta’ zokkor li tiġi prodotta u li tiġi allokata lil sena tas-suq partikolari, taħt il-limitu tal-kwota tal-impriża kkonċernata.
7 L-Artikolu 1(2) tar-Regolament 318/2006 jippreċiża li sena ta’ suq tibda mill-1 ta’ Ottubru u tintemm fit-30 ta’ Settembru tas-sena ta’ wara.
8 Fir-rigward tal-irtirar mis-suq, il-premessa 22 ta’ dan ir-regolament tipprovdi dan li ġej:
“Għandhom jiġu stabbiliti strumenti ġodda tas-suq li għandhom jiġu amministrati mill-Kummissjoni […] [S]abiex il-bilanċ strutturali tas-swieq fis-settur taz-zokkor jinżamm f’livell ta’ prezz li huwa qrib il-prezz ta’ referenza, il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tiddeċiedi li tirtira kwantitajiet ta’ zokkor mis-suq sakemm jerġa’ jiġi stabbilit bilanċ fis-suq”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]
9 L-Artikolu 19 tal-imsemmi regolament, intitolat “Irtirar ta’ zokkor mis-suq”, huwa fformulat kif ġej:
“1. Sabiex il-bilanċ strutturali tas-suq jinżamm f’livell ta’ prezz li huwa qrib il-prezz ta’ referenza, fid-dawl tal-impenji tal-Komunità li jirriżultaw mill-ftehim konklużi skont l-Artikolu 300 tat-Trattat [KE], perċentwali, komuni għall-Istati Membri kollha, ta’ zokkor suġġett għal kwota […] tista’ tiġi rtirata mis-suq sal-bidu tas-sena tas-suq ta’ wara.
[…]
2. Il-perċentwali ta’ rtirar imsemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi ddeterminata sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Ottubru tas-sena tas-suq ikkonċernata, abbażi tal-iżvilupp mistenni tas-swieq matul dik is-sena tas-suq.
3. Kull impriża li tkun ġiet allokata lilha kwota għandha taħżen, bl-ispejjeż għaliha, matul il-perijodu ta’ rtirar, il-kwantitajiet ta’ zokkor li jikkorrispondu għall-applikazzjoni tal-perċentwali msemmija fil-paragrafu 1 għall-produzzjoni tagħha taħt kwota għas-sena tas-suq ikkonċernata.
Il-kwantitajiet ta’ zokkor irtirati mis-suq matul sena tas-suq għandhom jiġu kkunsidrati bħala l-ewwel kwantitajiet prodotti taħt kwota għas-sena tas-suq ta’ wara. Madankollu, skont l-iżvilupp mistenni tas-suq taz-zokkor, jista’ jiġi deċiż, skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 39(2), li, għas-sena tas-suq kurrenti u/jew għas-sena tas-suq ta’ wara, jiġi kkunsidrat li z-zokkor […], kollu jew parti minnu, irtirat mis-suq huwa:
– zokkor eċċessiv […] li jista’ jsir zokkor industrijali […],
jew
– produzzjoni suġġetta għal kwota temporanja, li parti minnha tista’ tiġi rriżervata għall-esportazzjoni sabiex jiġu rrispettati l-impenji tal-Komunità li jirriżultaw mill-ftehim konklużi skont l-Artikolu 300 tat-Trattat.
[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
Ir-Regolament Nru 290/2007
10 Il-premessa 8 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 290/2007, tas-16 ta’ Marzu 2007, li jistabbilixxi, għas-sena tas-suq 2007/2008, il-perċentwal imsemmi fl-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 318/2006 (ĠU L 56M, p. 130) tipprovdi li ġej:
“Fl-istess kuntest, ikun jeħtieġ li jitqies il-fatt li l-limitazzjonijiet marbuta mal-miżura preventiva jistgħu jkollhom konsegwenzi ekonomiċi serji għall-impriżi fl-Istati Membri li għamlu sforzi partikolari fil-qafas tas-sistema ta’ ristrutturar stabbilit mir-Regolament (KE) Nru 320/2006. Effett bħal dan imur kontra l-għan proprju ta’ din is-sistema u ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor, li l-għan tagħha hu li tiggarantixxi l-vijabilità u l-kompetittività ta’ dan is-settur. Għalhekk, jeħtieġ li tkun prevista eżenzjoni mill-applikazzjoni tal-perċentwal ta’ l-irtirar preventiv għall-Istati Membri fi proporzjon mal-perċentwal tal-kwota nazzjonali li ġie rrinunzjat fil-qafas tas-sistema tar-ristrutturar imsemmija hawn fuq.”
11 L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 290/2007 jiddisponi:
“1. Għas-sena tas-suq 2007/2008, il-perċentwal imsemmi fl-Artikolu 19(1) tar-Regolament (KE) Nru 318/2006 għandu jkun ta’ 13,5 %.
2. B’deroga mill-paragrafu 1:
a) il-perċentwal imsemmi fil-paragrafu ta’ hawn fuq ma japplikax għall-impriżi bi produzzjoni anqas minn 86,5 % tal-kwota tagħhom għas-sena tas-suq 2007/2008,
b) għall-imprizi li, għas-sena tas-suq 2007/2008, jipproduċu kwantità daqs jew ogħla minn 86,5 % tal-kwota tagħhom, il-kwantitajiet prodotti ’l fuq mil-limitu tat-86,5 % huma rtirati,
c) Il-perċentwal fil-paragrafu 1 ma japplikax għall-kwantitajiet prodotti fl-Istati Membri li l-kwota nazzjonali ta’ zokkor tagħhom ġiet irrinunzjata għal talanqas 50 % mill-1 ta’ Lulju 2006, bħala konsegwenza tar-rinunzja għall-kwoti skond l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 320/2006.
Għall-Istati Membri li l-kwota nazzjonali tagħhom ġiet irrinunzjata għal talanqas 50 % mill-1 ta’ Lulju 2006, bħala konsegwenza tar-rinunzja għall-kwoti skond l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 320/2006, il-perċentwal ta’ l-irtirar previst mill-ewwel paragrafu jitnaqqas bi proporzjon mal-kwoti rrinunzjati.
Il-perċentwal li japplika skond dan il-punt huwa stabbilit fl-Anness.
[…]
4. Il-kwantitajiet irtirati skond il-paragrafu 2(b) u l-paragrafu 3 jitqiesu bħala eċċess ta’ zokkor […] tas-sena tas-suq 2007/2008, li jistgħu jinbidlu f’zokkor […]
[…]”
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
12 Fl-2006, l-awtorità amministrattiva kompetenti allokat lil Agrana Zucker kwota ta’ 405 812.4 tunnellati għall-produzzjoni ta’ zokkor għas-snin ta’ suq 2006/2007 sa 2014/2015. Għas-sena ta’ suq 2006/2007, l-istess awtorità ffissat, skont l-Artikolu 1(1) u (2)(b) tar-Regolament Nru 290/2007, limitu ta’ produzzjoni suġġett għal kwota applikabbli għal Agrana Zucker għal 86.5 % mill-kwota tagħha, jiġifieri 351 027.73 tunnellati, biex b’hekk imponiet ukoll lil din il-kumpannija rtirar ta’ 13.5 % mill-kwota tagħha, jiġifieri 54 784.67 tunnellati ta’ zokkor.
13 Permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Jannar 2008, l-Agrarmarkt Austria (korp regolatorju) iffissa l-ammont tat-taxxa fuq il-produzzjoni dovuta minn Agrana Zucker għas-sena tas-suq 2007/2008 għal Eur 4 869 748.80 u talab lil din sabiex tħallsu dan l-ammont.
14 Peress li lmentat li t-taxxa fuq il-produzzjoni ġiet ikkalkolata abbażi tal-kwota allokata lilha, u għalhekk li kienet tinkludi, f’din il-bażi, l-57 246.84 tunnellati ta’ zokkor irtirati li hija ma setgħetx tbiegħ bħala kwantità ta’ zokkor taħt il-kwota, Agrana Zucker ressqet ilment kontra d-deċiżjoni tal-Agrarmarkt Austria quddiem il-Bundesminister für Land- und Forstwirtschaft, Umwelt und Wasserwirtschaft. Din tal-aħħar ċaħdet l-imsemmi ilment permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Marzu 2008, liema deċiżjoni hija s-suġġett tal-proċeduri mressqa quddiem il-qorti tar-rinviju.
15 Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Agrana Zucker issostni fil-kawża prinċipali li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-kwantità ta’ zokkor irtirata mis-suq fil-kalkolu tat-taxxa fuq il-produzzjoni jikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità u dak tan-nondiskriminazzjoni kif stabbilit fl-Artikolu 34(2) KE. Tali ksur seta’ ġie evitat, skontha, kieku l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 318/2006 ġie interpretat skont id-dritt primarju.
16 Il-qorti tar-rinviju tirrileva essenzjalment li, fid-dawl taż-żewġ opinjonijiet legali taż-żewġ partijiet, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Mejju 2008, Zuckerfabrik Jülich et (C‑5/06 u C‑23/06 sa C‑36/06, Ġabra p. I‑3231) u r-riżervazzjoni espressa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fir-rigward tal-validità tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 318/2006, il-problema li tinsab fil-kuntest tad-dritt tal-Unjoni ma tistax tiġi solvuta faċilment u s-soluzzjoni tagħha ma tinsabx fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.
17 Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Verwaltungsgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) L-Artikolu 16 tar-Regolament […] Nru 318/2006 […] għandu jiġi interpretat fis-sens li anke kwota taz-zokkor li ma tistax tintuża minħabba rtirar mis-suq, b’mod preventiv, skont l-Artikolu 1 tar-Regolament […] Nru 290/2007 […] għandha tagħmel parti sħiħa mill-kalkolu tal-ammont tat-taxxa fuq il-produzzjoni?
2) F’każ ta’ risposta pożittiva għall-ewwel domanda:
L-Artikolu 16 tar-Regolament […] Nru 318/2006 […] huwa kompatibbli mad-dritt primarju u b’mod partikolaru mal-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni li jirriżultaw mill-Artikolu 34 KE?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
18 Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ssaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 318/2006 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kwantità ta’ zokkor taħt kwota rtirata mis-suq skont l-Artikolu 19 ta’ dan ir-regolament u l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 290/2007 hija inkluża fil-bażi ta’ stima tat-taxxa fuq il-produzzjoni.
19 Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kif ukoll il-Gvern ta’ Spanja u l-Gvern tal-Litwanja huma tal-opinjoni li t-taxxa fuq il-produzzjoni tapplika għall-kwantità ta’ zokkor suġġett għal kwota effettivament prodotta li tista’ titneħħa bħala tali, u mhux għall-kwota stess. Isegwi li l-kwantita ta’ zokkor irtirata ma għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ddeterminata l-bażi ta’ stima tal-imsemmija taxxa.
20 F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 318/2006 jipprevedi li, mis-sena tas-suq 2007/2008, ser tinġabar taxxa fuq il-produzzjoni fuq il-kwota ta’ zokkor allokata lill-impriżi li jipproduċu z-zokkor. Din id-dispożizzjoni tindika b’hekk b’mod ċar li l-imsemmija kwota tikkostitwixxi l-bażi ta’ stima tat-taxxa fuq il-produzzjoni. Minn dan jirriżulta li l-bażi ta’ stima tat-taxxa li għandha titħallas minn impriża li tipproduċi z-zokkor hija kkostitwita mill-kwota ta’ zokkor li ġiet allokata lilha għas-sena tas-suq ikkonċernata.
21 Huwa minnu li t-termini “taxxa fuq il-produzzjoni” użati fil-premessa 19 tar-Regolament Nru 318/2006 kif ukoll fit-titolu u d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament jistgħu jwasslu għal konfużjoni fir-rigward tad-definizzjoni tal-bażi ta’ stima ta’ din it-taxxa, peress li huma jidhru li qed jirreferu mhux għal taxxa li tapplika għal kwota iżda għal taxxa li tapplika għal oġġetti effettivament prodotti. Dan jgħodd ukoll għall-kliem tal-Artikolu 16(2) tal-imsemmi regolament li jipprovdi li t-“taxxa fuq il-produzzjoni għandha tiġi ffissata għal EUR 12 għal kull tunnellata ta’ zokkor suġġett għal kwota”, peress li z-“zokkor suġġett għal kwota” huwa ddefinit fl-Artikolu 2(5) tal-imsemmi regolament bħala kull kwantità ta’ zokkor li tiġi prodotta u li tiġi allokata lil sena tas-suq partikolari, taħt il-limitu tal-kwota tal-impriża kkonċernata.
22 Mandankollu, hekk kif tirreleva l-Avukat Ġenerali fil-punti 46 sa 51 tal-konklużjonijiet tagħha, mill-kontenut u l-istruttura tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 318/2006 jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried, fil-kuntest tar-riforma tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor, jistabbilixxi taxxa ġdida li l-bażi ta’ stima tagħha ma tkunx il-kwatità ta’ zokkor effettivament prodotta iżda l-kwota ta’ zokkor allokata. Fil-fatt, filwaqt li l-Artikolu 16(1) jistabbilixxi l-prinċipju tal-ġbir ta’ taxxa fuq il-kwota ta’ zokkor allokata lill-impriżi li jipproduċu z-zokkor, l-Artikolu 16(2) għandu bħala għan ewlieni li jiffissa l-ammont tal-imsemmija taxxa.
23 Din l-analiżi hija kkonfermata mill-Artikolu 16(3) tar-Regolament Nru 318/2006, li jippreċiża, min-naħa tiegħu, il-modalitajiet konkreti tal-ġbir tat-taxxa fuq il-produzzjoni. Fil-fatt, minn naħa, fl-ewwel subparagrafu tiegħu, huwa jiddisponi li “[i]t-totalità tat-taxxa fuq il-produzzjoni mħallsa skont il-paragrafu 1 għandha tinġabar mill-Istati Membri mingħand l-impriżi stabbiliti fit-territorju tagħhom skont il-kwota allokata għas-sena tas-suq ikkonċernata.” Min-naħa l-oħra, fit-tieni subparagrafu tiegħu, dan l-Artikolu 16(3) jeħtieġ li l-ħlas isir mill-impriżi mhux iktar tard minn tmiem ix-xahar ta’ Frar tas-sena tas-suq korrispondenti. Issa, f’din id-data, il-kwantità prodotta għal din is-sena ma tkunx magħrufa, peress li, skont l-Artikolu 1(2) tal-imsemmi regolament, sena tas-suq tibda mill-1 ta’ Ottubru u tispiċċa fit-30 ta’ Settembru tas-sena ta’ wara.
24 Barra minn hekk, la mir-Regolament Nru 318/2006 u lanqas minn kull element ieħor ma jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried inaqqas mill-bażi ta’ stima tat-taxxa fuq il-produzzjoni l-kwantità ta’ zokkor suġġett għal kwota rtirata mis-suq skont l-Artikolu 19 ta’ dan ir-regolament. It-teżi li din it-taxxa tapplika biss għall-kwantità ta’ zokkor li tikkorrispondi għad-differenza bejn il-kwota ta’ zokkor allokata u l-kwantità ta’ zokkor suġġett għal kwota rtirata mis-suq ma għandha ebda bażi partikolari fl-Artikolu 16 tal-imsemmi regolament analizzat fil-punti 20 sa 23 f’din is-sentenza.
25 Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 318/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kwantità ta’ zokkor suġġett għal kwota rtirata mis-suq skont l-Artikolu 19 ta’ dan ir-regolament u l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 290/2007 hija inkluża fil-bażi ta’ stima tat-taxxa fuq il-produzzjoni.
Fuq it-tieni domanda
26 It-tieni domanda tirrigwarda l-validità tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 318/2006. Fil-każ ta’ risposta pożittiva għall-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ssaqsi b’mod partikolari fuq il-validità ta’ din id-dispożizzjoni fid-dawl tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni.
Fuq il-validità tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 318/2006 fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità
27 Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssostni, essenzjalment, li l-inklużjoni tal-kwantità ta’ zokkor suġġett tal kwota rtirata mis-suq fil-bażi ta’ stima tat-taxxa fuq il-produzzjoni tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li din twassal għall-ħlas ta’ taxxa fuq kwantità ta’ zokkor li ma hijiex prodotta, u li għalhekk ma teżistix, jew għall-ħlas ta’ taxxa fuq kwantità ta’ zokkor verament prodotta, iżda kkunsidrata bħala zokkor eċċessiv li jista’ jew isir zokkor industrijali li jinbiegħ darbtejn inqas għoli miz-zokkor suġġett għal kwota jew jiġi ttrasferit bħala zokkor suġġett għal kwota għas-sena tas-suq ta’ wara li matulha terġa tiġi imposta fuqu t-taxxa fuq il-produzzjoni. Il-piżijiet hekk imposti fuq l-impriżi li jipproduċu z-zokkor ma humiex neċessarji sabiex jinkiseb l-għan imfittex, hekk kif definit mill-premessa 19 tar-Regolament Nru 318/2006 peress li d-dħul mit-taxxa fuq il-produzzjoni huwa ogħla mill-ispiża li tinħoloq fil-kuntest tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor.
28 Din il-pożizzjoni jaqblu magħha l-Gvernijiet ta’ Spanja, tal-Litwana u tal-Polonja li jqisu wkoll li l-ġbir tat-taxxa fuq il-produzzjoni fuq il-kwantità ta’ zokkor suġġett għal-kwota jwassal għal piż finanzjarju sproporzjonat għall-impriżi kkonċernati. Filwaqt li rrefera, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, għas-sentenza Zuckerfabrik Jülich et, iċċitata iktar ’il fuq, il-Gvern tal-Litwana enfasizza b’mod partikolari li, minkejja s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandhom l-istituzzjonijiet f’dan il-qasam, il-produtturi ma għandhomx jiġu ntaxxati lil hinn minn dak li jkun neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet tat-tassazzjoni. Il-Gvern tal-Polonja, li jirrileva, barra minn hekk, li z-zokkor irtirat mis-suq ma joħloq ebda spiża marbuta mal-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor, jikkunsidra, li l-instituzzjonijiet ma għandhomx f’dan il-qasam setgħa diskrezzjonali wiesgħa, fid-dawl tan-natura teknika tad-dispożizzjoni inkwistjoni.
29 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jitlob li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa idoneu u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi li jridu jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni; meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva, u li l-inkonvenjenzi li jinħolqu ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet previsti (sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009, Agrana Zucker, C‑33/08, punt 31, u l-ġurisprudenza ċċitata).
30 Fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-kundizzjonijiet ta’ implementazzjoni ta’ tali prinċipju, hija ġursiprudenza stabbilita li l-leġiżlatur Komunitarju għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fil-qasam tal-politika agrikola komuni, u li, fid-dawl ta’ din is-setgħa, hija biss in-natura ċarament inadegwata ta’ miżura adottata f’dan il-kamp, meta mqabbla mal-għan li l-istituzzjoni kompetenti trid tilħaq, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ tali miżura (ara s-sentenza Agrana Zucker, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).
31 B’hekk, il-kwistjoni ma hijiex jekk il-miżura adottata mil-leġiżlatur kinitx l-unika waħda possibbli jew l-aħjar possibbli, iżda jekk kinitx manifestament inadegwata (sentenza Agrana Zucker, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).
32 F’dan il-każ, mill-premessa 19 tar-Regolament Nru 318/2006 jirriżulta li t-taxxa fuq il-produzzjoni ġiet stabbilita sabiex tikkontribwixxi għall-finanzjament tal-ispejjeż li jseħħu fil-kuntest tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor.
33 Peress li l-bażi ta’ stima tagħha hija l-kwota allokata lill-impriżi, din it-taxxa tippremetti li jidħol fil-baġit tal-Unjoni dħul stabbli peress li dan ma jiddependix mill-kwantitajiet realment prodotti u minn irtirar eventwali mis-suq. Barra minn hekk, tali determinazzjoni tal-bażi ta’ stima ta’ din it-taxxa tippremetti li jinġabar dan id-dħul matul is-sena tas-suq, kif jipprevedi l-Artikolu 16(3) tar-Regolament Nru 318/2006.
34 Fir-rigward tal-ispejjeż li jseħħu fil-kuntest tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor previsti fil-premessa 19 tal-imsemmi regolament, ma jistax jiġi kkunsidrat li dan jirreferi biss għar-rimborsi fuq l-esportazzjoni ta’ zokkor jew ta’ iżoglukożju, għar-rimborsi fuq il-produzzjoni għall-użu taz-zokkor fl-industrija kimika u għall-ispejjeż marbuta ma’ miżuri ta’ stokk kif issostni r-rikorrenti fil-kawża prinċipali.
35 Fil-fatt, kif tirreleva l-Avukat Ġenerali fil-punti 38 sa 40 u 81 sa 84 tal-konklużjonijiet tagħha, ir-riforma tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor irreflettiet il-volontà tal-leġiżlatur, fil-kuntest tal-politika agrikola komuni l-ġdida, li jitlaq progressivament mill-politika ta’ sostenn tal-prezzijiet u tal-produzzjoni u jersaq lejn politika ta’ sostenn għad-dħul agrikolu separat mill-produzzjoni. Tnaqqis tas-sostenn tas-suq taz-zokkor kien parzjalment ikkumpensat minn sostenn tad-dħul tal-impriżi agrikoli taħt il-forma ta’ għajnuna diretta msejħa “separata”. L-ispejjeż tal-miżuri l-ġodda, li l-għajnuna diretta separata tagħhom tikkostitwixxi l-parti prinċipali, għandhom jiġu kkumpensati essenzjalment, skont il-punt 5 tal-Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor [(KUM(2005) 263 finali], mit-tfaddil magħmul permezz ta’ tnaqqis kbir tal-ispejjeż ta’ rimborsi fuq l-esportazzjoni u tneħħija tal-għajnuna tar-raffinar, peress li r-riforma kellha tirrispetta l-istatus quo tal-ispejjeż previsti waqt il-preżentazzjoni tal-proposti tal-politika agrikola komuni matul ix-xahar ta’ Jannar 2003.
36 F’dan il-kuntest, l-għan imsemmi fil-premessa 19 tar-Regolament Nru 318/2006 għandu jinftiehem fis-sens li t-taxxa fuq il-produzzjoni tikkontribwixxi sabiex jiġu ffinanzjati l-miżuri differenti fis-settur taz-zokkor, inkluża l-għajnuna diretta separata li tirrappreżenta l-ogħla spiża.
37 Issa, huwa kostanti li d-dħul tat-taxxa huwa, għal kull sena tas-suq, ħafna inqas minn dawn l-ispejjeż kollha.
38 Għandu għalhekk jiġi kkonstatat li t-taxxa fuq il-produzzjoni hija distinta mill-miżura inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza Zuckerfabrik Jülich et, iċċitata iktar ’il fuq, li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-metodu tal-kalkolu tat-taxxi analizzat fil-punti 57 sa 60 ta’ din is-sentenza kien imur lil hinn minn dak li kien neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/2001, tad-19 ta’ Ġunju 2001, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 33, p. 17), li kien intiż sabiex, b’mod ġust u effikaċi, il-produtturi stess isostnu kompletament l-infiq għar-rimi tal-eċċess ta’ produzzjoni Komunitarja skont il-prinċipju tal-awtofinanzjament.
39 Fir-rigward tal-piż finanzjarju sostnut mill-impriżi taxxabbli minħabba l-inklużjoni tal-kwantità ta’ zokkor suġġett għal kwota rtirata mis-suq fil-bażi ta’ stima tat-taxxa fuq il-produzzjoni, għandu jiġi rrilevat li dan huwa parzjalment ikkumpensat mill-benefiċċju li dawn l-impriżi jieħdu mill-irtirar mis-suq, peress li dan huwa intiż, kif jirriżulta mill-premessa 19 u l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 318/2006, sabiex iżomm l-ekwilibriju strutturali tas-suq għal livell ta’ prezz viċin tal-prezz ta’ referenza sakemm l-ekwilibriju tas-suq jerġa’ jiġi stabbilit. Għandu jiġi osservat ukoll li, skont l-Artikolu 16(4) tal-istess regolament, dawn l-impriżi jistgħu jeżiġu mill-produtturi tal-pitravi, tal-kannamiela jew taċ-ċikwejra li jħallsu sa 50 % tat-taxxa fuq il-produzzjoni korrispondenti.
40 Minn dak kollu li jippreċedi jirriżulta li l-inklużjoni tal-kwantità ta’ zokkor suġġett tal kwota rtirata mis-suq fil-bażi ta’ stima tat-taxxa fuq il-produzzjoni ma hijiex manifestament inadegwata sabiex jinkiseb l-għan imfittex u, konsegwentement, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità.
Fuq il-validità tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 318/2006 fid-dawl tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni
41 Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-Gvern tal-Litwana jsostnu li l-inklużjoni tal-kwantità ta’ zokkor suġġett tal-kwota rtirata mis-suq fil-bażi ta’ stima tat-taxxa fuq il-produzzjoni twassal ukoll għal diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza. Fil-fatt, peress li l-irtirar mis-suq isir, skont l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 290/2007, mhux b’applikazzjoni ta’ taxxa uniformi, iżda skont koeffiċjenti differenti skont l-Istati Membri, ċerti impriżi huma suġġetti għal tassazzjoni, skont il-kwantità ta’ zokkor effettivament prodotta, iktar sinjifikattiva minn dik sostnuta minn impriżi oħra li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli iżda stabbiliti fi Stat Membru ieħor.
42 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(2) KE, li jipprojbixxi kull diskriminazzjoni fil-kuntest tal-politika agrikola komuni, huwa biss l-espressjoni speċifika tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza, li jirrikjedi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod sakemm differenza bħal din ma tkunx oġġettivament ġustifikata (sentenza Agrana Zucker, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).
43 F’dan il-każ, l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 290/2007 stabbilixxa, għas-sena tas-suq 2007/2008, għal 13.5 % il-perċentwali komuni għall-Istati Membri kollha, ta’ zokkor suġġett għal kwota rtirat mis-suq, imsemmi fl-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 318/2006. B’deroga minn din id-dispożizzjoni, l-Artikolu 1(2)(c) tar-Regolament Nru 290/2007 jipprevdi, l-ewwel nett, li din il-perċentwali ma tapplikax għall-kwantitajiet prodotti fl-Istati Membri li l-kwota nazzjonali ta’ zokkor tagħhom ġiet irrinunzjata għal tal-anqas 50 % mill-1 ta’ Lulju 2006, bħala konsegwenza tar-rinunzja għall-kwoti skont l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 320/2006, tal-20 ta’ Frar 2006, li jistabilixxi skema temporanja għar-ristrutturar tal-industrija taz-zokkor fil-Komunità u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1290/2005 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (ĠU L 335M, p. 29), u t-tieni nett, li din il-preċentwali titnaqqas proporzjonalment mal-kwoti rrinunzjati għall-Istati Membri li l-kwota nazzjonali tagħhom ġiet irrinunzjata, skont din id-dispożizzjoni għal tal-anqas 50 % mill-1 ta’ Lulju 2006.
44 Minn dan jirriżulta li l-importanza tal-irtirar mis-suq impost fuq l-impriżi għal din is-sena tas-suq tista’ tvarja b’mod partikolari skont l-Istat Membru li fih dawn ikunu stabbiliti. Għalhekk, il-parti tat-taxxa fuq il-produzzjoni li huma jħallsu u li tikkorrispondi għall-kwantità ta’ zokkor suġġett għal kwota rtirtata mis-suq hija ftit jew wisq sinjifikattiva wkoll skont l-Istat Membru li fih dawn huma stabbiliti.
45 F’din il-miżura, l-inklużjoni tal-kwantità ta’ zokkor suġġett għal kwota rtirata mis-suq fil-bażi ta’ stima tat-taxxa fuq il-produzzjoni tista’ twassal, minħabba l-metodu tal-iffissar ta’ dan l-irtirar, għal trattament differenti tal-impriżi li jinsabu f’sitwazzjoni eventwalment paragunabbli iżda stabbiliti fi Stati Membri differenti.
46 Madankollu, tali trattament tal-impriżi jidher oġġettivament ġustifikat. Fil-fatt, peress li t-tqassim tal-kwoti bejn l-impriżi u l-ġestjoni tagħhom jibqgħu żgurati mill-Istati Membri, ir-rinunzja għal kwoti hija wkoll organizzata minn kull wieħed minnhom u tvarja minn wieħed għall-ieħor. F’dan il-kuntest, kif jirriżulta wkoll mill-premessa 8 tar-Regolament Nru 290/2007, il-Kummissjoni tqis neċessarju li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li r-restrizzjonijiet marbuta mal-miżura ta’ rtirar jistgħu jkollhom konsegwenzi ekonomiċi serji għall-impriżi fl-Istat Membri li għamlu sforzi partikolari fil-kuntest tal-iskema għar-ristrutturar stabbilita mir-Regolament Nru 320/2006 u li tali effett imur kontra l-għan stess ta’ din l-iskema u tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq, li hija intiża sabiex tiggarantixxi l-vjabbiltà u l-kompetitività ta’ dan is-settur. B’hekk, l-eżenzjoni totali jew parzjali tal-applikazzjoni tal-perċentwali ta’ rtirar komuni għall-Istati Membri għandha bħala għan li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-isforzi speċjali magħmula minnhom sabiex jiġu rrinunzjati b’mod definittiv il-kwoti (ara, b’analoġija, is-sentenza Agrana Zucker, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51).
47 Minn dan isegwi li l-inklużjoni tal-kwantità ta’ zokkor suġġett għal kwota rtirata mis-suq fil-bażi ta’ stima tat-taxxa fuq il-produzzjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tmur kontra l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.
48 Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal preċedentement, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-eżami tagħha ma rrileva ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 318/2006.
Fuq l-ispejjeż
49 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-Artikolu 16 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006, tal-20 ta’ Frar 2006, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kwantità ta’ zokkor suġġett għal kwota rtirata mis-suq skont l-Artikolu 19 ta’ dan ir-regolament u l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 290/2007, tas-16 ta’ Marzu 2007, li jistabbilixxi, għas-sena tas-suq 2007/2008, il-perċentwal imsemmi fl-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 318/2006, hija inkluża fil-bażi ta’ stima tat-taxxa fuq il-produzzjoni.
2) L-eżami tat-tieni domanda ma rrileva ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 318/2006.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.
Full & Egal Universal Law Academy