Kawża C-550/08
British American Tobacco (Germany) GmbH
vs
Hauptzollamt Schweinfurt
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht München)
“Direttiva 92/12/KEE — Prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa — Importazzjoni ta’ tabakk mhux ipproċessat, li ma huwiex suġġett għad-dazju tas-sisa, taħt il‑proċedura tal-ipproċessar attiv — Ipproċessar f’tabakk maqtugħ — Ċirkulazzjoni bejn Stati Membri — Dokument mehmuż”
Sommarju tas-sentenza
Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Dazji tas-sisa — Direttiva 92/12 —Tabakk maħdum — Prodotti mmanifatturati minn prodotti li ma humiex suġġetti għad‑dazju tas-sisa, importati fil-Komunità taħt il‑proċedura tal-ipproċessar attiv
(Direttiva tal-Kunsill 92/12, l-ewwel inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(2), u Artikolu (18)(1))
L-ewwel inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 92/12, dwar l‑arranġamenti ġenerali għall-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż‑żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodott, għandu jiġi interpretat fis-sens li prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa (bħat-tabakk maħdum), immanifatturati minn prodotti li ma humiex suġġetti għad-dazju tas-sisa (bħat-tabakk mhux ipproċessat) importati fil-Komunità taħt il‑proċedura tal-ipproċessar attiv, għandhom jitqiesu li huma suġġetti għal sospensjoni tad-dazju tas-sisa fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, minkejja li dawn ikunu saru prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa biss bis-saħħa tal‑ipproċessar tagħhom fit-territorju tal-Komunità, b’tali mod li jistgħu jiċċirkulaw bejn Stati Membri mingħajr ma l-amministrazzjoni tkun tista’ titlob id-dokument amministrattiv jew kummerċjali previst fl‑Artikolu 18(1) ta’ din id-direttiva.
(ara l-punti 36-46 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
17 ta’ Ġunju 2010 (*)
“Direttiva 92/12/KEE – Prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa – Importazzjoni ta’ tabakk mhux ipproċessat, li ma huwiex suġġett għad-dazju tas-sisa, taħt il‑proċedura tal-ipproċessar attiv – Ipproċessar f’tabakk maqtugħ – Ċirkulazzjoni bejn Stati Membri – Dokument mehmuż”
Fil-Kawża C‑550/08,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Finanzgericht München (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Novembru 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Diċembru 2008, fil-proċedura
British American Tobacco (Germany) GmbH,
vs
Hauptzollamt Schweinfurt,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn J.‑C. Bonichot (Relatur), President tal-Awla, C. Toader, K. Schiemann, P. Kūris u L. Bay Larsen, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,
Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Jannar 2010,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal British American Tobacco (Germany) GmbH, minn T. Englert u H.‑M. Pott, Avukat,
– għall-Hauptzollamt Schweinfurt, minn J. Muhlert, bħala aġent,
– għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, bħala aġent,
– għall-Gvern Pollakk, minn M. Dowgielewicz, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Mölls u A. Sauka, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-ewwel inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(2) u l-Artikolu 15(4) tad‑Direttiva tal‑Kunsill 92/12/KEE, tal-25 ta’ Frar 1992, dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodott (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 179) fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 92/12”).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn British American Tobacco (Germany) GmbH (iktar ’il quddiem “BAT”) u l-Hauptzollamt Schweinfurt (uffiċċju prinċipali tad‑dwana ta’ Schweinfurt) dwar żewġ deċiżjonijiet ta’ dan tal-aħħar li jimponu l‑ħlas ta’ dazju tas-sisa fuq it-tabakk minħabba l-kunsinni, mill-Ġermanja lejn Franza, ta’ lottijiet ta’ tabakk maqtugħ.
Il-kuntest ġuridiku
Id-Direttiva 92/12
3 L-għaxar u l-ħmistax-il premessi tad-Direttiva 92/12 huma fformulati kif ġej:
“Billi ċ-ċaqliq mit-territorju ta’ Stat Membru għal dak ta’ ieħor m’għandux jagħti lok għall-verifiki li jistgħu x’aktarx jimpedixxu l-moviment ħieles fil-Komunità; billi għall-għanijiet tal-ħlas huwa madanakollu meħtieġ li jkun magħruf iċ-ċaqliq tal-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa; billi għandha għalhekk issir dispożizzjoni għal dokument mehmuż li jkun jinkludi prodotti bħal dawk;
[…]
Billi m’hemm ebda ħtieġa li d-dokument mehmuż jintuża meta l-prodotti soġġetti għad-dazji tas-sisa jiġu mċaqalqa taħt proċedura tad-dwana tal-Komunità barra minn tħollija għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa […]”
4 L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 92/12 jipprovdi li:
“Din id-Direttiva għandha tgħodd fil-livell tal-Komunità għall-prodotti li ġejjin kif definiti fid-Direttivi relevanti:
[…]
– tabakk maħdum.”
5 L-Artikolu 4(ċ) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-kunċett ta’ “arranġament ta’ sospenzjoni[sospensjoni]” kif ġej:
“arranġament ta’ sospensjoni: arranġament ta’ taxxa applikat għall-produzzjoni, proċessar, żamma u ċaqliq ta’ prodotti, bid-dazju tas-sisa jkun sospiż”.
6 L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva jipprovdi li:
“1. Il-prodotti riferiti fl-Artikolu 3(1) għandhom ikunu soġġetti għad-dazju tas‑sisa fiż-żmien tal-produzzjoni tagħhom ġewwa t-territorju tal-Komunità kif definit fl-Artikolu 2 jew ta’ l-importazzjoni tagħhom f'dak it-territorju.
‛Importazzjoni ta’ prodott soġġett għad-dazju tas-sisa’ għandha tfisser id-dħul ta’ dak il-prodott fit-territorju tal-Komunità […]
Iżda, meta l-prodott jitqiegħed taħt proċedura tad-dwana tal-Komunità mad-dħul fit-territorju tal-Komunità, l-importazzjoni għandha titqies li seħħ meta jkun għadda mill-proċedura tad-dwana tal-Komunità.
2. Mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijiet nazzjonali u Komunitarji dwar kwistjonijiet tad-dwana, meta prodotti jkunu soġġetti għal sisa
– ikunu ġejjin minn, jew sejrin lejn, pajjiżi mhux membri […] u jkunu jaqgħu taħt waħda mill-proċeduri sospensivi ta’ dwana elenkati fl-Artikolu 84(1)(a) tar-Regolament [tal-Kunsill] (KEE) Nru 2913/92, [tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307), iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali tal‑Komunità”] […],
[…]
is-sisa fuqhom għandha titqies bħala sospiża.
[…]”
7 L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 92/12 jiddefinixxi l-kundizzjonijiet, li taħthom id‑dazju tas-sisa jsir dovut, kif ġej:
“Id-dazju tas-sisa għandu jsir dovut fiż-żmien tar-rilaxx għall-konsum jew meta jiġu rekordjati nuqqasijiet li għandhom ikunu soġġetti għad-dazju tas-sisa skond l‑Artikolu 14(3).
Rilaxx għall-konsum ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa għandha tfisser:
a) kull tluq, inkluż tluq irregolari, minn arranġament ta’ sospensjoni;
b) kull manifattura, inkluża manifattura irregolari, ta’ dawk il-prodotti barra arranġament ta’ sospensjoni;
ċ) kull importazzjoni ta’ dawk il-prodotti, inkluża importazzjoni irregolari, meta dawk il-prodotti ma jkunux tqiegħedu taħt arranġament ta’ sospensjoni.”
8 L-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 92/12 jipprovdi li:
“4. […] ir-responsabbiltà tal-magazzinier awtorizzat ta’ dispaċċ u, jekk tinqala’ l‑ħtieġa, dik tat-trasportatur tista’ tiġi biss ippruvata permezz tal-prova li l‑konsenjatarju [kunsinnatarju] ikun wassal il-prodotti, b’mod partikolarment mid-dokument mehmuż kif riferit fl-Artikolu 18 taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Artikolu 19.”
9 L-Artikolu 18 tad-Direttiva 92/12 jipprovdi li:
“1. Minkejja l-użu possibbli ta’ proċeduri kompjuterizzati, il-prodotti kollha soġġetti għal sisa li jiċċaqalqu taħt arranġamenti ta’ sospensioni ta’ dazju bejn Stati Membri, […] għandhom ikollhom mehmuż dokument kompletat mill‑konsenjatur [kunsinnatarju]. Dan id-dokument jista’ jew ikun dokument amministrattiv jew dokument kummerċjali. Il-forma u l-kontenut ta’ dan id-dokument, u l-proċedura li għandha tkun segwita fejn l-użu huwa oġġettivament mhux xieraq, għandhom ikunu stabbiliti skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 24.
[…]
4. Il-paragrafu 1 ma’ għandux japplika meta prodotti soġġetti għad-dazju tas‑sisa jiġu mċaqalqa taħt il-kondizzjonijiet riferiti fl-Artikolu 5(2).
[…]”
10 L-Artikolu 19 tad-Direttiva 92/12 jipprovdi li:
“1. L-awtoritajiet tat-taxxa ta’ l-Istati Membri għandhom ikunu nfurmati min‑negozjanti mit-twassil mibgħut jew riċevut permezz tad-dokument jew referenza għad-dokument speċifikat fl-Artikolu 18. Dan iddokument għandu jitħejja f’erba’ kopji […]
– […]
L-Istati Membri ta’ destinazzjoni jistgħu jistipulaw li l-kopja li għandha tintbagħat lura lill-konsenjatur [kunsinnatarju] għad-disċarġ għandha tkun ċertifikata u ttimbrata mill‑awtoritajiet nazzjonali tagħhom. L-Istati Membri li japplikaw din id‑dispożizzjoni għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni li għandha tinforma b’dan lill-Istati membri l-oħra.
[…]
2. Meta prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa jiġu mċaqalqa taħt arranġamenti ta’ sospensjoni tad-dazju għand magazzinier awtorizzat jew għand negozjant reġistrat jew mhux reġistrat, kopja tad-dokument amministrattiv mehmuż jew kopja tad-dokument kummerċjali, debitament annotata, għandha tiġi ritornata lill‑konsenjatarju mill-konsenjatur għad-disċarġ, mhux aktar tard minn 15-il jum wara ix-xahar li fih ikun irċeviha l-konsenjatarju.
[…]
3. L-arranġamenti ta’ sospensjoni tad-dazju kif definiti fl-Artikolu 4(c) għandhom ikunu mwettqa bit-tqegħid tal-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa taħt xi wieħed mill-arranġamenti riferiti fl-Artikolu 5(2) u bla ħsara għall‑kondizzjonijiet riferiti fih, wara li l-konsenjatarju jkun irċieva l-kopja li għandha tintbagħat lura mad-dokument amministrattiv mehmuż jew kopja tad‑dokument kummerċjali, debitament annotata, li fih għandu jiġi nnutat li l-prodotti ikunu ġew imqegħda taħt arranġament bħal dak.
[…]”
Il-Kodiċi Doganali tal-Komunità
11 Fl-Artikolu 59 tiegħu, il-Kodiċi Doganali tal-Komunità jipprovdi li l‑merkanzija kollha maħsuba biex titqiegħed taħt proċedura doganali għandha tkun koperta b’dikjarazzjoni għal dik il-proċedura doganali.
12 L-Artikolu 64(1) tal-istess kodiċi jipprovdi li:
“Bla ħsara għall-Artikolu 5, dikjarazzjoni doganali tista’ ssir minn kull persuna li hija kapaċi tippreżenta l-merkanzija konċernata jew tara li tkun preżentata lill‑awtorità kompetenti doganali, flimkien mad-dokumenti kollha li huma meħtieġa li jiġu prodotti għall-applikazzjoni tar-regoli li jamministraw il‑proċedura doganali li fir-rigward tagħha ġiet dikjarata l-merkanzija.”
13 Skont l-Artikolu 84(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità:
“Fl-Artikoli 85 sa 90:
a) meta jintuża t-terminu ‘proċedura’, jiġi miftiehem bħala li japplika, fil-każ ta’ merkanzija mhux tal-Komunità, għall-arranġamenti segwenti:
[…]
– proċessar tad-dħul f’forma ta’ sistema ta’ sospensjoni;
[…]
b) meta jintuża t-terminu ‘proċedura doganali b’impatt ekonomiku’ jiġi miftiehem bħala li japplika għall-arranġamenti li ġejjin:
[…]
– proċessar tad-dħul;
[…]”
14 L-Artikolu 85 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità jipprovdi li l-użu ta’ kull proċedura doganali b’impatt ekonomiku għandha tkun suġġetta għall-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet doganali. L-Artikolu 86 tal-istess kodiċi jippreċiża l-kundizzjonijiet, li fihom din l-awtorizzazzjoni tista’ tingħata, bil-mod li ġej:
“Mingħajr preġudizzju għall-kondizzjonijiet speċjali addizzjonali li jirregolaw il‑proċedura konċernata, l-awtorizzazzjoni li ssir referenza għaliha fl-Artikolu 85 […] għandha tingħata biss:
– lil persuni li joffru kull garanzija neċessarja għall-kondotta xierqa ta’ l‑operazzjonijiet;
u
– meta l-awtoritajiet doganali jkunu jistgħu jissorveljaw u jsegwu mill-qrib il‑proċedura mingħajr ma jkollhom għalfejn jintroduċu arranġamenti amministrattivi sproporzjonati għall-ħtiġijiet ekonomiċi involuti.”
15 L-Artikolu 87 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità jipprovdi li:
“1. Il-kondizzjonjiet li taħthom tintuża l-proċedura konċernata għandhom jitniżżlu fl-awtorizzazzjoni.
2. Min ikollu l-awtorizzazzjoni għandu jinforma lill-awtoritajiet doganali bil‑fatturi kollha li jinqalgħu wara li tingħata l-awtorizzazzjoni li jistgħu jinfluwenzaw il-kontinwazzjoni jew il-kontenut tagħha.”
16 L-Artikolu 88 ta’ dan il-kodiċi jipprovdi li:
“L-awtoritajiet doganali jistgħu jagħmlu t-tqegħid tal-merkanzija taħt arranġament sospensiv kondizzjonat għall-għoti ta’ garanzija sabiex jiġi żgurat illi kull dejn doganali li jista’ jiġi inkors fir-rigward ta’ dik il-merkanzija jitħallas.
[…]”
17 Skont l-Artikolu 114 tal-imsemmi kodiċi:
“1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 115, il-proċedura ta’ l-ipproċessar tad‑dħul għandha tippermetti li s-segwenti merkanzija tintuża fit-territorju doganali tal-Komunità f’operazzjoni ta’ l-ipproċessar waħda jew aktar:
a) merkanzija mhux tal-Komunità maħsuba għall-esportazzjoni mill-ġdid mit‑territorju doganali tal-Komunità taħt is-sura ta’ prodotti li jikkumpensaw lil xulxin, mingħajr ma tali merkanzija tkun soġġetta għal dazji fuq l‑importazzjoni jew miżuri ta’ politika kummerċjali;
[…]
2. L-espressjonijiet li ġejjin għandu jkollhom it-tifsiriet li ġejjin:
a) sistema ta’ sospensjoni: l-arranġamenti ta’ eżenzjonii mill-ipproċessar tad‑dħul li hemm provdut dwarhom fil-paragrafu 1(a);
[…]
ċ) operazzjonijiet ta’ l-ipproċessar:
– […]
– l-ipproċessar ta’ merkanzija;
[…]
d) prodotti li jikkumpensaw lil xulxin: il-prodotti kollha li jirriżultaw minn operazzjonijiet ta’ l-ipproċessar;
[…]”
Id-dritt nazzjonali
18 L-Artikolu 18(3) tal-Liġi dwar it-taxxi fuq it-tabakk (Tabaksteuergesetz, Bundesgesetzblatt, 1992, parti I, p. 2150) jipprovdi li, meta prodotti tat-tabakk ikunu ġew ikkunsinnati taħt is-sistema fiskali ta’ trasport intra-Komunitarju minn maħżen tat-taxxa, li jinsab fit-territorju fiskali, lejn maħżen tat-taxxa, destinatarju awtorizzat jew uffiċju tad-dwana tat-tluq fi Stat Membru ieħor u, meta l‑kunsinnatarju ma jipproduċix prova, fi żmien erba’ xhur mill-jum meta tibda l‑kunsinna, li l-imsemmija prodotti waslu fid-destinazzjoni, dawn jitqiesu li nħarġu mill-arranġament ta’ sospensjoni fit-territorju fiskali.
19 L-ewwel punt tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 ta’ din il-liġi jipprovdi li, għat‑tabakk maħdum li huwa suġġett għal proċedura doganali, id-dispożizzjonijiet doganali japplikaw b’analoġija għal meta t-taxxa ssir dovuta u estinta.
20 L-Artikolu 23(2) tar-regolament li jimplementa l-imsemmija liġi (Verordnung zur Duchführung des Tabaksteuergesetzes, Bundesgesetzblatt 1993, parti I, p. 1738) jippreċiża li l-Artikolu 21, imsemmi hawn fuq, ma japplikax għall-proċedura tal‑ipproċessar attiv li tissospendi d-dazji għall-finijiet tal-manifattura tat-tabakk maħdum.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
21 BAT timporta mill-Ġermanja, fil-kuntest tal-proċedura tal-ipproċessar attiv fil‑forma ta’ sistema ta’ sospensjoni, tabakk mhux ipproċessat li ġej minn pajjiż terz, li minnu timmanifattura tabakk maqtugħ.
22 Għal dan it-tabakk mhux ipproċessat, prodott li ma huwiex suġġett għad-dazju tas‑sisa, sa mill-1 ta’ Lulju 2002, BAT tgawdi minn awtorizzazzjoni waħdanija għall-finijiet tal-implementazzjoni tal-proċedura tal-ipproċessar attiv fil-forma ta’ sistema ta’ sospensjoni, li hija valida għall-Istati Membri kollha, mogħtija mill‑awtoritajiet doganali tar-Renju Unit. Din l-awtorizzazzjonij tippermettilha, għall-kunsinni mill-Ġermanja lejn Franza ta’ lottijiet ta’ tabakk maqtugħ, tuża d‑dokumenti tal-kunsinna tagħha (“IPR-Delivery Document”) minflok id‑dokument mehmuż, li huwa meħtieġ, bħala regola, skont l-Artikolu 18(1) tad‑Direttiva 92/12, fil-kuntest taċ-ċirkulazzjoni bejn l-Istati Membri ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa, taħt l-arranġament ta’ sospensjoni.
23 Matul ix-xhur ta’ Jannar u April 2003, BAT ikkunsinnat lottijiet ta’ tabakk maqtugħ mill-fabbrika tagħha fil-Ġermanja, lejn maħżen tat-taxxa ta’ kumpannija stabbilita fi Franza. Din tal-aħħar iċċertifikat li rċiviethom fuq id-dokumenti tal‑kunsinna msemmija hawn fuq, fejn kien hemm indikat li dawn kienu użati wkoll bħala d-dokumenti mehmuża.
24 Permezz tad-deċiżjonijiet tas-27 ta’ Mejju u tal-20 ta’ Awwissu 2003, l‑amministrazzjoni Ġermaniża talbet lil BAT tħallas id-dazji tas-sisa għal dawn il‑lottijiet ta’ tabakk, fl-ammont totali ta’ EUR 144 550, għar-raġuni li peress li ma pprovdietx id-dokument mehmuż, iċċertifikat mill-awtoritajiet doganali Franċiżi, din l-impriża ma kinitx uriet li l-imsemmija lottijiet kienu waslu fil-maħżen tat‑taxxa fi Franza.
25 Wara li l-ilmenti tagħha ġew miċħuda, BAT ressqet rikors quddiem il‑Finanzgericht München (qorti tal-finanzi ta’ München) kontra dawn id‑deċiżjonijiet.
26 Il-qorti tar-rinviju tqis li s-soluzzjoni tal-kawża quddiemha tinvolvi qabel kollox il-verifika ta’ jekk il-prodotti inkwistjoni jiċċirkulawx fil-kundizzjonijiet imsemmija fl-ewwel inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tad‑Direttiva 92/12, peress li f’din l-ipoteżi, l-Artikolu 18(4) ta’ din id-direttiva jippermetti, permezz ta’ deroga, li dawn jiċċirkulaw bejn Stati Membri mingħajr id-dokument mehmuż. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod partikolari, jekk prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa bħal dawk fil-kawża prinċipali, li ġew immanifatturati, fi Stat Memrbu taħt il-proċedura tal-ipproċessar attiv, minn prodotti li ma kinux suġġetti għad-dazju tas-sisa meta ġew importati fil-Komunità taħt l-imsemmija proċedura doganali, jistgħux jitqiesu li huma prodotti, suġġetti għad-dazju tas-sisa, li ġejjin minn pajjiż terz fis-sens tal-ewwel inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 92/12.
27 Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk, fl-ipoteżi li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l‑kundizzjonijiet imsemmija fl-ewwel inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 92/12 mhumiex sodisfatti, l-Artikolu 15(4) ta’ din id-direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li l-prova, li l-kunsinnatarju jkun irċieva l-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa, tista’ tiġi prodotta b’mezz differenti minn dak tad-dokument mehmuż.
28 F’dan il-kuntest, il-Finanzgericht München iddeċidiet li tissosspendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel, lill-Qorti tal-Ġustizzja, d-domandi li ġejjin:
“1) L-ewwel inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva tal‑Kunsill 92/12/KEE […] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prodotti mhux tal-Komunità suġġetti għad-dazju tas-sisa u sottomessi għall-proċedura tal‑ipproċessar attiv skont l-Artikolu 84(1)(a) ta[l-Kodiċi Doganali tal‑Komunità] għandhom jitqiesu li huma suġġetti għal arranġament ta’ sospensjoni anki jekk ġew immanifatturati, taħt proċedura tal-ipproċessar attiv, minn prodotti li fil-mument tal-importazzjoni ma kinux suġġetti għad‑dazju tas-sisa, b’tali mod li, skont il-ħmistax-il premessa tad‑Direttiva 92/12 […], mhuwiex neċessarju li, waqt id-dispaċċ [kunsinna] tagħhom, jintuża d-dokument mehmuż imsemmi fl-Artikolu 18(1) tad‑Direttiva 92/12 […]?
2) Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, [l‑]Artikolu 15(4) tad‑Direttiva 92/12 […] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prova li l‑kunsinnatarju jkun irċieva l-prodotti tista’ ssir b’mod differenti minn dak tad-dokument mehmuż imsemmi fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 92/12 […]?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
29 Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-ewwel inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 92/12 għandux jiġi interpretat fis-sens li prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa (bħat‑tabakk maħdum), immanifatturati minn prodotti li ma humiex suġġetti għad‑dazju tas-sisa (bħat-tabakk mhux ipproċessat), importati fil-Komunità taħt il‑proċedura tal-ipproċessar attiv, għandhom jitqiesu li huma suġġetti għal sospensjoni tad-dazju tas-sisa fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, minkejja li dawn ma sarux prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa ħlief bis-saħħa tal-ipproċessar tagħhom fit‑territorju tal-Komunità, b’tali mod li jistgħu jiċċirkulaw bejn Stati Membri mingħajr ma l-amministrazzjoni tkun tista’ titlob id-dokument amministrattiv jew kummerċjali previst fl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 92/12 (iktar ’il quddiem id‑“dokument mehmuż”).
30 Għandu jitfakkar li l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 92/12 jipprovdi li l‑prodotti kollha suġġetti għad-dazju tas-sisa li jiċċirkulaw taħt arranġamenti ta’ sospensjoni tad-dazju bejn l-Istati Membri għandhom ikollhom magħhom dokument mehmuż.
31 Madankollu, l-Artikolu 18(4) jelimina dan l-obbligu meta l-prodott jiċċirkula taħt il-kundizzjonijiet imsemmija fl-ewwel inċiż tal-ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 5(2) tal-istess direttiva.
32 L-ewwel inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 92/12 isemmi, b’mod partikolari, il-każ fejn il-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa jkunu ġejjin jew sejrin lejn pajjiż terz u jkunu taħt waħda mill-proċeduri sospensivi elenkati fl-Artikolu 84(1)(a) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità. F’din l‑ipoteżi, dan l-ewwel inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(2) jippreċiża li d-dazju tas-sisa fuq dawn il-prodotti għandu jitqies illi huwa sospiż.
33 Fil-kawża prinċipali ma huwiex ikkontestat, minn naħa, li l-prodott inkwistjoni huwa tabakk maħdum li huwa suġġett għad-dazju tas-sisa skont l-Artikolu 3 tad‑Direttiva 92/12 u, min-naħa l-oħra, li dan jiċċirkula taħt il-proċedura tal‑ipproċessar attiv fil-forma ta’ sistema ta’ sospensjoni msemmija fit-tielet inċiż tal-Artikolu 84(1)(a) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità.
34 Min-naħa l-oħra, l-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tinvolvi l‑evalwazzjoni ta’ jekk il-prodotti bħal dawk fil-kawża prinċipali għandhomx jitqiesu li huma prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa, li ġejjin jew sejrin lejn Stat Membru terz, fis-sens tal-ewwel inċiz tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 92/12, anki jekk daħlu f’din il-kategorija ta’ prodotti suġġetti għad‑dazju tas-sisa biss minħabba l-ipproċessar tagħhom fi Stat Membru.
35 F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest u l‑għanijiet tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (ara, b’mod partikolari, is‑sentenza tad-29 ta’ Jannar 2009, Petrosian et, C‑19/08, Ġabra p. I‑495, punt 34).
36 F’dan il-każ, il-kliem tal-ewwel inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 92/12 ma jagħtix indikazzjonijiet utli sabiex tingħata risposta għall‑ewwel domanda, b’tali mod li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-kuntest u l-għanijiet ta’ din id-direttiva, u b’mod partikolari, tal‑Artikolu 18(4) tagħha li, meta l-kundizzjonijiet elenkati fl-ewwel inċiż tal‑ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(2) huma sodisfatti, jelimina l‑obbligu tad‑dokument mehmuż.
37 F’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li l-għaxar premessa tad-Direttiva 92/12 tippreċiża li għalkemm l-għan ta’ din id-direttiva huwa li tevita li ċ-ċaqliq ta’ prodott minn Stat Membru għal ieħor jagħti lok għall-verifiki li jistgħu jostakolaw il-moviment ħieles intra-Komunitarju, għall-finijiet tal-ħlas ta’ dazju tas-sisa huwa madankollu meħtieġ li jkun magħruf iċ-ċaqliq tal-prodotti suġġetti għad-dazju tas‑sisa u dan jiġġustifika l-ħtieġa ta’ dokument mehmuż għal dawn il-prodotti. Il‑ħmistax-il premessa tipprovdi madankollu li tali rekwiżit ma huwiex iktar iġġustifikat meta dawn il-prodotti jiċċirkulaw taħt proċedura doganali tal‑Komunità bħalma hija l-proċedura tal-ipproċessar attiv fil-forma ta’ sistema ta’ sospensjoni.
38 Għaldaqstant, id-Direttiva 92/12 hija intiża li tillimita r-rekwiżit tad-dokument mehmuż għall-każijiet biss fejn din il-formalità hija verament neċessarja sabiex tiżgura l-monitoraġġ tal-moviment tal-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa u l‑osservanza tar-regoli li taħthom ikun dovut id-dazju.
39 Minn dan isegwi li permezz tar-riferiment, mill-Artikolu 18(4) tagħha, għad‑dispożizzjonijiet tal-ewwel inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(2), id-Direttiva 92/12 eżentat lill-kunsinnatarju mir-rekwiżit tad-dokument mehmuż, fil-każ fejn prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa jinsabu taħt proċedura doganali tal‑Komunità, peress li permezz tar-regoli tagħha nnifisha, sistema bħal din tippermetti li jiġi żgurat monitoraġġ tal-moviment tal-prodotti inkwistjoni, l-istess kif jippermetti d-dokument mehmuż, b’tali mod li jiżgura l-osservanza tar-regoli dwar il-ġbir tad-dazju tas-sisa.
40 F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex jiġi ddeterminat jekk prodotti bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 92/12 u jistgħux għaldaqstant jiċċirkulaw mingħajr dokument mehmuż għall-prodotti suġġetti għad-dazju tas‑sisa, hemm lok li jiġi vverifikat jekk il-qafas ġuridiku, applikabbli għal prodotti li joriġinaw barra mill-Komunità, li ma humiex suġġetti għad-dazju tas‑sisa, importati lejn il-Komunità taħt il-proċedura tal-ipproċessar attiv fil-forma ta’ sistema sospensiva, jiżgurax, fir-rigward tal-moviment taghom, monitoraġġ ekwivalenti għal dik li tirriżulta mir-rekwiżit tad-dokument mehmuż, fil-każ fejn l-ipproċessar li jkun sarilhom fit-territorju tal-Komunità jqegħdhom fil-kategorija ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa.
41 F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li l-obbligi relatati mal-proċedura tal‑ipproċessar attiv fil-forma ta’ sistema ta’ sospensjoni, li huma intiżi li jiżguraw il-monitoraġġ tal-prodotti suġġetti għal din il-proċedura doganali, japplikaw bl‑istess mod indipendentement mill-fatt jekk il-prodotti kkonċernati kinux diġà suġġetti għad-dazju tas-sisa meta ġew importati lejn il-Komunità taħt din il‑proċedura, jew jekk daħlux fil-kamp ta’ din it-taxxa biss wara li ġew immanifatturati fil-Komunità minn prodotti li ma kinux suġġetti għaliha u li kienu importati fl-Unjoni Ewropea taħt l-imsemmija proċedura.
42 Dan japplika, b’mod partikolari, fir-rigward tal-obbligi msemmija fl-Artikoli 59 u 64 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, li jitolbu dikjarazzjoni sabiex il‑merkanzija titqiegħed taħt il-proċedura doganali, li l-aċċettazzjoni tagħha tqajjem is-sorveljanza doganali.
43 Dan japplika wkoll għal dawk l-obbligi msemmija fl-Artikoli 85 sa 88 tal-istess kodiċi, li jitolbu awtorizzazzjoni sabiex tintuża l-proċedura doganali b’impatt ekonomiku u jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti li, f’din l-awtorizzazzjoni, jiddeterminaw il-kundizzjonjiet kollha rilevanti għal implementazzjoni korretta ta’ din il-proċedura, b’mod partikolari, għal dak li jirrigwarda l-“kondotta xierqa ta’ l‑operazzjonijiet”, is-sorveljanza u l-monitoraġġ tal-imsemmi proċedura u l-għoti ta’ garanziji.
44 Konsegwentement, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-ewwel inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(2) ma japplikax biss għal prodotti suġġetti għad-dazju tat-taxxa meta jkunu ġejjin minnn pajjiż terz, iżda wkoll għal prodotti, bħal dawk fil-kawża prinċipali, immanufatturati minn prodotti mhux Komunitarji, li ma humiex suġġetti għad-dazju tas-sisa u importati lejn il-Komunità fil-kuntest tal‑proċedura tal-ipproċessar attiv fil-forma ta’ sistema ta’ sospensjoni.
45 F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx iktar lok li jiġi ddeterminat jekk tali prodotti għandhomx ukoll jitqiesu li huma prodotti li sejrin lejn pajjiż terz, fis-sens tal‑ewwel inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 92/12.
46 Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l‑ewwel inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 92/12 għandu jiġi interpretat fis-sens li prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa (bħat-tabakk maħdum), immanifatturati minn prodotti li ma humiex suġġetti għad-dazju tas-sisa (bħat-tabakk mhux ipproċessat) importati fil-Komunità taħt il-proċedura tal‑ipproċessar attiv, għandhom jitqiesu li huma suġġetti għal sospensjoni tad‑dazju tas-sisa fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, minkejja li dawn ikun saru prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa biss bis-saħħa tal-ipproċessar tagħhom fit‑territorju tal-Komunità, b’tali mod li jistgħu jiċċirkulaw bejn Stati Membri mingħajr ma l‑amministrazzjoni tkun tista’ titlob id-dokument amministrattiv jew kummerċjali previst fl-Artikolu 18(1) ta’ din id-direttiva.
Fuq it-tieni domanda
47 Fid-dawl tar-risposta tal-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat‑tieni domanda.
Fuq l-ispejjeż
48 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-ewwel inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tad‑Direttiva tal‑Kunsill 92/12/KEE, tal-25 ta’ Frar 1992, dwar l‑arranġamenti ġenerali għall-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż‑żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodott, għandu jiġi interpretat fis-sens li prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa (bħat-tabakk maħdum), immanifatturati minn prodotti li ma humiex suġġetti għad-dazju tas-sisa (bħat-tabakk mhux ipproċessat) importati fil-Komunità taħt il‑proċedura tal-ipproċessar attiv, għandhom jitqiesu li huma suġġetti għal sospensjoni tad-dazju tas-sisa fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, minkejja li dawn ikunu saru prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa biss bis-saħħa tal‑ipproċessar tagħhom fit-territorju tal-Komunità, b’tali mod li jistgħu jiċċirkulaw bejn Stati Membri mingħajr ma l-amministrazzjoni tkun tista’ titlob id-dokument amministrattiv jew kummerċjali previst fl‑Artikolu 18(1) ta’ din id-direttiva.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.
Full & Egal Universal Law Academy