23.2.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 51/37
Rikors imressaq fl-10 ta' Jannar 2008 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika ta' Malta
(Kawża C-11/08)
(2008/C 51/62)
Lingwa tal-kawża: L-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentant: Mr K. Simonsson, aġent)
Konvenuta: Ir-Repubblika ta' Malta
Talbiet tar-rikorrenti
—
tiddikjara li, billi pprovdiet fid-dritt nazzjonali li spetturi li ma jissodisfawx il-kriterji fl-Anness VII tad-Direttiva tal-Kunsill 95/21/KE, tad-19 ta' Ġunju 1995, dwar il-kontroll portwali ta' l-Istat (1) huma aċċettati jekk kienu diġà impjegati mill-awtorità kompetenti għall-kontroll portwali ta' l-Istat fl-1 ta' Mejju 2004, ir-Repubblika ta' Malta naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 12(1) u l-Anness VII ta' din id-direttiva;
—
tikkundanna lir-Repubblika ta' Malta tbati l-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
L-Artikolu 12(1) tad-direttiva jipprovdi, bħala regola ġenerali, li l-ispezzjonijiet isiru biss mill-ispetturi li jissodisfaw il-kriterji ta' kwalifikazzjoni speċifikati fl-Anness VII tagħha. Bħala eċċezzjoni għal din ir-regola ġenerali, il-paragrafu 5 ta' l-Anness VII jipprovdi li l-ispetturi li ma jissodisfawx il-kriterji imsemmija fil-paragrafi 1 sa 4 huma aċċettati wkoll jekk kienu diġà impjegati minn awtorità kompetenti ta' Stat Membru għal kontroll portwali ta' l-Istat fid-data ta' l-adozzjoni tad-direttiva, jiġifieri fid-19 ta' Ġunju 1995.
L-Att ta' Adeżjoni ma jipprovdi ebda miżuri tranżitorji dwar l-applikazzjoni tad-direttiva fir-rigward ta' Malta. Skond l-Artikolu 2 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni, id-dispożizzjonijiet tad-direttiva jorbtu lil Malta mid-data ta' l-adeżjoni.
Il-Kummissjoni hija tal-fehma li r-Regolamenti dwar Merchant Shipping (Port State Control), 2004 (ir-“Regolamenti”), li ġew adottati minn Malta sabiex timplementa d-direttiva, huma inkompatibbli mad-direttiva, flimkien ma' l-Att ta' l-Adeżjoni, safejn huma jipprovdu li spetturi li ma jissodisfawx il-kriterji tal-paragrafi 1 sa 4 ta' l-Anness VII tad-Direttiva huma aċċettati jekk kienu ġew impjegati minn awtorità kompetenti għal kontroll portwali ta' l-Istat bejn id-19 ta' Ġunju 1995 u d-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti, jiġifieri, l-1 ta' Mejju 2004.
(1) ĠU L 157, p. 1.
Full & Egal Universal Law Academy