Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-6 ta’ Mejju 2010 – Il‑Kummissjoni vs Il-Polonja
(Kawża C‑545/08)
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Komunikazzjonijiet elettroniċi – Direttivi 2002/21/KE u 2002/22/KE – Fornitur ta’ servizzi ta’ aċċess għall-internet b’veloċità għolja – Impożizzjoni fuq it-tariffi tas-servizzi ta’ aċċess għall-internet b’veloċità għolja tal-obbligu li tinkiseb awtorizzazzjoni u tal-obbligu li jkunu stabbiliti fuq il-bażi tal-ispejjeż tal-provvista ta’ dawn is-servizzi – Nuqqas ta’ analiżi tas-suq”
1. Proċedura - Rikors promotur - Rekwiżiti proċedurali - Identifikazzjoni tas-suġġett tal-kawża - Sunt tal-motivi invokati (Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 38(1)(ċ)) (ara l-punti 25, 26)
2. Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu - Dritt ta’ azzjoni tal-Kummissjoni - Eżerċizzju li ma jiddependix mill-eżistenza ta’ interess ġuridiku speċifiku (Artikolu 226 KE) (ara l-punt 30)
3. Approssimazzjoni tal-liġijiet - Settur tat-telekomunikazzjonijiet - Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi - Qafas regolamentari - Direttiva 2002/21 - Servizz universali u drittijiet tal-utenti - Direttiva 2002/22 – Sistema tranżitorja (Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/21, Artikolu 16 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27, u 2002/22, Artikoli 16 u 17) (ara l-punti 46-50, 57-72 u d-dispożittiv)
Suġġett
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Ksur tal-Artikoli 16 u 17 tad-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29. p. 367), kif ukoll tal-Artikoli 16 u 27 tad‑Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi [netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi] (Direttiva Kwadru [Qafas]) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29. p. 349) - Impożizzjoni fuq operatur tal-obbligu li jikseb awtorizazzjoni għat-tariffi bl-imnut għall-provvista ta’ servizzi ta’ aċċess għall-internet b’veloċità għolja mingħajr ma saret analiżi tas-suq.
Dispożittiv
1)
Billi rregolat it-tariffi bl-imnut għall-provvista ta’ aċċess għall-internet b’veloċità għolja mingħajr ma qabel wettqet analiżi tas-suq, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikoli 16 u 17 tad-Direttiva 2002/22/KE tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali), kif ukoll tal‑Artikoli 16 u 27 tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi [netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi] (Direttiva Kwadru [Qafas]).
2)
Ir-Repubblika tal-Polonja hija kkundannata għall-ispejjeż.
Full & Egal Universal Law Academy