29.3.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 79/19
Appell ippreżentat fit-22 ta' Jannar 2008 minn Enercon GmbH kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (Il-Ħames Awla), mogħtija fil-15 ta' Novembru 2007, fil-kawża T-71/06 Enercon GmbH vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademarks u Disinni)
(Kawża C-20/08)
(2008/C 79/33)
Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż
Partijiet
Appellanta: Enercon GmbH (rappreżentanti: R. Böhm u U. Sander, Rechtsanwälte)
Parti l-oħra fil-kawża: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademarks u Disinni)
Talbiet ta' l-appellanti
—
Tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (Il-Ħames Awla) tal-15 ta' Novembru 2007 (Kawża T-71/06);
—
Tilqa' t-talbiet magħmula fl-ewwel istanza;
—
Sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza;
—
Tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż fiż-żewġ istanzi.
Aggravji u argumenti prinċipali
Bl-ewwel aggravju, l-appellanta tinvoka ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni skond l-Artikolu 73 tar-Regolament dwar it-trademark Komunitarja. La fid-deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell u lanqas fis-sentenza appellata tal-Qorti tal-Prim'Istanza ma ġew ippreżentati sejbiet jew spjegazzjonijiet fir-rigward tal-forom li l-UASI jew il-Qorti tal-Prim'Istanza qiesu bħala komuni fis-suq u b'liema modi l-forma li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni għandha tkun differenti mill-forom komuni fis-suq sabiex titqies bħala distintiva. Fin-nuqqas ta' tali sejbiet jew spjegazzjonijiet ma jistax jiġu mifhum kif l-UASI jew il-Qorti tal-Prim'Istanza setgħu jikkonkludu li l-forma li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni ma kinitx distintiva.
Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanta tallega li l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament dwar it-trademark Komunitarja ġie miksur minħabba evalwazzjoni tan-natura distintiva li, fin-nuqqas ta' dikjarazzjoni tal-bażi fattwali għad-deċiżjoni tagħha, setgħet biss tirriżulta minn distorsjoni mill-Qorti tal-Prim'Istanza tal-fatti ppreżentati quddiemha, kwistjoni li tista' tiġi mistħarrġa mill-Qorti tal-Ġustizzja. Bil-kontra tal-fehma tal-Qorti tal-Prim'Istanza fis-sentenza appellata, l-appellanta tallega li l-forma li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija distintiva peress li hija konsiderevolment differenti mill-forom normali li jinstabu fis-suq u mhijiex sempliċement varjanti ta' dawn il-forom. Fost il-pubbliku rilevanti l-forma li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni tista' tingħaraf u fil-fatt tingħaraf bħala indikazzjoni ta' oriġini indipendentement mill-użu tagħha u mingħajr iktar mistoqsijiet jew ħsieb.
Full & Egal Universal Law Academy