Kawża C-475/08
Il-Kummissjoni Ewropea
vs
Ir-Renju tal-Belġju
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Direttiva 2003/55/KE — Suq intern tal-gass naturali — Ħatra definittiva tal-operaturi tas-sistema — Deċiżjoni li teżenta lill-infrastrutturi maġġuri ġodda tal-gass mill-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva — Obbligi ta’ pubblikazzjoni, ta’ konsultazzjoni u ta’ notifika”
Sommarju tas-sentenza
1. Approssimazzjoni tal-liġijiet — Miżuri ta’ approssimazzjoni — Regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali — Direttiva 2003/55
(it-tielet paragrafu tal-Artikolu 249 KE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill 2003/55, Artikolu 22(3)(d))
2. Approssimazzjoni tal-liġijiet — Miżuri ta’ approssimazzjoni — Regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali — Direttiva 2003/55
(it-tielet paragrafu tal-Artikolu 249 KE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill 2003/55, Artikolu 22(3)(e), u (4))
1. Peress li l-Artikolu 22(3)(d) tad-Direttiva 2003/55, rigward regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali, jimponi li d-deċiżjonijiet kollha li jirrigwardaw eżenzjonijiet mogħtija lil operatur ikunu ppublikati, il‑prinċipji ġenerali tad-dritt ta’ Stat Membru dwar il-pubblikazzjoni tal‑atti, li skont dawn jiġu ppublikati l-atti kollha li għandhom interess għal numru kbir ta’ persuni, ma jistgħux jitqiesu li jħarsu t-traspożizzjoni korretta u kompluta ta’ din id-dispożizzjoni tad-direttiva, jekk l-imsemmi Stat Membru ma jkunx ta elementi li jippermettu li jiġi stabbilit b’mod preċiż u ċert li deċiżjonijiet bħal dawn ikunu dejjem ikkunsidrati li għandhom interess ġenerali u b’hekk huma dejjem ippublikati.
Fil-fatt, l-eżistenza ta’ prinċipji ġenerali tad-dritt kostituzzjonali jew amministrattiv tista’ tirrendi superfluwa t-traspożizzjoni permezz ta’ miżuri leġiżlattivi jew regolatorji speċifiċi, bil-kundizzjoni madankollu li dawn il‑prinċipji effettivament jiggarantixxu l-applikazzjoni sħiħa tad-direttiva mill-amministrazzjoni nazzjonali u li, fil-każ fejn id-dispożizzjoni inkwistjoni tad-direttiva tipprovdi għall-ħolqien ta’ drittijiet għall‑individwi, is-sitwazzjoni legali li tirriżulta minn dawn il-prinċipji tkun suffiċjentement preċiża u ċara, u li l-benefiċjarji jingħataw il‑possibbiltà li jkunu jafu d-drittijiet kollha tagħhom kif ukoll, jekk ikun il‑każ, li jinvokawhom quddiem il-qrati nazzjonali.
(ara l‑punti 41, 42)
2. Mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 249 KE jirriżulta li l-implementazzjoni tad-direttivi Komunitarji għandha tiġi ggarantita permezz ta’ miżuri adegwati, meħuda mill-Istati Membri. Il-fatt li, f’ċirkustanzi partikolari, fin-nuqqas ta’ miżuri ta’ implementazzjoni meħtieġa jew fil-preżenza ta’ miżuri mhux konformi ma’ direttiva, individwi għandhom id-dritt li jinvokaw id-direttiva f’kawża kontra Stat Membru li jonqos milli jwettaq obbligu ma jammontax għal ġustifikazzjoni għal Stat Membru sabiex joqgħod lura milli jieħu, fi żmien xieraq, miżuri adegwati li huma s-suġġett ta’ kull direttiva. Bl-istess mod, iktar u iktar, iċ-ċirkustanza li ċerti dispożizzjonijiet tad-direttiva inkwistjoni jkunu direttament applikabbli fis‑sistema legali interna ma tammontax għal ġustifikazzjoni li teżenta lill‑Istati Membri mill-obbligi tagħhom ta’ traspożizzjoni.
Għaldaqstant, Stat Membru li, minn naħa, ma jittrasponix l‑imsemmija dispożizzjoni tal-Artikolu 22(3)(e) dwar il-ħtieġa ta’ konsultazzjoni minn qabel tal-Istati Membri kkonċernati fil-każ ta’ interkonnessjoni u li, min‑naħa l-oħra, jillimita ruħu li jipprovdi l‑komunikazzjoni lill‑Kummissjoni tat-talbiet għal eżenzjoni, filwaqt li l‑imsemmi Artikolu 22(4) jimponi l-obbligu fuq din l-istituzzjoni ta’ notifika tad-deċiżjoni finali kif ukoll l-informazzjoni kollha utli relatata magħha, jonqos milli jwettaq l‑obbligi tiegħu skont l-Artikolu 22(3)(e) u (4) tad-Direttiva 2003/55, rigward regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali.
(ara l‑punti 44‑46)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)
3 ta’ Diċembru 2009 (*)
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 2003/55/KE – Suq intern tal-gass naturali – Ħatra definittiva tal-operaturi tas-sistema – Deċiżjoni li teżenta lill‑infrastrutturi maġġuri ġodda tal-gass mill-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva – Obbligi ta’ pubblikazzjoni, ta’ konsultazzjoni u ta’ notifika”
Fil-Kawża C‑475/08,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l‑Artikolu 226 KE, imressaq fil-5 ta’ Novembru 2008,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Patakia u B. Schima, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
vs
Ir-Renju tal-Belġju, irrappreżentat minn C. Pochet, bħala aġent, assistita minn J. Scalais u O. Vanhulst, avukati,
konvenut,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),
komposta minn J.‑C. Bonichot, President tar-Raba’ Awla, li qed jaġixxi bħala President tas-Sitt Awla, C. Toader (Relatur) u M. P. Kūris, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemgħet l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li:
– billi ma nnominax l-operaturi tas-sistemi, kif meħtieġ mill-Artikolu 7 tad‑Direttiva 2003/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2003, rigward regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 98/30/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 28, iktar ’il quddiem id-“direttiva”);
– billi jipprovdi mhux biss għal aċċess regolat iżda wkoll għal aċċess negozjat ta’ terzi għas-sistema, kuntrarjament għall-Artikolu 18 tad-direttiva, flimkien mal-Artikolu 25(2), u
– billi ma ttrasponiex l-Artikolu 22(3)(d) u (e) u (4) tad-direttiva,
ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt din id-direttiva.
2 B’ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-31 ta’ Marzu 2009, il‑Kummissjoni rtirat it-tieni lment tagħha, peress li r-Renju tal-Belġju ddikjara, fir-risposta tiegħu, li kien ħassar id-dispożizzjoni nazzjonali li kienet tippermetti aċċess negozjat ta’ terzi għas-sistemi tat-trasport kif ukoll għall-faċilitajiet tal‑ħażna u tal-gass naturali likwifikat (iktar ’il quddiem il-“LNG”).
Il-kuntest ġuridiku
Id-direttiva
3 L-Artikolu 7 tad-direttiva jipprovdi li:
“L-Istati Membri għandhom jinnominaw jew jirrikjedu lil impriżi tal-gass naturali ji għandhom faċilitajiet tat-trasmissjoni, tal-ħażna jew ta’ l-LNG li jiġu nominati, għal perjodu li għandu jiġi determinat mill-Istati Membri wara li jkunu kkunsidraw kwistjonijiet ta’ effiċjenza u bilanċ ekonomiku, operatur wieħed tas‑sistemi jew aktar. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jaċċertaw li l-operaturi tas-sistemi tat-trasmissjoni, tal-ħażna u tal-LNG jaġixxu skond l-Artikolu 8 sa 10.”
4 L-Artikolu 11 tad-direttiva jistabbilixxi li:
“L-Istati Membri għandhom jinnominaw, jew jirrikjedu lil impriżi li għandhom jew li huma responsabbli għal sistemi ta’ distribuzzjoni li jinnominaw, għal perjodu li għandu jiġi determinat mill-Istati Membri, wara li jkunu kkunsidraw kwistjonijiet ta’ effikaċja u bilanċ ekonomiku, operatur tas-sistemi tat-trasmissjoni wieħed jew aktar, u għandhom jaċċertaw li dawk l-operaturi jaġixxu skond l‑Artikoli 12 sa 14.”
5 L-Artikolu 22 tad-direttiva jaqra kif ġej:
“1. Infrastrutturi maġġuri ġodda tal-gass, i.e. interkonnetturi bejn l-Istati Membri, faċilitajiet tal-ħażna u LNG jistgħu, fuq talba, jiġu eżentati mid‑disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 18, 19, 20, [li jirrigwardaw, rispettivament, l‑aċċess għas-sistemi, l-aċċess għall-faċilitajiet tal-ħażna u l-aċċess għall-upstream pipeline netwerks] u 25(2), (3) u (4) [dwar l-awtoritajiet regolatorji], taħt il‑kondizzjonijiet li ġejjin:
[…]
3. […]
[…]
(d) Id-deċiżjoni dwar l-eżenzjoni […] għandha tkun debitament raġonata u ppubblikata.
(e) Fil-każ ta’ interkonnettur, kull deċiżjoni dwar eżenzjoni għandha tittieħed wara l-konsultazzjoni ma’ l-Istati Membri jew l-awtoritajiet regolatorji l‑oħrajn konċernati.
4. Id-deċiżjoni dwar l-eżenzjoni għandha tiġi notifikata mingħajr dewmien, mill-awtorità kompetenti lill-Kummissjoni, flimkien ma’ l-informazzjoni rilevanti kollha rigward id-deċiżjoni. Din l-informazzjoni tista’ tingħata lill-Kummissjoni f’forma aggregata, li tippermetti lill-Kumissjoni tasal għal deċiżjoni fuq bażi tajba.
[…]”
6 B’mod konformi mal-Artikolu 33 tad-direttiva, l-Istati Membri għandhom, bħala prinċipju, idaħħlu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom mal-imsemmija direttiva, l-iktar tard sal-1 ta’ Lulju 2004.
Il-liġi Belġjana li tittrasponi d-direttiva
7 Id-direttiva kienet ġiet trasposta fid-dritt Belġjan permezz tal-Liġi tal-1 ta’ Ġunju 2005 li temenda l-Liġi tat-12 ta’ April 1965 dwar it-trasport ta’ prodotti tal-gass u ta’ prodotti oħra permezz tal-pipeline (Moniteur belge tal-14 ta’ Ġunju 2005, p. 27164).
8 L-Artikolu 8(4) tal-Liġi tad-12 ta’ April 1965, kif emendat bil-Liġi tal-1 ta’ Ġunju 2005 (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-gass”) jipprovdi li:
“Wara l-opinjoni tal-Kummissjoni Bankarja, Finanzjarja u tal-Assigurazzjoni dwar il-kriterji previsti fil-paragrafu 3, wara l-opinjoni tal-Kummissjoni [regolatorja tal-enerġija u tal-gass] dwar il-kriterji l-oħra, u wara deliberazzjoni fil-Kunsill tal-Ministri, il-Ministru [Federali, li l-Enerġija taqa’ fil-portafoll tiegħu] għandu jaħtar, mhux iktar tard minn disa’ xhur wara l-pubblikazzjoni tal‑opinjoni prevista fil-paragrafu 2, fuq proposta ta’ detentur wieħed jew iktar ta’ awtorizzazzjoni għat-trasport ta’ gass naturali:
1 l-operatur responsabbli mill-operat tas-sistema tat-trasport tal-gass naturali;
2 l-operatur tal-faċilità tal-ħażna ta’ gass naturali u l-operatur tal-faċilità tal‑LNG, għal perijodu ta’ għoxrin sena, li jista’ jiġġedded.
[...]”
9 Skont l-Artikolu 8/1(1) tal-Liġi dwar il-gass:
“B’deroga mill-Artikolu 8, l-impriża tal-gass naturali li għandha, fl-1 ta’ Lulju 2004, awtorizzazzjoni waħda jew iktar għat-trasport ta’ gass naturali skont din il‑liġi, u d-digrieti li jimplementawha jew awtorizzazzjonijiet għall-ħażna ta’ gass naturali, inklużi l-awtorizzazzjonijiet maħruġa skont il-Liġi tat-18 ta’ Lulju 1975 u tad-digrieti li jimplementawha, hija maħtura mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan l‑artikolu, skont il-liġi u skont il-każ, bħala:
1° operatur tas-sistema tat-trasport ta’ gass naturali;
2° operatur ta’ faċilità tal-ħażna ta’ gass naturali;
3° operatur ta’ faċilità tal-LNG.
Kull waħda minn dawn it-tliet ħatriet tibqa’ valida sakemm ikun hemm ħatra definittiva tal-operatur ikkonċernat, b’mod konformi mal-Artikolu 8, jew sar-rifjut tal-Ministru [Federali, li l-Enerġija taqa’ fil-portafoll tiegħu] li jaċċetta din il‑ħatra.”
10 L-Artikolu 8/2 tal-Liġi dwar il-gass jipprovdi li:
“Il-kundizzjonijiet li ġejjin japplikaw għal kull wieħed mill-operaturi previsti fl‑Artikoli 8 u 8/1, kemm jekk dawn ikunu kumpannija kkwotata fil-borża jew le:
1° għandhom ikunu stabbiliti bħala kumpannija b’responsabbiltà limitata, u li jkollhom l-uffiċċju reġistrat tagħhom u l-amministrazzjoni ċentrali tagħhom fi Stat li jifforma parti miż-Żona Ekonomika Ewropea,
2° għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha previsti mil-Liġi tat-2 ta’ Awwissu 2002 li temenda l-Kodiċi tal-Kumpanniji u l-Liġi tat-2 ta’ Marzu 1989 dwar il-kxif ta’ azzjonijiet sinjifikattivi fil-kumpanniji kkwotati fil‑borża u li tirregola l-offerti pubbliċi ta’ akkwiżizzjoni.”
11 L-Artikolu 15/5k tal-Liġi dwar il-gass kif emendat bil-Liġi tas-27 ta’ Diċembru 2006 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet varji (Moniteur belge tat-28 ta’ Diċembru 2006, p. 75266) jipprovdi li:
“1. Il-faċilitajiet maġġuri ġodda ta’ gass naturali, jiġifieri interkonnetturi mal‑Istati ġirien, il-faċilitajiet tal-LNG u [tal-]ħażna jistgħu jibbenefikaw minn deroga mid-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kapitolu u minn dawk tal-metodoloġija tariffarja, bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 15/7, 15/8 u 15/9. Din id-deroga tingħata mir‑Re, fuq opinjoni tal-Kummissjoni [regolatorja tal-enerġija u tal-gass] [...]
[…]
4. Kull talba għal deroga għandha tiġi nnotifikata minnufih lill-Kummissjoni [tal-Komunitajiet Ewropej], kif ukoll l-informazzjoni kollha rilevanti għal din it‑talba.”
Il-proċedura prekontenzjuża
12 Fl-10 ta’ April 2006, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Renju tal‑Belġju, li biha akkużatu li naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt ċerti dispożizzjonijiet tad-direttiva.
13 L-awtoritajiet Belġjani ressqu l-osservazzjonijiet tagħhom permezz ta’ ittra indirizzata lill-Kummissjoni fit-13 ta’ Ġunju 2006.
14 Billi dawn l-osservazzjonijiet ma kkonvinċewx lill-Kummissjoni, hija bagħtet opinjoni motivata lir-Renju tal-Belġju, fil-15 ta’ Diċembru 2006, li permezz tagħha hija stiednitu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex iwaqqaf l-allegat ksur f’terminu ta’ xahrejn sa mid-data minn meta jkun irċieva din l-opinjoni.
15 L-awtoritajiet Belġjani rrispondew permezz ta’ ittra mibgħuta lill-Kummissjoni fis-27 ta’ Frar 2007.
16 Billi kkunsidrat li s-sitwazzjoni baqat mhux sodisfaċenti, il-Kummissjoni ppreżentat ir-rikors preżenti.
Fuq ir-rikors
Fuq l-ewwel ilment, dwar in-nuqqas ta’ traspożizzjoni tal-Artikolu 7 tad-direttiva
Fuq l-ammissibbiltà
– L-argumenti tal-partijiet
17 Ir-Renju tal-Belġju jsostni li l-Kummissjoni, fir-rikors tagħha, tinvoka n-nuqqas ta’ traspożizzjoni tal-Artikolu 7 tad-direttiva, filwaqt li, fl-intimazzjoni, hija bbażat ruħha fuq l-Artikolu 11 tad-direttiva u li, fl-opinjoni motivata, hija kienet invokat il-ksur tal-Artikoli 7 u 11 tagħha. Il-Kummissjoni b’hekk ħolqot konfużjoni fl-akkużi li għamlet fil-konfront tiegħu f’dan ir-rigward.
18 L-ewwel nett, il-Kummissjoni tosserva li indipendentement mill-artikoli invokati tad-direttiva, l-ilment inkwistjoni kien dejjem limitat minn nuqqas ta’ ħatra tal‑operaturi differenti tas-sistema. Jekk, fl-opinjoni motivata tagħha, hija tirreferi għall-Artikoli 7 u 11 tad-direttiva, ir-riferiment għall-Artikolu 11 ma saritx ukoll fir-rikors peress li r-Renju tal-Belġju kien ħatar l-operaturi tas-sistema tad‑distribuzzjoni, skont din l-imsemmija dispożizzjoni. Ir-Renju tal-Belġju b’hekk kien f’pożizzjoni li jifhem dan l-ilment u li jressaq l-argumenti tiegħu.
19 Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, xejn ma jipprekludi lill-Kummissjoni milli tesponi, fl-opinjoni motivata tagħha, l-ilmenti li hija tkun diġà ressqet b’mod iktar ġenerali fl-ittra ta’ intimazzjoni tagħha, il‑Kummissjoni għal din ir-raġuni tinvoka s-sentenza tat-28 ta’ Marzu 1985, Il‑Kummissjoni vs L-Italja (274/83, Ġabra p. 1077, punti 19 sa 21).
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
20 Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-ittra ta’ intimazzjoni li għandha bħala għan b’mod partikolari li tiddelimita s-suġġett tal-kawża sabiex l-Istat Membru kkonċernat ikun jista’ jipprepara d-difiża tiegħu, hija madankollu mhux marbuta bl-istess rekwiżiti ta’ preċiżjoni bħall-opinjoni motivata (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punti 19 u 21).
21 Fil-każ preżenti, il-Kummissjoni, fl-ittra ta’ intimazzjoni tagħha, akkużat lir-Renju tal-Belġju li ma ttrasponiex l-Artikolu 11 tad-direttiva, fejn sostniet li dan l-Istat Membru ma għamilx il-ħatra definittiva tal-operaturi tas-sistemi tat-trasport u tad‑distribuzzjoni kif ukoll tal-faċilitajiet tal-ħażna u tal-LNG. Fl-opinjoni motivata, il-Kummissjoni, sabiex tibbaża l-ilmenti tagħha, żiedet ir-riferiment għall-Artikolu 7 tad-direttiva. Fl-aħħar nett, fir-rikors tagħha, hija neħħiet ir‑riferiment għall-Artikolu 11, peress li dan diġà kien is-suġġett ta’ traspożizzjoni korretta fid-dritt Belġjan permezz tal-ħatra mir-Renju tal-Belġju tal-operaturi tas‑sistema tad-distribuzzjoni.
22 B’hekk, l-ewwel ilment ifformulat mill-Kummissjoni fil-kuntest tar-rikors preżenti jista’ jirreferi manifestament għall-ewwel ilment maħruġ fil-kuntest kemm tal-ittra ta’ intimazzjoni kif ukoll tal-opinjoni motivata, li t-tnejn jirrigwardaw il-ħatra definittiva tal-operaturi tas-sistema. B’hekk, l-emenda tad‑dispożizzjoni rilevanti tad-direttiva ma kkompromettietx id-drittijiet tad-difiża tal-Istat Membru konvenut.
23 Konsegwentement, l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7 tad-direttiva għandu jitqies li huwa ammissibbli.
Fuq il-mertu
– L-argumenti tal-partijiet
24 Il-Kummissjoni akkużat lir-Renju tal-Belġju li ma pproċediex bil-ħatra definittiva tal-operaturi differenti tas-sistemi tat-trasport tal-gass, tal-faċilitajiet tal-ħażna tal‑gass u tat-terminali tal-LNG hekk kif previst fl-Artikolu 7 tad-direttiva.
25 Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 8(4) tal-Liġi dwar il-gass jipprovdi għall‑ħatra definittiva tal-operaturi tas-sistema għal terminu ta’ għoxrin sena li jista’ jiġġedded. Dan it-terminu jitqies li huwa adegwat taħt id-dritt Belġjan skont il-kunsiderazzjonijiet ta’ effiċjenza u ta’ bilanċ ekonomiku. Konsegwentement, sal-ħatra tal-imsemmija operaturi għal terminu bħal dan, ir-Renju tal-Belġju ma jissodisfax totalment l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 7 tad-direttiva. Barra minn hekk, ħatra provviżorja għal perijodu indeterminat ma jkunx jista’ jagħti lill‑operaturi s-sigurtà li għandha tingħatalhom, skont id-direttiva, permezz ta’ ħatra għal perijodi magħrufa minn qabel.
26 Ir-Renju tal-Belġju jwieġeb li l-Artikolu 7 tad-direttiva ma jipprekludix lill-Istati Membri milli jaħtru b’mod mhux definittiv lill-operaturi tas-sistema. Huwa jsostni li, taħt id-dritt Belġjan, skont l-Artikoli 8/1 u 8/2 tal-Liġi dwar il-gass, l-operaturi tas-sistema maħtura b’mod mhux definittiv għandhom ir-responsabbiltajiet tal‑operaturi tas-sistema taħt id-direttiva. Fil-fatt, il-kundizzjonijiet u l-obbligi imposti fuqhom huma identiċi għal dawk tal-operaturi maħtura b’mod definittiv, l‑unika differenza bejn l-istatus ta’ dawn iż-żewġ kategoriji ta’ operaturi tinsab fil‑proċedura ta’ ħatra u fit-terminu tal-kuntratt tagħhom. Barra minn hekk, il‑ħatra tal-operaturi provviżorji tas-sistemi hija ekwivalenti għal ħatra definittiva, peress li l-impriżi kkonċernati jkunu l-uniċi li jissodisfaw ir-rekwiżiti meħtieġa għal ħatra definittiva. Fi kwalunkwe każ, proċedura sabiex isiru l-ħatriet definittivi għaddejja bħalissa.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
27 L-Artikolu 7 tad-direttiva jipprovdi li l-Istati Membri jaħtru l-operaturi ta’ faċilitajiet tat-trasport, ta’ ħażna u tal-LNG “għal perjodu li għandu jiġi determinat mill-Istati Membri wara li jkunu kkunsidraw kwistjonijiet ta’ effiċjenza u bilanċ ekonomiku”. Skont l-Artikolu 33 tad-direttiva, id-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni ta’ dan l-artikolu għandhom jiġu adottati l-iktar tard sal-1 ta’ Lulju 2004.
28 Il-Liġi dwar il-gass, anki jekk tistabbilixxi, fl-Artikolu 8, proċedura għall-ħatra tal-imsemmija operaturi għal perijodu ta’ għoxrin sena, tipprovdi fl-Artikolu 8/1 tagħha l-ħatra provviżorja – “sal-ħatra definittiva tal-operatur ikkonċernat” – tal‑impriżi li diġà kellhom favur tagħhom awtorizzazzjoni qabel id-dħul fis-seħħ tal-emendi introdotti mil-Liġi tal-1 ta’ Ġunju 2005. Hija b’hekk testendi l‑awtorizzazzjonijiet ta’ dawn l-operaturi sat-twettiq tal-proċedura ta’ ħatra stabbilita skont ir-rekwiżiti stabbiliti bid-direttiva.
29 Ir-Renju tal-Belġju jammetti li għadu ma ħatarx b’mod definittiv operaturi tas‑sistema, iżda jippreċiża li din il-proċedura hija pendenti.
30 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-eżistenza ta’ nuqqas għandha tiġi evalwata skont is-sitwazzjoni tal-Istat Membru hekk kif kienet fit-tmiem tat‑terminu stabbilit fl-opinjoni motivata (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑456/05, Ġabra p. I‑10517, punt 15). B’hekk, fin-nuqqas ta’ ħatra bħal din f’dan it-terminu, għandu jiġi kkonstatat li l-ilment imressaq mill-Kummissjoni huwa fondat.
31 Iċ-ċirkustanzi invokati mir-Renju tal-Belġju, li l-operaturi maħtura b’mod provviżorju, minn naħa, huma suġġetti għall-istess kundizzjonijiet u obbligi bħal ta’ dawk li jinħatru b’mod definittiv u, min-naħa l-oħra, li huma l-uniċi li jistgħu jissodisfaw ir-rekwiżiti meħtieġa għal ħatra definittiva bħal din, ma tippermettix li tiġi eskluża l-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ dan l-Istat Membru mill-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 7 tad-direttiva.
32 Fil-fatt, il-ħatra provviżorja ta’ dawn l-operaturi twassal għad-dewmien tat‑traspożizzjoni tal-Artikolu 7 tad-direttiva li, hekk kif ġie ammess mir-Renju tal-Belġju, jimplika l-ħatra ta’ dawn l-operaturi għal terminu ta’ għoxrin sena.
33 Konsegwentement għandu jiġi kkonstatat li, billi ma wettaqx il-ħatra definittiva tal-operaturi tal-faċilitajiet tat-trasport, ta’ ħażna u ta’ LNG prevista fl-Artikolu 7 tad-direttiva, ir-Renju tal-Belġju naqas mill-obbligi tiegħu taħt din id‑dispożizzjoni.
Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ traspożizzjoni tal-Artikolu 22(3)(d) u (e), u (4) tad-direttiva
L-argumenti tal-partijiet
34 Għal dak li jirrigwarda l-faċilitajiet ġodda l-kbar ta’ gass naturali, il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 15/5k tal-Liġi dwar il-gass jawtorizza lir-Re jadotta eżenzjonijiet hekk kif previsti fl-Artikolu 22(1) tad-direttiva, iżda mingħajr ma jinkludi l-kundizzjonijiet speċifiċi kollha f’dan ir-rigward fl-Artikolu 2(3)(d) u (e), u (4), tagħha. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, il-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha tipprovdi b’mod partikolari b’mod speċifiku għall-pubblikazzjoni u n‑notifika tal-Kummissjoni ta’ kull deċiżjoni ta’ eżenzjoni kif ukoll l-obbligu ta’ konsultazzjoni mal-Istati Membri l-oħra qabel ma tittieħed deċiżjoni bħal din fil‑każ ta’ interkonnessjoni.
35 F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li l-prinċipji ġenerali li joħorġu mil‑leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-atti amministrattivi u mill-applikazzjoni diretta tad-dispożizzjonijiet tad-direttiva, imsemmija iktar ’il fuq, mill-awtoritajiet amministrattivi, ma jiggarantux it-traspożizzjoni sħiħa ta’ dawn id‑dispożizzjonijiet.
36 Fir-rigward tar-regola tal-pubblikazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ eżenzjoni, ir-Renju tal‑Belġju jallega li deċiżjoni bħal din, bħala att adottat mir-Re skont l-Artikoli 105 u 108 tal-Kostituzzjoni Belġjana, hija ppublikata skont il-prinċipji ġenerali li jirregolaw il-pubblikazzjoni tal-atti li joħorġu mill-awtorità federali. Skont dawn il-prinċipji, att li għandu interess għal numru kbir ta’ persuni jkun ippublikat b’mod obbligatorju fil-Moniteur belge. Konsegwentement, li jiġi impost li jiddaħħal obbligu bħal dan fil-Liġi dwar il-gass imur kontra kemm il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif ukoll dak ta’ proporzjonalità.
37 Għal dak li jirrigwarda t-traspożizzjoni tal-Artikolu 22(3)(e) u (4) tad-direttiva, dwar il-konsultazzjoni tal-Istati Membri l-oħra fil-każ ta’ interkonnessjoni kif ukoll in-notifika ta’ deċiżjoni ta’ eżenzjoni lill-Kummissjoni, ir-Renju tal-Belġju jsostni li, fir-rigward tal-effett dirett tad-direttiva u tas-supremazija tad-dritt Komunitarju, l-istess obbligi huma imposti mil-liġi fuq l-awtoritajiet Belġjani, b’mod li ma huwiex neċessarju li jiġu trasposti fid-dritt nazzjonali. Huwa f’dan ir‑rigward jinvoka l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li l‑inkompatibbiltà ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dispożizzjonijiet Komunitarji stess applikabbli direttament tista’ tiġi definittivament eliminata biss permezz tad‑dispożizzjonijiet interni li jorbtu meta d-direttiva għandha l-għan li toħloq drittijiet għall-individwi (b’mod partikolari s-sentenza tat-8 ta’ Lulju 1999, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑354/98, Ġabra p. I‑4927, punt 11). Fil-każ preżenti, skont dan l-Istat Membru, sakemm id-direttiva ma tagħtix drittijiet lill-individwi, dispożizzjoni bħal din mhux neċessarjament għandha tiġi trasposta fid-dritt intern.
38 Ir-Renju tal-Belġju fl-aħħar nett isostni, minn naħa, li t-twaqqif ta’ sistema ta’ interkonnessjoni teħtieġ ipso facto l-qsim tal-fruntiera u konsegwentement timplika kollaborazzjoni mal-awtoritajiet tal-Istati Membri l-oħra kkonċernati, u, min-naħa l-oħra, li l-Artikolu 15/5 tal-Liġi dwar il-gass jipprovdi speċifikament li t-talbiet għal eżenzjoni jkunu nnotifikati lill-Kummissjoni.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
39 L-Artikolu 22(1) tad-direttiva jipprovdi li, għall-infrastrutturi kbar tal-gass, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jipprovdu eżenzjonijiet għal dak li jirrigwarda b’mod partikolari r-regoli ta’ aċċess għas-sistemi. L-imsemmi artikolu, fil‑paragrafi 3(d) u (e), u 4 tiegħu, jistabbilixxi li kull deċiżjoni ta’ eżenzjoni għandha tkun motivata, ippubblikata u nnotifikata lill-Kummissjoni, u li, fil-każ ta’ interkonnessjoni, deċiżjoni bħal din għandha tiġi adottata wara konsultazzjoni mal-awtoritajiet tal-Istati Membri kkonċernati.
40 Il-Kummissjoni akkużat lir-Renju tal-Belġju li ma ttrasponiex dawn id‑dispożizzjonijiet, peress li l-Liġi dwar il-gass ma tinkludix il-kundizzjonijiet kollha previsti mid-direttiva għal dak li jirrigwarda l-proċedura ta’ adozzjoni tad‑deċiżjonijiet ta’ eżenzjoni. Ir-Renju tal-Belġju ma jikkontestax din l‑allegazzjoni. Madankollu, huwa jqis li ma huwiex suġġett għall-obbligu tat‑traspożizzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet, fid-dawl kemm tar-regoli ġenerali interni fuq il-pubblikazzjoni tal-atti tar-Re kif ukoll tal-applikazzjoni diretta tad-dispożizzjonijiet tad-direttiva.
41 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, it‑traspożizzjoni ta’ direttiva mhux neċessarjament titlob azzjoni leġiżlattiva f’kull Stat Membru. B’mod partikolari, l-eżistenza ta’ prinċipji ġenerali tad-dritt kostituzzjonali jew amministrattiv tista’ tirrendi superfluwa t-traspożizzjoni permezz ta’ miżuri leġiżlattivi jew regolatorji speċifiċi, bil-kundizzjoni madankollu li dawn il-prinċipji effettivament jiggarantixxu l-applikazzjoni sħiħa tad-direttiva mill-amministrazzjoni nazzjonali u li, fil-każ fejn id-dispożizzjoni inkwistjoni tad-direttiva tipprovdi għall-ħolqien ta’ drittijiet għall-individwi, is‑sitwazzjoni legali li tirriżulta minn dawn il-prinċipji tkun suffiċjentement preċiża u ċara, u li l-benefiċjarji jingħataw il-possibbiltà li jkunu jafu d-drittijiet kollha tagħhom kif ukoll, jekk ikun il-każ, li jinvokawhom quddiem il-qrati nazzjonali (ara s-sentenzi tat-23 ta’ Mejju 1985, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, 29/84, Ġabra p. 1661, punt 23, u tas-16 ta’ Ġunju 2005, Il-Kummissjoni vs L‑Italja, C‑456/03, Ġabra p. I‑5335, punt 51).
42 Fil-każ preżenti, fir-rigward tat-traspożizzjoni tal-Artikolu 22(3)(d) tad-direttiva, dwar il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ eżenzjoni, għandu jingħad li l-prinċipji ġenerali tad-dritt Belġjan dwar il-pubblikazzjoni tal-atti, invokati mir-Renju tal‑Belġju, li skont dawn jiġu ppublikati l-atti kollha li għandhom interess għal numru kbir ta’ persuni, ma jistgħux jitqiesu li jħarsu t-traspożizzjoni korretta u kompluta ta’ din id-dispożizzjoni tad-direttiva. Fil-fatt, dan jimponi li d‑deċiżjonijiet kollha li jirrigwardaw eżenzjonijiet mogħtija lil operatur ikunu ppublikati. Issa, ir-Renju tal-Belġju ma tax elementi li jippermettu li jiġi stabbilit b’mod preċiż u ċert li deċiżjonijiet bħal dawn ikunu dejjem ikkunsidrati li għandhom interess ġenerali u b’hekk huma dejjem ippublikati.
43 Konsegwentement, hekk kif sostniet il-Kummissjoni, sa fejn l-imsemmija prinċipji ġenerali ma jiggarantixxux l-applikazzjoni kompleta u korretta tal‑Artikolu 22(3)(d) tad-direttiva, għandu jiġi kkonstatat li r-Renju tal-Belġju ma ttrasponiex korrettament din id-dispożizzjoni.
44 Fir-rigward tal-argumenti mressqa mir-Renju tal-Belġju fir-rigward tan-nuqqas ta’ obbligu ta’ traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-direttiva dwar ir-rekwiżiti tal‑konsultazzjoni minn qabel tal-Istati Membri kkonċernati fil-każ ta’ interkonnessjoni kif ukoll ta’ notifika tad-deċiżjonijiet ta’ eżenzjoni lill‑Kummissjoni, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 249 KE jirriżulta li l-implementazzjoni tad-direttivi Komunitarji għandha tiġi ggarantita permezz ta’ miżuri adegwati, meħuda mill‑Istati Membri. Il-fatt li, f’ċirkustanzi partikolari, fin-nuqqas ta’ miżuri ta’ implementazzjoni meħtieġa jew fil-preżenza ta’ miżuri mhux konformi ma’ direttiva, individwi għandhom id-dritt li jinvokaw id-direttiva f’kawża kontra Stat Membru li jonqos milli jwettaq obbligu ma jammontax għal ġustifikazzjoni għal Stat Membru sabiex joqgħod lura milli jieħu, fi żmien xieraq, miżuri adegwati li huma s-suġġett ta’ kull direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Mejju 1980, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, 102/79, Ġabra p. 1473, punt 12; tal-11 ta’ Awwissu 1995, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑433/93, Ġabra p. I‑2303, punt 24, u tat-2 ta’ Mejju 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑253/95, Ġabra p. I‑2423, punt 13). Bl-istess mod, iktar u iktar, iċ-ċirkustanza li ċerti dispożizzjonijiet tad-direttiva inkwistjoni jkunu direttament applikabbli fis‑sistema legali interna ma tammontax għal ġustifikazzjoni li teżenta lill-Istati Membri mill-obbligi tagħhom ta’ traspożizzjoni.
45 Fl-aħħar nett, l-Artikolu 15/5(4) tal-Liġi dwar il-gass, li jipprovdi l‑komunikazzjoni lill-Kummissjoni tat-talbiet għal eżenzjoni ma jistax jitqies li jittrasponi l-Artikolu 22(4) tad-direttiva, peress li dan l-aħħar imsemmi artikolu jimponi l-obbligu fuq din l-istituzzjoni ta’ notifika tad-deċiżjoni finali kif ukoll l‑informazzjoni kollha utli relatata magħha.
46 Konsegwentement għandu jiġi kkonstatat li, billi ma ttrasponiex l-Artikolu 22(3)(d) u (e), u (4) tad-direttiva, ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt dawn id-dispożizzjonijiet.
Fuq l-ispejjeż
47 Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-Renju tal-Belġju tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) Billi ma ħatarx b’mod definittiv operaturi tal-faċilitajiet tat-trasport, ta’ ħażna u tal-gass naturali likwifikat previsti fl-Artikolu 7 tad‑Direttiva 2003/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2003, rigward regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 98/30/KE, u billi ma ttrasponiex l-Artikolu 22(3)(d) u (e) u (4), ta’ din id-direttiva, ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt dawn id-dispożizzjonijiet.
2) Ir-Renju tal-Belġju huwa kkundannat għall-ispejjeż.
Firem
** Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.
Full & Egal Universal Law Academy