29.3.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 79/21
Appell ippreżentat fl-24 ta' Jannar 2008 mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej mis-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Prim' Istanza (It-Tielet Awla) fit-8 ta' Novembru 2007 fil-Kawża T-194/04, Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs The Bavarian Lager Co. Ltd, European Data Protection Supervisor (EDPS)
(Kawża C-28/08 P)
(2008/C 79/36)
Lingwa tal-kawża: L-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: C. Docksey u P. Aalto, aġenti)
Appellati: The Bavarian Lager Co. Ltd, European Data Protection Supervisor
Talbiet ta' l-appellanti
L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:
—
tannulla s-sentenza appellata kollha kemm hi;
—
tagħti deċiżjoni finali fuq il-kwistjonijiet li fuqhom sar appell; u
—
tikkundanna lir-rikorrenti fil-kawża T-194/04 għall-ispejjeż tal-Kummissjoni ta' dik il-kawża u tal-preżenti appell, jew, fil-każ ta' deċiżjoni kontra l-Kummissjoni fl-appell, tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas nofs l-ispejjeż tar-rikorrenti fil-kawża T-194/04.
Motivi u argumenti prinċipali
Dan l-appell jirrigwarda l-interpetazzjoni ta' l-eċċezzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-ħajja privata u l-ipproċessar ta' data personali u l-investigazzjonijiet li hemm fl-Artikoli 4(1)(b) u t-tieni inċiż tar-Regolament (KE) 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (1).
Il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li l-Artikolu 8(b) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta' Diċembru 2000, dwar il-protezzjoni ta' l-individwu fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dik id-data (2) ma tistax tiġi applikata fil-każ ta' data personali f'dokumenti miżmuma minn istituzzjoni li taqa' taħt ir-Regolament 1049/2001. Madankollu ebda dispożizzjoni la tar-Regolament 45/2001 jew tar-Regolament 1049/2001 ma tirrikjedi jew tippermetti li din id-dispożizzjoni ma jkolliex effett sabiex tiġi permessa li norma taħt ir-Regolament 1049/2001 ikollha effett. Il-Qorti tal-Prim'Istanza għalhekk għamlet żball ta' liġi meta interpretat l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament 1049/2001 bħala li jirrikjedi li dispożizzjoni tal-liġi Komunitarja għandha tiġi mwarrba.
It-tieni nett, il-Qorti tal-Prim'Istanza iddeċidiet, minkejja r-riferiment speċifiku fl-Artikolu 4(1)(b) għal-leġiżlazzjoni Komunitarja fuq l-ipproċessar ta' data, li data personali f'dokumenti għandha tiġi żvelata lill-pubbliku taħt ir-Regolament 1049/2001 ħlief fil-każijiet fejn ikun hemm riskju ċar li jiġi ppreġudikat id-dritt tal-ħajja privata u l-integrità ta' l-individwu.
Billi rrestrinġiet it-tifsira ta' l-eċċezzjoni li hemm fl-Artikolu 4(1)(b) għal dawn il-każijiet, il-Qorti tal-Prim'Istanza adottat interpretazzjoni restrittiva ta' l-eċċezzjoni fl-Artikolu 4(1)(b) li tneħħi mir-rekwiżit addizzjonali li hemm fit-tieni parti ta' din l-eċċezzjoni (“b'mod partikolari skond il-legiżlazzjoni Komunitarja dwar il-ħarsien ta' data personali”) l-effett utli tagħha. Il-Qorti tal-Prim'Istanza żbaljat fil-liġi meta llimitat l-imsemmija eċċezzjoni b'mod li teskludi l-leġiżlazzjoni Komunitarja fuq il-protezzjoni tad-data mit-tifsira tagħha f'każijiet fejn jintalab aċċess għal data personali li jkun hemm f'dokument.
It-tielet nett, il-Qorti tal-Prim'Istanza adottat interpetazzjoni ta' l-eċċezzjoni dwar il-ħarsien ta' “investigazzjonijiet” li jpoġġu f'dubju l-kapaċità tal-Kummissjoni li twettaq il-funzjonijiet tagħha b'mod effettiv meta toqgħod fuq informazzjoni li tasal għandha b'mod kunfidenzjali minn terzi persuni sabiex dawn jgħinu lill-Kummissjoni tiżvolġi l-investigazzjonijiet tagħha.
Il-Qorti tal-Prim'Istanza żbaljat fil-liġi meta interpretat l-eċċezzjoni dwar investigazzjonijiet li hemm fit-tielet inċiż ta' l-Artikolu 4(2) tar-Regolament 1049/2001, fis-sens li l-Kummissjoni ma tistax tagħti garanziji ta' kunfidenzjalità waqt li jkunu qed isiru l-investigazzjonijiet tagħha ta' ksur allegat tal-liġi Komunitarja, lanqas li ser tosserva dawn il-garanziji fil-futur.
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni appellat fuq l-ispejjeż.
(1) ĠU L 145, p. 43.
(2) ĠU L 8, p. 1.
Full & Egal Universal Law Academy