29.3.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 79/18
Appell ippreżentat fis-17 ta' Jannar 2007 mill-kumpannija MPDV Mikrolab GmbH, Mikroprozessordatenverarbeitung u Mikroprozessorlabor mis-sentenza mogħtija fil-Qorti tal-Prim'Istanza (L-Ewwel Awla) tat-8 ta' Novembru 2007, fil-Kawża T-459/05 — MPDV Mikrolab GmbH, Mikroprozessordatenverarbeitung und Mikroprozessorlabor vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)
(Kawża C-17/08 P)
(2008/C 79/31)
Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż
Partijiet
Appellanti: MPDV Mikrolab GmbH, Mikroprozessordatenverarbeitung u Mikroprozessorlabor (rappreżentant: W. Göpfert, Rechtsanwalt)
Parti l-oħra fil-kawża: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)
Talbiet ta' l-appellanti
—
tannulla s-sentenza appellata safejn il-Qorti tal-Prim'Istanza ċaħdet l-ilmenti mressqa quddiemha,
—
tannulla d-deċiżjoni tat-Tieni Bord ta' l-Appell tad-19 ta' Ottubru 2005 fir-rigward ta' l-appell R 1059/2004-2, u
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż ta' l-appell.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appell huwa bbażat fuq żbalji ta' liġi fl-interpretazzjoni, fis-sentenza appellata, ta' l-Artikolu 7(1)(b) u (ċ) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja.
Din l-interpretazzjoni żbaljata pprovdiet il-kawża immedjata għal riżultat li mhux korrett — ċaħda ta' l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja “manufacturing score card”. B'mod partikolari, il-Qorti tal-Prim'Istanza mhux biss għamlet evalwazzjoni żbaljata tal-kontenut; barra minn dan, hija wettqet żbalji gravi fl-interpretazzjoni tagħha tar-rekwiżiti tal-karattru distintiv u l-bżonn li titħalla disponibbiltà kif ifformulati mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta' applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta' trade mark Komunitarja u l-pubbliku kkonċernat.
Il-Qorti tal-Prim'Istanza, mingħajr ma kienet iġġustifikata, qasmet it-terminu ppreżentat fl-applikazzjoni fil-partijiet li jifformawh u b'hekk sabet li t-trade mark ma kinitx eliġibbli għal protezzjoni. Qsim tat-trade mark b'dan il-mod ma jikkorrispondix mal-mod li fih il-pubbliku “normali” kkonċernat jevalwa u jinterpreta t-trade mark sħiħa. Barra minn dan, il-Qorti tal-Prim'Istanza kienet żbaljata meta bbażat id-deċiżjoni tagħha fuq in-nuqqas ta' karattru distintiv tat-trade mark u li kien hemm bżonn li titħalla disponibbiltà fuq l-osservazzjoni li l-terminu jikkonsisti f'partijiet li, fil-kummerċ, kienu użati sabiex jiġu spjegati l-iskop u l-funzjoni tas-servizzi koperti. Madankollu, dan il-pubbliku ma jsibx tifsira li tingħaraf mill-ewwel fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta' trade mark Komunitarja 'manufacturing score card' li tikkonsisti f'kombinazzjoni ta' tliet kelmiet bl-Ingliż. Konsegwentement, it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għandha l-karattru minimu distintiv mitlub mill-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament tat-trade mark Komunitarja u ma tindikax karatteristiċi oħra tal-prodotti jew servizzzi, kif mitlub mill-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja.
Full & Egal Universal Law Academy