Kawża C-423/08
Il-Kummissjoni Ewropea
vs
Ir-Repubblika Taljana
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Riżorsi proprji — Proċeduri intiżi għall-ġbir tad-dazji fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni — Nuqqas ta’ osservanza tat-termini għall-inklużjoni tar-riżorsi proprji — Ħlas tardiv tar-riżorsi proprji marbuta ma’ dawn id-dazji”
Sommarju tas-sentenza
Riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej — Konstatazzjoni u tqegħid għad-dispożizzjoni mill-Istati Membri
(Regolamenti tal-Kunsill Nru 1552/89, Artikoli 2, 6 u 9 sa 11, Nru 2913/92, Artikolu 220(1), u Nru 1150/2000, Artikoli 2, 6 u 9 sa 11)
Skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolamenti Nru 1552/89 u Nru 1150/2000, li jimplementaw rispettivament id-Deċiżjonijiet 88/376 u 94/728, dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet, l-Istati Membri għandhom jikkonstataw dritt fuq ir-riżorsi proprji malli jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet ipprovduti mir-regolamenti doganali dwar id-dħul fil-kontijiet tal-ammont tad-dritt u n-notifikazzjoni tiegħu lill-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa.
Mill-Artikolu 220(1) tar-Regolament Nru 2913/92, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, jirriżulta li l-kundizzjonijiet tad-dħul fil-kontijiet a posteriori ta’ ammont ta’ dazju doganali li għandu jiġi rkuprat jew li għad baqa’ jiġi rkuprat huma sodisfatti meta l-awtoritajiet doganali jkunu jafu b’din is-sitwazzjoni, u meta jkunu f’pożizzjoni li jikkalkolaw l-ammont legalment dovut u jidentifikaw id-debitur.
F’dan il-kuntest, meta l-awtoritajiet doganali jinnotifikaw att amministrattiv lid-debitur, indipendentement mid-denominazzjoni tiegħu, li jikkonstata l-eżistenza ta’ nuqqas sħiħ jew parzjali tal-ħlas tad-dejn doganali u li jindika l-ammont tad-dazju doganali li huma jqisu legalment dovut, f’dan il-mument, huma jkunu f’pożizzjoni li jikkalkolaw l-ammont tad-dazju li jirriżulta minn dejn doganali u li jidentifikaw il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa.
Konsegwentement, id-dħul fil-kontijiet a posteriori tal-ammont ta’ dazju li għandu jiġi rkuprat jew li għad baqa’ jiġi rkuprat għandu jsir, bħala prinċipju, skont l-Artikolu 220(1) tal-Kodiċi Doganali, f’terminu ta’ jumejn min-notifika lill-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa tal-verbal li jissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti.
Fir-rigward tal-interessi moratorji, teżisti konnessjoni inseparabbli bejn l-obbligu li jiġu stabbiliti r-riżorsi proprji Komunitarji, dak li jiddaħħlu fil-kont tal-Kummissjoni fit-termini stipulati u, fl-aħħar nett, dak li jitħallsu l-interessi moratorji; dawn tal-aħħar jistgħu jintalbu indipendentement mir-raġuni għad-dewmien tad-dħul fil-kontijiet tal-Kummissjoni tar-riżorsi proprji.
Konsegwentement, jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 2, 6 u 9 sa 11 tar-Regolament Nru 1552/89 u l-istess artikoli tar-Regolament Nru 1150/2000 kif ukoll l-Artikolu 220 tar-Regolament Nru 2913/92, Stat Membru li ma josservax it-termini għall-inklużjoni tar-riżorsi proprji Komunitarji fil-każ ta’ rkupru a posteriori u minħabba ħlas tardiv tal-imsemmija riżorsi.
(ara l-punti 37, 38, 41, 42, 49, 51 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
17 ta’ Ġunju 2010 (*)
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Riżorsi proprji – Proċeduri intiżi għall-ġbir tad-dazji fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni – Nuqqas ta’ osservanza tat-termini għall-inklużjoni tar-riżorsi proprji – Ħlas tardiv tar-riżorsi proprji marbuta ma’ dawn id-dazji”
Fil-Kawża C‑423/08,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l‑Artikolu 226 KE, ippreżentat fl-24 ta’ Settembru 2008,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Aresu u A. Caeiros, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
vs
Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn I. Bruni, bħala aġent, assistita minn G. Albenzio u F. Arena, avvocati dello Stato,
konvenuta,
sostnuta minn:
Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn J. Heliskoski, bħala aġent,
intervenjenti,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, C. Toader (Relatur), K. Schiemann, P. Kūris u L. Bay Larsen, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,
Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Marzu 2010,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma osservatx it-termini għall-inklużjoni tar-riżorsi proprji Komunitarji f’każ ta’ rkupru a posteriori u minħabba ħlas tardiv tal-imsemmija riżorsi, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 2, 6 u 9 sa 11 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1552/89 (KEE, Euratom), tad-29 ta’ Mejju 1989, li jimplementa d-Deċiżjoni 88/376/KEE Euratom, dwar is-sistema ta’ riżorsi tal-Komunitajiet innifishom (ĠU L 155, p. 1), tal-Artikoli 2, 6 u 9 sa 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1150/2000, tat-22 ta’ Mejju 2000, li jimplimenta d-Deċiżjoni 94/728/KE, Euratom, dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 169), kif ukoll l-Artikolu 220 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il‑Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”).
Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni
Id-Deċiżjonijiet 94/728/KE, Euratom u 2000/597/KE, Euratom
2 Fir-rigward tal-perijodu kkonċernat mill-fatti tal-kawża preżenti, kienu applikabbli, suċċessivament, żewġ deċiżjonijiet dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej, jiġifieri d-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/728/KE, Euratom, tal-31 ta’ Ottubru 1994 (ĠU L 293, p. 9), u, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2002, id‑Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/597/KE, Euratom, tad-29 ta’ Settembru 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 200).
3 Skont l-Artikolu 2(1)(b) ta’ kull waħda minn dawn id-deċiżjonijiet, id-dħul li joriġina, b’mod partikolari, mid-“[dazji tat-t]ariff[a] Doganali Komuni u dazji oħra stabbiliti jew li se jkunu stabbiliti mill-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet rigward kummerċ ma’ pajjiżi li mhumiex membri”, għandu jikkostitwixxi riżorsi proprji inklużi fil-baġit tal-Komunitajiet.
4 L-Artikolu 8(1) tal-imsemmija deċiżjonijiet jipprovdi b’mod partikolari, minn naħa, li r-riżorsi proprji tal-Komunitajiet imsemmija fl-Artikolu 2(1)(a) u (b) ta’ dawn l-istess deċiżjonijiet għandhom jinġabru mill-Istati Membri skont il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali li, skont il-każ, għandhom jiġu adatti għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, u, min-naħa l-oħra, li l-Istati Membri għandhom iqiegħdu l-imsemmija riżorsi għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni.
Ir-Regolamenti Nri 1552/89 u 1150/2000
5 L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1552/89, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 1355/96, tat-8 ta’ Lulju 1996 (ĠU L 175, p. 3), li daħal fis-seħħ fl-14 ta’ Lulju 1996, jipprovdi:
“1. Għall-iskop li jkun applikat dan ir-Regolament, id-dritt tal-Komunità għar-riżorsi tagħha proprji msemmija fl-Artikolu 2(1)(a) u (b) tad-Deċiżjoni 88/376/KE, Euratom għandhom ikunu stabbiliti malli l-kondizzjonijiet li hemm dispożizzjoni dwarhom bir-regolamenti tad-dwana jkunu twettqu rigward id-dħul tad-dritt fil-kontijiet u n-notifikazzjoni tad-debitur.
1a. Id-data tat-twaqqif li hemm referenza dwarhom fil-paragrafu 1 għanda tkun id-data tad-dħul fil-kotba tal-kontijiet li hemm dispożizzjoni dwarhom fir-regolament doganali
[…]
2. Il-paragrafu 1 għandu japplika meta n-notifika tiġi rettifikata.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
6 Ir-Regolament Nru 1552/89 ġie abrogat bl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1150/2000, li daħal fis-seħħ fil-31 ta’ Mejju 2000. L‑Artikolu 2(1) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) ta’ dan l-aħħar regolament huma essenzjalment ifformulati bi kliem identiku għal dak tal-artikolu ċċitat fil-punt preċedenti.
7 L-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 1552/89, li sar l-Artikolu 6(3)(a) u (b) tar-Regolament Nru 1150/2000, jipprovdi li d-drittijiet ikkonstatati skont l-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament għandhom jiddaħħlu fil-kontijiet mhux iktar tard mill-ewwel jum ta’ xogħol wara d-19-il jum tat-tieni xahar wara dak li matul tiegħu ġie kkonstatat id-dritt. Id-drittijiet ikkonstatati u li ma jkunux iddaħħlu fil-kontijiet peress li jkunu għadhom ma ġewx irkuprati u peress li ebda garanzija ma tkun ġiet ipprovduta, għandhom jiddaħħlu f’kontijiet separati fl-istess terminu. L-Istati Membri jistgħu jadottaw din il-proċedura fil-każ fejn id-drittijiet ikkonstatati u koperti minn garanziji jkunu ġew ikkontestati, u jistgħu, wara riżoluzzjoni tat-tilwim li nħoloq, ikunu suġġetti għal tibdil.
8 L-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1552/89, li l-kontenut tiegħu ġie riprodott fl-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1150/2000, jipprovdi li:
“Korrezzjonijiet li jitwettqu skont l-Artikolu 2(2) għandhom jiżdiedu jew jitnaqqsu mill-ammont totali tad-drittijiet ikkonstatati. Dawn għandhom ikunu reġistrati fil-kontijiet kif speċifikat fl-Artikolu 6(2)(a) u (b) u fl-istqarrijiet kif speċifikat fl-Artikolu 6(3) li jikkorrispondu mad-data ta’ dawn il-korrezzjonijiet.
Għandha ssir referenza għal dawn il-korrezzjonijiet rigward każijiet ta’ frodi u irregolaritajiet diġà nnotifikati lill-Kummissjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
9 Skont l-Artikolu 9(1) kemm tar-Regolament Nru 1552/89 kif ukoll tar-Regolament Nru 1150/2000:
“Skont il-proċedura preskritta fl-Artikolu 10, kull Stat Membru għandu jikkredita r-riżorsi tiegħu proprji f’kont miftuħ f’isem il-Kummissjoni mat-Teżor tiegħu [tagħha] jew mal-korp li jkun ħatar.
Dan il-kont għandu jinżamm mingħajr ħlasijiet.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
10 L-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1552/89, li l-kontenut tiegħu ġie riprodott fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1150/2000 jipprovdi:
“Wara tnaqqis ta’ 10 % bħala spejjeż tal-ġbir bi qbil mal-Artikolu 2(3) tad- Deċiżjoni 88/376/KEE, Euratom, id-dħul tar-riżorsi proprji msemmija fl-Artikolu 2(1)(a) u (b) ta’ din id-deċiżjoni għandu jseħħ mhux iktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol wara d-19‑il jum tat-tieni xahar ta’ wara x-xahar li matul tiegħu kien ġie stabbilit id-dritt skont l-Artikolu 2.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
11 L-Artikolu 11 tar-Regolamenti Nru 1552/89 u Nru 1150/2000 jipprovdi:
“Kull dewmien biex isir id-dħul fil-kont imsemmi fl-Artikolu 9(1) għandu jagħti bidu għal pagament ta’ imgħax mill-Istat Membru kkonċernat bir-rati tal-imgħax applikabbli fis-suq monetarju ta’ dak l-Istat, fid-data li suppost ikun seħħ [li fiha jsir dovut], għal operazzjonijiet ta’ żmien qasir ta’ finanzjament publiku, miżjud b’żewġ punti perċentwali. Din ir-rata għandha tkun miżjuda bi 0.25 ta’ punt perċentwali għall kull xahar ta’ dewmien.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
Il-Kodiċi Doganali
12 L-Artikolu 220(1) tal-Kodiċi Doganali jipprovdi:
“Fejn l-ammont ta’ dazju li jirrizulta minn dejn doganali ma jkunx iddaħħal fil-kontijiet skond l-Artikoli 218 u 219 jew iddaħħal fil-kontijiet f’livell anqas mill-ammont legalment dovut, l-ammont ta’ dazju li għandu jiġi rkuprat jew li jibqa’ biex jiġi rkuprat għandu jiddaħħal fil-kontijiet fi żmien jumejn mid-data li fiha l‑awtoritajiet doganali jsiru jafu bis-sitwazzjoni u jkunu f’pożizzjoni li jikkalkolaw l-ammont legalment dovut u jistabbilixxu d-debitur (daħla sussegwenti fil-kontijiet). Dak it-terminu ta’ żmien jista’ jiġi estiż skond l‑Artikolu 219”.
13 L-Artikolu 221(1) tal-Kodiċi Doganali jipprovdi kif ġej:
“Malli jkun iddaħħal fil-kontijiet, l-ammont ta’ dazju għandu jiġi kkomunikat lid-debitur skond il-proċeduri li jkunu xierqa.”
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
14 L-Artikolu 11, intitolat “Reviżjoni tal-verifika, attribuzzjonijiet u poteri tal-uffiċċji”, tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 374, tat-8 ta’ Novembru 1990, dwar ir‑riorganizzazzjoni tal-istituzzjonijiet doganali u r-reviżjoni tal-proċeduri ta’ konstatazzjoni u ta’ kontroll fil-kuntest tal-implementazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 79/695/KEE, tal-24 ta’ Lulju 1979, u tad-Direttiva tal-Kummissjoni 82/57/KEE, tas-17 ta’ Diċembru 1981, dwar proċeduri ta’ rilaxx għaċ-ċirkulazzjoni libera ta’ merkanzija, kif ukoll tad-Direttiva tal-Kunsill 82/347/KEE, tat-23 ta’ April 1982, dwar proċeduri ta’ esportazzjoni ta’ merkanzija Komunitarja (suppliment ordinarju tal-GURI Nru 291, tal-14 ta’ Diċembru 1990), jipprovdi, fil-paragrafi (1) u (5) sa (8):
“1. L-uffiċċju doganali jista’ jirrevedi l-konstatazzjoni li tkun saret definittiva minkejja li l-merkanzija li kienet is-suġġett ta’ tali konstatazzjoni tħalliet għad-dispożizzjoni libera tal-operatur jew li diġà tinsab barra mit-territorju doganali. Ir‑reviżjoni tista’ ssir ex officio, jew fuq talba tal-operatur ikkonċernat permezz ta’ applikazzjoni ppreżentata, taħt piena ta’ revoka, f’terminu ta’ tliet snin mid-data li fiha l-konstatazzjoni tkun saret definittiva.
[…]
5. Meta r-reviżjoni, li tkun saret ex officio jew permezz ta’ applikazzjoni ppreżentata minn parti, tiżvela ineżattezzi, nuqqasijiet jew żbalji relatati ma’ fatturi li fuqhom kienet ibbażata l-konstatazzjoni, l-uffiċċju għandu jissokta bir-rettifika korrispondenti u jinforma b’dan lill-operatur permezz ta’ avviż ad hoc. Fil-każ ta’ rettifika li tirriżulta minn reviżjoni li saret ex officio, l-avviż għandu jintbagħat, taħt piena ta’ revoka, f’terminu ta’ tliet snin mid-data li fiha l‑konstatazzjoni tkun saret definittiva.
6. L-applikazzjoni għal reviżjoni ppreżentata mill-operatur għandha titqies li ġiet miċħuda fin-nuqqas ta’ notifika ta’ avviż ta’ rettifika f’terminu ta’ disgħin jum minn meta tiġi ppreżentata tali applikazzjoni. Rikors jista’ jiġi ppreżentat kontra ċ-ċaħda tal-applikazzjoni, taċita jew espressa, f’terminu ta’ tletin jum quddiem id-direttur tad-dipartiment, li d-deċiżjoni tiegħu tkun definittiva.
7. Ir-rettifika tista’ tiġi kkontestata mill-operatur f’terminu ta’ tletin jum li jibda jiddekorri mid-data tan-notifika tal-avviż. Fil-mument tal-kontestazzjoni, għandu jiġi mfassal verbal għall-għan possibbli li jinbdew il-proċeduri amministrattivi għar-riżoluzzjoni tal-kawżi previsti fl-Artikolu 66 et seq tat-test leġiżlattiv uniku fil-qasam doganali, approvat bid-Digriet Nru 43 tal-President tar-Repubblika tat-23 ta’ Jannar 1973.
8. Ladarba r-rettifika ssir definittiva, l-uffiċċju għandu jissokta bl-irkupru tad-dazji addizzjonali dovuti mill-operatur jew għandu, ex officio, jagħti bidu għall-proċedura tar-rimbors tal-ħlas żejjed. Ir-rettifika tal-konstatazzjoni għandha tinkludi, skont il-każ, il-kontestatazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet qarrieqa jew ta’ ksur iktar serju minn dak li jista’ possibbilment jiġi kkonstatat.”
15 Fil-każ li r-reviżjoni tal-konstatazzjoni teżiġi spezzjoni fil-post, il-Liġi Nru 212/2000, tas-27 ta’ Lulju 2000, dwar id-drittijiet tal-persuni taxxabbli (GURI Nru 177, tal-31 ta’ Lulju 2000), tipprovdi li, minbarra l-verbali ta’ kuljum li jiddeskrivu t-tranżazzjonijiet imwettqa, għandu jiġi mfassal verbal dwar it‑terminazzjoni tat-tranżazzjonijiet fi tmiem l-ispezzjoni fil-post mill-uffiċjali li kellhom tali inkarigu. Kopja ta’ dan il-verbal tinbagħat lill-persuna taxxabbli u kopja oħra tinbagħat lill-persuna fl-uffiċċju doganali kompetenti li hija responsabbli mill-proċedura, li għandha teżamina tali verbal, flimkien ma’ osservazzjonijiet jew talbiet ippreżentati mill-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa skont l-Artikolu 12(7) ta’ din il-liġi, u għandha tadotta b’indipendenza sħiħa, id-deċiżjoni li ttemm il-proċedura jew l-avviż ta’ konstatazzjoni.
16 F’dan ir-rigward, l-Artikolu 12 tal-Liġi Nru 212/2000, intitolat “Drittijiet u garanziji tal-persuni taxxabbli suġġetti għall-kontroll fiskali”, jipprovdi fil-paragrafu 7:
“Skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni bejn l-amministrazzjoni u l-persuna taxxabbli, wara l-pubblikazzjoni tal-kopja tal-verbal tat-terminazzjoni tat-tranżazzjonijiet min-naħa tal-korpi ta’ kontroll, il-persuna taxxabbli tista’, f’terminu ta’ sittin jum, tinnotifika l-osservazzjonijiet u talbiet tagħha, li għandhom jiġu evalwati mill-uffiċċji tat-taxxa. L-avviż ta’ konstatazzjoni ma jistax jinħareġ qabel l-iskadenza ta’ dan it-terminu, ħlief fil-każ ta’ urġenza partikolari, li trid tkun motivata.”
Il-proċedura prekontenzjuża
17 Matul verifika tar-riżorsi proprji Komunitarji, li saret fl-Italja mis-6 sal-10 ta’ Novembru 2000 u li kienet tkopri l-perijodu mill-1 ta’ Jannar 1998 sad-data tal-verifika, l-aġenti tal-Kummissjoni skoprew irregolaritajiet fil-konstatazzjoni tar-riżorsi proprji Komunitarji li jistgħu jwasslu għal dewmien fit-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-Komunitajiet tal-imsemmija riżorsi, u dan bi ksur tal-Artikoli 2, 6 u 9 sa 11 tar-Regolamenti Nru 1552/1989 u 1150/2000.
18 Wara skambju ta’ ittri bejn l-awtoritajiet Taljani u l-Kummissjoni, din tal-aħħar ikkonstatat li l-proċedura amministrattiva Taljana ta’ kontroll a posteriori tipprovdi li għandu jiġi nnotifikat minn qabel verbal tat-tmiem tat-tranżazzjonijiet ta’ kontroll lill-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa u li din tal-aħħar tingħata terminu ta’ sittin jum sabiex tinnotifika l-osservazzjonijiet tagħha u titlob li jingħataw dettalji addizzjonali. Huwa biss fl-iskadenza ta’ dan it-terminu li d-dejn doganali huwa kkomunikat lill-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa permezz ta’ avviż ta’ konstatazzjoni.
19 Il-Kummissjoni qieset li l-konsegwenzi tal-applikazzjoni ta’ tali proċedura mir-Repubblika Taljana huma inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet Komunitarji rilevanti peress li jdewmu t-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji. Barra minn hekk, it-terminu għad-dħul fil-kontijiet tar-riżorsi proprji, previst fl-Artikolu 220 tal-Kodiċi Doganali, jibda jiddekorri mill-jum tan-notifika tal-verbal li jikkonċerna dawn it-tranżazzjonijiet.
20 L-awtoritajiet Taljani essenzjalment sostnew li l-verbal tat-terminazzjoni tal-imsemmija tranżazzjonijiet ma jikkostitwixxix deċiżjoni definittiva, iżda sempliċi att preparatorju, mingħajr valur legali awtonomu. Barra minn hekk, l-argumenti tal-Kummissjoni ma għandhomx bażi legali fil-Kodiċi Doganali, sa fejn id-dħul fil-kontijiet u n-notifika lid-debitur huma tranżazzjonijiet li jseħħu wara l‑adozzjoni ta’ deċiżjoni definittiva.
21 Wara dan l-iskambju ta’ korrispondenza, il-Kummissjoni ddeċidiet, skont l‑Artikolu 226 KE, li tindirizza lir-Repubblika Taljana ittra ta’ intimazzjoni, innotifikata fit-13 ta’ Lulju 2005, fejn stiednet lil dan l-Istat Membru jippreżenta l‑osservazzjonijiet tiegħu f’terminu ta’ xahrejn li jibda jiddekorri min-notifika tal-imsemmija ittra.
22 Il-Gvern Taljan irrisponda b’ittra tat-12 ta’ Settembru 2005 billi essenzjalment tenna r-risposta mibgħuta preċedentement.
23 Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Ġunju 2006, il-Kummissjoni ġibdet l-attenzjoni tal-awtoritajiet Taljani dwar is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Frar 2006 fil-kawża Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑546/03) u talbithom jesprimu l-fehma tagħhom qabel l-1 ta’ Settembru 2006.
24 Peress li ma ġietx informata bil-pożizzjoni meħuda mir-Repubblika Taljana f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ddeċidiet, skont l-Artikolu 226 KE, li tindirizza opinjoni motivata lil dan l-Istat Membru, ibbażata fuq l-Artikoli 2, 6 u 9 sa 11 tar-Regolamenti Nri 1552/1989 u 1150/2000 kif ukoll l-Artikolu 220 tal-Kodiċi Doganali, innotifikata fil-15 ta’ Diċembru 2006, billi talbitu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu magħha f’terminu ta’ xahrejn min-notifika tal-imsemmija opinjoni.
25 Il-Gvern Taljan wieġeb b’ittra tat-12 ta’ Frar 2007 li fiha tenna l-pożizzjoni tiegħu.
26 Billi qieset li r-Repubblika Taljana baqgħet ma rrimedjax il-ksur li ġie allegat kontrih, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta r-rikors preżenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
27 B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Marzu 2009, ir-Repubblika tal-Finlandja ġiet ammessa tintervjeni insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Taljana.
Fuq ir-rikors
L-argumenti tal-partijiet
28 Il-Kummissjoni essenzjalment takkuża lill-awtoritajiet Taljani bid-dewmien sistematiku fit-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet, sa fejn l-imsemmija awtoritajiet japplikaw proċedura amministrattiva li tipprovdi li dawn ir-riżorsi proprji huma biss ikkonstatati wara li l-persuna taxxabbli tingħata terminu għall-konsultazzjoni tal-verbal dwar tranżazzjonijiet u għan-notifika tal-osservazzjonijiet. Għalhekk, hija titlob li jiġi kkonstatat li r-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 2, 6 u 9 sa 11 tar-Regolamenti Nri 1552/1989 u 1150/2000 kif ukoll tal-Artikolu 220 tal-Kodiċi Doganali.
29 Skont il-Kummissjoni, il-kundizzjonijiet għall-konstatazzjoni tad-drittijiet tal-Komunità fuq ir-riżorsi proprji huma sodisfatti, b’mod partikolari, b’effett minn meta l-awtoritajiet nazzjonali jinnotifikaw il-verbal tat-terminazzjoni tat-tranżazzjonijiet lill-persuna taxxabbli, dokument li jindika kemm l-isem tad-debitur kif ukoll l-ammont tad-dazji li għandhom jiġu rkuprati.
30 Ir-Repubblika Taljana ssostni li l-possibbiltà mogħtija lil persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha qabel l-adozzjoni tal-avviż ta’ konstatazzjoni tikkostitwixxi applikazzjoni tal-prinċipji fundamentali tal-protezzjoni tad-drittijiet ta’ difiża u tal-amministrazzjoni tajba. Tali leġiżlazzjoni, li barra minn hekk taqa’ taħt l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, ma tiksirx id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali.
31 Il-Gvern Taljan, sostnut mill-Gvern Finlandiż, iqis ukoll li l-kundizzjonijiet ipprovduti fl-Artikolu 220(1) tal-Kodiċi Doganali mhumiex sodisfatti fid-data meta l-verbal tal-kontroll huwa kkomunikat lill-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa. Fil-fatt, hija biss l-identifikazzjoni tad-debitur li hija ċerta f’din id-data. Min-naħa l-oħra, la l-eżistenza ta’ irregolarità u lanqas l-ammont legalment dovut tad-drittijiet tad-dazju għall-importazzjoni jew għall-esportazzjoni ma huma definittivament ċerti. Minkejja li d-dispożizzjonijiet legali inċidentali ma jirregolawx il-kontenut tal-verbal tal-kontroll, il-Gvern Taljan ammetta madankollu fir-risposta u fil-kontroreplika tiegħu, kif ukoll waqt it-trattazzjonijiet matul is-seduta, li f’dan il-mument, huwa possibbli, bħala prinċipju, li jiġi ddeterminat l-ammont tad-dejn, u li tabilħaqq dan isir sikwit fil-prassi.
32 Fir-rigward tal-konsegwenzi legali tad-dħul fil-kontijiet tad-dejn doganali, il‑Gvern Finlandiż iqis li hemm lok li dan isir permezz ta’ deċiżjoni amministrattiva definittiva, kif jirriżulta mill-Artikolu 220(1) tal-Kodiċi Doganali u b’mod partikolari mill-kliem “jsiru jafu” li jinsab f’dan l-artikolu.
33 Barra minn hekk, l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1150/2000, moqri flimkien mal-paragrafu 1 tal-istess artikolu, jirrikonoxxi lill-awtoritajiet doganali l‑possibbiltà li jinnotifikaw il-kalkoli provviżorji lill-persuna taxxabbli qabel ma tiġi adottata deċiżjoni definittiva.
34 Barra minn hekk, skont il-Gvern Finlandiż, minħabba d-diversità tal-proċeduri nazzjonali, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, ma tistax tkun utli sabiex tiġi ddeterminata l-konformità tas-sistemi nazzjonali differenti mad-dritt tal-Unjoni.
35 Fil-fatt, għad-differenza tal-leġiżlazzjoni Spanjola inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, id-dispożizzjonijiet inkwistjoni tal-kawża preżenti ma jiddefinixxux il-kontenut tal-verbal dwar dawn it-tranżazzjonijiet, u b’mod partikolari, ma jeżiġux in-notifika tal-ammont tad-dejn doganali. Din in-notifika hija sempliċement ir-riżultat ta’ prassi amministrattiva.
36 Barra minn hekk, minkejja li l-proposta għal ħlas prevista mil-leġiżlazzjoni Spanjola ssir definittiva b’mod awtomatiku fi żmien tletin jum jekk il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa taċċettaha u jekk l-amministrazzjoni ma tagħmel ebda rettifika, il-leġiżlazzjoni Taljana inkwistjoni teżiġi fi kwalunkwe każ l‑adozzjoni ta’ deċiżjoni definittiva fil-forma ta’ avviż ta’ konstatazzjoni.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
37 Fir-rigward tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat, għandu jitfakkar li l‑Artikolu 2(1) tar-Regolamenti Nri 1552/89 u 1150/2000 jippreċiża li l-Istati Membri għandhom jikkonstataw dritt fuq ir-riżorsi proprji “malli l-kondizzjonijiet li hemm dispożizzjoni dwarhom bir-regolamenti tad-dwana jkunu twettqu rigward id-dħul għall-intitolament fil-kontijiet u n-notifikazzjoni tad-debitur”.
38 Barra minn hekk, mill-Artikolu 220(1) tal-Kodiċi Doganali jirriżulta li l‑kundizzjonijiet tad-dħul fil-kontijiet a posteriori ta’ ammont ta’ dazju li għandu jiġi rkuprat jew li għad baqa’ jiġi rkuprat huma sodisfatti meta l-awtoritajiet doganali jkunu jafu b’din is-sitwazzjoni, u meta jkunu f’pożizzjoni li jikkalkolaw l-ammont legalment dovut u jidentifikaw lid-debitur (sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27).
39 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar ukoll li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jikkonstataw ir-riżorsi proprji tal-Komunitajiet. Fil-fatt, l-Artikolu 2(1) tar-Regolamenti Nri 1552/89 u 1150/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri ma jistgħux jeħilsu ruħhom mill-obbligu tal-akkreditament, anki jekk dan ikun ikkontestat, inkella jkollu jiġi ammess li l‑bilanċ finanzjarju tal-Komunitajiet jista’ jitfixkel, għalkemm temporanjament, bl-aġir ta’ Stat Membru (ara sentenzi tas-16 ta’ Mejju 1991, Il-Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, C‑96/89, Ġabra p. I‑2461, punt 37; u tal-15 ta’ Ġunju 2000, Il‑Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑348/97, Ġabra p. I‑4429, punt 64; u tal-15 ta’ Novembru 2005, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C‑392/02, Ġabra p. I‑9811, punt 60, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28).
40 L-Istati Membri għandhom jikkonstataw dritt tal-Komunitajiet fuq ir-riżorsi proprji malli l-awtoritajiet doganali jkollhom id-dettalji neċessarji u, għalhekk, ikunu f’pożizzjoni li jikkalkolaw l-ammont tad-dazju li jirriżulta minn dejn doganali u li jidentifikaw il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, punt 59, u Il-Kummissjoni vs Spanja, punt 29).
41 F’dan il-kuntest, għandu jitqies li, meta l-awtoritajiet doganali jinnotifikaw att amministrattiv lill-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa, indipendentement mid-denominazzjoni tiegħu, li jikkonstata l-eżistenza ta’ nuqqas sħiħ jew parzjali tal-ħlas tad-dejn doganali u li jindika l-ammont tad-dazju doganali li huma jqisu legalment dovut, f’dan il-mument, huma jkunu f’pożizzjoni li jikkalkolaw l-ammont tad-dazju li jirriżulta minn dejn doganali u li jidentifikaw il- persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa.
42 Konsegwentement, id-dħul fil-kontijiet a posteriori tal-ammont ta’ dazju li għandu jiġi rkuprat jew li għad baqa’ jiġi rkuprat għandu jsir, bħala prinċipju, skont l-Artikolu 220(1) tal-Kodiċi Doganali, f’terminu ta’ jumejn min-notifika lill- persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa tal-verbal li jissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti (sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32).
43 Il-Gvern Taljan u l-Gvern Finlandiż sostnew, kemm fin-noti tagħhom kif ukoll waqt it-trattazzjonijiet matul is-seduta, li n-notifika tal-verbal tat-terminazzjoni tat-tranżazzjonijiet tippermetti lill-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha qabel ma tittieħed deċiżjoni fir-rigward tagħha, u għalhekk, tikkontribwixxi għad-drittijiet ta’ difiża. Għaldaqstant, l‑applikazzjoni ta’ tali proċedura ma tistax tikkostitwixxi nuqqas ta’ twettiq tal-Istati Membri tal-obbligi tagħhom taħt ir-Regolamenti Nri 1552/89 u 1150/2000 tal-Kodiċi Doganali.
44 F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat-18 ta’ Diċembru 2008, Sopropé (C‑349/07, Ġabra p. I‑10369, punt 36), ir-rispett tad-drittijiet ta’ difiża jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju li japplika meta amministrazzjoni tipproponi li tadotta, fir-rigward ta’ persuna, att li jikkawżalha preġudizzju.
45 Madankollu, filwaqt li l-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet ta’ difiża japplika, b’mod partikolari għal proċedura ta’ rkupru a posteriori, fir-rigward ta’ relazzjonijiet bejn persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa u Stat Membru, min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u l-Komunitajiet, ma jistax ikollu bħala konsegwenza li Stat Membru jikser l-obbligi tiegħu ta’ dħul fil-kontijiet, fit-termini previsti mil-leġiżlazzjoni Komunitarja, tad-drittijiet tal-Komunitajiet fuq ir-riżorsi proprji (sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33).
46 Barra minn hekk, għandu jitfakkar li d-dħul fil-kontijiet u n-notifika tad-dazju doganali dovut kif ukoll l-inklużjoni tar-riżorsi proprji ma jipprekludux lid-debitur milli jikkontesta, skont l-Artikoli 243 et seq tal-Kodiċi Doganali, l-obbligu tiegħu billi jinvoka l-argumenti kollha għad-dispożizzjoni tiegħu.
47 Barra minn hekk, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom il-possibbiltà li jinkludu r‑riżorsi proprji li jkunu ġew ikkontestati u li jistgħu, wara riżoluzzjoni tat-tilwim li nħoloq, ikunu suġġetti għal tibdil, f’kontijiet separati, skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 1552/89 u l-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 1150/2000.
48 Barra minn hekk, fis-sitwazzjoni fejn l-awtoritajiet nazzjonali jkunu diġà daħħlu d-drittijiet ikkonstatati fil-kontijiet, qabel ma dawn ġew ikkontestati, l-Artikoli 2 u 8 tar-Regolamenti Nri 1552/89 u 1150/2000 jawtorizzaw l-awtoritajiet nazzjonali jirrettifikaw in-notifiki u jnaqqsu dawn ir-rettifiki mill-ammont kollu tad-drittijiet ikkonstatati fil-każ fejn, konsegwentement, il-kontestazzjonijiet jirriżultaw fondati.
49 Fir-rigward tal-interessi moratorji, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li teżisti rabta inseparabbli bejn l-obbligu li jiġu kkonstatati r‑riżorsi proprji Komunitarji, l-obbligu li jiddaħlu fil-kontijiet tal-Kummissjoni fit-termini previsti, u fl-aħħar nett, l-obbligu li jitħallsu l-interessi moratorji, liema interessi huma dovuti, indipendentement mir-raġuni għad-dewmien tad-dħul fil-kontijiet tal-Kummissjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Settembru 1989, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, 68/88, Ġabra p. 2965, punt 17; u tat-12 ta’ Ġunju 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑363/00, Ġabra p. I‑5767, punti 43 u 44, kif ukoll tat-22 ta’ Jannar 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑150/07, punt 62).
50 Skont l-Artikolu 11 tar-Regolamenti Nri 1152/89 u 1150/2000, kull dewmien tad-dħul fil-kontijiet previst fl-Artikolu 9(1) tal-istess regolamenti jagħti lok għall-ħlas, mill-Istat Membru kkonċernat, ta’ interessi applikabbli għall-perijodu kollu ta’ dewmien (ara s-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq, punt 91, u tad-19 ta’ Marzu 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑275/07, Ġabra p. I‑2005, punt 66).
51 Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma osservatx it-termini għall-inklużjoni tar-riżorsi proprji Komunitarji fil-każ ta’ rkupru a posteriori u minħabba ħlas tardiv tal-imsemmija riżorsi, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 2, 6 u 9 sa 11 tar-Regolament Nru 1552/89 u tal-istess artikoli tar-Regolament Nru 1150/2000 kif ukoll tal-Artikolu 220 tal-Kodiċi Doganali.
Fuq l-ispejjeż
52 Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Taljana tilfet, hija għandha tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.
53 Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 69(4), ir-Repubblika tal-Finlandja, li interveniet fil-kawża, għandha tbati l-ispejjeż tagħha.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:
1) Billi ma osservatx it-termini għall-inklużjoni tar-riżorsi proprji Komunitarji fil-każ ta’ rkupru a posteriori u minħabba ħlas tardiv tal-imsemmija riżorsi, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 2, 6 u 9 sa 11 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1552/89 (KEE, Euratom), tad-29 ta’ Mejju 1989, li jimplementa d‑Deċiżjoni 88/376/KEE Euratom, dwar is-sistema ta’ riżorsi tal-Komunitajiet innifishom, u tal-istess artikoli tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1150/2000, tat-22 ta’ Mejju 2000, li jimplimenta d‑Deċiżjoni 94/728/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet, kif ukoll tal-Artikolu 220 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità.
2) Ir-Repubblika Taljana hija kkundannata għall-ispejjeż.
3) Ir-Repubblika tal-Finlandja għandha tbati l-ispejjeż tagħha.
Firem
* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.
Full & Egal Universal Law Academy