Kawża C-515/08
Proċeduri kriminali
kontra
Vítor Manuel dos Santos Palhota et
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank van eerste aanleg te Antwerpen)
“Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE — Kollokament ta’ ħaddiema — Restrizzjonijiet — Persuna li timpjega stabbilita fi Stat Membru ieħor — Reġistrazzjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ kollokament li ssir minn qabel — Dokumenti dwar il-ħaddiem jew tax-xogħol — Ekwivalenti tagħhom previsti mid‑dritt tal-Istat Membru ospitanti — Kopja — Żamma għad-dispożizzjoni tal‑awtoritajiet nazzjonali”
Sommarju tas-sentenza
1. Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Restrizzjonijiet — Kollokament ta’ ħaddiema mwettaq fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi
(Artikoli. 56 TFUE u 57 TFUE)
2. Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Restrizzjonijiet — Kollokament ta’ ħaddiema mwettaq fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi
(Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE)
1. L-Artikoli 56 TFUE U 57 TFUE jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi, għal persuna li timpjega stabbilita fi Stat Membru ieħor li tikkolloka ħaddiema fit-territorju tal-ewwel Stat, it-trażmissjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ kollokament li ssir minn qabel sa fejn il-bidu tal-kollokament ippjanat ikun suġġett għan-notifika, lil din il-persuna li timpjega, ta’ numru ta’ reġistrazzjoni ta’ din id-dikjarazzjoni u fejn l-awtoritajiet nazzjonali ta’ dan l-ewwel Stat Membru ikollhom terminu ta’ ħamest ijiem tax-xogħol, mid-data ta’ riċezzjoni ta’ din id-dikjarazzjoni, biex jagħmlu din in-notifika.
Fil-fatt, sa fejn tali notifika għandha tippreċedi l-kollokament, minn persuna li timpjega, tal-ħaddiema tiegħu u ssir biss wara l-istħarriġ mill-awtoritajiet nazzjonali tal-konformità tad-dikjarazzjoni ta’ kollokament li ssir minn qabel, tali proċedura għandha tiġi kkunsidrata bħala waħda li għandha n‑natura ta’ proċedura ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva li tista’ tostakola, b’mod partikolari minħabba t-terminu previst għall-għoti ta’ din in-notifika, il-kollokament mistenni u, konsegwentement, l-eżerċizzju, mill-persuna li timpjega l-ħaddiema li għandhom jiġu kkollokati, ta’ attivitajiet ta’ provvista ta’ servizzi, b’mod partikolari meta s‑servizz li għandu jitwettaq għandu jitwettaq b’ċerta ħeffa. Minn dan jirriżulta li r-rekwiżit li tintbagħat dikjarazzjoni ta’ kollokament minn qabel, kif ukoll in-notifika tan-numru ta’ reġistrazzjoni tagħha, jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-sens tal-Artikolu 56 TFUE.
Restrizzjoni bħal din ma hijiex ġustifikata bil-għan ta’ protezzjoni tal-ħaddiema. Ċertament, it-trażmissjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ kollokament li ssir minn qabel tidher bħala mezz approprjat biex tiġi kkomunikata l‑informazzjoni neċessarja lill-awtoritajiet nazzjonali. Madankollu, proċedura ta’ reġistrazzjoni u ta’ notifika, li permezz tagħha, id‑dikjarazzjoni tassumi natura ta’ awtorizazzjoni amministrattiva, tmur lil hinn minn dak li hu neċessarju biex tiġi żgurata l‑protezzjoni tal-ħaddiema kkollokati, peress li dikjarazzjoni li ssir minn qabel, sa fejn tippermetti li tiġi mistħarrġa l-osservanza tal-leġiżlazzjoni soċjali u tal-pagi tal-Istat Membru ospitanti matul il‑kollokament, tikkostitwixxi mezz iktar proporzjonat biex jinkiseb dan l‑għan milli t-tali awtorizzazzjoni jew stħarriġ li jsir minn qabel.
(ara l-punti 34, 36, 40, 52, 53, 61 u d-dispożittiv)
2. L-Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi, għal persuna li timpjega stabbilita fi Stat Membru ieħor li tikkolloka ħaddiema fit-territorju tal-ewwel Stat Membru, iż-żamma għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali tiegħu, matul il-perijodu ta’ kollokament, ta’ kopja ta’ dokumenti ekwivalenti għad-dokumenti dwar il-ħaddiem jew dwar ix-xogħol rikjesti mil-liġi tal-ewwel Stat kif ukoll it‑trażmissjoni tagħhom lill-imsemmija awtoritajiet fi tmiem dan il‑perijodu.
Ċertament, ma jistax jiġi eskluż li dawn l-obbligi jagħtu lok għal spejjeż u ħlasijiet amministrattivi u ekonomiċi supplimentari għall-impriżi stabbiliti fi Stat Membru ieħor, b’mod li dawn l-impriżi jistgħu ma jsibux lilhom infushom fuq livell ugwali, mill-aspett kompetittiv, ma’ impriżi li jimpjegaw persuni li normalment jaħdmu fit-territorju nazzjonali. Madankollu, iż-żamma ta’ kopja tal-imsemmija dokumenti ekwivalenti hija approprjata biex tippermetti lill-awtoritajiet jivverifikaw l-osservanza, fir-rigward tal-ħaddiema kkollokati, tal-kundizzjonijiet tax-xogħol hekk kif inhuma elenkati fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71, dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi u, għaldaqstant, li tiġi żgurata l-protezzjoni ta’ dawn il-ħaddiema. Tali miżuri huma għaldaqstant proporzjonati mal-għan li jikkonsisti fil-protezzjoni tal-ħaddiema.
(ara l-punti 42, 57, 60, 61 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
7 ta’ Ottubru 2010 (*)
“Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE – Kollokament ta’ ħaddiema – Restrizzjonijiet – Persuna li timpjega stabbilita fi Stat Membru ieħor – Reġistrazzjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ kollokament li ssir minn qabel – Dokumenti dwar il-ħaddiem jew tax-xogħol – Ekwivalenti tagħhom previsti mid‑dritt tal-Istat Membru ospitanti – Kopja – Żamma għad-dispożizzjoni tal‑awtoritajiet nazzjonali”
Fil-Kawża C‑515/08,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mir-Rechtbank van eerste aanleg te Antwerpen (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Novembru 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Novembru 2008, fil-proċeduri kriminali kontra
Vítor Manuel dos Santos Palhota,
Mário de Moura Gonçalves,
Fernando Luis das Neves Palhota,
Termiso Limitada,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, A. Rosas, U. Lõhmus (Relatur), A. Ó Caoimh u A. Arabadjiev, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,
Reġistratur: M.‑A. Gaudissart, kap ta’ diviżjoni,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ Frar 2010,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal V. M. dos Santos Palhota, M. de Moura Gonçalves u F. L. das Neves Palhota, kif ukoll għal Termiso Limitada, minn K. Stappers, advocaat,
– għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck, bħala aġent, assistita minn V. Pertry u H. Gilliams, advocaten,
– għall-Gvern Daniż, minn J. Bering Liisberg u R. Holdgaard, bħala aġenti,
– għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u B. Klein, bħala aġenti,
– għall-Gvern Elleniku, minn K. Georgiadis u I. Bakopoulos kif ukoll minn M. Michelogiannaki, bħala aġenti,
– għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u A. Czubinski, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Traversa, W. Roels u I. V. Rogalski, bħala aġenti,
– għall-Awtorità’ tas-Sorveljanza EFTA, minn B. Alterskjær u O. Einarsson, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-5 ta’ Mejju 2010,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE.
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mressqa mill-prosekutur pubbliku kontra V.M. dos Santos Palhota, M. de Moura Gonçalves u F.L.das Neves Palhota kif ukoll kontra l-kumpannija Termiso Limitada, stabbilita fil-Portugall (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“akkużati fil-kawża prinċipali”), talli naqsu, b’mod partikolari, li jirrediġu r-rendikont individwali previst mil-leġiżlazzjoni Belġjana fil-konfront ta’ 53 ħaddiema Portugiżi kkollokati fil-Belġju.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni
3 Skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 96/71 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 1996, dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kap 5, Vol. 2, p. 431):
“Din id-Direttiva għandha tapplika għall-impriżi stabbiliti fi Stat Membru li, fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi transnazzjonali, jimpjegaw ħaddiema skond il‑paragrafu 3, fit-territorju ta’ Stat Membru.”
4 L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:
“L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, tkun xi tkun il-liġi li tapplika għar-relazzjoni ta’ impjieg, l-impriżi msemmija fl-Artikolu 1(1) jiggarantixxu lill-ħaddiema mibgħuta fit-territorju tagħhom it-termini u l-kondizzjonijiet ta’ l‑impjieg li jkopru il-kwistjonijiet li ġejjin, fl-Istati Membri fejn ix-xogħol hu mwettaq, huma stabbiliti:
– skond liġi, regolament jew dispożizzjonijiet amministrattivi,
u/jew
– bi ftehim kollettiv jew sentenza ta’ arbitraġġ li kienu ddikjarati universalment applikabbli fis-sens tal-paragrafu 8, sa fejn jikkonċernaw l‑attivitajiet imsemmija fl-Anness:
a) il-perjodi massimi ta’ xogħol u l-perjodi minimi ta’ mistrieħ;
b) it-tul minimu tal-vaganzi annwali mħallsa;
ċ) ir-rati minimi ta’ ħlas, li jinkludu rati ta’ sahra; dan il-punt ma japplikax għal skemi komplimentari għall-irtirar mix-xogħol;
d) il-kundizzjonijiet ta’ prestazzjoni ta’ ħaddiema, b’mod partikulari il‑fornitura ta’ ħaddiema minn impriżi ta’ impjieg temporanju;
e) is-saħħa, is-sigurtà u l-iġjene fuq ix-xogħol;
f) miżuri protettivi dwar termini u kundizzjonijiet ta’ impjieg ta’ nisa tqal jew nisa li għadhom kif weldu reċentement, ta’ tfal u ta’ żgħażagħ;
g) it-trattament ugwali bejn irġiel u nisa u dispożizzjonijiet oħra dwar non-diskriminazzjoni.”
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
5 L-Artikolu 8 tal-Liġi tal-5 ta’ Marzu 2002, li tittransponi d-Direttiva 96/71 u li tistabbilixxi sistema semplifikata għaż-żamma ta’ dokumenti speċifiċi dwar il-ħaddiem min-naħa tal-impriżi li jikkollokaw ħaddiema fil-Belġju (Belgisch Staatsblad, 13 ta’ Marzu 2002, iktar ’il quddiem il-“liġi tal-5 ta’ Marzu 2002”) jipprovdi li persuna li timpjega tissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 6b(2) tad-Digriet irjali Nru 5, tal-23 ta’ Ottubru 1978, dwar iż-żamma tad-dokumenti dwar il-ħaddiem (Belgisch Staatsblad, 2 ta’ Diċembru 1978, iktar ’il quddiem id-“digriet irjali Nru 5”) ma għandux l-obbligu li, matul il‑perijodu stabbilit skont l-imsemmi subparagrafu, jirrediġi fost oħrajn ir‑rendikont imsemmi fl-Artikolu 15 tal-Liġi tat-12 ta’ April 1965, dwar il‑protezzjoni tar-remunerazzjoni tal-ħaddiema (iktar ’il quddiem ir-“rendikont”).
6 Fid-digriet irjali Nru 5, l-Artikolu 9 tal-liġi tal-5 ta’ Marzu 2002 idaħħal il-Kap IIa li jinkludi, b’mod partikolari, l-Artikolu 6b imsemmi iktar ’il fuq, li jippreżenta s‑sistema semplifikata prevista minn din il-liġi (iktar ’il quddiem is-“sistema semplifikata”). Skont is-subparagrafu 1 ta’ dan l-artikolu, għall-finijiet tal-imsemmi Kap, persuna li timpjega, fis-sens tad-digriet irjali Nru 5, hija dik li timpjega fit-territorju Belġjan ħaddiema li, jew jaħdmu normalment fit-territorju ta’ pajjiż jew numru ta’ pajjiżi minbarra dak tar-Renju tal-Belġju, jew ikunu ġew impjegati f’pajjiż minbarra dak tar-Renju tal-Belġju.
7 Skont is-subparagrafu 2 tal-istess artikolu prinċipal huwa eżentat, għal perijodu partikolari, mill-obbligu li jirrediġi u jżomm id-dokumenti speċifiċi dwar il-ħaddiem previsti mill-Kap II tad-digriet irjali Nru 5, fosthom il‑kont individwali msemmi fl-Artikolu 4(1) tiegħu (iktar ’il quddiem il-“kont individwali”), sa fejn, l-ewwel nett, li, qabel ma jiġu impjegati l-ħaddiema kkonċernati, dawn jibagħtu dikjarazzjoni ta’ kollokament (iktar ’il quddiem id‑“dikjarazzjoni ta’ kollokament li ssir minn qabel”) lill-awtoritajiet Belġjani u, it-tieni nett, huma jżommu għad-dispożizzjoni ta’ dawn l-istess awtoritajiet kopja tad-dokumenti previsti mil-leġiżlazzjoni tal-pajjiż li fih tkun stabbilita persuna li timpjega u li jkunu ekwivalenti għall-kont individwali jew għar-rendikont (iktar ’il quddiem id-“dokumenti ekwivalenti”).
8 Skont l-Artikolu 2 tad-digriet irjali tad-29 ta’ Marzu 2002, li jiffissa l‑kundizzjonijiet għall-implementazzjoni tas-sistema semplifikata ta’ redazzjoni u ta’ żamma ta’ dokumenti dwar il-ħaddiema għall-impriżi li jikkollokaw ħaddiema fil-Belġju u li jiddefinixxi l-attivitajiet fil-qasam tal-kostruzzjoni msemmija fl-Artikolu 6(2) tal-liġi tal-5 ta’ Marzu 2002 (Belgisch Staatsblad, 17 ta’ April 2002, iktar ’il quddiem id-“digriet irjali tad-29 ta’ Marzu 2002”), il‑perijodu msemmi fl-Artikolu 6b(2) tad-digriet irjali Nru 5 huwa ffissat għal sitt xhur mid-data li fiha jibda l-impjieg l-ewwel ħaddiem ikkollokat fil-Belġju.
9 Skont l-Artikolu 3 tad-digriet irjali tad-29 ta’ Marzu 2002, min iħaddmu li jimpjegaw ħaddiema kkollokati fil-Belġju għandhom, qabel ma jibda l-perijodu ta’ impjieg, jibagħtu dikjarazzjoni ta’ kollokament permezz ta’ ittra, posta elettronika jew faks, li tkun konformi mal-Artikolu 4 ta’ dan id-digriet lill-Ispettorat tal-liġijiet soċjali. Dan tal-aħħar jiċċertifika r-riċezzjoni u l-konformità ta’ din id-dikjarazzjoni fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol mid-data ta’ din ir‑riċezzjoni billi jipprovdu, permezz ta’ wieħed mill-mezzi ta’ komunikazzjoni msemmija hawn fuq, numru ta’ reġistrazzjoni lil persuna li timpjega, li ma tistax tibda timpjega qabel id-data ta’ notifika ta’ dan in-numru. Fin-nuqqas, persuna li timpjega ma tistax tibbenefika mill-eżenzjoni milli tirrediġi u żżomm dokumenti dwar il-ħaddiem prevista mis-sistema semplifikata.
10 L-Artikolu 4 tad-digriet irjali tad-29 ta’ Marzu 2002, jipprovdi li d-dikjarazzjoni ta’ kollokament, li għandha tkun konformi mal-mudell li jinsab f’dan id-digriet, għandha tinkludi r-referenzi li ġejjin:
“1 Fir-rigward ta’ persuna li timpjega li tikkolloka ħaddiem fil-Belġju: il-kunjom, l‑isem, id-domiċilju, isem il-kumpannija jew is-sede tagħha, in-natura tal-attività mwettqa, l-indirizz, in-numru tat-telefon u tal-faks, l-indirizz tal-posta elettronika u n-numru ta’ identifikazzjoni jew ta’ reġistrazzjoni ta’ persuna li timpjega mal-awtorità tas-sigurtà soċjali kompetenti fil-pajjiż ta’ oriġini[;]
2 Fir-rigward tar-rappreżentant jew tal-mandatarju ta’ persuna li timpjega li jkun responsabbli biex iżomm għad-dispożizzjoni d-dokumenti ekwivalenti skont l-Artikolu 5(1) ta’ dan id-digriet: il-kunjom, l-isem, isem l-impriża, l‑indirizz, in-numru tat-telefon, in-numru tal-faks u l-indirizz tal-posta elettronika;
3 Fir-rigward ta’ kull ħaddiem ikkollokat fil-Belġju: il-kunjom, l-isem, id‑domiċilju, id-data tat-twelid, l-istat ċivili, is-sess, in-nazzjonalità, l‑indirizz, in-numru tat-telefon, in-numru u t-tip ta’ dokument tal-identità, id-data ta’ meta ġie konkluż il-kuntratt ta’ impjieg, id-data tal-bidu ta’ impjieg fil-Belġju u l-funzjoni mwettqa;
4 Fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol applikabbli għall-ħaddiema kkollokati: iż-żmien iddedikat għax-xogħol ta’ kull ġimgħa u l-ħinijiet tax-xogħol;
5 Fir-rigward tal-kollokament: it-tip ta’ servizzi pprovduti fil-kuntest tal-kollokament, id-data tal-bidu tal-kollokament, it-tul previst tal-kollokament u l-post ta’ eżekuzzjoni tas-servizzi;
6 Fir-rigward tad-dokumenti ekwivalenti: il-post fejn id-dokumenti jinżammu u jiġu kkonservati, skont l-Artikolu 5 ta’ dan id-digriet.”
11 L-Artikolu 5 ta’ dan id-digriet jirregola l-kundizzjonijiet għaż-żamma għad-dispożizzjoni u l-konservazzjoni tad-dokumenti ekwivalenti matul il-perijodu ta’ impjieg tal-ħaddiema kkollokati fil-Belġju. Is-subparagrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jipprovdi li, matul il-perijodu ta’ sitt xhur imsemmi fl-Artikolu 2 tinżamm għad-dispożizzjoni tad-dipartimenti ta’ ispezzjoni kkonċernati kopja tad-dokumenti ekwivalenti. Din il-kopja tinżamm jew fil-post tax-xogħol fejn il-ħaddiem huwa kkollokat fil-Belġju, jew fid-domiċilju Belġjan ta’ persuna fiżika li tikkonserva d‑dokumenti bħala mandatarju jew rappreżentant ta’ persuna li timpjega. Fin-nuqqas ta’ dan, persuna li timpjega għandha tirrediġi u żżomm il-kont individwali kif ukoll ir‑rendikont. Skont l-Artikolu 5(2), fi tmiem dan il-perijodu ta’ sitt xhur, persuna li timpjega għandha tikkonserva l-imsemmija kopja għal perijodu ta’ ħames snin u, barra minn hekk, għandha tirrediġi d-dokumenti dwar il-ħaddiem previsti mill-Kap II tad-digriet irjali Nru 5 kif ukoll ir-rendikont.
12 L-Artikolu 6 tad-digriet irjali tad-29 ta’ Marzu 2002 jikkonċerna l-kundizzjonijiet ta’ żamma għad-dispożizzjoni u ta’ konservazzjoni tad-dokumenti ekwivalenti wara l-perijodu ta’ impjieg tal-ħaddiema kkollokati fil-Belġju. Huwa jgħid li, fi tmiem dan il-perijodu, persuna li timpjega għandha tibgħat permezz ta’ ittra rreġistrata, jew tippreżenta, permezz ta’ notifika ta’ riċezzjoni, il-kopja tad-dokumenti ekwivalenti kif ukoll inventarju tagħhom lill-Ispettorat tal-liġijiet soċjali.
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
13 Mill-atti kif ukoll mill-osservazzjonijet bil-miktub tal-Gvern Belġjan jirriżulta li l‑kumpannija Termiso Limitada kienet tikkolloka b’mod regolari saldaturi u fitters Portugiżi fit-tarzna navali ta’ Antwerpen Shiprepair NV biex iwettqu xogħlijiet fuq bastimenti. Waqt verifika f’din it-tarzna, li saret fit-12 ta’ Lulju 2004, id‑dipartimenti ta’ ispezzjoni kkonstataw li 53 impjegat Portugiż ta’ Termiso Limitata kienu jaħdmu hemm u li għal ebda wieħed minnhom ma kienet ġiet ippreżentata dikjarazzjoni ta’ kollokament li ssir minn qabel. Barra minn hekk, il‑foreman Portugiż ma rnexxielu juri ebda dokument ta’ attestazzjoni tal-paga Portugiża.
14 Skont ir-rechtbank van eerste aanleg te Antwerpen, id-dipartimenti ta’ ispezzjoni kkonstataw li l-kundizzjonijiet imposti mil-liġi tal-5 ta’ Marzu 2002 kif ukoll mid-Direttiva 96/71 ma kinux ġew osservati, b’tali mod li d-dritt soċjali Belġjan dwar iż-żamma ta’ dokumenti dwar il-ħaddiema u, b’mod partikolari, tal-kont individwali kien applikabbli. L-akkużati fil-kawża prinċipali (l-ewwel, it‑tieni u t-tielet bħala mexxejja u rappreżentanti tal-kumpannija Termiso Limitada u l-kumpannija nnifisha bħala l-entità li tħaddem u bħala persuna ġuridika kriminalment responsabbli) huma akkużati li, bejn il-31 ta’ Mejju u t-13 ta’ Lulju 2004, naqsu milli jirrediġu dan il-kont individwali għat-53 ħaddiem imsemmi iktar ’il fuq bi ksur, b’mod partikolari, ta’ bosta dispożizzjonijiet tad-digriet irjali Nru 5. Huma qed jiġu wkoll akkużati għal serje ta’ ksur tal-leġiżlazzjoni Belġjana dwar il-paga minima legali u r-remunerazzjoni tal-ħinijiet tax-xogħol supplimentari.
15 Il-qorti tar-rinviju tqis li l-possibbiltà li tiddeċiedi fuq il-mertu fuq il-ksur imwettaq kontra l-leġiżlazzjoni soċjali Belġjana tiddependi mill-fatt dwar jekk il‑liġi tal-5 ta’ Marzu 2002, li n-nuqqas ta’ osservanza tagħha twassal għall-obbligu li wieħed jikkonforma ruħu ma’ din il-leġiżlazzjoni, hijiex kompatibbli mal-Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE.
16 F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rechtbank van eerste aanleg te Antwerpen iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d‑domanda preliminari segwenti:
“Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tal-liġi tal-5 ta’ Marzu 2002 u tal-Artikoli 3, 4 u 5 tad-digriet irjali tad-29 ta’ Marzu 2002 (digriet ta’ implementazzjoni) jiksru l‑Artikoli [56 TFUE] u [57 TFUE], sa fejn dawn jimponu fuq persuni barranin li jħaddmu, li jkunu jixtiequ jikkollokaw ħaddiema, l-obbligu li jibagħtu minn qabel dikjarazzjoni ta’ kollokament lill-[Awtoritajiet ta’ Spezzjoni tal-Liġijiet Soċjali], kif ukoll li jżommu għad-dispożizzjoni tagħhom dokumenti ekwivalenti għall-kont individwali jew għar-rendikont tal-paga Belġjana, b’mod li l-aċċess tagħhom għas-suq tas-servizzi Belġjan ikun prekluż jew minn tal-inqas ostakolat?”
Fuq id-domanda preliminari
Fuq l-ammissibbiltà
17 Il-Gvern Belġjan iqis li d-domanda preliminari hija inammissibbli peress li hija bbażata fuq il-premessa żbaljata li s-sistema semplifikata hija obbligatorja, filwaqt li l-persuni barranin li jħaddmu li jikkollokaw ħaddiema fit-territorju Belġjan għandhom ukoll l-għażla li jirrediġu u jżommu għad-dispożizzjoni dokumenti dwar il-ħaddiema b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni Belġjana.
18 F’dan ir-rigward, anki li kieku kellu jitqies li l-imsemmija qorti tikkunsidra s‑sistema semplifikata bħala waħda obbligatorja, skont ġurisprudenza stabbilita l‑proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE hija bbażata fuq separazzjoni totali bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja u din tal-aħħar hija biss kompetenti biex tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ atti tal-Unjoni previsti f’dan l-artikolu. F’dan il-kuntest, mhijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tevalwa l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali jew li tiddeċiedi jekk l‑interpretazzjoni li tagħti l-qorti tar-rinviju hijiex korretta (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2007, Auroux et, C‑220/05, Ġabra p. I‑385, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).
19 Barra minn hekk il-Gvern Belġjan u l-Gvern Ġermaniż isostnu, fid-deċiżjoni tar-rinviju, li ma ssirx espożizzjoni tal-qafas legali kif ukoll tal-ispjegazzjoni tar-rabta bejn il-kawża prinċipli u d-domanda magħmula. F’dan ir-rigward, il-Gvern Belġjan isostni li din id-domanda ma tikkonċernax l-interpretazzjoni tad-Direttiva 96/71, li l-applikazzjoni tagħha hija, madankollu, ikkontestata f’din il‑kawża. Dan il-gvern jiddubita wkoll l-utilità li jiġi interpretat l‑Artikolu 57 TFUE, peress li huwa paċifiku li l-attivitajiet eżerċitati fil-Belġju mill-kumpannija Termiso Limitada u l-ħaddiema tagħha jikkostitwixxu provvista ta’ servizzi.
20 Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li l-istess qorti hija responsabbli sabiex tiddefinixxi, u li mhuwiex id-dmir tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tagħhom, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Huwa possibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja li tirrifjuta li tiddeċiedi fuq domanda mressqa minn qorti nazzjonali biss meta jidher b’mod manifest li l‑interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandhiex x’taqsam mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara s-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C‑415/93, Ġabra p. I‑4921, punt 61, u tat-23 ta’ Diċembru 2009, Spector Photo Group u Van Raemdonck, C‑45/08, Ġabra p. I-12073, punt 26).
21 F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punti 14 u 15 ta’ din is-sentenza, l-espożizzjoni tal-kuntest fattwali u legali tal-kawża prinċipali fid-deċiżjoni tar-rinviju tippermetti li wieħed jifhem li, fl-opinjoni tal-qorti tar-rinviju, fin-nuqqas ta’ kompatibbiltà bejn leġiżlazzjoni nazzjonali, bħas-sistema semplifikata, u d-dispożizzjonijiet tat-TFUE dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, l-akkużati fil-kawża prinċipali ma jistgħux jiġu ppenalizzati talli ma osservawx l-obbligu, li huwa mandatorju biss fil-każ li ma jsirx użu mill-imsemmija sistema, li jirrediġu l-kont individwali għall-impjegati inkwistjoni. Din l-espożizzjoni, li għandha tkun fil-qosor, hija biżżejjed sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tipprovdi risposta utli għad-domanda magħmula.
22 Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ talba għall-interpretazzjoni tad-Direttiva 96/71 ma taffetwax assolutament il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja biex tirrispondi d‑domanda preliminari, sa fejn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li fir-rigward tagħhom qed tintalab l-interpretazzjoni jkunu rilevanti biex tiġi riżolta l‑kawża prinċipali.
23 Minn dawn iċ-ċirkustanzi jirriżulta li d-domanda preliminari hija ammissibbli.
Fuq il-mertu
24 Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ssaqsi, essenzjalment, jekk l‑Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru li tipprovdi li persuna li timpjega stabbilita fi Stat Membru ieħor li tikkolloka ħaddiema fit-territorju tal-ewwel Stat Membru tibgħat dikjarazzjoni ta’ kollokament li ssir minn qabel kif ukoll li żżomm għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali, matul il-perijodu ta’ kollokament, kopja ta’ dokumenti ekwivalenti għad-dokumenti dwar il-ħaddiem jew għad-dokumenti tax-xogħol, bħal kont individwali u rendikont rikjest mil-liġi tal-ewwel Stat Membru.
25 Fl-osservazzjonijiet tiegħu, il-Gvern Belġjan osserva li l-qorti tar-rinviju ma talbitx l-interpretazzjoni tad-Direttiva 96/71. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, għalkemm is-sistema semplifikata sservi, bħal ma jsostni l-Gvern Belġjan, biex tiġi mistħarrġa l-osservanza, minn persuna li timpjega li tikkolloka ħaddiema barranin fit-territorju Belġjan, tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u ta’ impjieg elenkati fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71, tali miżuri ta’ stħarriġ ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u lanqas ma huma armonizzati fil-livell tal-Unjoni Ewropea.
26 Fil-fatt, id-Direttiva 96/71 hija intiża sabiex tikkoordina l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali sostantivi dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u ta’ impjieg tal-ħaddiema kkollokati, indipendentement mir-regoli amministrattivi anċillarji intiżi sabiex tkun tista’ ssir il-verifika tal-osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet.
27 B’hekk dawn il-miżuri jistgħu jiġu liberament iddefiniti mill-Istati Membri, fir-rispett tat-Trattat u tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is‑sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑490/04, Ġabra p. I‑6095, punt 19, kif ukoll tat-18 ta’ Diċembru 2007, Laval un Partneri, C‑341/05, Ġabra p. I‑11767, punt 60).
28 F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-kawża prinċipali tikkonċerna impriża stabbilita fi Stat Membru li kkollokat il-ħaddiema tagħha għal perijodu determinat f’tarzna li tinsab fi Stat Membru ieħor bil-għan li jiġu pprovduti servizzi. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li tali sitwazzjoni fattwali taqa’ taħt l-Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE (ara s-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2001, Finalarte et, C‑49/98, C‑50/98, C‑52/98 sa C‑54/98 u C‑68/98 sa C‑71/98, Ġabra p. I‑7831, punt 20).
Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi
29 Hija ġurisprudenza stabbilita li l-Artikolu 56 TFUE ma jirrikjedix biss it-tneħħija ta’ kull diskriminazzjoni fil-konfront ta’ min jipprovdi servizzi stabbiliti fi Stat Membru ieħor minħabba n-nazzjonalità tiegħu, iżda wkoll l-abolizzjoni ta’ kull restrizzjoni, anki jekk din tapplika mingħajr distinzjoni għall-fornituri nazzjonali u għal dawk ta’ Stati Membri oħra, meta hija ta’ natura li tipprojbixxi, li tfixkel, jew li tirrendi inqas attraenti l-attivitajiet tal-fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor, fejn jipprovdi servizzi analogi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-23 ta’ Novembru 1999, Arblade et, C‑369/96 u C‑376/96, Ġabra p. I‑8453, punt 33, kif ukoll tal-21 ta’ Settembru 2006, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, C‑168/04, Ġabra p. I‑9041, punt 36).
30 F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat li skont il-Gvern Belġjan, is-sistema semplifikata inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġiet introdotta permezz tal-liġi tal-5 ta’ Marzu 2002 wara s-sentenza Arblade et, iċċitata iktar ’il fuq. Fil-punt 3 tad-dispożittiv ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja qalet bi dritt li l‑Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE jipprekludu lil Stat Membru milli jimponi fuq impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor u li twettaq b’mod temporanju xogħlijiet fl-ewwel Stat Membru milli tirrediġi dokumenti dwar il-ħaddiem jew dokumenti tax-xogħol, bħal, b’mod partikolari, kont individwali għal kull ħaddiem ikkollokat, fil-forma rikjesta mil-leġiżlazzjoni tal-ewwel Stat, peress li l‑protezzjoni soċjali tal-ħaddiema li tista’ tiġġustifika dawn ir-rekwiżiti hija diġà protetta permezz tal-preżentazzjoni tad-dokumenti dwar il-ħaddiem u d‑dokumenti tax-xogħol miżmuma mill-imsemmija impriża skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fih hija stabbilita.
31 Minn din il-liġi kif ukoll mid-digriet irjali tad-29 ta’ Marzu 2002 jirriżulta li, għal perijodu ta’ sitt xhur mill-bidu tal-impjieg tal-ewwel ħaddiem ikkollokat, is‑sistema semplifikata teżenta lil persuna li timpjega li tikkolloka ħaddiema fit-territorju Belġjan milli tirrediġi, b’mod partikolari, il-kont individwali u r-rendikont rikjest mil-leġiżlazzjoni Belġjana, sa fejn, l-ewwel nett, tintbagħat dikjarazzjoni ta’ kollokament li ssir minn qabel lill-awtoritajiet Belġjani u, it-tieni nett, iżżomm għad-dispożizzjoni ta’ dawn l-awtoritajiet kopja tad-dokumenti ekwivalenti.
32 Fir-rigward tal-limitazzjoni ratione temporis tal-applikazzjoni ta’ din l-eżenzjoni, in-natura eventwalment restrittiva tagħha mhijiex rilevanti f’din il-kawża, peress li huwa paċifiku li l-kollokament inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien għal terminu ta’ inqas minn sitt xhur.
33 Fl-ewwel lok, fir-rigward tad-dikjarazzjoni ta’ kollokament li ssir minn qabel, mill-Artikolu 3 tad-digriet irjali tad-29 ta’ Marzu 2002 kif ukoll mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Belġjan jirriżulta li, minn naħa, l-awtoritajiet Belġjani għandhom jiċċertifikaw ir-riċezzjoni u l-konformità ta’ din id-dikjarazzjoni, fil-ħamest ijiem tax-xogħol mid-data tar-riċezzjoni tagħha, permezz tan-notifika tan-numru ta’ reġistrazzjoni tagħha lil persuna li timpjega il-ħaddiema li għandhom jiġu kkollokati. Min-naħa l-oħra, il-kollokament jista’ jingħata bidu biss wara d-data ta’ din in-notifika, u fin-nuqqas ta’ dan persuna li timpjega ma tkunx tista’ tibbenefika mis-sistema semplifikata.
34 Għandu jiġi kkonstatat li l-proċedura deskritta fil-punt preċedenti ma tistax tiġi kkwalifikata bħala sempliċi proċedura dikjaratorja. Kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 70 tal-konklużjonijiet tiegħu, is-sempliċi trażmissjoni ta’ informazzjoni lill-awtoritajiet tal-Istat Membru ospitanti kif ukoll il-konferma tar-riċezzjoni, jistgħu potenzjalment jikkonvertu ruħhom f’mekkaniżmi ta’ kontroll u ta’ permess li jippreċedu l-bidu tal-provvista tas-servizz. Fil-fatt, sa fejn din in‑notifika jew din l-informazzjoni għandha tippreċedi l-kollokament, minn persuna li timpjega, tal-ħaddiema tagħha u ssir biss wara l-istħarriġ mill-awtoritajiet nazzjonali tal-konformità tad-dikjarazzjoni ta’ kollokament li ssir minn qabel, tali proċedura għandha tiġi kkunsidrata bħala waħda li għandha n-natura ta’ proċedura ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva (ara, b’analoġija, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41).
35 Issa, proċedura li tissuġġetta l-eżerċizzju tal-provvista ta’ servizzi permezz ta’ ħaddiema kkollokati fit-territorju nazzjonali, minn impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor għall-għoti ta’ tali awtorizzazzjoni amministrattiva, tista’ tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tas-servizzi fis-sens tal-Artikolu 56 TFUE (ara, b’analoġija, is-sentenzi tad-9 ta’ Awwissu 1994, Vander Elst, C‑43/93, Ġabra p. I‑3803, punt 15, u tad-19 ta’ Jannar 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑244/04, Ġabra p. I‑885, punt 34).
36 Fil-fatt, it-tali proċedura tista’ tostakola, b’mod partikolari minħabba t-terminu previst għall-għoti ta’ din in-notifika, il-kollokament mistenni u, konsegwentement, l-eżerċizzju, minn persuna li timpjega l-ħaddiema li għandhom jiġu kkollokati, ta’ attivitajiet ta’ provvista ta’ servizzi, b’mod partikolari meta s‑servizz li għandu jitwettaq għandu jitwettaq b’ċerta ħeffa (ara, f’dan is-sens, is‑sentenzi ċċitati iktar ’il fuq tad-19 ta’ Jannar 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, punt 35, kif ukoll Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, punt 39).
37 F’dan ir-rigward, l-akkużati fil-kawża prinċipali jenfasizzaw fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, mingħajr ma jiġu kkontestati fuq dan il-punt, in-natura urġenti tas-servizzi li għandhom isiru fi ħdan il-kumpannija Antwerp Shiprepair NV, li jeħtieġu l-kollokament malajr kemm jista’ jkun wara l‑konklużjoni tal-kuntrat relatat. Issa, il-Gvern Belġjan ikkonstata, b’risposta għal domanda magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja waqt is-seduta, li s-sistema semplifikata ma tippermetti ebda eċċezzjoni għall-proċedura deskritta fil-punt 33 ta’ din is-sentenza għall-kollokamenti urġenti.
38 Huwa irrilevanti, bħal ma indika wkoll dan il-gvern waqt is-seduta, li n-notifika fil-prattika tintbagħat lil persuna li timpjega ħaddiema li għandhom jiġu kkollokati jumejn jew tlieta wara r-riċezzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ kollokament li ssir minn qabel, peress li persuna li timpjega ma tistax teskludi, a priori, il-ħtieġa li tistenna minn tal-inqas il-ħamest ijiem tax-xogħol previsti mis-sistema semplifikata biex tintbagħat in-notifika ta’ reġistrazzjoni qabel ma tipproċedi għall-kollokament. Il‑possibbiltà ta’ tali stennija hija, kemm għal persuna li timpjega kif ukoll għad-destinatarju ta’ provvista ta’ servizzi li jikkonsistu fil-kollokament ta’ ħaddiema, ta’ natura li tfixkel jew li tirrendi inqas attraenti tali provvista ta’ servizz, b’mod partikolari meta dan is-servizz ikun ta’ natura urġenti.
39 Barra minn hekk, il-proċedura deskritta fil-punt 33 ta’ din is-sentenza tikkostitwixxi element determinanti tas-sistema semplifikata, billi, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 3 tad-digriet irjali tad-29 ta’ Marzu 2002, persuna li timpjega li twettaq kollokament fit-territorju Belġjan mingħajr ma tkun irċeviet notifika tan-numru ta’ reġistrazzjoni tad-dikjarazzjoni tagħha ta’ kollokament li ssir minn qabel ma tistax, fid-dawl ta’ dan il-kollokament, sempliċement iżżomm dokumenti ekwivalenti, bħal ma tipprovdi s-sistema semplifikata, iżda għandha tirrediġi dokumenti dwar il-ħaddiem Belġjani bħall-kont individwali u r‑rendikont.
40 Minn dan jirriżulta li r-rekwiżit li tintbagħat dikjarazzjoni ta’ kollokament minn qabel kif ukoll in-notifika tan-numru ta’ reġistrazzjoni tagħha, bħal dik prevista fis-sistema semplifikata, jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-sens tal-Artikolu 56 TFUE.
41 Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-konstatazzjoni tal-Gvern Belġjan li s-sistema semplifikata hija fakultattiva, fis-sens li persuna li timpjega li tixtieq tikkolloka ħaddiema fit-territorju Belġjan tista’ tagħżel li ma tissuġġettax lilha nnifisha għal din is-sistema u għandha, fit-tali ipoteżi, tirrediġi u żżomm id-dokumenti Belġjani dwar il-ħaddiema msemmija iktar ’il fuq. Kif jitfakkar fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fis-sentenza Arblade et, iċċitata iktar ’il fuq, li t-tali obbligu nnifsu mhuwiex konformi mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Barra minn hekk, mill-atti tal-proċess jirriżulta li, fil-każ tal-leġiżlazzjoni Belġjana inkwistjoni fil-kawża prinċipali, in-nuqqas ta’ osservanza ta’ tali obbligu huwa suġġett għal proċeduri kriminali.
42 Fit-tieni lok, fir-rigward tal-obbligi imposti, mill-Artikoli 5 u 6 tad-digriet irjali tad-29 ta’ Marzu 2002, fuq persuna li timpjega ta’ ħaddiema kkollokati fit-territorju Belġjan, qabel kollox, li żżomm kopja tad-dokumenti ekwivalenti għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet Belġjani, jew fil-post tax-xogħol fil-Belġju, jew fid-domiċilju Belġjan tal-mandatarju jew tar-rappreżentant ta’ persuna li timpjega, sussegwentement, li tibagħt, meta jintemm il-kollokament, din il-kopja kif ukoll inventarju tad-dokumenti ekwivalenti lill-awtoritajiet Belġjani u, finalment, li tikkonserva, wara perijodu ta’ sitt xhur, kopja tad-dokumenti ekwivalenti għad-dispożizzjoni ta’ dawn l-awtoritajiet f’wieħed mill-postijiet speċifikati għal perijodu ta’ ħames snin, ma jistax jiġi eskluż a priori li dawn l-obbligi jagħtu lok għal spejjeż u ħlasijiet amministrattivi u ekonomiċi supplimentari għall-impriżi stabbiliti fi Stat Membru ieħor, b’mod li dawn l-impriżi jistgħu ma jsibux lilhom infushom fuq livell ugwali, mill-aspett kompetittiv, ma’ impriżi li jimpjegaw persuni li normalment jaħdmu fit-territorju Belġjan.
43 Għalkemm il-Gvern Belġjan osserva li l-obbligu ta’ konservazzjoni ta’ kopja tad-dokumenti ekwivalenti għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet tagħha għal perijodu ta’ ħames snin wara l-kollokament ma japplikax għall-kollokamenti ta’ inqas minn sitt xhur, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, xorta jibqa’ l-fatt li ma ressaq ebda argument fir-rigward taż-żewġ obbligi l-oħra. Huwa ammetta wkoll li ma jistax jiġi eskluż li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni jistgħu jikkostitwixxu restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-sens tal-Artikolu 56 TFUE.
44 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li dawn iż-żewġ obbligi jikkostitwixxu restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.
Fuq il-ġustifikazzjoni tar-restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi
45 Skont ġurisprudenza stabbilita, leġiżlazzjoni nazzjonali li taqa’ taħt qasam li ma kienx suġġett għal armonizzazzjoni fuq livell tal-Unjoni u li tapplika mingħajr distinzjoni għal kull persuna jew impriża li teżerċita negozju fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat tista’, minkejja l-effett restrittiv tagħha għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, tkun ġustifikata sa fejn tissodisfa raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali u dan l-interess ma jkunx diġà protett mir-regoli li għalihom il‑fornitur huwa suġġett fl-Istat Membru fejn huwa stabbilit, sa fejn din tkun tali li tiggarantixxi t-twettiq tal-għan segwit minnha u ma tmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju sabiex dan l-għan jinkiseb (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Arblade et, punts 34 u 35, kif ukoll Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, punt 37).
46 Bħalma ġie indikat fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, is-sistema semplifikata sservi, skont il-Gvern Belġjan, biex tiġi mistħarrġa l-osservanza, minn persuna li timpjega li tikkolloka ħaddiema barranin fit-territorju Belġjan, b’mod partikolari tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u ta’ impjieg elenkati fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71. B’hekk isegwi l-għan ta’ interess ġenerali li jikkonsisti fil-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema.
47 F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet numru ta’ drabi li, fost ir‑raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, tinsab il-protezzjoni tal-ħaddiema (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Arblade et, iċċitata iktar ’il fuq; punt 36, Finalarte et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33, kif ukoll tal-21 ta’ Ottubru 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, C‑445/03, Ġabra p. I‑10191, punt 29).
48 Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet lill-Istati Membri l-possibbiltà li jivverifikaw l-osservanza tad-dispożizzjonijiet nazzjonali u tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-provvista tas-servizzi u aċċettat il-ġustifikazzjoni ta’ miżuri ta’ stħarriġ neċessarji għall-verifika tal-osservanza ta’ rekwiżiti li huma stess huma ġustifikati minn raġunijiet ta’ interess ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Arblade et, punt 38, kif ukoll tad-19 ta’ Jannar 2006, Il-Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, punt 36).
49 Għaldaqstant hemm lok biex jiġi eżaminat jekk miżuri, bħal dawk inklużi fis-sistema semplifikata, humiex approprjati biex tiġi ggarantita l-kisba tal-għan li jikkonsisti fil-protezzjoni tal-ħaddiema u ma jmorrux lil hinn minn dak li hu neċessarju biex jinkiseb dan l-għan.
50 Fl-ewwel lok, fir-rigward tad-dikjarazzjoni ta’ kollokament li ssir minn qabel, il‑Gvern Belġjan isostni li din tippermetti lill-awtoritajiet jeżerċitaw stħarriġ effettiv tal-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni u ta’ xogħol fil-kuntest ta’ kollokament ta’ ħaddiema fil-Belġju. Waqt is-seduta, dan il-gvern ippreċiża li, fin-nuqqas ta’ tali dikjarazzjoni, l-awtoritajiet Belġjani ma jkunux f’pożizzjoni li jivverifikaw id-data tal-bidu tal-kollokament fil-Belġju, peress li d-dokumenti ekwivalenti ma jipprovdux tali informazzjoni.
51 F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li obbligu impost fuq persuna li timpjega stabbilita fi Stat Membru ieħor sabiex jindika, qabel ma jsir kollokament, lill-awtoritajiet lokali l-preżenza ta’ wieħed jew iktar ħaddiema impjegati li għandhom jiġu kkollokati, it-tul previst ta’ din il-preżenza u fejn il-provvista ta’ servizzi li jiġġustifikaw il-kollokament jikkostitwixxi miżura daqstant effiċjenti u inqas restrittiva minn miżura ta’ permess tax-xogħol, stħarriġ minn qabel jew ukoll konferma ta’ kollokament. It-tali obbligu huwa tali jippermetti lil dawn l‑awtoritajiet jikkontrollaw l-osservanza tal-leġiżlazzjoni soċjali u dwar il-pagi tal-Istat Membru ospitanti matul il-kollokament billi jittieħdu inkunsiderazzjoni obbligi li għalihom persuna li timpjega hija diġà suġġett skont ir-regoli ta’ dritt soċjali applikabbli fl-Istat Membru ta’ oriġini (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, punt 31; tad-19 ta’ Jannar 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, punt 45, u Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, punt 52).
52 Minn dan jirriżulta li, għalkemm it-trażmissjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ kollokament li ssir minn qabel tidher bħala mezz approprjat biex tiġi kkomunikata l‑informazzjoni msemmija fil-punt 50 ta’ din is-sentenza lill-awtoritajiet Belġjani, proċedura ta’ reġistrazzjoni u ta’ notifika, li permezz tagħha, kif ġie osservat fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, id-dikjarazzjoni tassumi natura ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva, tmur lil hinn minn dak li hu neċessarju biex tiġi żgurata l‑protezzjoni tal-ħaddiema kkollokati.
53 Fil-fatt, minn ġurisprudenza mfakkra fil-punt 51 ta’ din is-sentenza jirriżulta li sa fejn dikjarazzjoni li ssir minn qabel tippermetti li tiġi mistħarrġa l-osservanza tal-leġiżlazzjoni soċjali u dwar il-pagi tal-Istat Membru ospitanti matul il‑kollokament, din tikkostitwixxi mezz iktar proporzjonat biex jinkiseb dan l‑għan milli t-tali awtorizzazzjoni jew stħarriġ li jsir minn qabel. F’dan il-kuntest, il-Gvern Belġjan stess ma jindikax li s-sistema semplifikata ma tikkomportax l‑istħarriġ effettiv tal-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni u ta’ xogħol tal-ħaddiema kkollokati matul il-perijodu tal-kollokament.
54 Madankollu, peress li r-rekwiżit ta’ dikjarazzjoni minn qabel tibqa’ miżura adegwata biex ikun jista’ jsir l-istħarriġ neċessarju u jiġi evitat aġir frawdolenti, l‑amministrazzjoni għandha tagħti lil persuna li timpjega li tikkolloka ħaddiema fit-territorju Belġjan il-possibbiltà li tipprovdi l-prova li hija wettqet dikjarazzjoni li tikkomporta l-informazzjoni kollha meħtieġa.
55 Fit-tieni lok, fir-rigward tad-dokument ekwivalenti għall-kont individwali u għar-rendikont, il-Gvern Belġjan jispjega, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li l‑kont inidividwali jsemmi s-servizzi pprovduti minn ħaddiem kif ukoll ir‑remunerazzjonijiet relatati filwaqt li r-rendikont jindika l-metodi ta’ kalkolu ta’ din ir-remunerazzjoni, billi jittiedħu inkunsiderazzjoni s-sigħat tax-xogħol u l‑ġranet ta’ leave, kif ukoll kull tnaqqis ta’ taxxa.
56 Barra minn hekk, kif inhu indikat fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, mill-Artikoli 5 u 6 tad-digriet irjali tad-29 ta’ Marzu 2002, jirriżulta li persuna li timpjega ta’ ħaddiema kkollokati fit-territorju Belġjan għandha żżomm kopja tad-dokumenti ekwivalenti għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet Belġjani jew fuq il-post tax-xogħol fil-Belġju, jew fid-domiċilju Belġjan tal-mandatarju jew tar-rappreżentant ta’ persuna li timpjega. Fi tmiem dan il-kollokament, din il-kopja kif ukoll inventarju tad-dokumenti ekwivalenti għandhom jintbagħtu lill-awtoritajiet Belġjani.
57 Jidher li ż-żamma ta’ kopja tad-dokument ekwivalenti, bħal dawk deskritti fil-punt 55 ta’ din is-sentenza, hija approprjata biex tippermetti lill-awtoritajiet jivverifikaw l-osservanza, fir-rigward tal-ħaddiema kkollokati, tal-kundizzjonijiet tax-xogħol hekk kif inhuma elenkati fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71 u, għaldaqstant, li tiġi żgurata l-protezzjoni ta’ dawn il-ħaddiema.
58 Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, sa fejn l‑informazzjoni pprovduta mid-dokumenti dwar il-ħaddiema kkollokati li huma rikjesti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ stabbiliment hija suffiċjenti, kollettivament, biex ikun jista’ jsir l-istħarriġ neċessarju fl-Istat Membru ospitanti, il‑preżentazzjoni, f’terminu raġonevoli, ta’ dawn id-dokumenti jew ta’ kopja tagħhom, fin-nuqqas ta’ żamma għad-dispożizzjoni tal-istess dokumenti jew ta’ kopja tagħhom fit-tarzna jew f’post aċċessibbli u kjarament identifikat tat-territorju tal-Istat Membru ospitanti, tikkostitwixxi mezz inqas restrittiv biex tiġi żgurata l-protezzjoni soċjali ta’ dawn il-ħaddiema meta mqabbel mar-redazzjoni ta’ dokumenti li jkunu konformi mal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Arblade et, punti 64 sa 66, kif ukoll Finalarte et, punt 74).
59 Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-obbligu ta’ trażmissjoni, fi tmiem il-perijodu ta’ kollokament, tad-dokumenti li persuna li timpjega għandha l‑obbligu li tirrediġi skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ stabbiliment, jew kopja tagħhom, lill-awtoritajiet nazzjonali tal-Istat Membru ospitanti li jistgħu jistħarrġuhom u, jekk ikun il-każ, tikkonservahom, jikkostitwixxi miżura inqas restrittiva biex jiġi żgurat l-istħarriġ tal-osservanza tal-leġiżlazzjonijiet marbuta mal-protezzjoni tal-ħaddiema milli obbligu għal persuna li timpjega li tikkonserva dawn id-dokumenti fit-territorju ta’ dan l-Istat wara dan il-perijodu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Arblade et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 78).
60 Fid-dawl ta’ dal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jidher li tali miżuri huma proporzjonati mal-għan li jikkonsisti fil-protezzjoni tal-ħaddiema.
61 Għaldaqstant ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li:
– L-Artikoli 56 TFUE U 57 TFUE jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi, għal persuna li timpjega stabbilita fi Stat Membru li tikkolloka ħaddiema fit-territorju tal-ewwel Stat Membru, it-trażmissjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ kollokament li ssir minn qabel sa fejn il-bidu tal-kollokament ippjanat huwa suġġett għan-notifika, lil din il-persuna li timpjega, ta’ numru ta’ reġistrazzjoni ta’ din id-dikjarazzjoni u fejn l-awtoritajiet nazzjonali ta’ dan l-ewwel Stat Membru għandhom terminu ta’ ħamest ijiem tax-xogħol, mid-data ta’ riċezzjoni ta’ din id-dikjarazzjoni, biex jagħmlu din in-notifika.
– L-Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi, għal persuna li timpjega stabbilita fi Stat Membru ieħor li tikkolloka ħaddiema fit-territorju tal-ewwel Stat Membru, iż-żamma għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali tagħha, matul il-perijodu ta’ kollokament, kopja ta’ dokumenti ekwivalenti għad-dokumenti li jikkonċernaw il-ħaddiem jew dwar ix-xogħol rikjesti mil-liġi tal-ewwel Stat kif ukoll it-trażmissjoni tagħhom lill-imsemmija awtoritajiet fi tmiem dan il-perijodu.
Fuq l-ispejjeż
62 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il‑Qorti tal‑Ġustizzja (It‑Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikoli 56 TFUE U 57 TFUE jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi, għal persuna li timpjega stabbilita fi Stat Membru li tikkolloka ħaddiema fit-territorju tal-ewwel Stat Membru, it‑trażmissjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ kollokament li ssir minn qabel sa fejn il-bidu tal-kollokament ippjanat huwa suġġett għan-notifika, lil din il-persuna li timpjega, ta’ numru ta’ reġistrazzjoni ta’ din id‑dikjarazzjoni u fejn l-awtoritajiet nazzjonali ta’ dan l-ewwel Stat Membru għandhom terminu ta’ ħamest ijiem tax-xogħol, mid-data ta’ riċezzjoni ta’ din id‑dikjarazzjoni, biex jagħmlu din in-notifika.
L-Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi, għal persuna li timpjega stabbilita fi Stat Membru ieħor li tikkolloka ħaddiema fit-territorju tal-ewwel Stat Membru, iż-żamma għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali tagħha, matul il-perijodu ta’ kollokament, kopja ta’ dokumenti ekwivalenti għad-dokumenti dwar il-ħaddiem jew dwar ix-xogħol rikjesti mil-liġi tal-ewwel Stat kif ukoll it-trażmissjoni tagħhom lill-imsemmija awtoritajiet fi tmiem dan il-perijodu.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.
Full & Egal Universal Law Academy