Kawża C‑583/08 P
Christos Gogos
vs
Il-Kummissjoni Ewropea
“Appell — Uffiċjali — Kompetizzjoni interna għal bidla minn kategorija għal oħra — Ħatra — Klassifikazzjoni fi grad — Artikolu 31(2) tar-Regolamenti tal-Persunal — Ġurisdizzjoni sħiħa — Kawża ta’ natura pekunjarja — Tul tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali — Terminu raġonevoli — Talba għal kumpens xieraq”
Sommarju tas-sentenza
1. Appell — Aggravji — Motiv ippreżentat għall-ewwel darba fil-kuntest tal-appell — Inammissibbiltà
(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 42(2), u Artikoli 113(2) u 118)
2. Appell — Aggravji — Motivazzjoni insuffiċjenti
(Artikolu 256 TFUE, Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikoli 36 u 53; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 81)
3. Appell — Aggravji — Obbligu tal-Qorti Ġenerali li tagħti kumpens pekunjarju ex officio — Punt ta’ liġi — Ammissibbiltà
4. Uffiċjali — Appelli — Ġurisdizzjoni sħiħa — Kawżi ta’ natura pekunjarja fis-sens tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal — Kunċett
(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91(1))
5. Uffiċjali — Appelli — Ġurisdizzjoni sħiħa — Possibbiltà li l-istituzzjoni konvenuta tiġi kkundannata ex officio għall-ħlas ta’ kumpens
(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91(1))
6. Proċedura — Tul tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali — Terminu raġonevoli — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Konsegwenzi
(Artikoli 268 TFUE u 340 TFUE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 113(1))
1. Id-dispożizzjonijiet tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 42(2) u tal-Artikolu 118 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja moqrija flimkien, illi jipprojbixxu li fl-istadju tal-appell jitressqu motivi ġodda, għandhom l-għan, b’konformità ma’ dak stipulat fl-Artikolu 113(2) tal-imsemmija Regoli tal-Proċedura, illi jevitaw illi l-appell ma jibdilx is-suġġett tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.
(ara l-punti 23, 24)
2. L‑obbligu ta’ motivazzjoni fuq il-Qorti Ġenerali ma jimponilhiex illi tipprovdi spjegazzjoni li jsegwi, b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed, ir‑raġunamenti kollha mogħtija mill‑partijiet fil‑kawża, u għaldaqstant il‑motivazzjoni tista’ tkun impliċita, bil‑kundizzjoni li tippermetti lill‑partijiet ikkonċernati jkunu jafu r‑raġunijiet għalfejn il‑Qorti Ġenerali ma laqgħetx l‑argumenti tagħhom u lill‑Qorti tal‑Ġustizzja jkollha elementi biżżejjed sabiex teżerċita l‑istħarriġ tagħha.
(ara l-punt 30)
3. Il-kwistjoni jekk il-Qorti Ġenerali kellhiex l-obbligu li tagħti kumpens pekunjarju ex officio lill-appellant hija kwistjoni ta’ dritt li tista’ tkun is-suġġett ta’ appell u l-ammissibbiltà tagħha ma għandhiex tkun suġġetta għall-kundizzjoni li dan tal-aħħar ikun ressaq talba għal kumpens fl-ewwel istanza. Fil-fatt, tali allegazzjoni, li essenzjalment tikkonsisti fi kritika illi l-Qorti Ġenerali interpretat ħażin il-portata tal-kompetenzi tagħha, ma tistax, minħabba n-natura tagħha stess, titqajjem fl-ewwel istanza.
(ara l-punti 41, 42)
4. It-tieni sentenza tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tagħti lill-Qorti Ġenerali, fil-kawżi ta’ natura pekunjarja, ġurisdizzjoni sħiħa li permezz tagħha hija għandha s-setgħa, jekk ikun hemm bżonn, li tikkundanna lill-konvenut ex officio sabiex iħallas kumpens għal dannu kkawżat minħabba tort tiegħu, u f’każ bħal dan, wara li tikkunsidra ċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża, tiddetermina d-dannu subit ex æquo et bono.
Il-kawżi għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà magħmula mill-uffiċjali kontra istituzzjoni, kif ukoll dawk l-azzjonijiet intiżi għall-ħlas minn naħa ta’ istituzzjoni lil uffiċjal ta’ ammont li huwa jqis li huwa dovut lilu bis‑saħħa tar-Regolamenti tal-Persunal jew ta’ att ieħor li jirregola r‑relazzjonijiet ta’ xogħol tagħhom huma, b’mod partikolari, “kawżi ta’ natura pekunjarja” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.
Anki rikors li permezz tiegħu uffiċjal jipprova jikseb l-annullament ta’ deċiżjoni li taffettwalu l-pożizzjoni tal-impjieg tiegħu, tista’ twassal għal kawża ta’ natura pekunjarja fis-sens tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.
B’mod partikolari, ir-rikors li permezz tiegħu uffiċjal jitlob lill-qrati jiddeċiedu dwar il-legalità tal-klassifikazzjoni tiegħu jagħti bidu għal kawża ta’ natura pekunjarja, peress illi d-deċiżjoni ta’ klassifikazzjoni meħuda mill-Awtorità tal-Ħatra ma għandhiex effett biss fuq il-karriera tal-uffiċjal ikkonċernat u fuq il-pożizzjoni personali tiegħu fi ħdan il-ġerarkija, iżda għandha wkoll konsegwenzi diretti fuq id-drittijiet ekonomiċi tiegħu, b’mod partikolari, fuq l-ammont tar-remunerazzjoni tiegħu dovut skont ir-Regolamenti tal-Persunal.
(ara l-punti 44-47))
5. Il-ġurisdizzjoni sħiħa mogħtija lill-qrati tal-Unjoni Ewropea permezz tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tikkonferilhom il-missjoni li jsibu soluzzjoni sħiħa fil-kawżi li jitressqu quddiemhom. Din il-ġurisdizzjoni hija intiża, b’mod partikolari, sabiex tippermetti lill-qrati tal-Unjoni jiżguraw l-effettività tas-sentenzi ta’ annullament mogħtija minnhom fil-kawżi tas-servizz pubbliku, b’tali mod illi jekk l-annullament ta’ deċiżjoni illegali tal-Awtorità tal-Ħatra ma jkunx biżżejjed sabiex jikkontribwixxi għall-implementazzjoni tad-drittijiet tal-uffiċjal inkwistjoni jew sabiex jiġu protetti l-interessi tiegħu b’mod effiċjenti, il-qrati tal-Unjoni jistgħu jagħtuh kumpens ex officio.
Barra minn hekk, il-ġurisdizzjoni sħiħa tippermetti wkoll lill-qrati tal-Unjoni, anki fil-każijiet fejn ma jiddeċidux li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, illi ex officio jikkundannaw lill-konvenut sabiex jikkumpensa d-dannu kkawżat tort tiegħu.
(ara l-punti 49-51)
6. Għalkemm in-nuqqas ta’ osservanza, mill-Qorti Ġenerali, ta’ terminu raġonevoli sabiex tingħata sentenza, jekk ipprovat, jista’ jagħti lok għal talba għad-danni permezz ta’ rikors ippreżentat mir-rikorrenti kontra l-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 268 TFUE u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 340 TFUE, l-Artikolu 113(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprovdi illi, fil-kuntest ta’ appell, it-talbiet tal-appellant għandhom isiru għall-annullament, totali jew parzjali, tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali, u, jekk ikun il-każ, sabiex tingħata deċiżjoni, totalment jew parzjalment, dwar it-talbiet imressqa fl-ewwel istanza.
Konsegwentement, fin-nuqqas ta’ kull indizju li t-tul tal-proċeduri kellu impatt fuq id-deċiżjoni tal-kawża, l-aggravju bbażat fuq l-allegazzjoni li l‑proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali qabżu r-rekwiżiti marbuta mar-rispett tat-terminu raġonevoli ma jistax, bħala regola ġenerali, iwassal għall-annullament tas-sentenza mogħtija minnha u għalhekk għandu jiġi ddikjarat inammissibbli.
(ara l-punti 56, 57)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
20 ta’ Mejju 2010 (*)
“Appell – Uffiċjali – Kompetizzjoni interna għal bidla minn kategorija għal oħra – Ħatra – Klassifikazzjoni fi grad – Artikolu 31(2) tar-Regolamenti tal-Persunal – Ġurisdizzjoni sħiħa – Kawża ta’ natura pekunjarja – Tul tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali – Terminu raġonevoli – Talba għal kumpens xieraq”
Fil-Kawża C‑583/08 P,
li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentat fit-22 ta’ Diċembru 2008,
Christos Gogos, uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea, residenti f’Waterloo (il‑Belġju), irrappreżentat minn N. Korogiannakis u P. Katsimani, avukati,
appellant,
il-parti l-oħra fil-kawża li hija:
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Currall, bħala aġent, assistit minn P. I. Anestis, avukat, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenuta fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn A. Tizzano, President ta’ Awla, E. Levits, A. Borg Barthet (Relatur), J.‑J. Kasel u M. Safjan, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Jannar 2010,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-4 ta’ Marzu 2010,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tal-appell tiegħu, C. Gogos jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej, illum il-Qorti Ġenerali, tal-15 ta’ Ottubru 2008, Gogos vs Il-Kummissjoni (T-66/04, Ġabra p. I‑00000, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha dik il-Qorti ċaħdet ir-rikors tiegħu għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej li tikklassifika lill-appellant fil-grad A 7, skala 3 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ klassifikazzjoni”), u tad-deċiżjoni tal-24 ta’ Novembru 2003, li ċaħdet l-ilment li kien ippreżenta fi ħdan l-Awtorità tal-Ħatra kontra d‑deċiżjoni ta’ klassifikazzjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni dwar l-ilment”).
Il-kuntest ġuridiku
2 L-Artikolu 31 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej, fil-verżjoni tagħhom applikabbli fid-data tal-fatti li taw lok għal din il-kawża (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), kien jipprovdi hekk:
“1. Il-kandidati [...] għandhom ikunu maħtura kif ġej:
– uffiċjali fil-Kategorija A [...]: għall-grad tal-bidu tal-kategorija [...] tagħhom
2. Madankollu, l-awtorità tal-ħatra tista’ tagħmel eċċezzjonijiet għad-disposizzjonijiet [fil-paragrafu 1] fil-limiti li ġejjin:
[...]
b) dwar gradi oħra [minbarra l-gradi A 1, A 2, A 3 u LA 3]:
– sa terz tal-ħatriet għall-postijiet li jsiru battala
– sa nofs il-ħatriet għal postijiet maħluqa ġodda
[...]”
3 L-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 32 tar-Regolamenti tal-Persunal kienu jipprovdu hekk:
“Uffiċjal jista’ jkun reklutat fl-ewwel skala tal-grad tiegħu.
Madankollu, l-awtorità tal-ħatra tista’, wara li tikkunsidra t-taħriġ u l-esperjenza speċjali għall-post tal-persuna kkonċernata, tippermetti senjorita’ [anzjanità] addizzjonali fil-grad tiegħu; dan m’għandux jaqbeż 72 xahar fil-gradi A 1 sa A 4, LA 3 u LA 4 u 48 xahar fi gradi oħra.”
4 L-Artikolu 45(2) tar-Regolamenti tal-Persunal kien jipprovdi hekk:
“Uffiċjal jista’ jkun trasferit minn servizz wieħed għal ieħor jew promoss minn kategorija waħda għal oħra biss fuq il-bażi ta’ kompetizzjoni.”
5 Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 46 tar-Regolamenti tal-Persunal:
“Uffiċjal maħtur għal grad ogħla għandu, fil-grad il-ġdid tiegħu, jkollu s-senjorita’ [anzjanità] li tikkorrospondi ma’ l-iskala nozjonali daqs jew ta’ fuq l-iskala nozjonali li laħaq fil-grad ta’ qabel tiegħu, bl-addizzjoni [flimkien ma]l-ammont taż-żieda tas-sentejn għall-grad il-ġdid tiegħu.”
6 L-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal kien jipprovdi:
“Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej għandu jkollu ġurisdizzjoni f’kull tilwima bejn il-Komunitajiet u kull persuna li għaliha japplikaw dawn ir‑Regolamenti tal-Persunal dwar il-legalità ta’ att li jaffettwa ħażin lit-tali persuna fis-sens ta’ l-Artikolu 90(2). F’tilwim ta’ karattru finanzjarju, il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollu ġurisdizzjoni mingħajr limitu.”
Il-fatti li wasslu għall-kawża
7 Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew spjegati fis-sentenza appellata bil-mod li ġej:
“4 Christos Gogos, li kien ilu fis-servizz tal-Komunitajiet Ewropej sa mill-1981, ġie reklutat mill-Kummissjoni fl-1 ta’ Ottubru 1996 bħala uffiċjal tal-kategorija B, grad 5, skala 1.
5 Fl-1997, ir-rikorrent ipparteċipa fil-kompetizzjoni interna COM/A/17/96 sabiex impjiegi tal-karriera A 7/A 6 jiġu promossi mill-kategorija B għall-kategorija A. It-taqsima “Kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà għall-kompetizzjoni” kienet tindika li għal din il-kompetizzjoni setgħu japplikaw l-uffiċjali u l-membri tal-persunal temporanju li kienu kklassifikati f’wieħed mill-gradi tal-kategorija B u li kellhom tal-inqas seba’ snin ta’ anzjanità ta’ servizz f’din il-kategorija. Taħt it-taqsima “Kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ” kien speċifikat illi l-ħatra kienet se ssir skont il-grad ta’ bażi tal-karriera.
6 Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Diċembru 1997, il-President tal-Bord tal-Għażla informa lir-rikorrent dwar id-deċiżjoni li ma jiġix inkluż fil-lista ta’ kandidati xierqa minħabba li l-marka tiegħu fl-eżami orali kienet ta’ 24 minn 50, filwaqt li l-minimu rikjest kien ta’ 25.
7 Wara r-rikors ippreżentat mir-rikorrent, il-Qorti Ġenerali, permezz ta’ sentenza tat-23 ta’ Marzu 2000, Gogos vs Il-Kummissjoni (T‑95/98, ĠabraSP p. I‑A‑51 u II‑219), annullat l-imsemmija deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla, b’mod partikolari għaliex dan ma kienx f’pożizzjoni illi jiżgura trattament ugwali tal-kandidati kollha matul l-eżamijiet orali tal-kompetizzjoni kkontestata.
8 Konsegwentement, il-Kummissjoni sejħet lir-rikorrent għal eżami orali ieħor fil-25 ta’ Settembru 2000. Peress illi r-rikorrent weħel minn dan l-eżami, huwa ppreżenta rikors ġdid quddiem il-Qorti Ġenerali, irreġistrat bin-numru tal-kawża T‑97/01. Wara ftehim bonarju bejn il-partijiet, il-Kummissjoni ntrabtet illi, b’mod eċċezzjonali u għall-benefiċċju biss tar-rikorrent, ittawwal il-proċedura tal-għażla COM/A/17/96 (ara d-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Ottubru 2002, Gogos vs Il-Kummissjoni, T‑97/01, mhux ippubblikat fil-Ġabra). Ir-rikorrent għalhekk mar għat-tielet eżami orali li sar fit-8 ta’ Novembru 2002.
9 Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Novembru 2002, il-Kummissjoni informat lir-rikorrent illi kien għadda minn dan l-eżami u li ismu kien ġie inkluż fil-lista ta’ kandidati xierqa tal-kompetizzjoni COM/A/17/96.
10 Sussegwentement, ir-rikorrent inħatar uffiċjal b’effett mill-1 ta’ April 2003 u ġie assenjat mad-Direttorat Ġenerali tal-Politika Reġjonali, jiġifieri fejn kien ilu jaħdem minn meta ġie reklutat bħala uffiċjal tal-kategorija B fl-1986.
11 Fil-31 ta’ Marzu 2003, ir-rikorrent ġie informat bid-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra li huwa ġie kklassifikat fil-grad A, skala 3, b’effett mill-1 ta’ April 2003.
12 Skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, fit-30 ta’ Ġunju 2003, ir-rikorrent ressaq ilment kontra d-deċiżjoni ta’ klassifikazzjoni. Insostenn tal-ilment tiegħu, huwa invoka l-ksur tal-Artikoli 31 u 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, tal-Artikolu 233 KE, tal-prinċipju ta’ trattament ugwali u tal-ftehim bonarju li sar bejn il-partijiet fil-kuntest tal-Kawża T‑97/01. Huwa sostna li s-suċċess tiegħu fil-kompetizzjoni inkwistjoni kellu jmur lura għall-mument tal-ewwel eżami orali tiegħu, jiġifieri l-15 ta’ Diċembru 1997, peress li l-proċedura tal-kompetizzjoni kienet infetħet mill-ġdid għall-benefiċċju tiegħu. Fl-aħħar nett, huwa sostna illi, fid-dawl tal-esperjenza professjonali tiegħu rilevanti fir-rigward tal-profil pjuttost diffiċli li tiltaqa’ miegħu bħal dak tiegħu, huwa kellu jiġi kklassifikat fil-grad A 6, b’effett mid-data tal-1 ta’ Jannar 2002, minħabba l-fatt li l-ewwel promozzjonijiet tal-kandidati magħżula tal-kompetizzjoni interna COM/A/17/96 fil-grad A 6 kienu diġà saru fl-1 ta’ Jannar 2001 u li l-parti l-kbira tagħhom kienu diġà kisbu dan il-grad fl-2003.
13 Dan l-ilment ġie miċħud bid-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tal-24 ta’ Novembru 2003. Skont din id-deċiżjoni, l-Artikolu 31(2) tar-Regolamenti tal-Persunal ma japplikax f’din il-kawża, peress li jikkonċerna biss l-uffiċjali l-ġodda. Għalhekk ma setax jiġi applikat għar-rikorrent li kien diġà uffiċjal tal-kategorija B. Fi kwalunkwe każ, il-fajl tiegħu ma kien fih xejn eċċezzjonali fir-rigward tal-ħames kriterji użati sabiex issir il‑klassifikazzjoni fid-dħul fis-servizz ta’ kull uffiċjal, il-profil universitarju, it-tul u l-kwalità tal-esperjenza professjonali, ir-rilevanza tal-esperjenza professjonali meta mqabbla mal-post okkupat u l-partikolarità tal-profil professjonali fis-suq tax-xogħol. Min-naħa l-oħra, l-Awtorità tal-Ħatra kkunsidrat illi l-kalkolu tal-grad u tal-iskala tar-rikorrent kienu saru korrettament skont l-Artikolu 46 tar-Regolamenti tal-Persunal.”
Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
8 Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Frar 2004, C. Gogos talab l-annullament tad-deċiżjoni ta’ klassifikazzjoni u tad-deċiżjoni dwar l-ilment, kif ukoll li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż jew, fin-nuqqas, li kull parti tiġi kkundannata għall-ħlas tal-ispejjeż tagħha.
9 Insostenn tar-rikors tiegħu, l-appellant invoka, prinċiparjament, il-ksur tal-Artikolu 31(2) tar-Regolamenti tal-Persunal. Barra minn hekk sostna illi, billi ċaħditlu l-benefiċċju ta’ din id-dispożizzjoni, l-Awtorità tal-Ħatra, konsegwentement, kisret ukoll l-Artikolu 233 KE u l-prinċipji ta’ trattament ugwali, ta’ ekwità, ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ aspettattivi leġittimi tal-karriera.
10 Il-Qorti Ġenerali, l-ewwel nett irrilevat, fil-punt 30 tas-sentenza appellata, illi, minkejja illi interpretazzjoni litterali tal-Artikoli 45(2) u 31(1) u (2) tar-Regolamenti tal-Persunal ma tipprjobixxix illi uffiċjal jiġi maħtur fi grad ogħla tal-karriera, skont l-imsemmi Artikolu 31(2), meta huwa jgħaddi minn kompetizzjoni interna sabiex jiġi promoss f’kategorija superjuri, l-istruttura u l‑għan ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludu dan. Minn dan il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 35 tal-istess sentenza, illi din l-aħħar dispożizzjoni ma kinitx applikabbli għas-sitwazzjoni tar-rikorrent.
11 Fil-punt 36 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali sussegwentement ikkunsidrat illi, anki kieku l-imsemmija dispożizzjoni kienet applikabbli fil-każ inkwistjoni, ma kinitx tfisser illi r-rikorrent kellu dritt li jiġi kklassifikat fil-grad A 6. Fil-fatt, fil-punt 41 tal-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet illi l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, fil-qafas stabbilit bl-Artikolu 31 tar-Regolamenti tal-Persunal, kemm sabiex teżamina jekk il-pożizzjoni vakanti tirrikjedix ir-reklutaġġ ta’ persuna partikolarment ikkwalifikata jew jekk din tal-aħħar għandhiex kwalifiki eċċezzjonali, kif ukoll sabiex teżamina l-konsegwenzi ta’ dawn il-konstatazzjonijiet. Minn dan, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 42 tal-imsemmija sentenza, illi hija ma għandhiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha minflok dik tal-Awtorità tal-Ħatra u għalhekk għandha tillimita ruħha sabiex tivverifika jekk kienx hemm ksur ta’ forom proċedurali sostanzjali, jekk l‑Awtorità tal-Ħatra bbażatx id-deċiżjoni tagħha fuq fatti materjali ineżatti jew inkompleti jew jekk id-deċiżjoni tagħha kinitx ivvizzjata minn abbuż ta’ poter, żball manifest ta’ evalwazzjoni jew nuqqas ta’ motivazzjoni.
12 Wara li rrilevat illi r-rikorrent ma pproduċa l-ebda prova li tippermetti li jiġi kkunsidrat li dan kien il-każ, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 44 tas-sentenza appellata, ikkonkludiet illi l-irregolaritajiet illi r-rikorrent jakkuża lill-Kummissjoni li wettqet waqt ir-reklutaġġ tiegħu, kemm jekk jirrigwardaw il-ksur tal-Artikolu 233 KE jew tal-prinċipji ta’ trattament ugwali, ta’ ekwità, ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ aspettattivi leġittimi tal-karriera, ma humiex tali li għandhom effett fuq il-legalità nnifisha tad-deċiżjoni ta’ klassifikazzjoni kkontestata mir-rikorrent.
13 Barra minn hekk, fil-punt 45 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat illi peress illi l-evalwazzjoni tan-natura eċċezzjonali tal-kwalifiki ta’ uffiċjal li għadu kemm ġie reklutat ma tistax issir b’mod astratt, iżda għandha ssir fir-rigward tal-pożizzjoni li għaliha sar ir-reklutaġġ, hija għandha natura każwistika li tipprekludi lir-rikorrent milli jkun jista’ jinvoka b’mod effettiv ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.
14 Fl-aħħar nett, fil-punt 47 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet illi, anki jekk l-organizzazzjoni ta’ eżami ġdid orali għar-rikorrent seta’ kellha l‑konsegwenza li tittardja l-mument illi fih huwa seta’ jiġi promoss għall-kategorija A, kif ukoll il-mument meta huwa akkwista l-minimu ta’ anzjanità ta’ sentejn fil-grad A 7 kif rikjest sabiex ikun jista’ jiġi promoss għall-grad A 6 skont l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, biex eventwalment jiġi mċaħħad mill-opportunità li jiġi reklutat preċedentement fil-kategorija A u li jiġi kkunsidrat għall-proċeduri ta’ promozzjoni sussegwenti, ir-rikorrent ma ressaqx talba għal kumpens pekunjarju f’dan is-sens quddiem il-Qorti Ġenerali.
15 Wara li kkonstatat illi din il-kawża saret minħabba l-aġir tal-Kummissjoni, li wassal għan-neċessità li jiġu organizzati tliet eżamijiet orali għar-rikorrent, il‑Qorti Ġenerali, abbażi tal-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, ikkundannat lill-Kummissjoni sabiex tħallas l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tar-rikorrent.
It-talbiet tal-partijiet
16 L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tannulla s-sentenza appellata;
– tannulla d-deċiżjoni ta’ klassifikazzjoni kif ukoll id-deċiżjoni dwar l-ilment;
– teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha sabiex l-appellant jingħata s-somma ta’ EUR 538 121.79 bħala kumpens għad-dannu ekonomiku dovut għall-aġir illegali tal-Kummissjoni, kif jirriżulta mid-deċiżjoni ta’ klassifikazzjoni, dannu li r-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal żiedet l-effetti tiegħu għal tul il-ħajja kollha tal-appellant;
– tagħtih is-somma ta’ EUR 50 000 bħala kumpens għad-danni minħabba dewmien fl-għoti tas-sentenza tal-qorti tal-ewwel istanza;
– tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż illi huwa għamel fil-proċeduri tal-ewwel istanza u tal-appell.
17 Il-Kummissjoni titlob li kemm l-appell kif ukoll it-talba għad-danni tal-appellant ibbażata fuq it-tul eċċessiv tal-proċeduri jiġu miċħuda, u li l-appellant jiġi kkundannat għall-ispejjeż.
Fuq l-appell
18 Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka żewġ aggravji bbażati, l-ewwel wieħed, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata u, it-tieni wieħed, fuq żball ta’ liġi kommess mill-Qorti Ġenerali meta ma użatx il-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha sabiex tagħtih kumpens ex officio għad-dannu li sofra fil-karriera tiegħu. Barra minn hekk huwa jitlob kumpens minħabba t-tul eċċessiv tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali.
Fuq l-ewwel aggravju
L-argumenti tal-partijiet
19 Permezz tal-ewwel aggravju tiegħu, l-appellant jikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma eżaminatx ħamsa mis-sitt motivi ta’ annullament li huwa invoka quddiemha u li għalhekk ma mmotivatx biżżejjed iċ-ċaħda tar-rikors tiegħu kontra d-deċiżjoni ta’ klassifikazzjoni kif ukoll kontra d-deċiżjoni dwar l-ilment.
20 Huwa jikkritika b’mod partikolari lill-Qorti Ġenerali illi ċaħdet mingħajr motivazzjoni u abbażi ta’ raġunament totalment arbitarju, il-motivi ta’ annullament ibbażati fuq ksur tal-Artikolu 233 KE, tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, ta’ ekwità, ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ aspettattivi leġittimi tal-karriera, rispettivament.
21 Barra minn hekk, l-appellant isostni illi l-Qorti Ġenerali kienet obbligata teżamina l-motiv ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-prinċipju ta’ trattament ugwali b’mod awtonomu, mingħajr ma tali eżami ma jkun suġġett għall-verifika tal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 31(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.
22 Il-Kummissjoni ssostni illi dan l-aggravju huwa inammissibbli. Fl-opinjoni tagħha, C. Gogos, fl-ewwel istanza, ressaq motiv wieħed biss ta’ annullament, ibbażat esklużivament fuq il-ksur tal-Artikolu 31(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, u li rrefera għad-dispożizzjonijiet u għall-prinċipji l-oħra biss b’mod inċidentali. Billi jipprova jibdel, fl-istadju tal-appell, dawn l-argumenti addizzjonali f’motivi ta’ annullament separati, l-appellant fil-verità jkun qed iqajjem motivi ġodda.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
– Fuq l-ammissibbiltà
23 Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar, kif jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 42(2) u tal-Artikolu 118 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja moqrija flimkien, illi fl-istadju tal-appell ma jista’ jitressaq ebda motiv ġdid.
24 Madankollu, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 33 tal-konklużjonijiet tagħha, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom l-għan, b’konformità ma’ dak stipulat fl-Artikolu 113(2) tal-imsemmija Regoli tal-Proċedura, illi jevitaw illi l-appell ma jibdilx is-suġġett tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, is‑sentenzi tal-1 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs Brazzelli Lualdi et, C‑136/92 P, Ġabra p. I‑1981, punti 57 sa 59; tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 165; tat-18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il-Kunsill, C‑229/05 P, Ġabra p. I‑439, punt 66, u tat-2 ta’ April 2009, France Télécom vs Il-Kummissjoni, C‑202/07 P, Ġabra p. I‑2369, punt 60).
25 F’din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 34 tal-konklużjonijiet tagħha, li C Gogos, fir-rikors tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali, iddedika parti sostanzjali mir-rikors għall-Artikolu 233 KE u għall-prinċipji ta’ trattament ugwali, ta’ ekwità, ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ aspettattivi leġittimi tal-karriera.
26 Fil-kuntest tal-appell tiegħu, huwa jikkritika illi fis-sentenza appellata ma ġewx ikkunsidrati biżżejjed partijiet essenzjali tal-argumenti illi huwa żviluppa fl-ewwel istanza u jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tivverifika jekk il-Qorti Ġenerali eżaminatx il-provi prodotti quddiemha b’mod tali li jiġu osservati r-rekwiżiti legali ta’ motivazzjoni ta’ sentenza.
27 Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat illi l-ewwel aggravju ta’ appell ma għandux l-effett li jadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’kawża li s-suġġett tagħha huwa aktar wiesa’ minn kif kien ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali.
28 Għaldaqstant, l-imsemmi aggravju għandu jiġi kkunsidrat bħala ammissibbli.
– Fuq il-mertu
29 Għandu jiġi mfakkar illi l-aggravju bbażat fuq in-nuqqas ta’ risposta tal-Qorti Ġenerali għal motiv imqajjem fl-ewwel istanza essenzjalment iwassal sabiex jitqajjem ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni li jirriżulta mill-Artikoli 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea bis-saħħa tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53 tal-istess Statut u tal-Artikolu 81 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza (ara, f’dan is‑sens, is-sentenzi tal-1 ta’ Ottubru 1991, Vidrányi vs Il-Kummissjoni, C‑283/90 P, Ġabra p. I‑4339, punt 29, u tal-11 ta’ Settembru 2003, Il-Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑197/99 P, Ġabra p. I‑8461, punt 80 moqri flimkien mal-punt 83).
30 Skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l-Qorti Ġenerali ma jobbligahiex li tipprovdi spjegazzjoni li ssegwi, b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed, ir-raġunamenti kollha mqajma mill-partijiet fil-kawża u li l‑motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali tista’ għalhekk tkun impliċita bil-kundizzjoni li tkun tippermetti lill-partijiet ikkonċernati li jkunu jafu r-raġunijiet għalfejn il-Qorti Ġenerali ma laqgħetx l‑argumenti tagħhom u lill-Qorti tal-Ġustizzja li jkollha elementi biżżejjed sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi tad-9 ta’ Ottubru 2008, Chetcuti vs Il-Kummissjoni, C‑16/07 P, Ġabra p. I‑7469, punt 87, u tas-16 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs Schneider Electric, C‑440/07 P, Ġabra p. I‑6413, punt 135).
31 F’din il-kawża, mis-sentenza appellata jirriżulta b’mod ċar illi l-Qorti Ġenerali rrispondiet l-argumenti tal-appellant illi, meta ċaħditlu l-benefiċċju tal-Artikolu 31(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Kummissjoni, konsegwentement, kienet kisret l-Artikolu 233 KE u l-prinċipji ta’ trattament ugwali, ta’ ekwità, ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ aspettattivi leġittimi tal-karriera.
32 Fil-fatt, wara li ċaħdet l-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 31(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 44 tas-sentenza appellata, irrilevat illi, bħala konsegwenza “l-irregolaritajiet illi r-rikorrent jakkuża lill-Kummissjoni li wettqet waqt ir-reklutaġġ tiegħu, kemm jekk jirrigwardaw il-ksur tal-Artikolu 233 KE jew tal-prinċipji ta’ trattament ugwali, ta’ ekwità, ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ aspettattivi leġittimi tal-karriera, ma humiex tali li għandhom effett fuq il-legalità nnifisha tad-deċiżjoni ta’ klassifikazzjoni fi grad ikkontestata mir-rikorrent.”
33 Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat illi mill-motivi tas-sentenza appellata jirriżulta illi l-Qorti Ġenerali ma aċċettatx l-ilmenti inkwistjoni għall-istess raġunijiet li għalihom hija bbażat ruħha sabiex tiċħad il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 31(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.
34 Fir-rigward tal-argument tal-appellant illi l-Qorti Ġenerali kienet obbligata teżamina l-prinċipju ta’ trattament ugwali b’mod awtonomu, għandu jiġi rrilevat illi, fil-punti 45 u 46 tas-sentenza appellata, ir-raġunijiet li għalihom l-imsemmija qorti kkunsidrat li dan il-prinċipju ma jippermettiex illi r-rikorrent jiġi kklassifikat fi grad ogħla tal-karriera ġew spjegati b’mod ċar.
35 Il-fatt li l-Qorti Ġenerali, fil-mertu, waslet għall-konklużjoni differenti minn dik tar-rikorrent, ma jistax, fih innifsu, jivvizzja s-sentenza appellata minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni (sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il‑Kummissjoni, C‑362/05 P, Ġabra p. I‑4333, punt 80).
36 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż illi l‑motivazzjoni tas-sentenza appellata tippermetti, b’mod suffiċjenti skont il-liġi, li jintgħarfu r-raġunijiet li għalihom il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ilmenti mqajma mill-appellant fl-ewwel istanza.
37 Għaldaqstant, l-ewwel aggravju invokat mill-appellant insostenn tal-appell tiegħu għandu jiġi miċħud bħala infondat.
Fuq it-tieni aggravju
L-argumenti tal-partijiet
38 Permezz tat-tieni aggravju tiegħu, l-appellant jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ma użatx il-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha illi hija għandha fil-kawżi ta’ natura pekunjarja sabiex tagħtih kumpens ex officio.
39 L-appellant jikkontesta b’mod partikolari l-punt 47 tas-sentenza appellata, li fih il‑Qorti Ġenerali essenzjalment iddeċidiet illi, anki jekk l-organizzazzjoni ta’ eżami ġdid orali seta’ kellha l-konsegwenza li ttelfu l-opportunità li jinħatar iktar qabel fil-kategorija A u, konsegwentement, li jibbenefika iktar malajr minn promozzjoni f’din il-karriera ġdida, huwa xorta ma ressaqx talba għal kumpens pekunjarju f’dan is-sens quddiem il-Qorti Ġenerali.
40 Il-Kummissjoni ssostni illi dan l-aggravju huwa inammissibbli inkwantu tqajjem għall-ewwel darba fil-kuntest tal-appell. Hija żżid illi, fi kwalunkwe każ, f’din il‑kawża ma kien hemm l-ebda raġuni sabiex l-appellant jingħata kumpens u, għaldaqstant, l-ebda bażi sabiex il-Qorti Ġenerali teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha fil-kawżi ta’ natura pekunjarja.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
– Fuq l-ammissibbiltà
41 Kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tagħha, il-kwistjoni jekk il-Qorti Ġenerali kellhiex l-obbligu li tagħti kumpens pekunjarju ex officio lill-appellant hija kwistjoni ta’ dritt li tista’ tkun is-suġġett ta’ appell u l‑ammissibbiltà tagħha ma għandhiex tkun suġġetta għall-kundizzjoni li dan tal-aħħar ikun ressaq talba għal kumpens fl-ewwel istanza.
42 Fil-fatt, tali allegazzjoni, li essenzjalment tikkonsisti fi kritika illi l-Qorti Ġenerali interpretat ħażin il-portata tal-kompetenzi tagħha, ma tistax, minħabba n-natura tagħha stess, titqajjem fl-ewwel istanza, u għalhekk l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda.
43 It-tieni aggravju mqajjem mill-appellant insostenn tal-appell tiegħu għalhekk għandu jiġi ddikjarat bħala ammissibbli.
– Fuq il-mertu
44 Skont ġurisprudenza stabbilita, it-tieni sentenza tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tagħti lill-Qorti Ġenerali, fil-kawżi ta’ natura pekunjarja, ġurisdizzjoni sħiħa li permezz tagħha hija għandha s-setgħa, jekk ikun hemm bżonn, li tikkundanna lill-konvenut ex officio sabiex iħallas kumpens għal dannu kkawżat minħabba tort tiegħu, u f’każ bħal dan, wara li tikkunsidra ċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża, tiddetermina d-dannu subit ex æquo et bono (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 1980, Oberthür vs Il-Kummissjoni, 24/79, Ġabra p. 1743, punt 14; tas-27 ta’ Ottubru 1987, Houyoux u Guery vs Il‑Kummissjoni, 176/86 u 177/86, Ġabra p. 4333, punt 16; tas-17 ta’ April 1997, de Compte vs Il-Parlament, C‑90/95 P, Ġabra p. I‑1999, punt 45, u tal-21 ta’ Frar 2008, Il-Kummissjoni vs Girardot, C‑348/06 P, Ġabra p. I‑833, punt 58).
45 Il-kawżi għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà magħmula mill-uffiċjali kontra istituzzjoni, kif ukoll dawk l-azzjonijiet intiżi għall-ħlas minn naħa ta’ istituzzjoni lil uffiċjal ta’ ammont li huwa jqis li huwa dovut lilu bis-saħħa tar-Regolamenti tal-Persunal jew ta’ att ieħor li jirregola r-relazzjonijiet ta’ xogħol tagħhom huma, b’mod partikolari, “kawżi ta’ natura pekunjarja” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (ara s-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, Weißenfels vs Il-Parlament, C‑135/06 P, Ġabra p. I‑12041, punt 65).
46 Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, anki rikors li permezz tiegħu uffiċjal jipprova jikseb l-annullament ta’ deċiżjoni li taffettwalu l-pożizzjoni tal-impjieg tiegħu, tista’ twassal għal kawża ta’ natura pekunjarja fis-sens tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Oberthür vs Il-Kummissjoni, punt 14, u Houyoux u Guery vs Il-Kummissjoni, punt 16 moqri flimkien mal-punt 1).
47 B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet illi r-rikors li permezz tiegħu uffiċjal jitlob lill-qrati jiddeċiedu dwar il-legalità tal-klassifikazzjoni tiegħu jagħti bidu għal kawża ta’ natura pekunjarja (sentenza tat-8 ta’ Lulju 1965, Krawczynski vs Il-Kummissjoni, 83/63, Ġabra p. 773, 786). Kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 58 tal-konklużjonijet tagħha, din il-konklużjoni hija bbażata fuq il-premessa illi d-deċiżjoni ta’ klassifikazzjoni meħuda mill-Awtorità tal-Ħatra ma għandhiex effett biss fuq il-karriera tal-uffiċjal ikkonċernat u fuq il-pożizzjoni personali tiegħu fi ħdan il-ġerarkija, iżda għandha wkoll konsegwenzi diretti fuq id-drittijiet ekonomiċi tiegħu, b’mod partikolari, fuq l-ammont tar-remunerazzjoni tiegħu skont ir-Regolamenti tal-Persunal.
48 Minn dan jirriżulta illi r-rikors ippreżentat fl-ewwel istanza minn C. Gogos kellu natura pekunjarja fis-sens tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal. Għaldaqstant, f’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali kellha ġurisdizzjoni sħiħa.
49 Il-ġurisdizzjoni sħiħa mogħtija lill-qrati tal-Unjoni permezz tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tikkonferilhom il-missjoni li jsibu soluzzjoni sħiħa fil-kawżi li jitressqu quddiemha (sentenzi Weißenfels vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punt 67, u tas-17 ta’ Diċembru 2009, Réexamen M vs EMEA, C‑197/09 RX-II, Ġabra p. I‑00000, punt 56).
50 Kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 66 tal-konklużjonijiet tagħha, din il‑ġurisdizzjoni hija intiża, b’mod partikolari, sabiex tippermetti lill-qrati tal-Unjoni li jiżguraw l-effettività tas-sentenzi ta’ annullament mogħtija minnhom fil-kawżi tas-servizz pubbliku, b’tali mod illi jekk l-annullament ta’ deċiżjoni illegali tal-Awtorità tal-Ħatra ma jkunx biżżejjed sabiex jikkontribwixxi għall-implementazzjoni tad-drittijiet tal-uffiċjal inkwistjoni jew sabiex jiġu protetti l‑interessi tiegħu b’mod effiċjenti, il-qrati tal-Unjoni jistgħu jagħtuh kumpens ex officio.
51 Għalkemm huwa veru illi f’din il-kawża l-Qorti Ġenerali kkonkludiet illi d-deċiżjoni ta’ klassifikazzjoni u d-deċiżjoni dwar l-ilment ma humiex ivvizzjati bi żball ta’ liġi, għandu jiġi mfakkar illi, kif ġie indikat fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, il‑ġurisdizzjoni sħiħa tippermetti wkoll lill-qrati tal-Unjoni, anki fil-każijiet fejn ma jiddeċidux li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, illi ex officio jikkundannaw lill-konvenut sabiex jikkumpensa d-dannu kkawżat tort tiegħu.
52 Madankollu, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punti 68 u 75 tal-konklużjonijiet tagħha, għandu jiġi kkonstatat illi, f’din il-kawża, id-dannu subit minn C. Gogos fir-rigward tar-remunerazzjoni tiegħu u tal-karriera tiegħu ma ġiex ikkawżat bid-deċiżjoni ta’ klassifikazzjoni u lanqas bid-deċiżjoni dwar l-ilment, iżda minħabba żbalji ta’ liġi kommessi mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ kompetizzjoni, żbalji illi C. Gogos ma nsistiex dwarhom fil-kuntest ta’ dawn il‑proċeduri.
53 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ġustament ma użatx il-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, u għalhekk it-tieni aggravju mqajjem mill-appellant insostenn tal-appell tiegħu għandu wkoll jiġi miċħud bħala infondat.
Fuq it-talba ta’ kumpens minħabba t-tul eċċessiv tal-proċeduri quddiem il‑Qorti Ġenerali
L-argumenti tal-partijiet
54 L-appellant jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħtih is-somma ta’ EUR 50 000 bħala kumpens minħabba t-tul eċċessiv tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali.
55 Il-Kummissjoni ssostni illi din hija talba ġdida, imqajma l-ewwel darba fl-istadju tal-appell, u għalhekk għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli. Hija żżid illi din it-talba, fi kwalunkwe każ, hija manifestament infondata.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
56 F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar illi, għalkemm in-nuqqas ta’ osservanza, mill-Qorti Ġenerali, ta’ terminu raġonevoli sabiex tingħata sentenza mill-Qorti Ġenerali, jekk ipprovat, jista’ jagħti lok għal talba għad-danni permezz ta’ rikors ippreżentat mir-rikorrenti kontra l-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 268 TFUE u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 340 TFUE (sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Der Grüne Punkt – Duales System Deutschland vs Il-Kummissjoni, C‑385/07 P, Ġabra p. I‑6155, punt 195), l-Artikolu 113(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprovdi illi, fil-kuntest ta’ appell, it-talbiet tal-appellant għandhom isiru għall-annullament, totali jew parzjali, tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali, u, jekk ikun il-każ, sabiex tingħata deċiżjoni, totalment jew parzjalment, dwar it-talbiet imressqa fl-ewwel istanza (sentenza tad-9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑120/06 P u C‑121/06 P, Ġabra, p. I‑6513, punt 205).
57 Konsegwentement, fin-nuqqas ta’ kull indizju li t-tul tal-proċeduri kellu impatt fuq id-deċiżjoni tal-kawża, l-aggravju bbażat fuq l-allegazzjoni li l‑proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali qabżu r-rekwiżiti marbuta mar-rispett tat-terminu raġonevoli ma jistax, bħala regola ġenerali, iwassal għall-annullament tas-sentenza mogħtija minnha u għalhekk għandu jiġi ddikjarat inammissibbli (sentenza FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 203 u 211)
58 C. Gogos bl-ebda mod ma allega illi t-tul allegatament eċċessiv tal-proċeduri kellu effett fuq id-deċiżjoni tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, u lanqas talab illi s-sentenza appellata tiġi annullata għal din ir-raġuni.
59 F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba għal kumpens illi l-appellant ressaq fil-kuntest ta’ dan l-appell għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.
60 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-appell għandu jiġi miċħud.
Fuq l-ispejjeż
61 Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċeduri ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 118 ta’ dawn ir‑Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.
62 Madankollu, skont it-tieni inċiż tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 122 tal-istess Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja, tista’ tiddeċiedi li fl-appelli ppreżentati minn uffiċjali jew impjegati oħra ta’ istituzzjoni, l-ispejjeż jinqasmu bejn il-partijiet, skont kif ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ekwità.
63 Fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, hemm lok li tiġi applikata din id-dispożizzjoni u li jiġi deċiż illi kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-appell huwa miċħud.
2) C. Gogos u l-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropea għandhom ibatu l‑ispejjeż tagħhom.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Grieg.
Full & Egal Universal Law Academy