Kawża C-449/08
G. Elbertsen
vs
Minister van Landbouw, Natuur en Voedselkwaliteit
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-College van Beroep voor het bedrijfsleven)
“Politika agrikola komuni — Sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll għal ċerti skemi ta’ għajnuna — Regolament (KE) Nru 1782/2003 — Skema ta’ pagament uniku — Iffissar tal-ammont ta’ referenza — Bdiewa li jsibu ruħhom f’sitwazzjoni speċjali — Riżerva nazzjonali”
Sommarju tas-sentenza
1. Agrikoltura — Politika agrikola komuni — Sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll għal ċerti skemi ta’ għajnuna — Skema ta’ pagament uniku
(Regolament tal-Kunsill Nru 1782/2003, Artikolu 42(4); Regolament tal‑Kummissjoni Nru 795/2004, kif emendat bir-Regolament Nru 1974/2004, Artikolu 21)
2. Agrikoltura — Politika agrikola komuni — Sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll għal ċerti skemi ta’ għajnuna — Skema ta’ pagament uniku
(Regolament tal-Kunsill Nru 1782/2003, Artikolu 42(4))
1. L-Artikolu 42(4) tar-Regolament Nru 1782/2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r‑Regolamenti Nru 2019/93, Nru 1452/2001, Nru 1453/2001, Nru 1454/2001, Nru 1868/94, Nru 1251/1999, Nru 1254/1999, Nru 1673/2000, Nru 2358/71 u Nru 2529/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tħalli lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni li jippermettilhom li jiffissaw għal ewro l-ammont ta’ referenza u li ma jagħtu l-ebda dritt għal pagment mir-riżerva nazzjonali lil bidwi li jinsab f’sitwazzjoni speċjali bħal dik imsemmija fl-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 795/2004, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implementazzjoni tal-iskema ta’ ħlas waħdieni li hemm provvediment dwaru fir-Regolament Nru 1782/2003, kif emendat bir-Regolament Nru 1974/2004, sakemm dan l-ammont ikun ibbażat fuq kriterji oġġettivi, ma jippreġudikax it-trattament ugwali bejn il-bdiewa u ma joħloqx distorsjonijiet fis-suq u l‑kompetizzjoni.
(ara l-punt 34 u d-dispożittiv 1)
2. Id-dritt Komunitarju, u b’mod partikolari, l-Artikolu 42(4) tar-Regolament Nru 1782/2003, li jistabbilixxi regoli komuni għal iskemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti Nru 2019/93, Nru 1452/2001, Nru 1453/2001, Nru 1454/2001, Nru 1868/94, Nru 1251/1999, Nru 1254/1999, Nru 1673/2000, Nru 2358/71 u Nru 2529/2001 ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tgħid li ammont ta’ EUR 500 jitnaqqas miż-żieda tal-ammont tal-pagamenti addizzjonali li jirriżultaw minn investiment f’kapaċità ta’ produzzjoni jew ta’ xiri ta’ artijiet, qabel ma jiġi stabbilit l-ammont ta’ referenza li abbażi tiegħu jingħataw drittijiet għall-pagamenti mir-riżerva nazzjonali.
Fil-fatt, inkwantu hija applikabbli għall-bdiewa kollha li jkunu għamlu domanda għar-riżerva nazzjonali, l-imsemmija dispożizzjoni nazzjonali hija miżura ta’ natura ġenerali li tistrieħ fuq kriterji oġġettivi u li ma tiksirx il-prinċipju ta’ trattament ugwali u lanqas ma timplika distorsjonijiet tas-suq u tal-kompetizzjoni, skont ir-rekwiżiti tal-imsemmi Artikolu 42(4).
(ara l-punti 38, 40, 46 u d-dispożittiv 2)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
22 ta’ Ottubru 2009 (*)
“Politika agrikola komuni – Sistema integrata tal-amministrazzjoni u tal-kontroll ta’ ċerti skemi ta’ għajnuna – Regolament (KE) Nru 1782/2003 – Skema ta’ pagament uniku – Iffissar tal-ammont ta’ referenza – Bdiewa li jsibu ruħhom f’sitwazzjoni speċjali – Riżerva nazzjonali”
Fil-Kawża C‑449/08,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-College van Beroep voor het bedrijfsleven (l-Olanda), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Ottubru 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-13 ta’ Ottubru 2008, fil-proċedura
G. Elbertsen
vs
Minister van Landbouw, Natuur en Voedselkwaliteit,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn E. Levits, President tal-Awla, A. Borg Barthet (Relatur) u M. Ilešič, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura bil-miktub
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u M. de Mol, bħala aġenti,
– għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u J. Möller, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn F. Clotuche-Duvieusart u B. Burggraaf, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 42(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003, tad-29 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KEE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 40, p. 269).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn G. Elbertsen u Minister van Landbouw, Natuur en Voedselkwaliteit (Ministru tal-Agrikoltura, tal-Patrimonju naturali u tal-kwalità tal-prodotti tal-ikel, iktar ’il quddiem il-“Ministeru”) dwar l-għoti ta’ drittijiet għal ħlas uniku mir-riżerva nazzjonali.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
Ir-Regolament Nru 1782/2003
3 Fil-kuntest tar-riforma politika agrikola komuni, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta r-Regolament Nru 1782/2003, li jistabbilixxi regoli komuni għall-iskemi ta’ pagamenti diretti fil-kuntest tal-politika agrikola komuni kif ukoll għal ċerti skemi ta’ appoġġ favur il-bdiewa.
4 Ir-Regolament Nru 1782/2003 jistabbilixxi, b’mod partikolari, skema ta’ għajnuna għad-dħul tal-bdiewa. Din l-iskema hija identifikata, fit-tieni inċiż tal-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament bħala “l-iskema ta’ pagament uniku”. Din l-iskema hija s-suġġett tat-Titolu III ta’ dan ir-regolament.
5 L-Artikolu 33 tar-Regolament Nru 1782/2003 jelenka s-sitwazzjonijiet li fihom il-bdiewa jistgħu jirrikorru għall-iskema ta’ pagament uniku. Dan jipprovdi b’mod partikolari:
“Eliġibilità
1. Il-bdiewa għandu jkollhom aċċess għall-iskema ta’ pagament uniku jekk:
a) ġew mogħtija pagament fil-perjodu ta’ referenza msemmi fl-Artikolu 38 taħt mill-inqas waħda mill-iskemi ta’ appoġġ imsemmija fll-Anness VI,
[…]”
6 L-Artikolu 37(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:
“L-ammont ta’ referenza għandu jkun l-medja ta’ tlett snin ta’ l-ammonti totali ta’ pagamenti, li bidwi ġie mogħti taħt l-iskemi ta’ appoġġ imsemmija fl-Anness VI, kalkulati u aġġustati skond l-Anness VII, f’kull sena kalendarja tal-perjodu ta’ referenza msemmi fl-Artikolu 38.”
7 Il-perijodu ta’ referenza msemmi fl-Artikoli 33(1) u 37(1) tar-Regolament Nru 1782/2003 huwa stabbilit fl-Artikolu 38 ta’ dan ir-regolament. Dan jinkludi s-snin kalendarji 2000 sa 2002.
8 L-Artikolu 42(1) u (4) tar-Regolament Nru 1782/2003 jipprovdi:
“1. L-Istati Membri, wara xi riduzzjoni possibli taħt l-Artikolu 41(2), għandhom jipproċedu għat-tnaqqis ta’ persentaġġ lineari ta’ l-ammonti ta’ referenza biex jikkostitwixxu riżerva nazzjonali. Dan it-tnaqqis m’għandux ikun ogħla minn 3 %.
[…]
4. L-Istati Membri għandhom jużaw ir-riżerva nazzjonali biex jistabbilixxu, skond kriterji oġġettivi u b’mod li jiżguraw trattament ugwali bejn il-bdiewa u li jevitaw distorzjonijiet tas-suq u tal-kompetizzjoni, ammonti ta’ referenza għall-bdiewa li jsibu rwieħom f’sitwazzjoni speċjali, li għandha tkun definita mill-Kummissjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 144(2).”
Ir-Regolament (KE) Nru 795/2004
9 Skont il-Premessa 9 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 795/2004, tal-21 ta’ April 2004 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implementazzjoni tal-iskema ta’ ħlas waħdieni li hemm provvediment dwaru fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 44, p. 226), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1974/2004 tad-29 ta’ Ottubru 2004 (ĠU L 345, p. 85, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 795/2004”):
“Sabiex tiġi faċilitata l-amministrazzjoni tar-riżerva nazzjonali, huwa xieraq li jkun hemm proveddiment dwar l-immaniġġar tar-riżerva nazzjonali f’livell reġjonali ħlief fil-każi msemmija fl-Artikolu 42 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003, fejn japplika, u fl-Artikolu 42 ta’ dak ir-Regolament, fejn l-Istat Membru jkun obbligat li jalloka drittijiet għall-ħlas.”
10 Il-Premessa 13 tar-Regolament Nru 795/2004 tipprovdi:
“L-Artikolu 42(4) tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 jippermetti lill-Kummissjoni li tiddefinixxi s-sitwazzjonijiet speċjali li għandhom jagħtu d-dritt għall-istabbiliment ta’ l-ammonti ta’ referenza għal ċerti bdiewa li jsibu lilhom infushom f’sitwazzjonijiet li ma ħallewhomx, għal kollox jew parzjalment, milli jirċievu ħlasijiet diretti fil-perjodu ta’ referenza. Huwa għalhekk xieraq li jiġu elenkati dawk is-sitwazzjonijiet speċjali billi jkun hemm provvediment dwar dawk ir-regoli sabiex jiġi evitat l-akkumular ta’ benefiċċju mill-allokazzjoni differenti ta’ drittijiet għall-ħlas lill-istess bidwi mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà tal-Kummissjoni li żżid iktar każi fejn jinqala’ l-każ. B’żieda, l-Istati Membri għandhom jingħataw il-flessibilità biex jistabbilixxu l-ammont ta’ referenza li għandu jiġi allokat.”
11 Skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 795/2004:
“Għall-finijiet ta’ l-Artikolu 42(4) tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003, “bdiewa f’sitwazzjoni speċjali” għandha tfisser il-bdiewa msemmija fl-Artikoli 19 sa 23a ta’ dan ir-Regolament.”
12 L-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 795/2004 jipprovdi:
“Bidwi li jkun għamel investimenti fil-kapaċita ta’ produzzjoni jew li jkun xtara art skond il-kundizzjonijiet preskritti fil-paragrafi 2 sa 6, l-iktar tard sad-29 ta’ Settembru 2003, għandu jirċievi d-drittijiet għall-ħlas kalkolati billi jiġi diviż l-ammont ta’ referenza, stabbilit mill-Istat Membru, skond kriterji oġġettivi u b’dak il-mod li jiġi żgurat trattament ugwali bejn il-bdiewa u li jiġi evitat tgħawwiġ tas-suq jew ta’ kompetizzjoni, b’numru ta’ ettari li ma jkunx għola minn-numru ta’ ettari li jkun xtara.”
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
13 L-Artikolu 16 tar-Regolament dwar il-politika agrikola komuni – għajnuna għad-dħul 2006 (Regeling GLB inkomenssteun 2006, iktar ’il quddeim ir-“Regeling”) jipprovdi b’mod partikolari:
“1. Għall-għoti tad-drittijiet għal ħlas mir-riżerva nazzjonali, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biss:
[…]
c) il-bdiewa li, skont l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 795/2004, investew fil-kapaċitajiet ta’ produzzjoni jew xtraw art, jekk jiġi muri, għas-sodisfazzjon tal-ministru, skont l-istess Artikolu 21 tar-Regolament Nru 795/2004, li sa mhux iktar tard mill-15 ta’ Mejju 2004:
– investew f’faċilitajiet ta’ maqjel jew krew tali kapaċitajiet għal perijodu ta’ mhux inqas minn sitt snin;
– xtraw artijiet, jew krew dawn l-artijiet għal perijodu ta’ mhux inqas minn sitt snin;
– xtraw annimali li għalihom jistgħu jiksbu wieħed mill-pagamenti diretti elenkati fl-Anness VI tar-Regolament Nru 1782/2003;
[…]
d) il-bdiewa li, skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 795/2004, krew jew xtraw artjiet, jekk jiġi muri għas-sodisfazzjon tal-ministru li xtraw jew krew l-art sa mhux iktar tard mill-15 ta’ Mejju 2004;
[…]
2. Il-bdiewa msemmija fil-paragrafu 1(b) sa (d) jistgħu jibbenefikaw mid-drittijiet għal ħlas mir-riżerva nazzjonali sakemm:
a) ikollhom, minħabba l-investiment f’kapaċitajiet ta’ produzzjoni jew minħabba dħul fil-pussess, xiri jew il-kiri ta’ artijiet, li jistgħu jiġu inklużi għall-benefiċċju tal-għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 1782/2003, fis-sena kalendarja sussegwenti, iktar:
i) faċilitajiet ta’ maqjel,
ii) annimali li għalihom jista’ jinkiseb pagament dirett elenkat fil-lista tal-Anness VI tar-Regolament Nru 1782/2003,
[…]
li m’għandhomx kapaċitajiet ta’ produzzjoni jew ta’ artijiet ikkonċernati fil-perijodu ta’ referenza;
b) li jkunu rċevew, minħabba dan is-suppliment ta’ kapaċitajiet ta’ produzzjoni jew ta’ artijiet, iktar pagamenti diretti, ikkalkolati skont l-Artikolu 17; u
c) li dawn il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni jew dawn l-artijiet supplimentari ma jkunx għad ingħatalhom id-dritt għall-għoti ta’ drittijiet għall-pagamenti jew ta’ ammonti ta’ referiment abbażi tal-perijodu ta’ referiment.
3. It-talba għall-iffissar tad-drittijiet għal ħlas mir-riżerva nazzjonali għandha titressaq skont l-Artikolu 11.”
14 Skont l-Artikolu 17(1) u (2) tar-Regeling:
“1. L-ammonti ta’ referenza supplimentari huma, għall-bdiewa msemmija fl-Artikolu 16(2), ikkalkolati skont il-metodu li ġej:
a) Iż-żieda, għall-perijodu ta’ referenza, fis-sena sussegwenti għall-investiment fil-kapaċitajiet ta’ produzzjoni, jew fid-dħul fil-pussess, ix-xiri jew il-kiri ta’ artijiet inkwistjoni, li hija l-konsegwenza ta’ dan l-investiment, tal-ammont ta’ pagamenti diretti rċevuti skont l-iskemi ta’ għajnuna elenkati fl-Anness VI tar-Regolament Nru 1782/2003, hija kkalkulata u adattata skont il-metodu spjegat fl-Anness VII tar-Regolament Nru 1782/2003;
b) Mir-riżultat tal-kalkolu li sar fil-punt (a) għandha tiġi mnaqqsa somma ta’ EUR 500, imqassma proporzjonalment bejn l-ammonti supplimentari rċevuti taħt l-iskemi ta’ għajnuna msemmija taħt dak il-punt.
c) L-ammonti supplimentari kkalkolati skont il-punt (b) għandhom jiġu mmultiplikati għal perċentwali stabbilit mill-ministru. Il-ministru għandu jippubblika din il-perċentwali fl-iStaatscourant.
2. B’deroga mill-paragrafu (1) u mill-Artikolu 16(2), l-ammont ta’ referenza supplimentari jista’, fuq it-talba tal-bidwi, jiġi kkalkolat abbażi tat-tieni sena wara li jsir l-investiment fil-kapaċitajiet ta’ produzzjoni jew wara d-dħul fil-pussess, ix-xiri jew il-kiri ta’ artijiet, imma mhux iktar tard mill-2005, jekk juri, għas-sodisfazzjon tal-ministru, li ma setax jibbenefika b’mod komplet, fl-ewwel sena, mill-kapaċitajiet ta’ produzzjoni jew tal-artijiet inkwistjoni.
[…]”
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
15 G. Elbertsen, bidwi fl-Olanda, kellu fir-razzett tiegħu erba’ nagħġiet fl-2000, tlieta fl-2001 u ħdax fl-2002. Ma ngħata l-ebda pagament dirett matul dan il-perijodu.
16 Fl-20 ta’ Diċembru 2002, ġiet stabbilita qbiela b’ċens fuq biċċa art ta’ 1.29 tomna u, matul is-sena ta’ wara, ittrasforma f’maqjel bini li qabel kien użat bħala remissa.
17 Matul is-snin 2003 sa 2005, G. Elbertsen kellu għoxrin nagħġa, li ppermettilu li jibbenefika minn primjum għan-nagħaġ għal kull waħda minn dawn is-snin għal ammont totali ta’ EUR 440.40.
18 Fis-6 ta’ Settembru 2005, G. Elbertsen, abbażi tal-investiment li kien għamel f’faċilitajiet ta’ maqjel, f’nagħaġ u f’artijiet, ressaq talba għad-drittijiet għal ħlas mir-riżerva nazzjonali.
19 B’ittra tat-13 ta’ Ottubru 2006, il-Ministru rrispondih li kien jissodisfa ċerti kundizzjonijiet sabiex jibbenefika mid-drittijiet għal ħlas mir-riżerva nazzjonali minħabba dawn l-investimenti, imma li l-pagamenti diretti supplimentari kkalkolati ma kinux jaqbżu l-limitu ta’ EUR 500 stabbilit mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, b’mod li d-drittijiet għal ħlas mir-riżerva nazzjonali ma setgħux jingħatawlu.
20 B’deċiżjoni tal-15 ta’ Diċembru 2006, il-Ministru ffissa għal EUR 0 l-ammont ta’ drittijiet għal pagament li kellhom jingħataw lil G. Elbertsen.
21 Wara r-rikors ippreżentat minn G. Elbertsen, il-Ministru, b’deċiżjoni tal-24 ta’ April 2007, ikkonferma d-deċiżjoni li ma jingħatawlu l-ebda drittijiet għal ħlas mir-riżerva nazzjonali.
22 B’ittra tal-1 ta’ Mejju 2007, G. Elbertsen ippreżenta rikors quddiem il-College van Beroep voor het bedrijfsleven kontra d-deċiżjoni tal-24 ta’ April 2007.
23 Fir-rikors tiegħu, huwa jsostni li d-dispożizzjoni nazzjonali skont liema l-limitu ta’ EUR 500 jiġi applikat iwassal għal trattament mhux ugwali b’dannu għall-bdiewa żgħar u li, għaldaqstant, hija kuntrarja għall-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 1782/2003 kif ukoll tal-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 795/2004. Huwa jsostni wkoll li, fil-mument meta għamel l-investimenti tiegħu, l-ebda limitu ma kien iffissat, b’mod li l-Artikolu 17(1)(b) tar-Regelin huwa kuntrarju għall-prinċipji ta’ ċertezza legali u tar-rispett tal-aspettativi leġittimi. Fl-aħħar, G. Elbertsen isostni li r-Regolament Nru 795/2004 jagħtih drittijiet għal ħlas mir-riżerva nazzjonali u jipprekludi li l-applikazzjoni ta’ regola ta’ kalkolu stabbilita minn Stat Membru sabiex tiffissa l-ammont ta’ referenza twassal sabiex jitlef totalment id-dritt sabiex jikseb l-istess drittijiet għal pagament.
24 Minħabba li r-riżultat tal-kawża li għandu quddiemu jiddependi mill-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet Komunitarji applikabbli, il-College van Beroep voor het bedrijfsleven iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) L-Artikolu 42(4) tar-Regolament […] Nru 1782/2003 […], għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tagħti marġni ta’ diskrezzjoni lil Stat Membru sabiex ikun jista’ jistabbilixxi l-ammont ta’ referenza għal EUR 0, u ma jagħti ebda dritt għal ħlas mir-riżerva nazzjonali lil bidwi li jinsab f’sitwazzjoni partikolari bħal dik deskritta fl-Artikolu 21 tar-Regolament […] Nru 795/2004 […]?
2) Jekk ir-risposta li tingħata għall-ewwel domanda tkun affermattiva, id-dritt Komunitarju jipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni bħall-Artikolu 17(1)(b) tar-Regeling […], li permezz tiegħu ammont ta’ EUR 500 huwa mnaqqas miż-żieda tal-ammont tal-pagamenti supplimentari li jirriżultaw minn investiment fil-kapaċità ta’ produzzjoni jew xiri ta’ artijiet, qabel ma jiġi stabbilit l-ammont ta’ referenza li abbażi tiegħu jingħataw drittijiet għall-pagament maħruġa mir-riżerva nazzjonali?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
25 Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 42(4) tar-Regolament Nru 1782/2003 għandux jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tħalli lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni li jippermettilhom li jiffissaw għal EUR 0 l-ammont ta’ referenza u li ma jagħtu l-ebda dritt għal ħlas mir-riżerva nazzjonali lil bidwi li jinsab f’sitwazzjoni speċjali bħal dik imsemmija fl-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 795/2004.
Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja
26 Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, il-Gvern tal-Olanda u dak tal-Ġermanja kif ukoll il-Kummissjoni jsostnu li l-Artikolu 42(4) tar-Regolament Nru 1782/2003, moqri flimkien mal-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 795/2004, jagħti lill-Istati Membri tali marġni ta’ diskrezzjoni sakemm l-ammont ta’ referenza jiġi stabbilit skont kriterji oġġettivi u, għaldaqstant, li ma jippreġudikax l-ugwaljanza fit-trattament bejn il-bdiewa u ma joħloqx distorsjoni fis-suq u l-kompetizzjoni.
Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja
27 Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li, fil-kuntest tal-iskema ta’ pagament uniku, l-Istati Membri għandhom, skont l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 1782/2003, joħolqu riżerva nazzjonali intiża sabiex tikkunsidra sitwazzjonijiet partikolari. Skont il-paragrafu (4) ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri jużaw ir-riżerva nazzjonali sabiex jistabbilixxu, skont kriterji oġġettivi u b’mod li jiżguraw l-ugwaljanza fit-trattament bejn il-bdiewa u sabiex jevitaw distorsjonijiet tas-suq jew tal-kompetizzjoni, l-ammonti ta’ referenza għall-bdiewa li jinsabu f’sitwazzjoni speċjali.
28 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrelevat li, kuntrarjament għall-formulazzjoni tal-paragrafi (3) u (5) tal-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 1782/2003, li jagħti b’mod espress lill-Istati Membri l-possibbiltà li jużaw jew le r-riżerva nazzjonali fis-sitwazzjonijiet msemmija f’dawn id-dispożizzjonijiet, il-paragrafu (4) ta’ dan l-Artikolu jobbliga lill-Istati Membri jistabbilixxu l-ammonti ta’ referenza għall-bdiewa li jinsabu f’sitwazzjoni speċjali. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, tal-bdiewa li jkunu għamlu investimenti fil-kapaċitajiet ta’ produzzjoni jew li jkunu xtraw artijiet sa mhux iktar tard mill-15 ta’ Mejju 2004.
29 Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li la l-Artikolu 42(4) tar-Regolament Nru 1782/2003 u lanqas l-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 795/2004 ma jeskludu a priori, li Stat Membru jistabbilixxi ammont ta’ referenza ugwali għal EUR 0.
30 Skont l-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 795/2004, id-drittijiet għal ħlas mir-riżerva nazzjonali li jingħataw lill-bdiewa msemmija f’din id-dispożizzjoni huma kkalkolati abbażi tal-ammonti ta’ referenza stabbiliti mill-Istat Membru kkonċernat. Minn dan isegwi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali, jekk ma tqiegħedx inkwistjoni d-dritt għall-iffissar ta’ ammont ta’ referenza, hija madankollu suxxettibbli li jkollha l-konsegwenza li l-kalkolu tad-drittijiet għal ħlas iwassal f’ċerti każijiet għal ammont ugwali għal EUR 0.
31 Dan il-fatt madankollu ma jistax jiġi kkunsidrat li huwa kuntrarju għall-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 795/2004, li, interpretat fid-dawl tal-Premessa 9 ta’ dan ir-Regolament, jobbliga l-Istati Membri jagħtu, fil-kuntest tal-Artikolu 42(4) tar-Regolament Nru 1782/2003, drittijiet għal ħlas lill-bdiewa kkonċernati.
32 Fil-fatt, kif jirriżulta espressament mill-Artikoli 21(1) tar-Regolament Nru 795/2004 u 42(4) tar-Regolament Nru 1782/2003, l-Istati Membri jibbenefikaw minn ċerta latitudni fid-determinazzjoni tal-ammonti ta’ referenza li għandhom jiġu allokati. Din l-interpretazzjoni hija barra minn hekk ikkonfermata mill-Premessa 13 tar-Regolament Nru 795/2004.
33 Xorta jibqa’ l-fatt li l-Istati Membri għandhom, f’konformità mal-imsemmija dispożizzjonijiet, jibbażaw irwieħhom fuq kriterji oġġettivi, ma jippreġudikawx it-trattament ugwali bejn il-bdiewa u ma joħolqux distorsjonijiet fis-suq u l-kompetizzjoni.
34 Konsegwentement, hemm lok li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-Artikolu 42(4) tar-Regolament Nru 1782/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tħalli lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni li jippermettilhom li jiffissaw għal EUR 0 l-ammont ta’ referenza u li ma jagħtu l-ebda dritt għal ħlas mir-riżerva nazzjonali lil bidwi li jinsab f’sitwazzjoni speċjali bħal dik imsemmija fl-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 795/2004 sakemm dan l-ammont ikun ibbażat fuq kriterji oġġettivi, ma jippreġudikax it-trattament ugwali bejn il-bdiewa u ma joħloqx distorsjonijiet fis-suq u l-kompetizzjoni.
Fuq it-tieni domanda
35 Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt Komunitarju jipprekludix l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha ammont ta’ EUR 500 huwa mnaqqas miż-żieda tal-ammont ta’ pagamenti supplimentari li jirriżultaw minn investiment f’kapaċitajiet ta’ produzzjoni jew ix-xiri ta’ artijiet, qabel ma kien stabbilit l-ammont ta’ referenza li abbażi tiegħu jingħataw id-drittijiet għal ħlas mir-riżerva nazzjonali.
Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja
36 Il-Gvern tal-Olanda u dak tal-Ġermanja kif ukoll il-Kummissjoni jsostnu li d-dritt Komunitarju ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ tali dispożizzjoni.
Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja
37 Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li, fl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja, l-Istati Membri għandhom mhux biss jikkonfermaw mad-dispożizzjonijiet tar-regolament ikkonċernat, imma wkoll jirrispettaw il-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju bħal ma huma l-prinċipji ta’ trattament ugwali, tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u tal-proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, JK Otsa Talu, C‑241/07, Ġabra p. I‑4323, punt 46).
38 L-Artikolu 42(4) tar-Regolament Nru 1782/2003 jeħtieġ li l-ammonti ta’ referenza għall-bdiewa li jinsabu f’sitwazzjoni speċjali jiġu ffissati skont kriterji oġġettivi u b’mod li jiġi żgurat it-trattament ugwali bejn il-bdiewa u li jevitaw distorsjonijiet tas-suq u tal-kompetizzjoni.
39 L-Artikolu 17(1) tar-Regeling jipprovdi li l-ammont ta’ referenza huwa kkalkolat abbażi taż-żieda tal-ammont tal-ħlasijiet diretti rċevuti li jirriżultaw minn investiment fil-kapaċitajiet ta’ produzzjoni jew minn tqegħid għad-dispożizzjoni, jew minn xiri jew minn kiri ta’ artijiet. L-imsemmi ammont huwa mbagħad imnaqqas b’EUR 500, imqassma proporzjonalment fuq l-ammonti ta’ għajnuna supplimentari inkwistjoni qabel ma jiġi mmultiplikat b’perċentwali ddeterminat mill-Ministru. L-ammont ta’ referenza hekk ikkalkolat jikkostitwixxi l-bażi li fuqha jiġi ffissat il-valur tad-drittijiet għall-ħlas li għandhom jingħataw jew jiżdiedu.
40 F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, skont liema tnaqqis ta’ EUR 500 għall-kalkolu tal-ammont ta’ referenza huwa applikabbli għall-bdiewa kollha li jkunu għamlu domanda għar-riżerva nazzjonali, hija miżura ta’ natura ġenerali li tistrieħ fuq kriterji oġġettivi u li ma tiksirx il-prinċipju ta’ trattament ugwali u lanqas ma timplika distorsjonijiet tas-suq u tal-kompetizzjoni.
41 Fir-rigward b’mod partikolari tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza kostanti, dan jeħtieġ li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux trattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux trattati bl-istess mod sakemm din id-differenza ma tkunx oġġettivament iġġustifikata (sentenza tal-11 ta’ Lulju 2006, Franz Egenberger, C‑313/04, Ġabra p. I-6331, punt 33 u ġurisprudenza ċċitata).
42 F’dan il-każ, il-bdiewa kollha li ressqu talba għar-riżerva nazzjonali huma f’sitwazzjoni komparabbli. Il-fatt li t-tnaqqis ta’ ammont ta’ EUR 500 huwa suxxettibbli li jkollu effett ikbar fuq attività żgħira milli fuq waħda kbira huwa mingħajr konsegwenzi f’dan ir-rigward. Min-naħa l-oħra, sakemm ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet sabiex jingħatawlhom id-drittijiet għal pagament uniku, il-bdiewa li jkunu għamlu talba għar-riżerva nazzjonali mhumiex f’sitwazzjoni komparabbli għal dik tal-bdiewa li jkunu bbenefikaw minn pagamenti regolari.
43 Barra minn hekk, għandu jiġi rrelevat li l-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jeżiġi li l-għan intiż ikun imfittex bl-inqas mod restrittiv, ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li għandha l-għan li tevita li d-dħul fis-seħħ ta’ sistema ta’ pagament ma twassalx għal ammonti ta’ referenza insinjifikanti u totalment sproporzjonati meta mqabbla mal-ispejjeż amministrattivi magħmula mill-Istat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 1990, Spronk, C‑16/89, Ġabra p. I-3185, punt 28).
44 Għalhekk, ċerti dispożizzjonijiet Komunitarji jirrikonoxxu lill-Istati Membri marġni ta’ manuvra li jippermettilhom li japplikaw limitu li taħtu t-talbiet ta’ għajnuna jiġu miċħuda. Pereżempju, hemm lok li tissemma l-fakultà rrikonoxxuta lill-Istati Membri fl-Artikolu 12(6) tar-Regolament Nru 795/2004 li jistabbilixxu arja minima għal kull attività għall-ammissibbiltà tat-talbiet għal drittijiet għal ħlas, sakemm l-arja minima ma taqbiżx 0.3 tomna. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 70 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004 tal-21 ta’ April 2004 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implementazzjoni ta’ konformità, modulazzjoni u amministrazzjoni integrata u sistema ta’ kontroll kif hemm provvediment dwarhom fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 44, p. 243), l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jagħtux għajnuna jekk l-ammont għal kull talba jkun inqas jew ugwali għal EUR 100. Fl-aħħar, l-Artikolu 4(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2529/2001 tad-19 ta’ Diċembru 2001 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-laħam tan-nagħaġ u l-laħam tal-mogħoż (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 44, p. 344), kienet tikkonferixxi lill-Istati Membri ċerti marġni ta’ manuvra li jippermettilhom li jiffissaw bejn għaxra u ħamsin in-numru minimu ta’ annimali li għalihom setgħet titressaq talba għal primjum.
45 F’dak li jikkonċerna l-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi, għandu jitfakkar li, fil-qasam tal-politika agrikola komuni, l-operaturi ekonomiċi mhumiex iġġustifikati li jpoġġu l-aspettattivi leġittimi tagħhom fiż-żamma ta’ sitwazzjoni eżistenti li tista’ tkun immodifikata fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet kompetenti (sentenza JK Otsa Talu, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51). Minn dan isegwi li t-twettieq ta’ investimenti f’kapaċitajiet ta’ produzzjoni jew ix-xiri ta’ art ma jistgħux jippermettu lill-operatur interessat li jibbenefika minn kwalunkwe aspettattivi leġittimi bbażati fuq it-twettieq ta’ dawn l-investimenti sabiex tkun tista’ ssir talba għal ammont ta’ referenza mogħti preċiżament minħabba l-imsemmija investimenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Spronk, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29).
46 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li r-risposta għat-tieni domanda tkun li d-dritt Komunitarju ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali skont liema ammont ta’ EUR 500 huwa mnaqqas miż-żieda tal-ammont ta’ pagamenti supplimentari li jirriżultaw minn investiment f’kapaċitajiet ta’ produzzjoni jew ta’ xiri ta’ artijiet, qabel ma jiġi stabbilit l-ammont ta’ referenza li abbażi tiegħu ngħataw drittijiet għall-pagamenti mir-riżerva nazzjonali.
Fuq l-ispejjeż
47 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla ), taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-Artikolu 42(4) tar-Regolament Nru 1782/2003 tad-29 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KEE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tħalli lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni li tippermettilhom li jiffissaw għal EUR 0 l-ammont ta’ referenza u li ma jagħtu l-ebda dritt għal ħlas mir-riżerva nazzjonali lil bidwi li jinsab f’sitwazzjoni speċjali bħal dik imsemmija fl-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 795/2004 tal-21 ta’ April 2004 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implementazzjoni tal-iskema ta’ ħlas waħdieni li hemm provvediment dwaru fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1974/2004, tad-29 ta’ Ottubru 2004, sakemm dan l-ammont ikun ibbażat fuq kriterji oġġettivi, ma jippreġudikax it-trattament ugwali bejn il-bdiewa u ma joħloqx distorsjonijiet fis-suq u l-kompetizzjoni.
2) Id-dritt Komunitarju ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali skont liema ammont ta’ EUR 500 huwa mnaqqas miż-żieda tal-ammont ta’ pagamenti supplimentari li jirriżultaw minn investiment f’kapaċitajiet ta’ produzzjoni jew ta’ xiri ta’ artijiet, qabel ma jiġi stabbilit l-ammont ta’ referenza li abbażi tiegħu ngħataw drittijiet għall-pagamenti mir-riżerva nazzjonali.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.
Full & Egal Universal Law Academy