8.3.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 64/31
Appell imressaq fit-22 ta' Jannar 2008 minn Sunplus Technology Co. Ltd kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (Il-Ħames Awla) tal-15 ta' Novembru 2007 fil-Kawża T-38/04 — Sunplus Technology Co. Ltd vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (L-UASI)
(Kawża C-21/08 P)
(2008/C 64/44)
Lingwa tal-kawża: L-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Sunplus Technology Co. Ltd (rappreżentanti: H. Eichmann, G. Barth, U. Blumenröder, C. Niklas-Falter, M. Kinkeldey, K. Brandt, A. Franke, U. Stephani, B. Allekotte, K. Lochner, B. Ertle, C. Neuhierl, S. Prückner, Rechtsanwälte)
Il-partijiet l-oħra fil-kawża: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), Sun Microsystems, Inc
Talbiet ta' l-appellanti
L-appellanti ssostni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:
—
tannulla s-sentenza appellata
—
tannulla d-deċiżjoni kkontestata
—
tikkundanna l-UASI jbati l-ispejjeż tal-proċedura.
Motivi u argumenti prinċipali
L-appellanti tissottometti li l-Qorti tal-Prim'Istanza żbaljat fl-applikazzjoni u fl-interpretazzjoni tagħha ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 (1) billi qabblet biss partijiet uniċi taż-żewġ trade marks u ma evalwatx l-impressjoni sħiħa tagħhom fuq il-konsumatur.
Skond l-appellanti, il-Qorti tal-Prim'Istanza wettqet distorsjoni tal-fatti u tal-provi meta ddikjarat li l-parti tal-logo tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandha xemx stilizzata minflok simbolu ta' “stilla” u meta naqset li tikkunsidra l-ittra “S” meta qabblet l-impressjoni sħiħa tat-trade marks.
L-appellanti ssostni wkoll li r-raġunament tal-Qorti tal-Prim'Istanza huwa kontradittorju fis-sens li, fil-paragrafu 39 tas-sentenza, tiddikjara li l-komponenti addizzjonali joħolqu differenzi bejn it-trade marks iżda ma tikkunsidrax dawk il-komponenti meta tqabbel it-trade marks fonetikament.
Finalment, l-appellanti tissottometti li l-Qorti tal-Prim'Istanza żbaljat meta ma kkunsidratx il-kategorija tal-prodotti u tas-servizzi in kwistjoni u ċ-ċirkustanzi li fihom huma kkummerċjalizzati waqt l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta' konfużjoni.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) ta' l-20 ta' Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja.
Full & Egal Universal Law Academy