Kawża C-366/08
Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs eV
vs
Adolf Darbo AG
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht München)
“Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Direttiva 95/2/KE — Parti A tal-Anness III — Direttiva 2001/113/KE — It-tieni paragrafu tal-Parti II tal-Anness I — Ġamm extra li għandu kontenut ta’ materjal xott solubbli ta’ 58 % u li fih is-sorbat tal-potassju (E 202) bħala preservattiv — Kunċett ta’ ‘ġamm b’ammonti żgħar ta’ zokkor’”
Sommarju tas-sentenza
Approssimazzjoni tal-liġijiet — Addittivi tal-ikel għajr il-kuluri u sustanzi li jagħtu ħlewwa — Direttiva 95/2
(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/2, Parti A tal-Anness III)
Il-kunċett ta’ “ġamm b’ammonti żgħar ta’ zokkor”, imsemmi fil-Parti A tal-Anness III tad-Direttiva 95/2/KE, dwar l-addittivi tal-ikel għajr kuluri u sostanzi li jagħtu ħlewwa, kif emendata bid-Direttiva 98/72/KE, jinkludi l-ġamm msejjaħ “ġamm” u “ġamm extra” b’ammont ta’ zokkor li huwa kunsiderevolment iżgħar meta mqabbel mal-valur ta’ riferiment ta’ 60 %. Prodotti msejħa “ġamm extra” b’ammont ta’ zokkor ta’ 58 % ma jistgħux jitqiesu, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, bħala li għandhom ammont żgħir ta’ zokkor.
(ara l-punt 66 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Ir‑Raba’ Awla)
10 ta’ Settembru 2009 (*)
“Armonizzazzjoni tal-liġijiet – Direttiva 95/2/KE – Parti A tal-Anness III – Direttiva 2001/113/KE – It-tieni paragrafu tal-Parti II tal-Anness I – Ġamm extra li għandu kontenut ta’ materjal xott solubbli ta’ 58 % u li fih is-sorbat tal-potassju (E 202) bħala preservattiv – Kunċett ta’ ‘ġamm b’ammonti żgħar ta’ zokkor’”
Fil-Kawża C‑366/08,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Oberlandesgericht München (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Lulju 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Awwissu 2008, fil-proċedura
Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs eV
vs
Adolf Darbo AG,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir‑Raba’ Awla),
komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, T. von Danwitz, E. Juhász, G. Arestis (Relatur) u J. Malenovský, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: Y. Bot,
Reġistratur: N. Nanchev, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Mejju 2009,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs eV, minn R. Burkhardt, avukat,
– għal Adolf Darbo AG, minn D. Gorny, avukat,
– għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u J. Möller, bħala aġenti,
– għall-Gvern Franċiż, minn A. Adam u R. Loosli‑Surrans, bħala aġenti,
– għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,
– għall-Gvern Pollakk, minn M. Dowgielewicz, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn F. Erlbacher u L. Pignataro‑Nolin, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Parti A tal-Anness III tad-Direttiva 95/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Frar 1995, dwar l-addittivi tal-ikel għajr kuluri u sostanzi li jagħtu ħlewwa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 50), kif emendata bid-Direttiva 98/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Ottubru 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p. 126, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 95/2”), u t-tieni paragrafu tal-Parti II tal-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/113/KE, tal-20 ta’ Diċembru 2001, li għandha x’taqsam mal-ġamm tal-frott, il-ġelatini u l-marmellati u mal-purejiet tal-qastan mogħtija l-ħlewwa maħsuba għal konsum mill-bniedem (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 190).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs eV (iktar ’il quddiem “ZBW”) u Adolf Darbo AG (iktar ’il quddiem “Darbo”), kumpannija rregolata mid-dritt Awstrijak, dwar il-fatt li din tal-aħħar twaqqfet milli tikkummerċjalizza fil-Ġermanja ġamm extra li miegħu ġie miżjud il-preservattiv sorbat tal-potassju (E 202) u dwar l-obbligu ta’ rimbors lil ZBW tal-ispejjeż tal-ittra ta’ intimazzjoni tagħha.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
3 Skont it-tieni premessa tad-Direttiva 95/2, il-kunsiderazzjoni ewlenija għal kwalunkwe regoli dwar l-addittivi tal-ikel u l-kundizzjonijiet ta’ użu tagħhom għandha tkun il-ħtieġa li jiġi protett il-konsumatur.
4 Ir-raba’ premessa ta’ din id-direttiva tindika li, skont l-iktar informazzjoni xjentifika u tossikoloġika reċenti dwar dawn is-sustanzi, xi wħud minnhom huma permessi biss għal ċerti oġġetti tal-ikel u taħt ċerti kundizzjonijiet ta’ użu.
5 Skont l-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva, din hija direttiva speċifika li tifforma parti minn direttiva komprensiva, fis-sens tat-tifsira tal-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/107/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li jirrigwardaw l-addittivi mal-ikel awtorizzati għall-użu fl-oġġetti tal-ikel maħsuba għall-konsum mill-bniedem (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 9, p. 311). Id-Direttiva 95/2 tapplika għal addittivi għajr il-kuluri, sustanzi li jagħtu ħlewwa u ma tapplikax għall-enzimi, ħlief dawk li huma msemmija fl-annessi ta’ din id-direttiva.
6 Skont l-Artikolu 1(3)(a) tal-imsemmija direttiva, “preservattivi” huma sustanzi li jtawwlu l-ħajja ta’ fuq l-ixkaffa ta’ oġġetti tal-ikel permezz tal-protezzjoni tagħhom kontra d-deterjorazzjoni kkawżata minn mikro-organiżmi.
7 Skont l-Artikolu 2(1) u 2(4) tad-Direttiva 95/2:
“1. Dawk is-sostanzi imsemmija fl-Anness I, III, IV u V biss jistgħu jiġu wżati f’oġġetti ta’ l-ikel għall-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 1(3) u (4).
[…]
4. Addittivi elenkati fl-Annessi III u IV jistgħu jintużaw biss fl-oġġetti ta’ l-ikel msemmija f’dawk l-Annessi u taħt dawk il-kondizzjonijiet speċifikati hemm.
[…]”
8 Il-Parti A tal-Anness III ta’ din id-direttiva tirrigwarda l-preservattivi u antiossidanti permessi b’mod kundizzjonali, bħalma huma s-sorbat, il-benzoat u l-p‑hydroxybenzoat. Is-sorbat tal-potassju jista’ jiġi miżjud mal-addittivi tal-ikel segwenti:
“[…]
Ġam[m] b’ammonti żgħar ta’ zokkor, ġeli, marmalejd u prodotti simili b’b’ammont baxx ta’ kaloriji jew neqsin miz-zokkor u pejstijiet oħra bbażati fuq il-frott marmalejd.
[…]”
9 Il-Parti B tal-Anness III tal-imsemmija direttiva tistabbilixxi li d-diossidu tas-sulfur u sulfite jistgħu jiġu miżjuda mal-addittivi tal-ikel segwenti:
“[…]
Ġam[m], ġeli u marmalejd kif definiti fid-Direttiva [tal-Kunsill] 79/693/KEE, [tal-24 ta’ Lulju 1979, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar il-ġamm, il-ġelatina, il-marmalejd u l-purejiet tal-qastan mogħtija l-ħlewwa (ĠU L 205, p.5)], kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 88/593/KEE, tat-18 ta’ Novembru 1988 (ĠU L 318, p. 44, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 79/63” (għajr ġam[m] żejjed [extra] u ġeli żejjed [extra]) u pejstijiet tal-frott simili oħra nklużi prodotti b’ammont baxx ta’ kaloriji.
[…]”
10 Il-ħames premessa tad-Direttiva 79/693 tipprovdi li “prodott ġdid b’kontenut baxx ta’ zokkor reċentament deher f’xi swieq imma l-iżvilupp industrijali tiegħu għadu mhux komplut; billi, bħala konsegwenza, fl-istadju inizjali huwa rakkommandabbli li l-Istati Membri jkollhom il-possibbilità li jinkludu prodotti bħal dawn taħt id-deskrizzjoni ta’ ġamm, ġeli, marmalejd u purejiet tal-qastan; […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
11 Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, dan japplika, b’mod partikolari għall-“ġamm” u għall-“ġamm extra”.
12 Skont l-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa sabiex il-prodotti ddefiniti fl-Anness I ta’ din id-direttiva ma jkunux jistgħu jiġu kkummerċjalizzati ħlief jekk jissodisfaw it-tifsiriet u r-regoli stabbiliti mill-imsemmija direttiva.
13 Skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 79/693:
“1. L-ismijiet imniżżla fl-Anness I għandhom ikunu użati esklużivament biex juru l-prodotti ddefiniti hemmhekk u li l-kontenut ta’ materjal xott solubbli tagħhom, kif iddeterminat b’rifrattometru, ikun daqs jew iktar minn 60 %.
2. Stati Membri jistgħu jippermettu wkoll l-użu fit-territorji tagħhom tal-ismijiet imniżżla fl-Anness I għal prodotti b’kontenut ta’ materjal xott solubbli ta’ inqas minn 60 %, li jkunu konformi mad-disposizzjonijiet l-oħra ta’ din id-direttiva bl-eċċezzjoni ta’ dawk stabbiliti fil-Parti B tal-Anness III.
[…]”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]
14 L-Artikolu 7(3)(b) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi:
“It-tikkettjar tal-prodotti ddefiniti fl-Anness I għandu wkoll ikollu l-informazzjoni obbligatorja segwenti:
[…]
b) il-kliem ‘kontenut totali ta’ zokkor: ... g kull 100 g, biċ-ċifra murija tirrappreżenta l-valur iddeterminat b’refrattometru f’20 ºC tal-prodott finali, suġġett għal tolleranza ta’ mhux iktar u mhux inqas minn 3 % bejn il-valur attwali tar-refrattometru u l-valur muri; […]”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]
15 L-Anness I tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi d-definizzjonijiet tal-prodotti lesti, u, b’mod partikolari, tal-ġamm extra u tal-ġamm:
“[…]
1. ġamm extra:
taħlita, li pproduċiet konsistenza addattata ta’ ġeli, ta’ zokkriet u ta’ polpa ta’:
- tip wieħed ta’ frott, jew
- tnejn jew aktar tipi ta’ frott, esklużi t-tuffieħ, il-lanġas, l-għanbaqar tal-għadma mwaħħla, il-bettiegħ, id-dulliegħ, l-għeneb, il-qargħa aħmar, il-ħjar u t-tadam.
Il-kwantità ta’ polpa tal-frott użata fil-manifattura ta’ 1000 gramma ta’ prodott komplut ma għandhiex tkun inqas minn:
- 450 gramma bħala regola ġenerali,
[…]
2. ġamm:
taħlita, li pproduċiet konsistenza addattata ta’ ġeli, ta’ zokkriet u ta’ polpa u/jew purè ta’:
- tip wieħed ta’ frott, jew
- tnejn jew aktar tipi ta’ frott.
Il-kwantità ta’ polpa tal-frott u/jew purè użata fil-manifattura ta’ 1000 gramma ta’ prodott komplut ma għandhiex tkun inqas minn:
- 350 gramma bħala regola ġenerali,
[…]”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]
16 Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2001/113, li ħassret, b’effett mit-12 ta’ Lulju 2003, lid-Direttiva 79/693, id-Direttiva 2001/113 tapplika għall-prodotti ddefiniti fl-Anness I tagħha għajr il-prodotti maħsuba għall-manifattura ta’ prodotti ta’ kwalità tal-furnara, ta’ pasti jew ta’ gallettini.
17 L-Anness I tad-Direttiva 2001/113 ma biddilx b’mod kunsiderevoli d-definizzjonijiet tal-kunċetti ta’ “ġamm” u ta’ “ġamm extra”, stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva 79/693. Barra minn hekk, il-Parti II tal-Anness I tad-Direttiva 2001/113 tistabbilixxi:
“Il-prodotti ddefiniti fil-Parti I għandu jkun fihom kontenut ta’ materjal xott solubbli ta’ 60 % jew aktar kif stabbilit bir-refrattometru, għajr għal dawk il-prodotti li rigward tagħhom iz-zokkor ikun ġie mibdul fl-intier tiegħu jew f’parti minnu b’materjali li jagħtu l-ħlewwa.
Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2000/13/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Marzu 2000, fuq l-approsimazzjoni ta’ liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ tikkettjar, preżentazzjoni u riklamar ta’ oġġetti tal-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 75)], l-Istati Membri jistgħu, madankollu, sabiex iqisu ċerti kazijiet partikolari, jawtorizzaw l-ismijiet irrisrvati għall-prodotti ddefiniti fil-Parti I li jkollhom kontenut tal-materjal solubbli ta’ anqas minn 60 %.”
18 L-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 94/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Ġunju 1994, dwar is-sustanzi li jagħtu ħlewwa għall-użu f’oġġetti tal-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 50) jistabbilixxi:
– “3. Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, ‘mingħajr zokkor miżjud’ u ‘ta’ enerġija mnaqqsa fil-kolonna III ta’ l-Anness għandhom jiġu definiti kif ġej:
– ‘mingħajr zokkor miżjud’: mingħajr żieda ta’ mono- jew disaccharides jew xi oġġetti ta’ l-ikel oħrajn użati minħabba l-karatteristiċi li jagħtu l- ħlewwa tagħhom,
– ‘ta’ enerġija mnaqqsa’: b’valur enerġetiku imnaqqas b’ta’ mill-anqas 30 % meta mqabbel ma’ l-oġġett ta’ l-ikel oriġinali jew ma’ prodott simili.”
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
Il-leġiżlazzjoni Ġermaniża
19 Skont l-Artikolu 6 tal-Kodiċi tal-ikel, tal-oġġetti tat-tisjir u tal-ikel għall-annimali (Lebensmittel-, Bedarfsgegenstände- und Futtermittelgesetzbuchs), tal-1 ta’ Settembru 2005, fil-verżjoni tiegħu tas-26 ta’ April 2006 (BGBl. 2006 I, p. 945):
“Projbizzjoni tal-addittivi tal-ikel
1) Huwa pprojbit:
1. matul il-produzzjoni jew it-trattament professjonali ta’ oġġetti tal-ikel maħsuba għall-kummerċjalizzazzjoni:
a) l-użu ta’ addittivi tal-ikel mhux awtorizzati […],
[...]
2. il-kummerċjalizzazzjoni professjonali ta’ oġġetti tal-ikel immanifatturati jew ittrattati bi ksur tal-projbizzjoni stabbilita fil-punt 1 jew li mhumiex konformi ma’ digriet maħruġ abbażi tal-Artikolu 7(1) jew 7(1) jew (2) punti 1 jew 5.”
20 Skont il-listi 1 u 2 imniżżla fil-Parti A tal-Anness V tad-Digriet dwar l-Awtorizzazzjoni ta’ addittivi tal-ikel għal skopijiet teknoloġiċi (Verordnung über die Zulassung von Zusatzstoffen zu Lebensmitteln zu technologischen Zwecken), tad-29 ta’ Jannar 1998 (BGBl. 1998 I, p. 230), is-sorbat tal-potassju huwa awtorizzat biss għal “ġamm, ġeli u marmalejd b’ammont żgħir ta’ zokkor u għal prodotti simili b’ammont żgħir ta’ kaloriji jew bla zokkor u pejstijiet oħra bbażati fuq il-frott; marmalejd”.
21 Skont l-Artikolu 4 tad-Digriet dwar il-ġamm u ċerti prodotti simili (Verordnung über Konfitüren und einige ähnliche Erzeugnisse), tat-23 ta’ Ottubru 2003 (BGBl. 2003 I, p. 2151), ikel li għandu isem imniżżel fl-Anness I ta’ dan id-digriet, iżda li ma jirrispettax il-kundizzjonijiet ta’ produzzjoni stabbiliti f’dan l-anness, ma jistax jiġi kkummerċjalizzat b’mod professjonali.
22 Il-Parti I tal-Anness I tal-imsemmi digriet tistabbilixxi, konformament mad-Direttiva 2001/113, ir-rekwiżiti imposti matul il-produzzjoni ta’ ġamm imsejjaħ “ġamm extra”. Il-Parti II ta’ dan l-anness tipprovdi:
“1. Il-prodotti ddefiniti fil-Parti I għandu jkollhom kontenut ta’ materjal xott solubbli […] daqs jew iktar minn 60 %, ħlief għal prodotti fejn iz-zokkor ġie ssostitwit parzjalment jew totalment minn addittivi li jagħtu l-ħlewwa skont id-Digriet dwar l-awtorizzazzjoni tal-addittivi.
[…]”.
Il-leġiżlazzjoni Awstrijaka
23 L-Artikolu 3 tad-Digriet tal-Ministeru tas-Saħħa u tan-Nisa dwar il-ġamm, il-ġeli, il-marmalejd u l-purejiet tal-qastan (Verordnung der Bundesministerin für Gesundheit und Frauen über Konfitüren, Gelees, Marmeladen und Maronenkrem), tal-2004, (BGBl. II, 367/2004) jistabbilixxi:
“1. Il-prodotti ddefiniti fl-Artikolu 1(1) għandu jkollhom kontenut ta’ materjal xott solubbli […] daqs jew iktar minn 60 %, ħlief għal prodotti fejn iz-zokkor ġie ssostitwit parzjalment jew totalment minn addittivi li jagħtu l-ħlewwa. [...]
2. Il-ġamm, il-ġeli, u l-marmalejd b’ammont żgħir ta’ zokkor għandu jkollhom kontenut ta’ materjal xott solubbli inqas minn 60 % imma tal-inqas 45 % [...]; il-kontenut ta’ frott għandu jikkorrispondi tal-inqas mar-rekwiżiti applikabbli għall-prodotti fil-kategorija extra”.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
24 Taħt l-isem “ġamm extra”, Darbo tikkummerċjalizza, kemm f’pakketti ta’ 25 gramma kif ukoll f’laned kbar għall-produzzjoni ta’ pasti ta’ kwalità, ġamm li fih is-sorbat tal-potassju (E 202) u li l-kontenut ta’ zokkor fih, jiġifieri materjal xott solubbli, huwa ta’ 58 %.
25 ZBW, rikorrenti fil-kawża prinċipali fl-ewwel istanza, qieset li l-ġamm inkwistjoni ma kienx fih ammont żgħir ta’ zokkor u kkonkludiet, quddiem il-Landgericht München, li Darbo għandha tieqaf milli tikkummerċjalizza l-imsemmi ġamm fil-Ġermanja u li għandha tħallas l-ispejjeż inkorsi għall-ittra ta’ intimazzjoni tagħha.
26 Darbo talbet li r-rikors jiġi miċħud filwaqt li indikat li l-ġamm tagħha għandu ammont żgħir ta’ zokkor, b’mod illi ż-żieda tas-sorbat tal-potassju hija awtorizzata mid-Direttiva 95/2. B’hekk, skont Darbo, peress illi l-ġamm tagħha kien legalment ikkummerċjalizzat fl-Awstrija, il-kummerċjalizzazzjoni tiegħu fil-Ġermanja kienet ukoll legali.
27 Permezz ta’ sentenza tal-25 ta’ Settembru 2007, il-Landgericht München iddeċidiet favur it-talba ta’ ZBW. B’hekk, Darbo kkontestat din is-sentenza fl-appell quddiem l-Oberlandesgericht München.
28 Skont din il-qorti, jekk il-frażi “b’ammonti żgħar ta’ zokkor”, fis-sens tal-Parti A tal-Anness III tad-Direttiva 95/2, ma tinkludiex il-ġamm imsejjaħ “ġamm extra”, is-sorbat tal-potassju ma setax jiżdied, bħala preservattiv, mal-imsemmi ġamm. F’din is-sitwazzjoni, Darbo ma għandhiex il-possibbiltà li tikkummerċjalizza l-ġamm tagħha la fil-Ġermanja u lanqas fl-Awstrija.
29 Jekk, min-naħa l-oħra, il-ġamm extra mhuwiex eskluż mid-definizzjoni ta’ “ġamm b’ammonti żgħar ta’ zokkor”, il-kwistjoni fil-kawża prinċipali tiddependi mill-kundizzjonijiet li fihom dan il-ġamm jitqies li għandu ammont żgħir ta’ zokkor. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi ddeterminat jekk din il-frażi tinkludiex ukoll il-ġamm li għandu kontenut ta’ materjal xott solubbli ta’ 58 %.
30 F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberlandesgericht München iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:
“1) Il-frażi “ġamm b’ammonti żgħar ta’ zokkor” li tinsab fil-Parti A tal-Anness III tad-Direttiva Nru 95/2 […], għandha tiġi interpretata fis-sens li tkopri wkoll ġamm magħruf bħala ġamm extra?
2) Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda hija pożittiva:
a) Kif għandha alternattivament tiġi interpretata l-frażi “ġamm b’ammonti żgħar ta’ zokkor” fil-Parti A tal-Anness III tad-Direttiva 95/2 [...]?
b) B’mod partikolari għandha tiġi interpretata li tkopri wkoll ġamm magħruf bħala ġamm extra li għandu 58 % tal-kontenut li jkun materjal xott solubbli?
3) Jekk ir-risposti għad-domandi 1 u 2(b) huma pożittivi:
[It-tieni paragrafu tal-Parti II tal-Anness I] tad-Direttiva 2001/113 […] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-isem “ġamm extra” jista’ jiġi awtorizzat anki għal dak il-ġamm li għandu mhux iktar minn 60 % tal-kontenut li jkun materjal xott solubbli, fejn fil-każ ta’ dan il-ġamm ma jkunx hemm rekwiżiti inqas stretti li jiġu imposti fuq l-isem ġamm?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel u t-tieni domanda
31 Permezz tal-ewwel żewġ domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-kunċett ta’ “ġamm b’ammonti żgħar ta’ zokkor”, imsemmi fil-Parti A tal-Anness III tad-Direttiva 95/2, jinkludix il-ġamm msejjaħ “ġamm extra” li għandu kontenut ta’ zokkor ta’ 58 %.
32 Sabiex id-domandi magħmula jingħataw risposta, għandu l-ewwel nett jiġi stabbilit, jekk l-isem “ġamm”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jinkludix ukoll il-prodotti msejħa “ġamm extra”.
33 Id-Direttiva 95/2, fil-kwalità tagħha ta’ direttiva speċifika li tagħmel parti mid-direttiva komprensiva fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/107, hija intiża sabiex tarmonizza l-liġijiet tal-Istati Membri dwar l-użu ta’ ċerti addittivi li jistgħu jiġu użati f’ċerti oġġetti tal-ikel maħsuba għal konsum mill-bniedem.
34 L-Anness III tad-Direttiva 95/2 jirrigwarda l-preservattivi u l-antiossidanti li jistgħu jiġu awtorizzati b’mod kundizzjonali f’ċerti oġġetti tal-ikel. Il-Parti A ta’ dan l-Anness tistabbilixxi, b’mod partikolari, li s-sorbat tal-potassju jista’ jiżdied biss mal-“Ġam[m] b’ammonti żgħar ta’ zokkor, ġeli, marmalejd u [ma’] prodotti simili b’b’ammont baxx ta’ kaloriji jew neqsin miz-zokkor u pejstijiet oħra bbażati fuq il-frott marmalejd”.
35 Il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jirreferi għall-kunċett ta’ “b’ammonti żgħar ta’ zokkor” mingħajr, madankollu, ma jispeċifika jekk l-isem “ġamm” huwiex użat b’mod ġeneriku li jinkludi mhux biss il-prodotti msejħa “ġamm” imma wkoll dawk imsejħa “ġamm extra”.
36 Peress illi d-Direttiva 95/2 ma tiddefinixxix l-isem “ġamm” u, sabiex jiġi stabbilit jekk, fid-dawl tad-Direttiva 79/693, il-prodotti msejħa “ġamm extra” jistgħux jitqiesu li għandhom ammont żgħir ta’ zokkor, hemm lok li jsir riferiment għad-Direttiva 79/693, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri, li kienet applikabbli meta seħħu l-fatti fil-kawża prinċipali, u li tirrigwarda b’mod partikolari l-ġamm.
37 F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li d-Direttiva 2001/113, li ħassret, b’effett mit-12 ta’ Lulju 2003, lid-Direttiva 79/693, ma biddlitx b’mod kunsiderevoli l-kunċetti ta’ “ġamm” u ta’ “ġamm extra”, stabbiliti fid-Direttiva 79/693.
38 L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 79/693 jistabbilixxi li l-ismijiet imniżżla fl-Anness I ta’ din id-direttiva huma rriżervati għal prodotti li huma ddefiniti fl-imsemmi anness u li l-kontenut ta’ materjal xott solubbli tagħhom, stabbilit permezz ta’ rifrattometru, huwa daqs jew iktar minn 60 %.
39 Barra minn hekk, skont l-ewwel paragrafu tal-imsemmi Artikolu 3(2), l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw fuq it-territorju tagħhom l-isem “ġamm” u “ġamm extra” biex jiddeskrivu prodotti li, għalkemm jissodisfaw id-dispożizzjonijiet l-oħra tal-imsemmija direttiva, għandhom kontenut ta’ materjal xott solubbli ta’ mhux iktar minn 60 %.
40 Kif jirriżulta mill-ħames premessa tad-Direttiva 79/693, il-leġiżlatur Komunitarju ried, permezz ta’ din l-eċċezzjoni, iħalli f’idejn l-Istati Membri l-possibbiltà jekk jestendux jew le l-kunċetti mniżżla fl-Anness I ta’ din id-direttiva għall-prodotti b’ammont żgħir ta’ zokkor.
41 Barra minn hekk, skont l-Anness I ta’ din id-direttiva, il-ġamm huwa taħlita, li pproduċiet konsistenza addattata ta’ ġeli, ta’ zokkriet u ta’ polpa u/jew purè ta’ wieħed jew aktar tipi ta’ frott. Dan l-anness jindika wkoll li l-kwantità ta’ polpa tal-frott u/jew purè użata għall-produzzjoni ta’ 1000 gramma ta’ prodott komplut ma għandhiex tkun inqas minn 350 gramma, b’mod ġenerali.
42 Il-ġamm extra huwa, fis-sens tal-imsemmi anness, taħlita, li pproduċiet konsistenza addattata ta’ ġeli, ta’ zokkriet u ta’ polpa ta’ wieħed jew aktar tipi ta’ frott, bl-esklużjoni ta’ ċertu frott li ma jistax jitħallat. L-istess anness jistabbilixxi li l-kwantità ta’ polpa tal-frott użata fil-produzzjoni ta’ 1000 gramma ta’ prodott komplut ma għandhiex tkun inqas minn 450 gramma, b’mod ġenerali.
43 Minn dawn id-definizzjonijiet jirriżulta li d-differenza li teżisti bejn dawn iż-żewġ ismijiet ta’ “ġamm” tikkonsisti, bażikament, fil-konċentrazzjoni u fil-kwantità ta’ polpa ta’ frott użata għal produzzjoni tiegħu.
44 F’dan ir-rigward, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 79/693 ma jindikaw bl-ebda mod li l-prodotti msejħa “ġamm extra” għandu jkollhom ammont ta’ zokkor ogħla minn dak tal-prodotti msejħa “ġamm” u lanqas li l-ġamm biss jista’ jkollu ammont żgħir ta’ zokkor.
45 Fl-aħħar nett, fir-rigward speċifikatament tad-Direttiva 95/2, għandu jiġi osservat li dispożizzjonijiet oħra stabbiliti fl-annessi tagħha jikkunsidraw b’mod distint u b’mod espress il-prodotti msejħa “ġamm” u dawk imsejħa “ġamm extra”.
46 Fil-fatt, l-Anness II tad-Direttiva 95/2, li jiġbor l-oġġetti tal-ikel li fihom jista’ jiġi użat numru limitat ta’ addittivi tal-Anness I, jipprovdi żewġ listi ta’ addittivi distinti, abbażi tad-Direttiva 79/693, skont jekk l-isem huwiex “ġamm” jew “ġamm extra”.
47 Il-Parti B tal-Anness III tad-Direttiva 95/2, dwar l-awtorizzazzjoni b’kundizzjoni għal ċerti oġġetti tal-ikel tad-diossidu tas-sulfur u sulfite, tirreferi għal “Ġam[m], ġeli u marmalejd kif definiti fid-Direttiva 79/693/KEE (għajr ġam[m] żejjed [extra] u ġeli żejjed [extra]) u pejstijiet tal-frott simili oħra nklużi prodotti b’ammont baxx ta’ kaloriji”.
48 Isegwi li l-leġiżlatur Komunitarju, meta stabbilixxa l-listi pprovduti fil-Parti B tal-Annessi II u III tad-Direttiva 95/2, sabiex jidentifika, minn naħa, l-oġġetti tal-ikel li fihom jista’ jiġi użat numru limitat ta’ addittivi tal-Anness I, u, min-naħa l-oħra, il-preservattivi u l-antiossidenti, bħalma huma d-diossidu tas-sulfur u sulfite awtorizzati taħt kundizzjoni, iddistingwa, b’mod ċar, bejn l-ismijiet “ġamm” u “ġamm extra”, fis-sens tad-Direttiva 79/693.
49 Issa, il-Parti A tal-Anness III tad-Direttiva 95/2 tawtorizza ż-żieda tal-preservattivi, bħalma huwa s-sorbat tal-potassju, biss għal ġamm b’ammont żgħir ta’ zokkor, mingħajr ma tipprovdi indikazzjonijiet oħra dwar l-isem tagħhom.
50 F’dawn iċ-ċirkustanzi, minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-isem “ġamm”, fis-sens tal-Parti A tal-Anness III tad-Direttiva 95/2, huwa użat b’mod ġeneriku u jinkludi kemm il-prodotti msejħa “ġamm” kif ukoll dawk imsejħa “ġamm extra”.
51 It-tieni nett, għandu jiġi eżaminat jekk il-ġamm extra, bħalma huwa dak ikkummerċjalizzat minn Darbo u li għandu kontenut ta’ 58 % ta’ zokkor, jistax jissejjaħ “ġamm b’ammonti żgħar ta’ zokkor”, fis-sens tal-Parti A tal-Anness III tad-Direttiva 95/2.
52 F’dan ir-rigward, hemm lok, l-ewwel nett, li jiġi osservat li minkejja l-fatt li din id-dispożizzjoni ma tipprovdi l-ebda livell li taħtu l-ġamm jista’ jitqies li għandu ammont żgħir ta’ zokkor, interpretazzjoni letterali ta’ din il-frażi tirreferi għal tnaqqis kunsiderevoli tal-ammont ta’ zokkor meta mqabbel mal-valur ta’ riferiment stabbilit. Fil-fatt, l-imsemmija dispożizzjoni tintroduċi l-aġġettiv “żgħar” sabiex tikkwalifika l-ammont ta’ zokkor meħtieġ fil-ġamm għall-iskopijiet ta’ din iż-żieda.
53 Il-Gvern Ġermaniż iqis, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li d-Direttiva 95/2 tuża l-kunċetti ta’ “b’ammonti żgħar ta’ zokkor” u “b’ammont baxx ta’ kaloriji” b’mod perfettament ugwali. Dan il-gvern, għalhekk, jirreferi għad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “b’ammont baxx ta’ kaloriji”, fis-sens tal-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 94/35, li tipprovdi li dan il-kunċett jimponi tnaqqis ta’ mill-inqas 30 % meta mqabbel mal-oġġett tal-ikel oriġinali jew ma’ prodott simili.
54 F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi osservat li, konformament mal-annessi differenti tad-Direttiva 95/2, dawn iż-żewġ kunċetti jiddeskrivu prodotti differenti, jiġifieri, minn naħa, il-ġamm, u min-naħa l-oħra, il-prodotti simili għall-ġamm. Isegwi li l-leġiżlatur Komunitarji ma qisx lil dawn iż-żewġ kunċetti bħala perfettament ugwali u li l-kunċett ta’ “b’ammonti żgħar ta’ zokkor” mhux neċessarjament jinkludi tnaqqis ta’ 30 % meta mqabbel mal-valur ta’ riferiment stabbilit.
55 Fi kwalunkew każ, kif il-Kummissjoni ġustament osservat waqt is-seduta, minn interpretazzjoni letterali ta’ dawn iż-żewġ kunċetti jirriżulta li huma jimponu, għal finijiet taż-żieda tal-preservattiv sorbat tal-potassju, tnaqqis sinjifikattiv tal-ammont ta’ zokkor fil-ġamm jew tal-ammont ta’ kaloriji tal-prodotti simili għall-ġamm.
56 Sussegwentement, għandu jiġi indikat li, konformament mal-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 95/2, il-preservattivi huma sustanzi li jtawwlu l-ħajja ta’ fuq l-ixkaffa ta’ oġġetti tal-ikel permezz tal-protezzjoni tagħhom kontra d-deterjorazzjoni kkawżata minn mikro-organiżmi.
57 Skont il-kriterji xjentifiċi u teknoloġiċi li fuqhom id-Direttiva 95/2 ġiet adottata, il-ħtieġa teknoloġika ta’ żieda ta’ preservattiv, bħalma huwa s-sorbat tal-potassju, fil-ġamm jidher li huwa meħtieġ biss għal dak il-ġamm li għandu ammont żgħir ta’ zokkor għaliex il-kwantità ta’ zokkor li huwa għandu mhuwiex biżżejjed sabiex jiżgura l-preservazzjoni tiegħu.
58 Issa, skont it-tieni premessa tad-Direttiva 95/2, il-kunsiderazzjoni ewlenija għal kwalunkwe regoli dwar dawn l-addittivi tal-ikel u l-kundizzjonijiet ta’ użu tagħhom għandha tkun il-ħtieġa li jiġi protett il-konsumatur.
59 B’hekk, konformament mal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 95/2, huma dawk is-sustanzi msemmija fl-Anness I, III, IV u V biss li jistgħu jiġu użati f’oġġetti tal-ikel għall-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 1(3) u (4) ta’ din id-direttiva.
60 F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ħtieġa teknoloġika hija strettament marbuta mal-evalwazzjoni ta’ dak li huwa meħtieġ għall-ħarsien tas-saħħa pubblika. Fil-fatt, ma hemm l-ebda raġuni, fil-każ meta l-ħtieġa teknoloġika li tiġġustifika l-użu ta’ addittiv hija nieqsa, li jittieħed ir-riskju sanitarju potenzjali li jirriżulta mill-awtorizzazzjoni ta’ dawn l-addittivi (ara s-sentenza tal-20 ta’ Marzu 2003, Id‑Danimarka vs Il‑Kummissjoni, C‑3/00, Ġabra p.I-2643, punt 82).
61 Tali għan għall-ħarsien tas-saħħa pubblika jimponi, għalhekk, li l-użu ta’ dawn l-addittivi fl-oġġetti tal-ikel, u b’mod partikolari, tal-preservattivi bħas-sorbat tal-potassju, jiġi ristrett għal meta hemm ħtieġa teknoloġika partikolari. F’dan ir-rigward, sabiex tiġi inkluża, permezz taż-żieda tas-sorbat tal-potassju, il-ħtieġa teknoloġika tal-preservazzjoni, il-Parti A tal-Anness III tad-Direttiva 95/2 timponi tnaqqis sinjifikattiv tal-ammont ta’ zokkor fil-ġamm.
62 Fil-kawża preżenti, il-valur ta’ riferiment tal-kontenut ta’ zokkor fil-ġamm, ġie stabbilit, mid-Direttiva 79/693, għal 60 %. Il-prodotti msejħa “ġamm extra”, bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u li għandhom ammont ta’ zokkor ta’ 58 %, għandhom għalhekk ammont ta’ zokkor li mhux iżgħar bil-bosta meta mqabbel ma’ dan il-valur ta’ riferiment ta’ 60 %.
63 Fl-aħħar nett, kif osserva wkoll il-Gvern Franċiż waqt is-seduta, hemm lok li jingħad ukoll li, l-Artikolu 7(3)(b) tad-Direttiva 79/693 jipprovdi li t-tikkettjar tal-prodotti ddefiniti fl-Anness I ta’ din id-direttiva, li jinkludi d-deskrizzjoni ta’ “ġamm” u “ġamm extra”, għandu jkollu l-informazzjoni obbligatorja “kontenut totali ta’ zokkor: ... g kull 100 g” b’varjazzjoni medja ta’ mhux iktar jew mhux inqas minn 3 % refrattometriċi.
64 Il-leġiżlatur Komunitarju għaraf ukoll li l-varjazzjoni ta’ mhux iktar jew mhux inqas minn 3 % meta mqabbla ma’ valur ta’ riferiment ta’ 60 % ma jagħtix lok għal bidla sinjifikattiva fl-ammont ta’ zokkor fil-prodotti msejħa “ġamm” u “ġamm extra”. Fil-kawża preżenti, ġamm extra b’ammont ta’ zokkor ta’ 58 % jibqa’ fil-limitu ta’ tolleranza stabbilita mil-leġiżlatur Komunitarju meta jsemmi wkoll l-ammont ta’ zokkor fit-tikketta tal-prodotti inkwistjoni.
65 Isegwi li, fid-dawl tal-kliem tal-Parti A tal-Anness III tad-Direttiva 95/2, tali ġamm ma jissodisfa la, il-ħtieġa teknoloġika sabiex jiġu miżjuda l-preservattivi, u lanqas l-għan għall-ħarsien tas-saħħa pubblika, stabbiliti fl-imsemmija dispożizzjoni.
66 F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għall-ewwel u t-tieni domanda magħmula għandha tkun li l-kunċett ta’ “ġamm b’ammonti żgħar ta’ zokkor”, imsemmi fil-Parti A tal-Anness III tad-Direttiva 95/2, jinkludi l-ġamm msejjaħ “ġamm” u “ġamm extra” b’ammont ta’ zokkor li huwa kunsiderevolment iżgħar meta mqabbel ma’ valur ta’ riferiment ta’ 60 %. Prodotti msejħa “ġamm extra” b’ammont ta’ zokkor ta’ 58 % ma jistgħux jitqiesu, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li huma b’ammont żgħir ta’ zokkor.
67 Għalhekk, fid-dawl tar-risposta tal-ewwel u tat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju.
Fuq l-ispejjeż
68 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Raba’ Awla taqta’ u tiddeċiedi:
Il-kunċett ta’ “ġamm b’ammonti żgħar ta’ zokkor”, imsemmi fil-Parti A tal-Anness III tad-Direttiva 95/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Frar tal-1995, dwar l-addittivi tal-ikel għajr kuluri u sostanzi li jagħtu ħlewwa, kif emendata bid-Direttiva 98/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Ottubru 1998, jinkludi l-ġamm msejjaħ “ġamm” u “ġamm extra” b’ammont ta’ zokkor li huwa kunsiderevolment iżgħar meta mqabbel mal-valur ta’ riferiment ta’ 60 %. Prodotti msejħa “ġamm extra” b’ammont ta’ zokkor ta’ 58 % ma jistgħux jitqiesu, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, bħala li għandhom ammont żgħir ta’ zokkor.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.
Full & Egal Universal Law Academy