29.3.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 79/20
Appell ippreżentat fl-24 ta' Jannar 2008 minn Giuseppe Gargani mis-sentenza mogħtija fl-21 ta' Novembru 2007, fil-Kawża T-94/06, Giuseppe Gargani vs Il-Parlament Ewropew
(Kawża C-25/08 P)
(2008/C 79/35)
Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż
Partijiet
Appellant: Giuseppe Gargani (rappreżentant: W. Rothley, Rechtsanwalt)
Parti oħra fil-kawża: Il-Parlament Ewropew
Talbiet ta' l-appellanti
—
Tannulla d-digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza (It-Tielet Awla) tal-21 ta' Novembru 2007, kollu kemm hu.
—
Tirrinvija l-kawża għal deċiżjoni mill-ġdid quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza.
—
Tikkundanna lill-appellat għall-ispejjeż tal-proċedura.
Aggravji u argumenti prinċipali
Il-Qorti tal-Prim'Istanza ċaħdet lill-appellant id-dritt ta' smigħ, inkwantu ma kkunsidratx l-argumenti ta' l-appellant iżda biddlet il-partijiet u għaldaqstant iddikjarat ir-rikors bħala inammissibbli.
Ir-rikors, li ġie ppreżentat mill-president tal-kumitat ta' l-affarijiet legali tal-Parlament Ewropew u mhux, kif indikat mid-digriet ikkontestat — minn “individwu”, huwa għaldaqstant dirett b'mod espliċitu kontra l-president tal-Parlament Ewropew fiż-żmien rilevanti u mhux kontra l-Parlament Ewropew innifsu jew kontra “persuna fiżika”. Il-Qorti tal-Prim'Istanza ttrattat lir-rikorrent bħal kwalunkwe rikorrent Taljan, li jitlob li l-azzjoni tal-Parlament Ewropew tiġi ddikjarata bħala illegali, u qieset lill-president tal-Parlament Ewropew fiż-żmien rilevanti bħal kwalunwe konvenut Spanjol, li għandu jiġi akkużat bl-aġir illegali tal-president tal-Parlament Ewropew.
Il-Qorti tal-Prim'Istanza ma eżaminatx jekk is-sistema legali tipprovdi għal mezz ta' appell li bih il-president ta' kumitat jista' jitlob il-verifika ta' l-illegalità ta' l-azzjoni tal-president tal-Parlament Ewropew, meta dan ta' l-aħħar jmur lil hinn mill-kompetenzi mogħtija lilu mir-regolament nazzjonali u b'dan il-mod jikser id-drittijiet ta' kooperazzjoni tal-president ta' kumitat jew tal-Parlament fl-intier tiegħu.
Full & Egal Universal Law Academy